Language of document : ECLI:EU:T:2010:528

Kawża T-286/08

Fidelio KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Hallux — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-istess kategorija — Evalwazzjoni tan-natura deskrittiva ta’ sinjal li tirrigwarda l-prodotti kollha

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

1.      Meta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja tintalab mingħajr distinzjoni għal kategorija ta’ prodotti fl-intier tagħha u dan is-sinjal huwa biss deskrittiv fir-rigward ta’ parti mill-prodotti li jaqgħu taħt din il-kategorija, ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 madankollu tostakola r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal għall-kategorija kollha kkonċernata.

(ara l-punt 37)

2.      Mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, is-sinjal verbali Hallux huwa deskrittiv tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li fir-rigward tiegħu tintalab ir-reġistrazzjoni għal “oġġetti ortopediċi” u “xedd tas-saqajn” li jaqgħu fil-klassijiet 10 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

Fir-rigward tal-oġġetti ortopediċi, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn professjonisti ta’ dan is-settur u minn pazjenti li għandhom sfigurazzjoni jew malfunzjoni li jeħtieġu korrezzjoni permezz tal-ilbies ta’ tali artikoli. Isegwi li l-livell ta’ konoxxenzi tekniċi tal-pubbliku rilevanti għandu jitqies bħala għoli. It-terminu “hallux” ifisser “is-saba’ l-kbir tas-sieq” bil-Latin u jintuża fil-vokabularju xjentifiku sabiex jirrappreżenta diversi patoloġiji u malfunzjonijiet tas-sieq. Il-persuni li għandhom intenzjoni jixtru artikoli ortopediċi adattati għall-patoloġija tagħhom jistgħu, b’mod ġenerali, jinformaw ruħhom huma stess jew setgħu ġew informati bin-nom xjentifiku tal-patoloġiji li jsofru minnhom, jew anki informaw ruħhom waqt ix-xiri tal-artikoli ortopediċi adattati għall-patoloġija tagħhom. Għalhekk, huwa probabbli li l-persuni li jbatu minn sfigurazzjonijiet tas-saba’ l-kbir tas-sieq ikunu jafu li għandhom patoloġija li tinkludi l-isem “hallux” u huwa raġonevoli li jitqies li l-parti tal-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi adattati għall-isfigurazzjonijiet tas-saba’ l-kbir tas-sieq li ma tkunx għadha ffamiljarizzat ruħha mat-terminu “hallux” tista’ tiġi informata bit-tifsira ta’ dan it-terminu, waqt ix-xiri ta’ dawn l-artikoli. Għalhekk, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi intiżi bħala sostenn għall-patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq, it-terminu “hallux” jevoka l-patoloġija huwa stess. Għalhekk, il-pubbliku rilevanti kkonċernat minn dawn l-artikoli jista’ għalhekk, mingħajr ma jkollu jwettaq sforz ta’ riflessjoni partikolari, jistabbilixxi rabta konkreta bejn it-terminu “hallux” u l-finalità ta’ dawn il-prodotti.

Fir-rigward taż-żraben, għandha tiġi evalwata l-perċezzjoni tat-terminu “hallux” mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Madankollu, fi ħdan il-kategorija taż-żraben inġenerali, tiddistingwi ruħha s-subkategorija taż-żraben komdi. Din is-subkategorija partikolari taż-żraben, minkejja li ma hijiex speċifikament intiża għall-pazjenti li jsofru minn hallux valgus, madankollu tibbenefikahom u tillimita l-iżvilupp tal-patoloġija tagħhom. Għalhekk, il-pubbliku kkonċernat minn din is-subkategorija partikolari ta’ żraben jikkoinċidi, minn naħa, mal-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi adattati għall-patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq, li ġie stabbilit li kien jifhem is-sens tat-terminu “hallux” jew li seta’ jinforma ruħu dwar dan. Barra minn hekk, il-pubbliku kkonċernat miż-żraben komdi jinkludi wkoll persuni li, mingħajr ma għandhom bżonn jilbsu artikoli ortopediċi huma madankollu jew direttament milquta’ mill-patoloġiji tas-sieq, jew suxxettibbli għal dawn il-kwistjonijiet jew jistgħu jkunu ta’ attenzjoni partikolari f’dan ir-rigward. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li ż-żraben komdi jinxtraw mingħajr riċetta tat-tabib, il-bejjiegħa ta’ dawn iż-żraben, madankollu, jistgħu jipprovdu spjegazzjonijiet u pariri lill-persuni li jsofru minn patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq, u b’mod partikolari jinfurmawhom bl-isem tal-patoloġiji li fir-rigward tagħhom huma adattati ż-żraben komdi. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-konsumaturi ta’ żraben komdi li huma kkummerċjalizzati bit-trade mark Hallux jaraw dan is-sinjal bħala li jindika li l-prodotti inkwistjoni huma partikolarment adattati għall-persuni li għandhom patoloġija tas-saba’ l-kbir tas-sieq. Għalhekk, minn tal-inqas għas-subkategorija taż-żraben komdi, is-sinjal “hallux” jiddeskrivi l-finalità tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, l-imsemmi sinjal ma jistax jiġi rreġistrat għall-kategorija kollha.

(ara l-punti 42, 48-49, 53, 55-57)