Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Marzu 2010 - Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-106/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 10136 finali, tat-18 ta' Diċembru 2009, li tapplika korrezzjonijiet finanzjarji għall-għajnuna mit-Taqsima Gwida tal-FAEGG, mogħtija għall-programm ta' inizjattiva Komunitarja CCI 2000.ES.06.0.PC.003 (Spanja - Leader+Aragón), u

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja netta ta' 2 % tal-fondi mitluba, fir-rigward tal-ispejjeż iddikjarati mill-awtoritajiet Spanjoli sal-4 ta' Ġunju 2008. Dan jinvolvi tnaqqis tal-għajnuna mit-Taqsima Garanzija tal-FAEGG, għal EUR 652 674.70 tal-ispejjeż tal-programm imsemmi iktar 'il fuq, li kienet inizjalment ingħatat skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 2067, tal-31 ta' Lulju 2001.

Ir-Renju ta' Spanja jinvoka żewġ motivi li fil-fehma tiegħu jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur, minħabba applikazzjoni żbaljata, tal-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 1, sa fejn l-allegati irregolaritajiet li fuqhom hija mmotivata l-korrezzjoni finanzjarja imposta mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxux, fil-verità, ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 438/2001 2, peress li l-obbligu impost minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-fatt li l-fajls dwar il-verifiki fuq il-post għandhom jinkudu dikjarazzjonijiet dwar ix-xogħol imwettaq, mhux bilfors jimplika li l-imsemmija fajls għandhom jinkludu lista tal-verifiki mwettqa, meta dawn jistgħu faċilment isiru magħrufa.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, applikat flimkien mal-linji gwida dwar il-prinċipji, il-kriterji u r-rati indikattivi li jistgħu jiġu applikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 3. L-ewwel nett, billi imponiet korrezzjoni ta' 2 % tal-ispejjeż filwaqt li l-informazzjoni li l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew lill-Kummissjoni turi li r-riskju għall-Fond kien kunsiderevolment iżgħar minn din il-perċentwali. It-tieni nett billi estendiet l-perijodu kkonċernat mill-korrezzjoni, b'tali mod li minbarra l-ispejjeż iddikjarati sal-perijodu kkonċernat mill-verifika tal-Kummissjoni (17 ta' Diċembru 2004) ġew inklużi wkoll dawk iddikjarati sad-data tal-laqgħa bilaterali (4 ta' Ġunju 2008).

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol 1, p. 31).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta' Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol 1, p. 132).

3 - Dokument C (2001) 476, tat-2 ta' Marzu 2001.