Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fis-26 ta’ Jannar 2022 – BF vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau

(Kawża C-52/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BF

Parti oħra fil-proċedura: Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau

Domanda preliminari

L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 , kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tipprovdi li l-ewwel aġġustament tal-pensjoni tal-grupp ta’ uffiċjali li kienu intitolati għal pensjoni (pensjoni globali taħt il-Pensionsgesetz 1965 (il-Liġi tal-1965 dwar il-Pensjonijiet)) mhux iktar tard b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2021, għandu jseħħ biss fl-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-intitolament għal pensjoni, filwaqt li jkun diġà twettaq l-ewwel aġġustament tal-pensjoni tal-irtirar tal-grupp tal-uffiċjali li kellhom jew li ser ikollhom dritt għal pensjoni b’effett biss mill-1 ta’ Jannar 2022 (pensjoni globali taħt il-Liġi tal-1965 dwar il-Pensjonijiet), u dan b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara l-intitolament pensjoni?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79