Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fl-10 ta’ Diċembru 2020 – L GmbH vs FK

(Kawża C-672/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: L GmbH

Konvenut: FK

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal passiġġier li jkun għamel iċ-check-in online qabel jasal l-ajruport u li ma jkollux bagalji x’jikkunsinna, li jsir jaf bid-dewmien tat-titjira peress li jkun ikkonsulta t-tabella fl-ajruport, li jkun stenna li tingħata iktar informazzjoni fil-bieb tal-imbark, li jkun talab informazzjoni fil-post ta’ kuntatt tat-trasportatur tal-ajru dwar il-ħin tat-tluq tat-titjira rriżervata, u li la jkun kiseb mill-impjegati tal-konvenuta spjegazzjoni dwar jekk u meta t-titjira ser titlaq, u lanqas offerta ta’ titjira ta’ sostituzzjoni u li, fid-dawl ta’ dawn il-fatti, ikun irriżerva titjira oħra għad-destinazzjoni finali tiegħu mingħajr ma jkun inbarka t-titjira inizjalment irriżervata?

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru ma huwiex obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament fil-każ li jkun wasal fid-destinazzjoni finali tal-passiġġier b’dewmien ta’ 8 sigħat u 19-il minuta peress li l-ajruplan ikun ġarrab ħsarat minħabba sajjetta li tkun laqtet lit-tielet titjira preċedenti; it-tekniku tal-kumpannija ta’ manteniment ikkuntrattata mit-trasportatur tal-ajru, li sar rikors lilu wara l-inżul tat-titjira, ikun ikkonstata biss dannu minimu li ma jaffettwax il-kapaċità ta’ funzjonament tal-ajruplan (“some minor findings”); it-tieni titjira preċedenti tkun seħħet kif previst, madankollu, matul “pre-flight check” qabel it-titjira preċedenti, ikun irriżulta li l-ajruplan ma setax jintuża f’dak il-waqt u li għalhekk it-trasportatur tal-ajru rrikorra għal ajruplan li ssostitwixxa l-ajruplan li kien ġarrab ħsarat u li kien previst inizjalment, u li wettaq it-titjira b’dewmien ta’ tluq ta’ 7 sigħat u 40 minuta?

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri raġonevoli li għandhom jittieħdu mit-trasportatur tal-ajru jinkludu l-proposta lill-passiġġier ta’ bidla fir-riżervazzjoni għal titjira oħra li kienet tagħmilha possibbli li huwa jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ 5 sigħat (li kien effettivament il-każ peress li huwa għamel riżervazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess) minkejja li t-trasportatur tal-ajru wettaq it-titjira permezz ta’ ajruplan ta’ sostituzzjoni minflok dak li ma setax jintuża iktar u li permezz tiegħu l-passiġġier kien jasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ 8 sigħat u 19-il minuta?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.