Language of document : ECLI:EU:C:2009:70



KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

         MENGOZZI

ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2009 1(1)

Kawża C‑487/07

L’Oréal SA

Lancôme parfums et beauté & Cie

Laboratoires Garnier & Cie

vs

Bellure NV

Malaika Investments Ltd

Starion International Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Ingilterra u Wales)]

“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 5(1)(a) – Użu ta’ trade mark ta’ ħaddieħor għal prodotti identiċi f’reklamar komparattiv – Artikolu 5(2) – Vantaġġ inġust meħud mill-fama tat-trade mark – Reklamar komparattiv – Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE – Artikolu 3a(1) – Kundizzjonijiet għal legalità tal-paragun fir-reklamar – Vantaġġ inġust meħud mill-fama tat-trade mark tal-kompetitur – Imitazzjoni jew riproduzzjoni tal-oġġetti protetti mit-trade mark tal-kompetitur”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Court of Appeal (England & Wales) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (2), kif ukoll tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (3), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas-6 ta’ Ottubru 1997 (4).

I –    Il-kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 (5), bit-titolu “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jgħid hekk:

“1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li [għalihom] t-trade mark hi reġistrata;

b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)      li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

ċ)      jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

d)      juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]”.

3.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104 bit-titolu “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jistabbilixxi li “[i]t-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ:

a)      l-isem jew l-indirizz tiegħu;

b)      indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

ċ)      t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali”.

4.        Id-Direttiva 97/55 introduċiet fid-Direttiva 84/450, li fl-oriġini kienet tirrigwarda biss ir-reklamar qarrieqi, sensiela ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv.

5.        Il-punt 2A tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 84/450, kif emendat bid-Direttiva 97/55 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 84/450”) (6), tiddefinixxi r-“reklamar komparattiv”, għall-finijiet tal-istess direttiva, bħala “kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”.

6.        L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 jipprovdi dan li ġej:

“Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)      ma joħloqx konfużjoni fil-post tas-suq bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it-trademarks, ismijiet tad-ditta, marki distintivi oħra, oġġetti jew servizzi ta’ min jirreklama u dawk ta’ kompetitur;

e)      ma jiskreditax jew ma jimmalafamax it-trade marks, ismijiet ta’ ditti, marki distintivi oħra, oġġetti, servizzi, attivitajiet jew ċirkustanzi ta’ kompetitur;

[…]

g)      ma jeħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu;

h)      ma jippreżentax oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta’ ditta protett”.

II – Il-kawża nazzjonali u d-domandi preliminari

7.        L’Oréal SA, Lancôme Parfums et Beauté & Cie u Laboratoires Garnier & Cie (iktar ’il quddiem, flimkien “L’Oréal”) huma kumpanniji tal-grupp L’Oréal, li huma attivi, fost l-oħrajn, fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ fwejjaħ ta’ lussu.

8.        L’Oréal hija proprjetarja, b’mod partikolari, tat-trade marks li ġejjin, nazzjonali (Britanniċi), internazzjonali jew Komunitarji, irreġistrati għal fwejjaħ u fragranzi oħrajn:

–        it-trade marks “Trésor”:

–        it-trade mark verbali nazzjonali Tresor (mingħajr aċċent, iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali Trésor”);

–        it-trade mark verbali u figurattiva nazzjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ flixkun tal-fwieħa, muri min-naħa ta’ quddiem u mill-ġenb, li fuqu jidher b’mod partikolari l-kelma Trésor (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-flixkun ta’ Trésor”);

–        it-trade mark verbali u figurattiva nazzjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni bil-kulur ta’ kaxxa tal-fwieħa, murija min-naħa ta’ quddiem, li fuqha jidher b’mod partikolari l-kelma Trésor (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-kaxxa ta’ Trésor”);

–        it-trade marks “Miracle”:

–        it-trade mark Komunitarja verbali Miracle (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali Miracle”);

–        it-trade mark verbali u figurattiva Komunitarja li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ flixkun tal-fwieħa, muri min-naħa ta’ quddiem, li fuqu jidher b’mod partikolari l-kelma Miracle (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-flixkun ta’ Miracle”);

–        it-trade mark verbali u figurattiva internazzjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni bil-kulur ta’ kaxxa tal-fwieħa, murija min-naħa ta’ quddiem, li fuqha jidher b’mod partikolari l-kelma Miracle (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-kaxxa ta’ Miracle”);

–        it-trade mark verbali nazzjonali Anaïs-Anaïs;

–        it-trade marks “Noa”:

–        it-trade mark verbali nazzjonali Noa Noa;

–        it-trade marks verbali u figurattivi, nazzjonali u Komunitarji, li jikkonsistu t-tnejn li huma fil-kelma Noa f’forma stilizzata.

9.        Bellure NV, kumpannija Belġjana, ħadet f’idejha, rispettivament fl-1996 u fl-2001, il-kummerċjalizzazzjoni fis-swieq Ewropej tal-fwieħa tal-marka Creation Lamis u Dorall, immanifatturati għaliha u bid-disinn li riedet hija f’pajjiż terz. Starion International Ltd (iktar ’il quddiem “Starion”) kienet tixtri dawn il-fwejjaħ mingħand Bellure sabiex tqassamhom lill-grossisti jew lill-hard discounts fir-Renju Unit. Starion kienet tqassam f’dan l-Istat Membru anki fwejjaħ tal-marka Stitch. Malaika Investments Ltd, li kienet taġixxi bl-isem kummerċjali Honeypot Cosmetics & Perfumery Sales (iktar ’il quddiem “Malaika”), kienet tbiegħ bil-grossa fir-Renju Unit il-fwejjaħ tal-marka Creation Lamis, li kienet tfornilha Starion. Il-fwejjaħ tat-tliet kollezzjonijiet msemmija iktar ’il fuq kienu jimitaw ir-riħa ta’ fwejjaħ ta’ suċċess u kienu jinbiegħu bl-imnut bi prezz estremament baxx (taħt il-GBP 4).

10.      Fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-fwejjaħ fir-Renju Unit, Starion u Malaika kienu jużaw, billi jibagħtuhom lill-bejjiegħa tagħhom, listi ta’ paragun li kienu jistabbilixxu dak li kien jikkorrispondi, skont ix-xebh fir-riħa, għal kull waħda minn dawn il-fwejjaħ, ma’ fwieħa ta’ lussu identifikata permezz ta’ referenza għat-trade mark verbali tagħha (iktar ’il quddiem il-“listi ta’ paragun”). F’dawn il-listi jidhru t-trade marks verbali Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa Noa ta’ L’Oréal.

11.      Barra minn hekk, erba’ fwejjaħ tal-marka Creation Lamis u fwieħa tal-marka Dorall kienu jinbiegħu fi fliexken u kaxxi li kellhom xebh ġenerali mal-fliexken u l-kaxxi tal-fwejjaħ Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs jew Noa, anki jekk huwa aċċettat li dan ix-xebh ma kienx tali li jqarraq bil-bejjiegħ jew bil-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodott.

12.      L’Oréal ressqet quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) proċedura dwar falsifikazzjoni ta’ trade marks kontra, fost l-oħrajn, Bellure, Starion u Malaika. Min-naħa waħda, hija sostniet li l-użu tal-listi komparattivi min-naħa ta’ Starion u ta’ Malaika kien jikser id-drittijiet derivanti mit-trade marks verbali tagħha Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa Noa, kif ukoll mit-trade marks verbali u figurattivi Noa, bi ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trade Mark Act 1994 (iktar ’il quddiem it-“TMA”), li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104. Min-naħa l-oħra, L’Oréal sostniet li l-imitazzjoni tal-ismijiet, tal-fliexken u tal-kaxxi tal-fwejjaħ tagħha Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa u l-bejgħ ta’ fwejjaħ fi fliexken u kaxxi imitati b’dan il-mod kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet derivanti, b’mod partikolari, mit-trade marks verbali tagħha Trésor, Miracle, Anaïs‑Anaïs u Noa Noa kif ukoll tat-trade marks tagħha tal-flixkun u tal-kaxxa ta’ Trésor u ta’ Miracle, bi ksur tal-Artikolu 10(3) tat-TMA, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

13.      Il-High Court laqgħet il-proċedura mressqa kontra l-użu tal-listi komparattivi u bbażata fuq l-Artikolu 10(1) tat-TMA, filwaqt li l-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 10(3) TMA ġiet milqugħa parzjalment biss, billi ġiet aċċertata biss il-falsifikazzjoni tat-trade mark tal-kaxxa ta’ Trésor u tat-trade mark tal-flixkun ta’ Miracle.

14.      Starion u Malaika (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji appellanti”) ressqu appell kontra d-deċiżjoni tal-High Court quddiem il-Court of Appeal. L’Oréal, min-naħa tagħha, ressqet appell inċidentali sabiex tikseb dikjarazzjoni tal-falsifikazzjoni tat-trade marks verbali Trésor u Miracle, tat-trade mark tal-flixkun ta’ Trésor u tat-trade mark tal-kaxxa ta’ Miracle.

15.      Il-Court of Appeal ċaħdet l-appell inċidentali mressaq minn L’Oréal u dehrilha li kien meħtieġ, sabiex tiddeċiedi fuq il-bqija tal-kwistjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Meta kummerċjant, f’riklam għal prodotti u servizzi tiegħu, jagħmel użu minn trade mark irreġistrata ta’ kompetitur sabiex jiġu mqabbla l-karatteristiċi (u b’mod partikolari r-riħa) ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jikkummerċjalizza mal-karatteristiċi (u b’mod partikolari r-riħa) tal-prodotti jew tas-servizzi kkumerċjalizzati taħt din it-trade mark minn dan il-kompetitur, u b’mod illi dan l-użu kkonċernat ma joħloqx konfużjoni jew ma jostakolax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini, l-użu kkonċernat jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104?

2)      Meta kummerċjant, matul il-kummerċ (b’mod partikolari f’lista ta’ paragun), jagħmel użu minn trade mark irreġistrata magħrufa sew sabiex jindika karatteristika tal-prodott tiegħu (b’mod partikolari r-riħa tiegħu) b’mod li:

a)      dan ma joħloq l-ebda tip ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, u

b)      dan ma jaffettwax il-bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark irreġistrata magħrufa sew, u

ċ)      dan ma jippreġudikax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark irreġistrata li tikkonsisti f’indikazzjoni tal-oriġini, u lanqas ikun ta’ dannu għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark billi jtebba’ l-immaġni tagħha jew billi jnaqqsilha mis-saħħa, [...] jew b’kull mod ieħor, u

d)      dan ikollu rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott tal-kummerċjant,

l-użu kkonċernat jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104?

3)      Għall-finijiet tal-Artikolu 3a(g) tad-Direttiva [84/450], x’inhuwa s-sens tal-espressjoni “[jieħu] vantaġġ inġust [minn]” u, b’mod partikolari, meta kummerċjant, f’lista ta’ paragun, iqabbel il-prodott tiegħu ma’ prodott ikkummerċjalizzat taħt trade mark magħrufa sew, huwa jieħu vantaġġ inġust mill-fama ta’ din it-trade mark? […].

4)      Għall-finijiet tal-Artikolu 3a(h) ta’ din id-direttiva, x’inhuwa s-sens tal-espressjoni “[jippreżenta] oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki” u, b’mod partikolari, din l-espressjoni tirrigwarda l-każ li fih, mingħajr ma toħloq konfużjoni u lanqas qerq, persuna sempliċiment tinforma b’mod onest li l-prodott tagħha fih karatteristika essenzjali (ir-riħa) identika għal dik ta’ prodott magħruf sew li huwa protett minn trade mark?

5)      Meta kummerċjant jagħmel użu minn sinjal simili għal trade mark irreġistrata li għandha reputazzjoni u dan is-sinjal ma jixbahx lit-trade mark b’mod tali li jista’ joħloq konfużjoni, b’mod li:

a)      il-funzjoni essenzjali tat-trade mark irreġistrata li tikkonsisti f’garanzija tal-oriġini la hija mibdula u lanqas mhedda;

b)      la tiġi mtebbgħa u lanqas ikun hemm konfużjoni fir-rigward tat-trade mark irreġistrata jew tar-reputazzjoni tagħha, u lanqas riskju li dan iseħħ;

ċ)      dan lanqas ma jaffettwa l-bejgħ tal-proprjetarju tat-trade mark, u

d)      il-proprjetarju tat-trade mark mhuwa mċaħħad minn ebda benefiċċju marbut mal-promozzjoni, mal-preżervazzjoni jew mal-iżvilupp tat-trade mark tiegħu,

e)      il-kummerċjant madankollu jkollu vantaġġ kummerċjali mill-użu tas-sinjal tiegħu minħabba fix-xebh tiegħu mat-trade mark irreġistrata,

l-użu kkonċernat jista’ jitqies li huwa “vantaġġ mhux onest” mill-fama ta’ din it-trade mark irreġistrata skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [89/104]?”.

16.      Filwaqt li ddeċidiet li l-listi komparattivi inkwistjoni jikkostitwixxu reklamar komparattiv skont id-Direttiva 84/450, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ewwel erba’ domandi preliminari qegħdin isiru għall-finijiet tas-sentenza fuq il-legalità tal-użu tat-trade marks verbali ta’ L’Oréal fil-listi komparattivi tal-kumpanniji appellanti.

17.      Min-naħa l-oħra, il-ħames domanda preliminari tirrigwarda sentenza fuq il-legalità tal-użu min-naħa tal-kumpanniji appellanti ta’ fliexken u kaxxi simili għal dawk protetti mit-trade mark tal-kaxxa ta’ Trésor u tat-trade mark tal-flixkun ta’ Miracle.

III – Il-kunsiderazzjonijiet legali

A –    Fuq l-ewwel erba’ domandi preliminari

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

18.      L-ewwel erba’ domandi preliminari kollha jirrigwardaw l-użu min-naħa ta’ min jirreklama ta’ trade mark ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv ikkostitwit, b’mod partikolari, minn listi komparattivi bħal dawk użati f’dan il-każ. F’dan il-kuntest it-trade mark ta’ ħaddieħor tintuża biex tiddistingwi l-prodotti, għalkemm mhux dawk ta’ min jirreklama, iżda dawk tal-proprjetarju tal-istess trade mark.

19.      Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tqassim ta’ dawn il-listi komparattivi għand il-bejjiegħa jikkostitwixxi reklamar skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/450. Fil-fatt huwa messaġġ mogħti fl-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali għall-iskop li tiġi promossa l-provvista ta’ merkanzija.

20.      Din il-qorti, kif intqal iktar ’il fuq, tqis ukoll li dan ir-reklamar jikkostitwixxi reklamar komparattiv skont l-Artikolu 2(2A) tal-istess Direttiva, kunċett li jeħtieġ, fost l-oħrajn, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn min jirreklama u l-impriża identifikata (jew li l-prodotti jew is-servizzi tagħha huma identifikati) fir-reklam. L-ewwel domanda preliminari, li ma tirrigwardax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450, tirreferi għall-użu ta’ trade mark li l-proprjetarju tagħha huwa “kompetitur”.

21.      Fl-istess kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, “l-prodotti tal-partijiet mhumiex f’kompetizzjoni bejniethom billi jidħlu f’setturi differenti ta’ prezz u tas-suq” (7). Din il-konstatazzjoni ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ reklamar komparattiv skont l-Artikolu 2(2A) tad-Direttiva 84/450 jekk tiġi kkunsidrata l-portata wiesgħa li għandha tiġi rrikonoxxuta għar-relazzjoni kompetittiva li teħtieġ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, nillimita ruħi sabiex nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-paragrafi 63 sa 90 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Landtsheer Emmanuel (8) u fil-punti 32 sa 42 tas-sentenza mogħtija f’dik il-kawża (9), u b’mod partikolari nenfasizza li, f’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali u l-possibbiltajiet ta’ evoluzzjoni tal-istat attwali tas-swieq u tad-drawwiet tal-konsum. Barra minn hekk, kif sewwa enfasizzat L’Oréal, hemm ukoll relazzjoni ta’ kompetizzjoni li teżisti biss fil-livell intermedju tal-katina ta’ distribuzzjoni (pereżempju, il-bejgħ bil-grossa). Hija l-qorti tar-rinviju li, eventwalment, għandha tevalwa b’mod iktar fil-fond il-kwistjoni tal-eżistenza konkreta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni li teħtieġ ir-regola msemmija iktar ’il fuq fid-dawl tal-kriterji ta’ interpretazzjoni mogħtija minn dik is-sentenza.

22.      Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, fin-nuqqas ta’ elementi li juru b’mod ċar il-kuntrarju, il-punt inizjali għandu jkun l-ipoteżi mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-listi komparattivi inkwistjoni jikkostitwixxu reklamar komparattiv skont l-Artikolu 2(2A) tad-Direttiva 84/450, u b’hekk mingħajr ma jista’ jkun hemm dubju fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari mill-aspett tar-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-kwistjoni pendenti quddiem il-qorti nazzjonali.

23.      Sabiex tingħata risposta għall-erba’ domandi preliminari inkwistjoni, b’mod partikolari għall-ewwel tnejn, jeħtieġ qabel kollox li jiġi stabbilit b’liema mod huma kkoordinati bejniethom, fil-kunflitt bejn il-ħtieġa li tiġi mħarsa t-trade mark u li jiġi ffavorit l-użu ta’ reklamar komparattiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tat-trade mark li jinsabu, minn naħa, fid-Direttiva 89/104, b’mod partikolari fl-Artikoli 5 u 6, u, min-naħa l-oħra, fid-Direttiva 84/450, b’mod partikolari fl-Artikolu 3a(1).

24.      Fis-sentenza riċenti O2 (10), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet xi preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward. B’mod partikolari hija wriet li:

–        “l-użu minn min jirreklama, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li joffri dan tal-aħħar għandu jitqies bħala użu fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi stess ta’ min jirreklama, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104” u li dan l-“użu jista’ għalhekk jiġi pprojbit, jekk ikun il-każ, taħt dawn id-dispożizzjonijiet ” (11);

–        madankollu, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata ma jistax legalment jipprojbixxi, bis-saħħa ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, l-użu, minn terza persuna, ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tiegħu f’reklamar komparattiv li dwaru jkun hemm il-kundizzjonijiet kollha għal legalità pprovduti fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 (12).

25.      Għaldaqstant, il-ħarsien ta’ dawn l-aħħar kundizzjonijiet jikkostitwixxi, għal min jirreklama, raġuni valida ta’ difiża kontra kawża bbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 89/104. F’dan ir-rigward, ma nikkunsidrax li hija korretta u lanqas meħtieġa l-interpretazzjoni, issuġġerita fid-deċiżjoni tar-rinviju u li magħha taqbel L’Oréal, li tgħid li l-aċċertament tal-ħarsien ta’ dawk il-kundizzjonijiet jippermetti, minnu nnifsu, li jitqies li l-użu tat-trade mark irreġistrata (iktar ’il quddiem, fil-qosor, it-“trade mark”) ta’ ħaddieħor fir-reklamar komparattiv huwa permess abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104. Għalkemm jista’ jingħad li tali użu li jirrispetta l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 huwa “skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali”, madankollu jibqa’ l-fatt li l-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104 jippresupponi wkoll li tiġi sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi (a) sa (ċ) tiegħu. Jidhirli li f’dan il-każ partikolari l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tista’ tiġi kkunsidrata u tista’ tintuża biex “tilqa’” fid-Direttiva 89/104 ir-raġuni ta’ difiża bbażata fuq ir-rispett tal-kundizzjonijiet għal legalità skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450. B’mod partikolari, naqbel mal-pożizzjoni espressa waqt is-seduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni li tgħid li l-Artikolu 6(1)(b) jirrigwarda biss l-użu ta’ elementi ta’ trade mark li jiddeskrivu waħda mill-karatteristiċi tal-prodott jew servizz imsemmija mir-regola (“indikazzjonijiet” deskrittivi). Jidhirli li dan huwa kkonfermat mis-sentenza adidas u Adidas Benelux, fejn hemm indikat li “l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva huwa intiż sabiex jassigura l-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi kollha li jużaw indikazzjonijiet deskrittivi” u “tikkostitwixxi għaldaqstant, […] espressjoni tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà” (13). Il-ħarsien tal-kundizzjonijiet għal legalità taħt l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, raġuni ta’ difiża awtonoma li tiżdied ma’ dawk taħt l-Artikoli 6 u 7(1) tad-Direttiva 89/104 u li tista’ twaqqaf kawża kontra reklamar komparattiv ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 5(1) jew (2) ta’ din it-tieni direttiva.

2.      Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104

26.      Għalhekk, peress li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ kompetitur jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 għas-sempliċi fatt li jseħħ fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv, iżda jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, jiġi pprojbit abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari billi jiġu eżaminati proprju dawk il-kundizzjonijiet fid-dawl tal-elementi mogħtija fl-istess domandi.

27.      Kif ġie enfasizzat mill-istess qorti tar-rinviju, essenzjalment, l-ewwel domanda preliminari diġà saret lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-istess qorti bit-talba għal deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza O2 imsemmija iktar ‘il fuq. Fil-każ li wassal għal dak ir-rinviju preliminari, il-karatteristika li kienet suġġetta għall-paragun bejn is-servizzi (tat-telefonija mobbli) tal-persuna li rreklamat u dawk tal-proprjetarju tat-trade mark użata minn dik il-persuna f’reklamar komparattiv ġiet identifikata mill-qorti tar-rinviju fil-prezz, filwaqt li fil-każ preżenti l-karatterisitika li hija s-suġġett ta’ paragun hija individwata fir-riħa (fir-rigward tal-fwejjaħ).

28.      Differenza oħra bejn iż-żewġ każijiet hija li fil-kawża O2 kien qed jiġi kkontestat quddiem il-qorti nazzjonali l-użu min-naħa ta’ min jirreklama ta’ sinjal mhux identiku iżda simili għat-trade mark ta’ kompetitur, fejn is-servizzi tat-tnejn ippreżentati fir-reklamar kienu l-istess. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza O2, irrispondiet l-ewwel domanda preliminari, li essenzjalment kienet ifformulata fl-istess termini tal-ewwel domanda preliminari f’din il-kawża, billi pprovdiet biss interpretazzjoni tal-paragrafu (b) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 billi qieset li ma kinitx meħtieġa interpretazzjoni tal-paragrafu (a) tal-istess Artikolu 5(1). Iżda f’dan il-każ, is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-kawża diretta lejn il-listi komparattivi użati mill-kumpanniji appellanti hija l-użu min-naħa ta’ min jirreklama ta’ sinjal identiku għat-trade mark ta’ ħaddieħor għal prodotti identiċi (14) għal dawk immarkati minn tali trade mark.

29.      Bħala konsegwenza, jeħtieġ li l-ewwel domanda f’din il-kawża, fejn issir referenza għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 kollu kemm hu, tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-paragrafu (a) ta’ tali regola għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal tali trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata dik it-trade mark, anki jekk dak l-użu ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

30.      Min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob espressament interpretazzjoni tal-paragrafu (a) biss tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 sabiex tkun taf jekk abbażi tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark magħrufa jistax jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna fil-kummerċ, b’mod partikolari f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal dik it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata dik it-trade mark, anki meta dak l-użu, filwaqt li jaqdi rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni ta’ prodotti tat-terza persuna, ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, ma jolqotx il-bejgħ tal-prodotti jew servizzi mmarkati minn dik it-trade mark u bl-ebda mod ma jippreġudika r-reputazzjoni tagħha.

31.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi, jiġifieri r-riskju li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew s-servizzi kkonċernati jiġu mill-istess impriża jew, eventwalment, minn impriżi li huma ekonomikament marbuta flimkien, għandha neċessarjament tkun preżenti sabiex l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ ħaddieħor jista’ jiġi kkunsidrat bħala pprojbit abbażi tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104. Fi kliem ieħor, il-projbizzjoni stabbilita minn tali regola tapplika biss meta hemm riskju li tiġi ppreġudikata l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li tikkonsisti preċiżament fl-għoti ta’ garanzija lill-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi (15).

32.      Għandu jkun hemm l-istess konklużjoni anki fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilta mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva msemmija?

33.      Għal tali domanda – li għaliha, wara s-sentenza O2, għandha tingħata risposta, kif osservaw il-kumpanniji appellanti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà li dik il-projbizzjoni tiġi opposta b’difiżi bbażati fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/104 jew fuq l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 – il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tingħata risposta fil-pożittiv. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 kollu għandu l-għan esklużiv li jipproteġi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiġi ggarantita lill-pubbliku l-identità ta’ oriġini tal-prodotti mmarkati biha. Insostenn ta’ tali pożizzjoni, hija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi Arsenal, Anheuser‑Busch u Adam Opel (16). Għaldaqstant l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva. Il-kumpanniji appellanti huma tal-istess fehma.

34.      Min-naħa l-oħra, L’Oréal u l-Gvern Franċiż jipproponu risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari, u jenfasizzaw li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 m’għandux biss l-għan li jipproteġi l-funzjoni tat-trade mark li jikkonsisti fil-garanzija lill-pubbliku tal-identità tal-oriġini tal-prodotti mmarkati bit-trade mark, iżda jagħti protezzjoni anki għall-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw l-għaxar premessa tad-direttiva msemmija u s-sentenzi ċċitati Arsenal, Anheuser‑Busch u Adam Opel. L’Oréal issostni li dik id-dispożizzjoni tħares, b’mod partikolari, il-“funzjoni ta’ komunikazzjoni” tat-trade mark, kif jirriżulta mis-sentenzi Parfums Christian Dior (17) u Boeheringer Inghelheim et (18) tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza “VIPS” (19). Anki l-Gvern Franċiż, li jsemmi l-funzjoni tat-trade mark “li tikkonsisti f’li l-proprejtarju tagħha jkun jista’ jikkontrolla u jħares l-immaġini tat-trade mark tiegħu mal-konsumaturi”, jirreferi għas-sentenza Parfums Christian Dior, li rrikonoxxiet din il-funzjoni b’referenza proprju fir-rigward ta’ trade marks magħrufin li jiddistingwu fwejjaħ ta’ lussu.

35.      Infakkar li, skont id-disa’ premessa tad-Direttiva 89/104 “huwa fundamentali, sabiex tkun iffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi, li jkun żgurat li minn issa ’l quddiem trade marks irreġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha” u “dan m’għandux għalfejn iżżomm l-Istati Membri milli jagħtu fuq għażla tagħhom protezzjoni estensiva lil dawk it-trade marks li għandhom reputazzjoni”.

36.      Taħt l-ewwel aspett, għandu jiġi osservat li l-portata tal-protezzjoni armonizzata tat-trade marks, stabbilita mid-Direttiva 89/104 tirriżulta essenzjalment mill-Artikolu 5(1) u (3) u mil-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tal-istess direttiva.

37.      Taħt it-tieni aspett, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu lit-trade marks magħrufa protezzjoni msaħħa mqabbla ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 5(1). Fil-fatt, kuntrarjament għal din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 5(2) ma jimponix fuq l-Istati Membri li jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom il-protezzjoni stabbilita minnu, iżda jagħtihom biss il-fakultà li jdaħħlu protezzjoni bħal din. Għaldaqstant, jekk Stat Membru jkun uża dik il-fakultà, it-trade marks magħrufa jibbenefikaw fit-territorju tiegħu kemm mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(1) kif ukoll minn dik stabbilita mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (20).

38.      F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni li għandha tingħata b’mod obbligatorju lit-trade mark bis-saħħa tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li dik id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex tħares l-unika funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, ċertament mhijiex ġdida. L-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104, li tirrigwarda b’mod ġenerali “l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata”, tindika, mingħajr ma tidher li tirreferi biss għall-każ ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn prodotti jew servizzi, li l-“possibbiltà li jkun hemm konfużjoni […] tikkostitwixxi l-kondizzjoni speċifika għal tali protezzjoni”. Il-fatt li, skont din il-premessa, il-protezzjoni “hi assoluta fil-każ ta’ identità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija jew is-servizzi” jista’ jfisser sempliċiment li, f’dak il-każ, il-proprjetarju tat-trade mark mhuwiex marbut li jagħti prova tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (21), peress li dan huwa preżunt (22), u mhux neċessarjament li l-użu tat-trade mark jista’ jiġi pprojbit anki fin-nuqqas ta’ tali riskju. Fis-sentenza adidas u Adidas Benelux (23) intqal li “il-[probabbiltà] ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata, b’mod partikolari kontra l-użu minn terzi persuni ta’ sinjali mhux identiċi”.

39.      Madankollu, jirriżulta effettivament mill-istess għaxar premessa li l-protezzjoni inkwistjoni għandha “l-funzjoni […] partikolarment li [tiggarantixxi] it-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini” (24).

40.      Huwa minħabba l-importanza ta’ dan l-element ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Arsenal (25), sostniet għall-ewwel darba li “[i]d-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva ngħata sabiex il-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprejtarju tat-trade mark, jiġifieri sabiex jassigura li t-trade mark tista’ tissodisfa l-funzjonijiet tagħha” u li “[l-]eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu għalhekk jiġi rriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn terza persuna jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-provenjenza tal-prodott”.

41.      Għalkemm tali affermazzjonijiet saru mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi suċċessivi Anheuser Busch (26) u Adam Opel (27), huwa possibbli li tiġi osservata, fir-rigward tal-portata tagħhom, ċerta evoluzzjoni.

42.      Fil-kawża Arsenal il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet b’mod partikolari li “jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva jawtorizzax lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi kull użu fil-kummerċ minn persuna terza ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark jew jekk dan id-dritt ta’ oppożizzjoni jeħtieġx il-preżenza ta’ interess speċifiku tal-proprjetarju bħala proprjetarju tat-trade mark, fis-sens li l-użu tas-sinjal inkwistjoni minn terza persuna għandu jaffettwa jew għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark” (28).

43.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, biex imbagħad ikkonkludiet li “il-proprjetarju ma jistax jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark jekk dan l-użu ma jistax jippreġudika l-interess tiegħu stess bħala proprjetarju tat-trade mark fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha” (29).

44.      Fil-qosor, jidher li mis-sentenza Arsenal jista’ jiġi konkluż li l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti identiċi bħal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark mhux neċessarjament jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u li huwa fil-preżenza biss ta’ preġudizzju jew ta’ riskju ta’ preġudizzju għal waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark li l-użu ta’ sinjal identiku għal din tal-aħħar minn terza persuna jista’ jiġi pprojbit bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv jiġifieri “riżervat” għal dawn il-każijiet). Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li xi użi għal finijiet purament deskrittivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva: huma ma jiksru l-ebda interess protett minn tali dispożizzjoni u b’hekk ma jidħlux fil-kunċett ta’ użu skont dik id-dispożizzjoni (30).

45.      Is-sentenza Arsenal poġġiet il-preġudizzju (jew ir-riskju tiegħu) għal waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark bħala rekwiżit għall-eżerċizzju tad-dritt esklużiv b’mod konformi mal-Artikolu 5(1)(a), kif jirriżulta mill-punt 16 tas-sentenza Céline (31). Madankollu, dan ma jfissirx li jiġi rrikonoxxut li l-użu tat-trade mark min-naħa ta’ terza persuna jista’ jiġi pprojbit abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq meta jkun hemm preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għal kwalunkwe funzjoni tat-trade mark jew, fi kliem ieħor, li l-funzjonijiet kollha li jista’ jkollha t-trade mark huma legalment protetti mill-istess dispożizzjoni. Fis-sentenza Arsenal ma jiġux speċifikati d-diversi funzjonijiet tat-trade mark, u lanqas ma jiġi indikat b’mod ċar li huma kollha legalment protetti mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali preġudizzju (jew riskju tiegħu) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala “garanzija ta’ oriġini” tal-prodott (32). Għalhekk jista’ jitqies li fis-sentenza Arsenal il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss l-intenzjoni li ma teskludix, mingħajr madankollu ma tirrikonoxxi, il-protezzjoni abbażi tar-regola imsemmija iktar ’il fuq ta’ funzjoni tat-trade mark differenti minn dik essenzjali, u tħalli prattikament din il-kwistjoni miftuħa.

46.      Madankollu jidhirli li bis-sentenza Adam Opel il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet pass ieħor lejn ir-rikonoxximent tal-protezzjoni, abbażi ta’ dik ir-regola, ta’ funzjonijiet tat-trade mark li huma differenti minn dik essenzjali.

47.      F’dik is-sentenza, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, meta żviluppat il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, l-ewwel uriet li “it-twaħħil minn terza persuna ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal ġugarelli fuq mudelli mċekkna ta’ vetturi tista’ tiġi impedita biss, skond l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, jekk dan jagħmel ħsara jew jista’ jagħmel ħsara lill-funzjonijiet ta’ din it-trade mark” (33), imbagħad ikkonkludiet billi reġgħet użat dan il-kunċett iżda ħalliet barra l-kelma “biss”, meta ddikjarat li, “meta trade mark tkun irreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur – li għalihom hija magħrufa – kif ukoll għal ġugarelli, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta’ vetturi ta’ l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-imsemmija mudelli mċekkna […] jikkostitwixxu, fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi jekk dan l-użu jagħmel ħsara jew jista’ jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli” (34). Ma jkunx arbitrarju li jitqies li din il-pożizzjoni mhijiex sempliċement ekwivalenti għall-affermazzjoni li fin-nuqqas ta’ preġudizzju (jew ta’ riskju tiegħu) għal funzjoni tat-trade mark il-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 5(1)(a) ma tistax tiġi attivata (l-ebda protezzjoni jekk l-anqas funzjoni waħda tat-trade mark ma hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun hekk ippreġudikata), iżda jista’ jiġi affermat li għall-attivazzjoni ta’ din il-protezzjoni huwa rilevanti preġudizzju (jew ir-riskju tiegħu) għal kwalunkwe funzjoni tat-trade mark (protezzjoni jekk kwalunkwe funzjoni tat-trade mark hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun hekk ippreġudikata).

48.      Barra minn dan, lanqas f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikat liema kienu l-funzjonijiet tat-trade mark li kienu differenti minn dik essenzjali, billi fil-kawża prinċipali ma ntqalx li l-użu tat-trade mark inkwistjoni jippreġudika “funzjonijiet oħra ta’ din it-trade mark ħlief il-funzjoni essenzjali tagħha” (35).

49.      U għalhekk, din l-ispeċifikazzjoni progressiva, fil-ġurisprudenza, tal-idea ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(a) anki tal-funzjonijiet tat-trade mark differenti minn dik ta’ garanzija tal-oriġini tqajjem xi kwistjonijiet importanti bħal dik li jiġu ddefiniti liema huma dawk il-funzjonijiet u barra minn hekk dik li jiġi vverifikat b’liema mod dik il-protezzjoni hija rikonċiljabbli u tista’ tiġi kkoordinata mal-protezzjoni stabbilita għat-trade mark magħrufa fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva inkwistjoni, peress li din l-aħħar dispożizzjoni, fil-parti fejn tirreferi għall-preġudizzju għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark, tidher li hija intiża wkoll biex tikkontrolla funzjonijiet tat-trade mark.

50.      Fir-rigward tal-ewwel aspett, għandu jiġi osservat li la d-Direttiva 89/104 u lanqas, minn dak li jirriżultali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma joffru lista u deskrizzjoni tal-funzjonijiet tat-trade mark differenti minn dik ta’ garanzija ta’ oriġini.

51.      Kontribut utli fuq dan l-aspett ingħata mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Parfums Christian Dior (36). Wara li osserva li, “għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ripetutament li l-funzjoni ta’ trade mark hija ta’ indikatur tal-oriġini tal-prodotti […], ma kellhiex intenzjoni tafferma li d-drittijiet mogħtija mit-trade mark huma biss biex tiġi ssalvagwardata din il-funzjoni”, huwa rrefera għal funzjonijiet possibbli oħrajn tat-trade mark, billi qieshom parti integrali jew tal-anqas derivazzjonijiet ta’ dik il-funzjoni essenzjali: il-“funzjoni tat-trade mark f’termini ta’ kwalità” jew dik ta’ “simbolu tal-kwalitajiet assoċjati mill-konsumaturi ma’ oġġetti jew servizzi determinati” u ta’ garanzija “li l-oġġetti u s-servizzi huma tal-kwalità mistennija”, u “funzjonijiet ta’ ‘komunikazzjoni’, ta’ investimenti jew ta’ pubbliċità”, li “jirriżultaw mill-fatt li l-investiment intiż għall-promozzjoni ta’ prodott jiżviluppa madwar it-trade mark” u b’hekk għandhom “valur li għandu jiġi protett bħala tali, immaterjalment minn użu eventwali illegali li jiġi minn rappreżentazzjoni mhux veritiera fuq l-oriġini jew fuq il-kwalità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

52.      Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza ċċitata Arsenal (37), ikkunsidra li huwa “riduttiv u sempliċistiku li l-funzjoni tat-trade mark tiġi limitata għall-indikazzjoni tal-oriġini imprenditorjali”, u enfasizza li l-“esperjenza tgħallem li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, min jagħmel użu minnhom ma jkunx jaf l-identità tal-produttur tal-oġġetti kkunsmati”, filwaqt li t-trade mark “takkwista ħajja tagħha, tesprimi […] il-kwalità, ir-reputazzjoni u anki, f’ċerti każijiet, modus vivendi”. Minħabba “l-funzjonament attwali tas-suq u kif jaġixxi l-konsumatur medju”, huwa “ma kien jara l-ebda raġuni għaliex dawn il-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark m’għandhomx huma wkoll igawdu mill-protezzjoni flimkien mal-funzjoni li tindika l-oriġini imprenditorjali tal-prodotti u tas-servizzi” (38). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53.      F’dak li jirrigwarda l-garanzija tal-kwalità, jew aħjar, tal-kwalità kostanti (jew omoġenja) tal-prodotti mmarkati mit-trade mark, intqal li dan jirrigwarda l-iktar aspett tal-funzjoni ta’ garanzija ta’ oriġini (39). Id-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark jipproteġi l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark u ma jistax jiġi invokat mill-konsumaturi biex tintalab ċerta kwalità tal-prodotti. Għalkemm ġeneralment hija fl-interess tal-produttur proprjetarju tat-trade mark, il-kwalità kostanti ovvjament mhijiex iggarantita mill-identità ta’ oriġini tal-prodott u mill-kontroll unitarju konsegwenti fuq il-kwalità tiegħu li tiggarantixxi t-trade mark. Kif osserva reċentment l-Avukat Ġenerali Kokott, “id-dritt tat-trade marks għandu jiggarantixxi l-possibbilità ta’ kontroll tal-kwalità tal-prodotti u mhux l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll” (40). Għalhekk it-trade mark tippermetti lill-proprjetarju tagħha mhux biss li jevita li jidhru bħala li joriġinaw mingħandu oġġetti li fil-fatt ma jkunux (funzjoni ta’ garanzija ta’ oriġini) iżda wkoll li jiġi evitat li l-oġġetti li joriġinaw mingħandu jistgħu jsofru, fil-fażijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li jsegwu l-ewwel tpoġġija fis-suq min-naħa tiegħu u bil-kunsens tiegħu, tibdil fil-kwalità li huwa ma jkunx awtorizza (ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104).

54.      Dwar il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni li għandha t-trade mark, li tirreferi għalihom L’Oréal, m’hemmx dubju li t-trade mark tista’ tagħti lill-konsumaturi informazzjoni ta’ natura varja dwar il-prodott li huwa mmarkat biha. Tista’ tkun informazzjoni mogħtija direttament mis-sinjal li jifforma t-trade mark (pereżempju, informazzjoni dwar karatteristiċi materjali tal-prodott mogħtija mill-elementi deskrittivi li eventwalment ikun hemm fi trade mark kumplessa) jew, iktar ta’ spiss, ta’ informazzjoni “akkumulata” (41) fuq it-trade mark minħabba l-attivitajiet ta’ promozzjoni u pubbliċità li jagħmel il-proprjetarju – pereżempju, reklamar dwar karatteristiċi immaterjali li joħolqu dehra tal-prodott jew tal-impriża f’termini ġenerali (pereżempju, il-kwalità, l-affidabbiltà, is-serjetà, eċċ) jew partikolari (pereżempju, ċertu stil, il-lussu, is-saħħa). Din l-attitudni informattiva tat-trade mark timmerita protezzjoni anki fejn l-użu tagħha minn terza persuna ma jkunx tali li jiġġenera konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi (42).

55.      Kif fakkret L’Oréal, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li r-“reputazzjoni” tat-trade mark jixirqilha u għandha tkun is-suġġett ta’ protezzjoni, permezz tal-għoti tad-dritt esklużiv taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “l-preġudizzju għar-reputazzjoni tat-trade mark jista’ jikkostitwixxi, bħala prinċipju, raġuni leġittima skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva sabiex il-proprjetarju jkun jista’ jopponi kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti mpoġġija fil-kummerċ fil-Komunità mill-istess proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu” (43).

56.      B’mod partikolari, huwa motiv validu skont dik ir-regola l-fatt li l-preżentazzjoni ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid tista’ tagħmel ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark li dan ikun immarkat biha (44). Għalhekk, pereżempju, “prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid jista’ jiġi ppreżentat b’mod inadegwat u, għaldaqstant, ikun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark, b’mod partikolari fil-każ fejn l-ippakkjar jew it-tikketta, minkejja li la huma difettużi u lanqas ta’ kwalità ħażina jew mhux ordnati, ikunu tali li jippreġudikaw il-valur tat-trade mark billi joħolqu dannu għad-dehra ta’ serjetà u ta’ kwalità li hija marbuta ma’ tali prodott kif ukoll mal-kunfidenza li hija tista’ tispira fil-pubbliku kkonċernat” (45). Barra minn hekk, fil-każ li bejjiegħ juża trade mark biex jippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju mmarkati bl-istess trade mark, huwa għandu jieħu ħsieb li “jevita li r-reklamar tiegħu jikkomprometti l-valur tat-trade mark u jagħmel ħsara lill-istil u lill-immaġni ta’ prestiġju tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll ix-xejra ta’ lussu li jkun hemm madwarhom” (46). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

57.      Dawn l-osservazzjonijiet, għalkemm jikkonfermaw li l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark permezz tal-għoti tad-dritt esklużiv taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 testendi lil hinn mill-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-funzjoni ta’ garanzija tal-oriġini tat-trade mark u għalhekk tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi, madankollu jħallu miftuħa l-kwistjoni li jiġi ddeterminat b’liema mod il-protezzjoni tal-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni tat-trade mark, u b’mod partikolari, tal-element tar-reputazzjoni tagħha, kontra l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti identiċi tidħol fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (biex b’hekk ikunu kkonċernati t-trade marks kollha u mhux biss dawk li huma magħrufin) u safejn, fil-kuntest tal-Artikolu 5(2) tal-istess Direttiva, regola li, b’ġurisprudenza kostanti, tistabbilixxi wkoll, imma b’referenza biss għat-trade marks magħrufa, protezzjoni li tiddependi mill-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku (47). Din hija kwistjoni delikata l-iktar meta jiġi kkunsidrat il-fatt li:

–        is-sistema stabbilita miż-żewġ dispożizzjonijiet hija differenti, billi l-protezzjoni taħt l-Artikolu 5(1) hija obbligatorja għall-Istati Membri filwaqt li dik taħt l-Artikolu 5(2) hija fakoltattiva;

–        il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, sa mis-sentenza Davidoff, li l-Artikolu 5(2) japplika anki fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi jew simili – u mhux biss, kif indikat espressament minn dik ir-regola fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li mhumiex simili – għal dawk li għandhom trade mark irreġistrata (48).

58.      It-twaqqif ta’ protezzjoni fakoltattiva skont l-Artikolu 5(2) kontra l-preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ trade mark b’riżultat tal-użu ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi jidher li jmur kontra l-idea li l-Artikolu 5(1)(a) huwa maħsub sabiex jirregola l-funzjonijiet kollha tat-trade mark kontra użu bħal dak. F’dan is-sens, jidher li jkun aħjar, billi tiġi interpretata l-portata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li wieħed iżomm mal-approċċ segwit fis-sentenza Arsenal (l-ebda protezzjoni jekk lanqas funzjoniwaħda tat-trade mark ma hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun ippreġudikata) minflok dak li jidher li jirriżulta mis-sentenza Adam Opel (protezzjoni jekk kwalunkwe funzjoni tat-trade mark hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun ippreġudikata). Madankollu, m’għandux jiġi eskluż li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 5(2) segwita mill-ġurisprudenza mibdija mis-sentenza Davidoff li saret referenza għaliha fit-tieni inċiż tal-punt preċedenti tkopri, minbarra naturalment il-kundizzjonijiet stabbiliti espressament minn dik id-dispożizzjoni, l-ipoteżijiet ta’ użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz simili, ta’ użu ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz identiku u ta’ użu ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz simili, iżda mhux ukoll dik ta’ użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz identiku, li tibqa’ suġġetta għall-Artikolu 5(1)(a).

59.      Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mhuwiex meħtieġ, biex tingħata risposta għad-domandi mressqa mill-Court of Appeal, li wieħed jidħol iktar fil-fond fl-evalwazzjoni tal-problemi interpretattivi spjegati fiż-żewġ punti preċedenti, u lanqas li tingħata deskrizzjoni eżawrjenti tal-funzjonijiet tat-trade mark li jistgħu jiġu protetti taħt l-Artikolu 5(1)(a).

60.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-ewwel żewġ domandi preliminari jitilqu mill-fatt aċċertat mill-qorti nazzjonali li fil-każ partikolari ma kienet teżisti la probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku fuq l-oriġini tal-prodotti, u għalhekk ta’ preġudizzju għall-funzjoni essenzjali tat-trade marks li trid tinkiseb il-protezzjoni tagħhom, u lanqas ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ tali trade marks, u għalhekk għall-funzjonijiet (ta’ komunikazzjoni) li dawn tal-aħħar ikollhom minħabba tali reputazzjoni. Ma jirriżultax li L’Oréal qed issostni li hemm preġudizzju kontra funzjonijiet oħra tat-trade marks tagħha differenti minn dawk li għadhom kif issemmew. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, wara li invokat il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni tat-trade marks li qed tintalab il-protezzjoni tagħhom, L’Oréal lanqas issemmi preġudizzju wieħed (jew riskju tiegħu) għar-reputazzjoni tagħhom, iżda biss li l-użu msemmi tagħhom jippermetti lill-kumpanniji appellanti li jieħdu vantaġġ inġust minn tali reputazzjoni (49). Il-fatt li jittieħed dan il-vantaġġ ma jimplikax li, kuntrarjament għall-idea ta’ titbigħ jew ċajpir tat-trade mark magħrufa, dan l-użu jikkomprometti jew jirriskja li jikkomprometti l-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni li t-trade marks inkwistjoni jiżvolġu minħabba l-fatt li huma magħrufin.

61.      Għaldaqstant inqis li tista’ tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari billi jiġi ddikjarat li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax legalment jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal dik it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, meta dak l-użu ma jippreġudikax u lanqas jirriskja li jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini u lanqas funzjoni oħra tal-istess trade mark, u dan anki jekk dan l-użu jkollu rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott ta’ min jagħmel ir-reklamar, b’mod partikolari billi jingħata l-kunsens lil dan tal-aħħar sabiex jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark.

62.      Madankollu, nippreċiża immedjatament li dan l-użu tat-trade mark, għalkemm ma jistax jiġi pprojbit abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, naturalment jista’, jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet, jiġi ssanzjonat abbażi (tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni) tal-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva u/jew tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/104.

63.      Huwa proprju fuq din l-aħħar regola li huma bbażati t-tielet u r-raba’ domanda preliminari, li ser neżamina iktar ’il quddiem, iżda mhux mingħajr ma nosserva preliminarjament li l-azzjoni proposta minn L’Oréal kontra l-listi komparattivi inkwistjoni hija bbażata, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, biss fuq id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (l-Artikolu 10(1) tat-TMA) u mhux ukoll fuq dik li tittrasponi l-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva jew direttament fuq id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-reklamar komparattiv.

64.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa – fil-każ li tiddeċiedi, fid-dawl tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-ewwel żewġ domandi preliminari, li ma jeżistux fil-każ preżenti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tat-TMA – jekk, fid-dawl tad-dritt intern anki proċedurali tagħha, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari għandhomx l-istess rilevanza għall-finijiet li tiġi solvuta l-kwistjoni li għandha quddiemha fir-rigward tal-legalità tal-użu ta’ listi komparattivi.

3.      Fuq it-tielet domanda preliminari

65.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kliem “ma jieħux vantaġġ inġust” użat mill-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450. Abbażi tal-premessa, li lanqas il-kumpanniji appellanti ma jikkontestaw, li l-użu tal-listi komparattivi jippermettilhom li jieħdu vantaġġ mir-reputazzjoni tal-fwejjaħ ta’ lussu ta’ L’Oréal, u filwaqt li ġie enfasizzat li kull tip ta’ paragun ta’ reklamar ma’ prodott magħruf sew fis-suq prattikament jinvolvi element sinjifikattiv ta’ “free riding”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari, fit-tieni parti tad-domanda preliminari, jekk il-paragun ma’ prodott immarkat minn trade mark magħrufa, f’lista komparattiva, jippermettix minnu nnifsu għal min jagħmel ir-reklamar li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark.

66.      Kif diġà sostnejt f’konklużjonijiet preċedenti (50), fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-reklamar komparattiv għandu bħala għan il-paragun ma’ kompetitur iktar stabbilit u għalhekk jikkontjeni ċertu livell ta’ ‘‘rabta’’ mar-reputazzjoni tiegħu jew tas-sinjali distintivi relattivi. Jekk fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 84/450 il-leġiżlatur uża l-aġġettiv “inġust”, dan evidentement sar għaliex qies li l-eżistenza ta’ vantaġġ għal min jirreklama meħud mir-reputazzjoni tas-sinjali distintivi tal-kompetitur ma kinitx bizzejjed sabiex tiġġustifika projbizzjoni tar-reklamar komparattiv (51). Għal dan l-iskop jeħtieġ li dan il-vantaġġ ikun jista’ jissejjaħ bħala “inġust”. M’għandux jiġi injorat il-fatt li d-Direttiva 97/55 tesprimi b’mod ċar li l-leġiżlatur Komunitarju jxaqleb favur ir-reklamar komparattiv, li jista’ jikkostitwixxi mezz leġittimu biex jinforma lill-konsumaturi u jistimula l-kompetittività fost il-fornituri ta’ oġġetti u ta’ servizzi fl-interess tal-konsumaturi (ara t-tieni u l-ħames premessa) (52), tant li skont ġurisprudenza kostanti “il-kundizzjonijiet mitluba għar-reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis-sens l-iktar favorevoli għalihom” (53).

67.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tieni parti tad-domanda preliminari inkwistjoni għandha tingħata risposta fin-negattiv.

68.      Madankollu, b’mod iktar ġenerali, din id-domanda hija intiża sabiex ikunu magħrufa l-kriterji li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala inġust il-vantaġġ miksub mir-reputazzjoni ta’ trade mark permezz ta’ reklamar komparattiv.

69.      L’Oréal tirreferi għad-definizzjoni li tinsab fil-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux (54), fejn intqal li “il-kunċetti ta’ vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv tat-trade mark jew mir-reputazzjoni tagħha għandhom […] jinftiehmu fis-sens li jkopru ‘każijiet fejn hemm sfruttament u parassitiżmu ċari ta’ trade mark magħrufa jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (55). Essenzjalment, L’Oréal issostni li huwa inġust dak il-vantaġġ li jinkiseb permezz ta’ żidiet fil-bejgħ u fil-prezzijiet ta’ prodott li jseħħu sempliċiment billi jiġu sfruttati l-isforzi ta’ marketing tal-proprjetarju tat-trade mark magħrufa, mingħajr ma jkunu saru l-istess sforzi. Hemm sfruttament inġust tar-reputazzjoni meta l-paragun ma jkunx meħtieġ sabiex issir distinzjoni tal-kontenuti u l-vantaġġi tal-prodott irreklamat imqabbel ma’ dawk tal-prodott immarkat mit-trade mark magħrufa. L’Oréal tosserva li f’dan il-każ partikolari l-użu tat-trade marks magħrufa tagħha ma kienx indispensabbli biex tiġi deskritta r-riħa tal-fwejjaħ mibjugħa mill-kumpannija appellanti, li setgħet tiġi deskritta permezz ta’ referenza għal fwejjaħ magħrufa (pereżempju, ta’ fjuri, ta’ ħwawar, ta’ ċitru).

70.      Il-kumpanniji appellanti jirreferu għas-sentenza Siemens  (56), u jfakkru b’mod partikolari li fil-punti 24 u 18 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, min-naħa waħda, li “il-vantaġġ li r-reklamar komparattiv ifisser għall-konsumaturi għandu neċessarjament jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-vantaġġ li dak li jirreklama jieħu mill-fama li għandha trade mark, […] ta’ kompetitur” u min-naħa l-oħra li kien meħtieġ li jiġi aċċertat jekk fil-każ partikolari l-adozzjoni min-naħa tal-awtur tar-reklamar tal-parti essenzjali tas-sistema ta’ numri ta’ ordnijiet tal-kompetitur setgħetx “ikollha bħala effett il-ħolqien, fost il-pubbliku mmirat mir-reklamar […] ta’ rabta bejn il-produttur tat-tagħmir tekniku in kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-komponenti komplementari tiegħu u l-fornitur kompetitur, ladarba l-imsemmi pubbliku għamel trasferiment tar-reputazzjoni tal-prodotti ta’ dan il-produttur għal dawk li jikkummerċjalizza l-imsemmi fornitur”.

71.      Qabel kollox, naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern tar-Renju Unit meta jsostnu li l-espressjoni “jieħu vantaġġ inġust” użata mil-leġiżlatur Komunitarju ma tistax tiġi ddefinita f’termini ġenerali. Jidher li hija maħsuba proprju biex tiġi applikata b’mod flessibbli abbażi ta’ approċċ każ b’każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ partikolari (57).

72.      Fir-rigward tas-silta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs imsemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq, li madankollu tidħol fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 u mhux f’dak tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 89/104, bir-raġun l-Avukat Ġenerali Sharpston osservat riċentement li dan m’għandux jiġi interpretat bħala definizzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt Komunitarju lit-trade marks magħrufa, iżda pjuttost bħala preżentazzjoni, għall-finijiet biex jinftiehmu aħjar ir-raġunijiet ta’ dik il-protezzjoni, tal-kuntest storiku u kunċettwali li ġiet adottata fih (58). Min-naħa l-oħra, l-espressjonijiet “sfruttament u parassitiżmu ċari minn fuq dahar” trade mark magħrufa jew “tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha” jibqgħu min-naħa tagħhom kemmxejn indefiniti u barra minn hekk jidhru ftit utli fil-kuntest tar-reklamar komparattiv li, kif urejt iktar ’il fuq, jinvolvi fih innifsu atteġġamenti simili min-naħa tal-awtur tiegħu.

73.      Il-kriterju, li jagħmlu referenza għalih il-kumpanniji appellanti, li jikkonsisti fil-verifika li tinħoloq, fost il-pubbliku indirizzat tar-reklamar, impressjoni ta’ assoċjazzjoni bejn il-proprjetarju tat-trade mark magħrufa u min jirreklama b’mod li l-pubbliku msemmi jkun jista’ jestendi r-reputazzjoni tal-prodotti tal-ewwel lil dawk mibjugħin tat-tieni (iktar ’il quddiem, għall-qosor l-“assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni”) effettivament issemma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Toshiba (59) u Siemens (60) bħala rilevanti fil-kuntest tal-analiżi intiża biex taċċerta jekk l-użu tat-trade mark ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv jistax jikseb vantaġġ ingust għal min jirreklama derivanti mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark. Madankollu, ir-rwol li dan il-kriterju għandu jkollu fil-kuntest ta’ din l-analiżi ma jirriżultax b’mod ċar minn dawn is-sentenzi. Ir-riflessjoni li nagħmel mill-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 li saret b’mod parallel biex tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari jwassluni sabiex inqis li l-aċċertament tal-assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni jippermetti li tiġi affermata l-eżistenza ta’ vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tat-trade mark ta’ ħaddieħor, iżda mhux ukoll in-natura inġusta ta’ tali vantaġġ. Inkella, ma tkunx tista’ tinftiehem ir-raġuni għalfejn fl-istess sentenza Siemens il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet ir-rilevanza tal-“vantaġġ li r-reklamar komparattiv ifisser għall-konsumaturi” biex issir valutazzjoni tan-natura, inġusta jew le, tal-vantaġġ li l-awtur tar-reklamar jieħu mir-reputazzjoni marbuta ma’ sinjal distintiv ta’ kompetitur (61), u dan, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, lil hinn mill-analiżi li għandha x’taqsam mal-ħolqien ta’ assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni.

74.      Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-reklamar komparattiv jippermettix lil min jagħmel ir-reklami li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark tal-kompetitur, jeħtieġ li qabel kollox jiġi aċċertat jekk jistax ikollu effett li toħloq fost il-pubbliku indirizzat l-assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, għall-finijiet ta’ tali aċċertament “jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-preżentazzjoni globali tar-reklamar kontestat u n-natura tal-pubbliku li għalih huwa indirizzat dan ir-reklamar” (62), filwaqt li ssuġġeriet ukoll li pubbliku magħmul minn kummerċjanti speċjalizzati jista’ jkun ferm inqas suġġett mill-konsumaturi finali li jistabbilixxi assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni (63).

75.      Ladarba jiġi aċċertat l-effett imsemmi iktar ’il fuq, u konsegwentement l-eżistenza ta’ vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tat-trade mark ta’ ħaddieħor, ma jistax jiġi konkluż awtomatikament li r-reklamar inkwistjoni jmur kontra l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450. Jeħtieġ li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-karattru inġust jew le tal-vantaġġ imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fehma tiegħi dan għandu jsir skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

76.      L-ewwel nett huma rilevanti l-vantaġġi li r-reklamar komparattiv inkwistjoni għandu għall-konsumaturi (64), kemm jekk dawn huma intermedji jew finali. L-eżistenza ta’ tali vantaġġi tinsab fil-ħarsien, min-naħa ta’ dak ir-reklamar, tal-kundizzjonijiet għal legalità taħt l-Artikolu 3a(1)(a) sa (d). Iżda dawn il-vantaġġi għandhom jitqiesu, fil-fehma tiegħi, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra, bħal-livell ta’ reputazzjoni tat-trade mark tal-kompetitur fir-rigward ta’ dik, eventwali, tat-trade mark tal-awtur tar-reklamar, l-immaġni partikolari li f’moħħ il-konsumaturi takkumpanja l-prodott immarkat bit-trade mark magħrufa u l-motivazzjonijiet li jwassluhom sabiex jakkwistaw tali prodott jew dak irreklamat, in-neċessità jew l-utilità tal-użu tat-trade mark magħrufa jew tal-modalitajiet relattivi fir-rigward tal-għanijiet informattivi speċifiċi tar-reklamar inkwistjoni, il-mod kif ir-reklamar komparattiv jidħol fil-politika kummerċjali tal-awtur tiegħu (jekk, b’mod partikolari, hijiex inizjattiva sporadika jew inkella inkluża fil-kuntest ta’ attività promozzjonali iktar artikolata jew jekk dik il-politika kummerċjali hijiex sistematikament ibbażata fuq il-paragun mal-prodott immarkat bit-trade mark magħrufa). Id-daqs tal-vantaġġ meħud mill-awtur tar-reklamar u dak tat-telf li eventwalment isofri l-proprjetarju tat-trade mark magħrufa f’termini ta’ iddevjar ta’ klijentela jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, imma għandhom ikollhom piż inqas fir-rigward tal-elementi l-oħra fil-valutazzjoni tal-karattru inġust tal-vantaġġ, peress li l-eżistenza tagħhom tista’ tiġi kkunsidrata inerenti fin-natura stess tal-fenomenu tar-reklamar komparattiv (65).

77.      Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li anki reklamar li fih kontenut informattiv reali jista’ jiġi kkunsidrat li jiġġenera għall-awtur tiegħu vantaġġ inġust, meta, billi jkun hemm l-assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni, dan il-kontenut ikun oġġettivament ta’ valur limitat, it-trade mark tal-kompetitur tgawdi minn reputazzjoni kbira u l-investimenti intiżi biex jippromwovu l-prodott tal-awtur tar-reklamar jispiċċaw fil-konfront tar-reklamar mal-prodott immarkat b’dik it-trade mark.

78.      Kuntrarjament għal dak li ġie ssuġġerit minn L’Oréal u mill-Gvern Franċiż, m’għandux jiġi rikonoxxut valur determinanti għall-fatt li r-reklamar komparattiv m’għandux l-għan li jiddistingwi karatteristiċi u vantaġġi tal-prodott irreklamat fir-rigward ta’ dawk tal-prodott immarkat bit-trade mark magħrufa, u lanqas għall-fatt li huwa possibbli li jiġu deskritti l-karatteristiċi tal-ewwel prodott mingħajr ma ssir referenza għall-prodott immarkat minn dik it-trade mark. Fil-fatt, taħt l-ewwel aspett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet darbtejn li anki “l-affermazzjoni tal-eżistenza ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi ta’ żewġ prodotti tikkostitwixxi paragun ta’ karatteristiċi materjali, rilevanti, li jistgħu jiġu vverifikati, u rappreżentattivi tal-prodotti skond l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 84/450” (66) u, mill-aspett l-ieħor, l-għan tar-reklamar komparattiv, li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiffavorixxi bl-adozzjoni tad-Direttiva 97/55, huwa proprju dak li jiddeskrivi l-prodott tiegħu (jew il-karatteristiċi tiegħu) f’termini relattivi, jiġifieri fir-rigward tal-prodott ta’ kompetitur wieħed jew iżjed (jew għall-karatteristiċi relattivi), lil hinn mill-possibbiltà ovvja li ssir deskrizzjoni f’termini assoluti. Madankollu, huwa veru li fejn “l-għan tar-riklam huwa unikament dak li jiddistingwi l-prodotti ta’ min jirreklama minn dawk tal-kompetitur tiegħu u li b’hekk jenfasizza oġġettivament id-differenzi”, il-vantaġġ li tieħu din il-persuna ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat bħala inġust (67).

79.      Fl-aħħar nosserva li l-valutazzjoni li għandha ssir hija ta’ natura fattwali u tidħol fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Fis-sentenza Adam Opel (68) il-Qorti tal-Ġustizzja għalkemm fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, fil-fehma tiegħi wriet li hija dik il-qorti, jekk ikun il-każ, li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, jekk l-użu tat-trade mark magħrufa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermettix li jittieħed vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tagħha. Fil-fehma tiegħi jista’ jingħad l-istess fir-rigward tal-Artikolu 3a(1)(ġ) tad-Direttiva 84/450.

80.      Għaldaqstant nikkunsidra li tista’ tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari billi jiġi ddikjarat li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sempliċi fatt li jsir, permezz ta’ listi komparattivi, paragun ta’ reklamar ma’ prodott immarkat bi trade mark magħrufa ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li min jagħmel ir-reklamar jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark u li, jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ bħal dan tippresupponi li tiġi prodotta, fost il-pubbliku indirizzat mir-reklamar, assoċjazzjoni bejn il-proprjetarju tat-trade mark magħrufa u min jirreklama b’mod li dak il-pubbliku jista’ jestendi r-reputazzjoni tal-prodotti tal-ewwel wieħed għal dawk tat-tieni, il-karattru inġust ta’ dan il-vantaġġ għandu jiġi aċċertat mill-qorti nazzjonali skont kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari.

4.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

81.      Ir-raba’ domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450, tqajjem, fil-fehma tiegħi, inqas diffikultajiet minn dik preċedenti. Għalhekk ser nillimita ruħi biex nirrispondi iktar fil-qosor.

82.      L-imsemmija dispożizzjoni hija ċara meta tipprojbixxi r-rappreżentazzjoni ta’ prodott jew servizz bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni (69) ta’ prodott jew servizz protett minn trade mark jew isem ta’ ditta protett. Il-kunċetti ta’ imitazzjoni u riproduzzjoni jirreferu, fil-fehma tiegħi, għall-fatt li meta kkonċepixxa l-prodott tiegħu, il-manifattur ma użax il-kreattività tiegħu, iżda pprova, u rnexxielu biss parzjalment, li jagħtih l-istess karatteristiċi ta’ prodott protett minn trade mark ta’ ħaddieħor jew ipprova, u rnexxielu, jagħtih karatteristiċi simili ħafna (ipoteżijiet li t-tnejn iwasslu għall-imitazzjoni), jew saħansitra rnexxielu jirriproduċi għal kollox il-karatteristiċi tat-tieni prodott (riproduzzjoni).

83.      Għaldaqstant, is-suġġett tal-projbizzjoni huwa rappreżentazzjoni tal-prodott jew servizz. Id-dispożizzjoni inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li sostnew il-kumpanniji appellanti, ma tirrigwardawx prodotti ffalsifikati bħala tali, biex jiġi pprojbit ir-reklamar komparattiv intiż biex jippromwovihom (għandu jiġi mfakkar li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-fwejjaħ ikkummerċjalizzati minn dawn tal-aħħar mhumiex prodotti ffalsifikati, fis-sens li huwa perfettament legali fir-Renju Unit li tiġi mmanifatturata u tinbiegħ fwieħa li għandha riħa identika jew simili għal fwieħa ta’ lussu magħrufa). Id-dispożizzjoni lanqas ma hija fformulata b’mod tali li tipprojbixxi r-reklamar komparattiv ta’ prodotti jew servizzi li jista’ jingħad bir-raġun li jikkostitwixxu imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodotti jew servizzi protetti minn trade mark ta’ ħaddieħor, kuntrarjament għal dak li ssostni L’Oréal.

84.      Id-dispożizzjoni lanqas ma tidher li trid tipprojbixxi l-affermazzjonijiet ta’ ekwivalenza bejn il-prodott ta’ min jirreklama jew karatteristika tiegħu u l-prodott protett minn trade mark ta’ ħaddieħor jew karatteristika tiegħu. Għalhekk, fejn min jagħmel ir-reklam isostni biss li l-prodott tiegħu huwa ekwivalenti (jew għandu karatteristika ekwivalenti) għall-prodott protett mit-trade mark ta’ ħaddieħor (jew għal karatteristika tiegħu), iżda mingħajr allużjoni għall-fatt li dik l-ekwivalenza hija l-frott tal-ikkupjar ta’ dan it-tieni prodott (jew karatteristika tiegħu), ma jidhirlix li hemm rappreżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni tal-ieħor. Iżda l-fatt partikolari pprojbit jiġi integrat, pereżempju, minbarra fil-każ ta’ ammissjoni espliċita tal-imitazzjoni jew tar-riproduzzjoni tal-prodott ta’ ħaddieħor protett minn trade mark, fil-każ ta’ użu, fir-rigward tal-prodott ta’ min jirreklama, ta’ formuli bħal “tip” jew “stil” segwiti minn tali trade mark. Barra minn hekk huwa possibbli li r-reklam, għalkemm ma jkollux dawn il-formuli jew formuli li jirreferu b’mod differenti, iżda espliċitu, għall-idea tal-imitazzjoni jew tar-riproduzzjoni, xorta jkun, fid-dawl tal-preżentazzjoni globali u tal-kuntest ekonomiku li jkun fih, xieraq sabiex jittrażmetti din l-idea lill-pubbliku indirizzat anki b’mod impliċitu biss.

85.      Għaldaqstant, inqis li xi ħadd li jirriklama li jsostni li l-prodott tiegħu għandu karatterisitika essenzjali identika għal dik ta’ prodott protett minn trade mark, magħrufa jew le, ma jiksirx għal dan il-fatt biss il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 89/104. Inżid li n-natura ta’ verità ta’ din l-affermazzjoni, enfasizzata fid-domanda preliminari inkwistjoni, mhix rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, iżda hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(a) tad-direttiva msemmja.

86.      Il-kumpanniji appellanti sostnew li l-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 89/104 ma jipprekludix li tiġi ppreżentata karatterisitika speċifika ta’ prodott bħala ekwivalenti għal dik ta’ prodott protett minn trade mark li jsir il-paragun magħha. F’dan il-każ partikolari, l-affermazzjoni ta’ ekwivalenza li hemm fir-reklamar komparattiv, li ssir referenza għaliha fid-domanda preliminari inkwistjoni, tirrigwarda karatteristika waħda biss (ir-riħa) tal-prodott (fwieħa) u mhux il-prodott kollu kemm hu. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, li tenna fis-seduta l-argument tal-kumpanniji appellanti, issuġġerixxa li, jekk hemm karatteristiċi oħra tal-prodott li huma rilevanti għall-għażla tal-konsumatur u jekk huma mhumiex interessati mill-paragun, jonqsu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex abbażi tad-dispożizzjoni inkwistjoni jiġi pprojbit reklam li jistabbilixxi ekwivalenza biss fir-rigward ta’ xi karatteristiċi tal-prodott.

87.      Billi, fil-fehma tiegħi, dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex l-affermazzjoni ta’ identità jew ekwivalenza, totali jew parzjali, bejn il-prodotti, iżda l-wiri estern tal-fatt li l-prodott irreklamat ġie mmanifatturat skont proċess ta’ imitazzjoni jew riproduzzjoni mill-mudell li jikkonsisti fil-prodott protett mit-trade mark, il-kwistjoni li tirriżulta minn dawn l-argumenti hija jekk il-kundizzjoni għal legalità inkwistjoni tinkisirx biss meta r-reklamar jirrappreżenta l-prodott ta’ min jirreklama kollu kemm hu bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ dak protett mit-trade mark jew anki meta huwa jirrappreżenta waħda jew uħud biss mill-karatteristiċi tal-prodott bħala oġġett ta’ imitazzjoni jew riproduzzjoni.

88.      F’dan ir-rigward, billi hija proprju l-“ammissjoni” bil-miftuħ fir-reklam, tal-eżistenza ta’ imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodott protett minn trade mark li d-dispożizzjoni għandha l-għan li twaqqaf sabiex tagħti protezzjoni li din it-trade mark, jiena tal-fehma li ma jirrispettax il-kundizzjoni għal legalità inkwistjoni reklam li jindika, b’mod impliċitu jew espliċitu, li karatteristika tal-prodott irreklamat timita jew tirriproduċi dik li tikkorrispondi mal-prodott protett ta’ trade mark ta’ ħaddieħor, sakemm tkun karatteristika essenzjali f’għajnejn il-pubbliku li r-reklam jindirizza.

89.      Għalhekk nissuġġerixxi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        jipprojbixxi reklam li jirreferi, espliċitament jew impliċitament, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ekonomiku fejn ikun iddaħħal, għall-fatt li l-prodott ta’ min jirreklama ġie mmanifatturat b’mod li jimita jew jirriproduċi, anki b’mod limitat għal karatterisitika essenzjali waħda jew iktar, prodott protett minn trade mark ta’ ħaddieħor u,

–        konsegwentement, dan ma jipprojbixxix reklam minħabba l-fatt biss li jingħad li l-prodott tal-awtur ta’ tali reklam għandu karatteristika essenzjali identika għal dik ta’ prodott protett minn trade mark, eventwalment magħrufa.

B –    Fuq il-ħames domanda preliminari

90.      Il-ħames domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, issir fil-kuntest tat-trattazzjoni tal-parti tal-kawża prinċipali li ma tirrigwardax il-listi komparattivi, iżda l-forom tal-ippakkjar (kaxxa u flixkun) ta’ xi fwejjaħ ikkummerċjalizzati mill-kumpanniji appellanti.

91.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq il-kunċett ta’ “jieħu vantaġġ mhux onest […] [mir-]reputazzjoni tat-trade mark”, użat fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, billi tistaqsi b’mod partikolari, jekk l-użu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa li la jippreġudika u lanqas jirrisjka li jippreġudika l-funzjoni ta’ garanzija ta’ oriġini tat-trade mark imsemmija, li ma jiddeterminax it-titbigħ (“tarnishment”) u lanqas iċ-ċajpir (“blurring”) tat-trade mark magħrufa, li ma jaffettwax negattivament il-bejgħ tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark u lanqas id-dħul mill-investimenti magħmula fuq l-istess trade mark, iżda li jipprovdi lil min jagħmel użu minnha vantaġġ kummerċjali minħabba x-xebh bejn is-sinjal u dik it-trade mark, jippermettix lil tali operatur li “jieħu vantaġġ inġust” mir-reputazzjoni tat-trade mark fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.

92.      Meta tagħmel din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, b’mod partikolari, li, meta jiġi aċċertat li, minħabba x-xebh bejn l-ippakkjar tal-prodotti tal-kumpanniji appellanti u t-trade marks irreġistrati ta’ L’Oréal, tinħoloq fost il-pubbliku rabta bejn dawk il-prodotti u dawk ta’ L’Oréal, tali rabta toħloq vantaġġ għall-kumpanniji appellanti billi tippermettilhom li jitolbu prezz ogħla minn dak li kieku setgħu jitolbu. Iżda għall-qorti tar-rinviju jidher li meta tiġi affermata, fiċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda preliminari inkwistjoni, l-eżistenza ta’ vantaġġ inġust ifisser li t-terminu “inġust” jiġi mċaħħad minn kull funzjoni għalkemm jidher fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

93.      Diġà fakkart fil-punt 57 iktar ’il fuq li l-protezzjoni stabbilita minn din ir-regola, skont il-ġurisprudenza, tkopri wkoll il-każ ta’ użu ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa għal prodotti identiċi jew simili u mhijiex qiegħda hemm biss sabiex tħares kontra l-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku.

94.      Din il-protezzjoni tippresupponi li l-livell ta’ xebh bejn it-trade mark magħrufa u s-sinjal użat mit-terza persuna għandu bħala effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejn is-sinjal u t-trade mark, għalkemm mhux neċessarjament iħawwadhom (70).

95.      Kundizzjoni oħra speċifika tal-protezzjoni tikkonsisti fl-użu mhux motivat tas-sinjal ikkontestat li jippermetti li jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tiegħu jew joħloqilhom preġudizzju (71). Dawn huma ipoteżijiet distinti li kull waħda minnhom tista’ teżisti f’ċirkustanza partikolari fin-nuqqas tal-oħrajn u tiġġustifika minnha nnifisha l-protezzjoni inkwistjoni (72).

96.      B’referenza għal dak li osservat l-Avukat Ġenerali Sharpston fir-rigward tal-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva 89/104 (73), nosserva wkoll li l-kunċett ta’ vantaġġ inġust huwa bbażat b’mod ċar fuq il-vantaġġ għas-sinjal użat mit-terza persuna iktar milli fuq id-dannu għat-trade mark magħrufa.

97.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li ċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju tirriferi għalihom fil-paragrafi (a) u (d) tad-domanda preliminari inkwistjoni – jiġifieri n-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark u n-nuqqas ta’ effett fuq bejgħ tal-prodotti immarkati bit-trade mark magħrufa jew fuq id-dħul mill-investimenti magħmula fuq tali trade mark – mhumiex tali li jeskludu li l-vantaġġ li kummerċjant ikollu mill-użu għall-prodotti tiegħu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor jista’ jiġi kklassifikat bħala inġust skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

98.      Madankollu dan ma jfissirx li, biex issir tali kwalifika, ikun biżżejjed li jiġi aċċertat li fost il-pubbliku tinħoloq ir-rabta msemmija iktar ’il fuq bejn is-sinjal u t-trade mark minħabba x-xebh ta’ bejniethom (74).

99.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’xi sentenzi fejn interpretat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, qalet li: “il-kunċett ta’ vantaġġ li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti […] dan jirrigwarda l-probabbiltà li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi li din ta’ l-aħħar tirrifletti jkunu ttrasferiti fuq il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata b’din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni” (75).

100. Iżda, fl-istess sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza affermat ukoll li r-riskju inkwistjoni jeżisti “meta l-konsumatur, mingħajr ma neċessarjament jikkonfondi l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni, huwa attirat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni stess u jixtri l-prodott jew is-servizz kopert minnha minħabba li għandu din it-trade mark, li hija identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni” (76).

101. Issa nosserva li hija ħaġa li jingħad, bħal fis-silta riprodotta fil-punt 99 iktar ’il fuq, li r-riperkussjoni tal-immaġini tat-trade mark magħrufa fuq prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti; iżda hija ħaġa oħra li jingħad, kif jidher li jista’ jiġi dedott mis-silta riprodotta fil-punt preċedenti, li unikament minħabba din ir-riperkussjoni l-konsumatur jiġi indott jixtri tali prodotti minflok oħrajn. Din it-tieni possibbiltà hija restrittiva ħafna u tissuġġetta l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark magħrufa kontra l-aġiri parassitarji għall-prova li, fin-nuqqas tar-riperkussjoni tal-immaġni tat-trade mark magħrufa fuq il-prodott indikat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dan ma kienx jinxtara mill-konsumatur.

102. Dejjem b’referenza għall-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, sabiex jiġu estiżi mill-kuntest tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark min-naħa ta’ proprjetarju ta’ trade mark magħrufa preċedenti għal dak tal-protezzjoni ta’ trade mark magħrufa kontra l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għaliha, “[d]ak li għandu jiġi stabbilit huwa xi forma ta’ imbottatura li tingħata li[s-sinjal tat-terz] minħabba r-rabta tagħha mat-trade mark [magħrufa]” (77).

103. Biex ikun hemm vantaġġ meħud mir-reputazzjoni ta’ trade mark, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, fil-fehma tiegħi għandu jkun biżżejjed li tintwera ġibda partikolari tal-konsumatur għas-sinjal użat mit-terza persuna, dovuta għall-assoċjazzjoni ta’ tali sinjal ma’ kwalitajiet pożittivi tat-trade mark magħrufa (78) u li hija tali li tħajjar lill-konsumatur li jixtri l-prodotti immarkati b’dak is-sinjal.

104. Issa, jekk tingħata tali dimostrazzjoni, għandu jiġi konkluż li dan il-vantaġġ huwa minnu nnifsu inġust?

105. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett jidhirli li huwa utli li nenfasizza li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, b’differenza mill-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 89/104, fih, minbarra l-element “inġust”, anki referenza għall-“użu mingħajr raġuni valida” (li għandu jinftiehem fis-sens ta’ użu mingħajr raġuni ġusta) tas-sinjal (79). Fir-rigward tal-ipoteżijiet ta’ parassitiżmu kkontemplati mill-ewwel dispożizzjoni, tinqala’ b’hekk id-diffikultà li jiġi ddeterminat ir-rwol rispettiv ta’ dawn iż-żewġ elementi, li mqegħdin flimkien jistgħu jidhru għall-ewwel bħala ripetizzjoni superfluwa. Fil-fatt, wieħed jistaqsi kif jista’ mir-reputazzjoni ta’ trade mark jittieħed vantaġġ li mhuwiex inġust meta jintuża sinjal identiku jew simili għal dik it-trade mark mingħajr raġuni ġusta.

106. Biex tiġi solvuta din id-diffikultà, jidhirli li għandu jitqies li l-avverbju “inġustament” jgħodd biss fejn tiġi invokata u murija raġuni ġusta għall-użu ta’ dan is-sinjal.

107. Dan ifisser li, meta l-“imbottatura” mogħtija lis-sinjal ta’ terza persuna mir-rabta tiegħu mat-trade mark magħrufa, fit-termini li indikajt fil-punt 103 iktar ’il fuq, tirriżulta minn użu ta’ dan is-sinjal li jkun ibbażat fuq raġuni ġusta, jeħtieġ li jiġi vverifikat, sabiex jiġi stabbilit jekk il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark jistax jipprojbixxi tali użu, jekk il-vantaġġ li tieħu t-terza persuna għandux karattru inġust jew le.

108. Iżda meta ma tiġix adottata u pprovata raġuni ġusta għall-użu ta’ dak is-sinjal (u s-sempliċi fatt li jinkiseb vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark evidentement ma jistax ikun tali raġuni), dan l-użu jista’ jiġi pprojbit mill-proprejtarju tat-trade mark meta terza persuna tkun tista’ tikseb vantaġġ mir-reputazzjoni tal-istess trade mark. Jiġifieri, fin-nuqqas ta’ raġuni valida, dan il-vantaġġ għandu jitqies li nkiseb inġustament. Għaldaqstant, kif ġie ssuġġerit essenzjalment mill-Gvern Franċiż, fejn jirriżulta li l-użu min-naħa ta’ kummerċjant ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor biex jimmarka l-prodotti tiegħu m’għandux skop ieħor ħlief li jisfrutta r-reputazzjoni jew l-immaġni partikolari ta’ dik it-trade mark sabiex jippromwovi l-bejgħ ta’ dawk il-prodotti, il-vantaġġ li jirriżulta għall-kummerċjant għandu mingħajr dubju jiġi kkwalifikat bħala inġust.

109. Iżda fejn dan jinvoka u jipprova raġuni valida, ma jistax jiġi preżunt li l-vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tat-trade mark huwa inġust, iżda jkun jeħtieġ li jiġi evalwat il-karattru inġust jew le tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari (80) u fir-rigward tan-natura tar-raġuni valida aċċertata.

110. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk il-kumpanniji appellanti ġabux raġuni valida għall-użu ta’ fliexken u kaxxi simili għat-trade marks ta’ L’Oréal u, f’każ affermattiv, jekk il-vantaġġ li jieħdu dawn il-kumpanniji mir-reputazzjoni tagħhom, kellux, wara li tittieħed inkunsiderazzjoni dik ir-raġuni u kull ċirkustanza oħra rilevanti fil-każ partikolari, karattru inġust jew le (81).

111. Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta għall-ħames domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        meta kummerċjant juża sinjal simili għat-trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor u jikseb vantaġġ minnha li joriġina minn dan ix-xebh u fl-assoċjazzjoni, bħala konsegwenza ta’ dan, ma’ dak is-sinjal ta’ kwalitajiet pożittivi ta’ dik it-trade mark, dan l-użu jista’ jiġi pprojbit meta ma jkunx ibbażat fuq raġuni valida, li ma tistax tkun il-vantaġġ stess, jew, meta jkun ibbażat fuq raġuni valida, jekk jirriżulta, minħabba dik ir-raġuni u kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari, li dak il-vantaġġ għandu karattru inġust;

–        din il-projbizzjoni mhix prekluża min-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark u n-nuqqas ta’ effett ta’ dan l-użu fuq il-bejgħ tal-prodotti mmarkati bis-sinjal jew fuq l-introjtu mill-investimenti magħmula fuqha.

IV – Konklużjonijiet

112. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) jingħataw b’dan il-mod:

1)      L-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax legalment jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal dik it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, meta dak l-użu ma jippreġudikax u lanqas jirriskja li jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini u lanqas funzjoni oħra tal-istess trade mark, u dan anki jekk dan l-użu jkollu rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott ta’ min jagħmel ir-reklamar, billi dan tal-aħħar ikun jista’ jieħu vantaġġ inġust mill-fatt li t-trade mark tkun magħrufa.

2)      L-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas-6 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li jsir, permezz ta’ listi komparattivi, paragun ta’ reklamar ma’ prodott immarkat minn trade mark magħrufa ma jippermettix li jiġi konkluż li min jagħmel ir-reklam jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark u li, jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ bħal dan tippresupponi li tiġi prodotta, fost il-pubbliku indirizzat mir-reklamar, assoċjazzjoni bejn il-proprjetarju tat-trade mark magħrufa u min jirreklama b’mod li dak il-pubbliku jkun jista’ jestendi r-reputazzjoni tal-prodotti tal-ewwel persuna għal dawk tat-tieni, il-karattru inġust ta’ dan il-vantaġġ għandu jiġi aċċertat mill-qorti nazzjonali skont kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari.

3)      L-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        jipprojbixxi reklam li jirreferi, b’mod espliċitu jew impliċitu, wara li jitqies ukoll il-kuntest ekonomiku fejn ikun iddaħħal, għall-fatt li l-prodott ta’ min jirreklama ġie mmanifatturat b’mod li jimita jew jirriproduċi, anki b’mod limitat għal karatterisitika essenzjali waħda jew iżjed, prodott protett minn trade mark u,

–        konsegwentement, dan ma jipprojbixxix reklam biss minħabba l-fatt li jingħad li l-prodott tal-awtur ta’ dak ir-reklam għandu karatteristika essenzjali identika għal dik ta’ prodott protett minn trade mark, eventwalment magħrufa.

4)      L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–                 meta kummerċjant juża sinjal simili għat-trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor u jikseb vantaġġ minnha li joriġina minn dan ix-xebh u fl-assoċjazzjoni, bħala konsegwenza ta’ dan, ma’ dak is-sinjal ta’ kwalitajiet pożittivi ta’ dik it-trade mark, dan l-użu jista’ jiġi pprojbit meta ma jkunx ibbażat fuq raġuni valida, li ma tistax tkun il-vantaġġ stess, jew, meta jkun ibbażat fuq raġuni valida, jekk jirriżulta, minħabba dik ir-raġuni u kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari, li dak il-vantaġġ għandu karattru inġust;

–                 din il-projbizzjoni mhix prekluża min-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark u n-nuqqas ta’ effett ta’ dan l-użu fuq il-bejgħ tal-prodotti mmarkati bis-sinjal jew fuq l-introjtu mill-investimenti magħmula fuqha.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1. p. 92


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 365.


5 – Id-Direttiva 89/104 ġiet abrogata reċentement u ssostitwita mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95/KE, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p  25), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008, li, għall-finijiet tal-ewwel premessa tagħha, ipprovdiet sabiex “tiġi kodifikata”, għal “iktar ċarezza u razzjonalità”, id-Direttiva 89/104. L-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2008/95 jirriproduċu mingħajr emendi sostanzjali, id-dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 89/104.


6 – Id-Direttiva 84/450 ġiet emendata ulterjorment bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29/KE, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (“Direttiva fuq prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU L 149, p. 22), li wara ġiet imħassra u ssostitwita, mit-12 ta’ Diċembru 2007, bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/114/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, p 21), li madankollu kienet biss verżjoni kodifikata, għal finijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, tad-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ tad-Direttiva 84/450.


7 – Deċiżjoni tar-rinviju, punt 7.


8 – Konklużjonijiet tat-30 ta’ Novembru 2006, fil-kawża tad-19 ta’ April 2007 (C-381/05, Ġabra p. I‑3115).


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


10 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008 (C‑533/06, Ġabra p. I‑4231).


11Ibidem, punti 36 sa 37.


12Ibidem, punti 45 u 51.


13 – Sentenza tal-10 ta’ April 2008 (C‑102/07, Ġabra p. I-2439, punt 46). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tas-16 ta’ Jannar 2008 li ta fl-istess kawża (punti 75 u 78, li għalihom isir riferiment fil-punt imsemmi iktar ’il fuq tas-sentenza msemmija).


14 – Naturalment qiegħed nirreferi għall-fatt li jappartjenu lill-istess ġeneru ta’ oġġetti jiġifieri l-fwejjaħ u mhux għall-identità tal-prodotti mil-lat tal-karatteristiċi jew il-kwalitajiet tagħhom.


15 – Sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff (C‑292/00, Ġabra p. I‑389, punt 28), u O2, iċċitata iktar ‘il fuq (punti 47 u 57 sa 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


16 – Rispettivament sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002 (C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 51); tas-16 ta’ Novembru 2004 (C‑245/02, Ġabra p. I‑10989, punt 59), u tal-25 ta’ Jannar 2007 (C‑48/05 Ġabra, p. I‑1017, punt 21).


17 – Sentenza tal-4 ta’ Novembre 1997 (C‑337/95, Ġabra p. I‑6013).


18 – Sentenza tas-26 ta’ April 2007 (C‑348/04, Ġabra p. I‑3391).


19 – Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, SIGLA vs UASI – Elleni Holding (VIPS) (T‑215/03, Ġabra p. II‑711).


20 – Sentenza Davidoff, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 sa 19).


21 – Huwa f’dan is-sens li l-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-konklużjonijiet tas-17 ta’ Jannar 2002 mogħtija fil-kawża deċiża bis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion (C‑291/00, Ġabra p. I‑2799, punti 33 sa 39), fehem il-karattru assolut tal-protezzjoni tat-trade mark enfasizzat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104 biex ikkonkluda li “il-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarji tat-trade marks skont ir-regoli rilevanti fuq is-suġġett hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-prova tagħha hija superfluwa billi ż-żewġ trade marks (jew it-trade mark u s-sinjal) u l-prodotti kkonċernati mhux biss huma simili iżda identiċi” u li “l-Artikoli 4(1)(a) u 5(1)(a) tad-Direttiva [89/104] japplikaw biss f’tali każijiet għaliex il-probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ jiġi preżunta mingħajr aċċertamenti ulterjuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, huwa b’dan l-istess mod li tista’ tinftiehem l-affermazzjoni li hemm fil-punt 49 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, li “l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva ma jeħtieġx il-prova ta’ probabbiltà [ta’ konfużjoni għall-pubbliku] biex tingħata protezzjoni assoluta fil-każ ta’ identità tas-sinjal u tat-trade mark kif ukoll tal-prodotti jew tas-servizzi”.


22 – Infakkar li, skont l-Artikolu 16(1) tal-“Ftehim TRIPs” (Ftehim fuq l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ) – anness tal-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea, għall-oqsma tal-kompetenza tagħha, b’Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, 94/800/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) – “[f]il-każ ta’ użu ta’ sinjal identiku fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi preżunta”. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tad-29 ta’ Ġunju 2004 fil-kawża li wasslet għas-sentenza Anheuser Busch, iċċitata iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punti 71 sa 77).


23 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 28). Il-korsiv huwa tiegħi.


24 – Il-korsiv huwa tiegħi.


25 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 51). Il-korsiv huwa tiegħi.


26 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).


27 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 21).


28 – Sentenza Arsenal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).


29Ibidem (punt 54).


30 – Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff (C-2/00, Ġabra p. I‑4187, punt 16), u Arsenal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).


31 – Sentenza tal-1  ta’ Settembru 2007 (C‑17/06, Ġabra p. I‑7041).


32 – Sentenza Arsenal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).


33 – Sentenza Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22). Il-korsiv huwa tiegħi.


34Ibidem (punt 37). Ara, bl-istess mod, anki l-punti 26 u 36 tas-sentenza Céline, iċċitata iktar ’il fuq, ipparagunati: skont l-ewwel wieħed, “l-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata jista’ jiġi pprojbit, skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, biss jekk jikser jew jekk huwa kapaċi li jikser il-funzjonijiet tat-trade mark imsemmija u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi” (il-korsiv huwa tiegħi); skont it-tieni wieħed, fejn ma jidhirx iktar it-terminu “biss”, “l-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ isem ta’ kumpannija, ta’ isem kummerċjali jew ta’ sinjal ta’ ħanut identiku għal trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark, jikkostitwixxi użu li l-proprjetarju tat-trade mark imsemmija jista’ jimpedixxi skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, jekk ikun użu għal prodotti li jaffettwa jew li jista’ jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark”.


35 – Ibidem (punt 25).


36 – Konklużjonijiet tad-29 ta’ April 1997 (punti 39 u 41 sa 42).


37 – Konklużjonijiet tat-13 ta’ Ġunju2002 (punti 46 sa47).


38 – Ara wkoll, fuq il-funzjonijiet tat-trade mark, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer tad-19 ta’ Jannar 2006 għas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Emanuel (C‑259/04, Ġabra p. I‑3089, punti 41 sa 45).


39 – F’dan is-sens, ara, għalihom kollha, il-komunikazzjoni ta’ Lord Mackenzie Stuart bit-titolu “Les travaux de la Cour de Justice des Communautés européennes”, f’Marque et droit économique – Les fonctions de la marque (atti tal-laqgħa tas-6 sas-7 ta’ Novembru 1975), Union des fabricants pour la protection internationale de la propriété industrielle et artistique, Pariġi, 1976, p. 257, b’mod partikolari l-paġni 261 sa 262.


40 – Konklużjonijiet tat-3 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża Copad, li għadha pendenti (C‑59/08, punt 50).


41 – L-immaġni effettiva tat-trade mark bħala “akkumulatur ta’ informazzjoni kkomunikata b’modi oħra” hija ta’ G. De Sena, “Il diritto dei marchi – Marchio nazionale e trade mark comunitario”, Giuffré, Milano, 2007, p. 52.


42 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Intel Corporation, sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008 (C‑252/07, Ġabra p. I-8823, punti 8 sa 13), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


43 – Sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


44 – Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et (Kawżi magħquda C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, Ġabra p. I‑3457, punt 75); Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43), u Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20, 21).


45 – Sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


46 – Sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 sa 45).


47 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembre 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 20); tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux (C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punti 27 sa 30), kif ukoll adidas u Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 sa 41).


48 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Davidoff (punt 30), Adidas-Salomon u Adidas Benelux (punti 19 sa 20) kif ukoll adidas u Adidas Benelux (punt 37).


49 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 89 sa 90 u 110 sa 113 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta' L’Oréal.


50 – Konklużjonijiet tal-31 ta’ Jannar 2008 fil-kawża li wasslet għas-sentenza O2, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).


51 – L-Avukat Ġenerali Léger, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2001 li ngħataw fil-kawża li wasslet għas-sentenza Toshiba (C‑112/99, Ġabra p. I‑7945, punt 76), osserva li d-dispożizzjoni inkwistjoni, meta tuża t-terminu “inġust”, ma setgħetx tesprimi aħjar “l-idea li parti mill-benefiċċju tal-fama ta’ trade mark tal-kompetitur tiġi żvijata inevitabbilment favur min jagħmel ir-reklamar”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


52 – Ara s-sentenzi De Landtsheer Emmanuel (punti 34 u 62) u O2 (punti 38 sa 39).


53 – Sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – Konklużjonijiet tal-10 ta’ Lulju 2003 (punt 39). Is-sentenza hija ċċitata iktar ’il fuq.


55 – Id-definizzjoni hija mtennija wkoll, permezz ta’ referenza espliċita, minn F.W. Mostert, F.W., “Famous and Well-Known Marks”, Butterworths, Londra, 1997, p. 62.


56 – Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 (C‑59/05, Ġabra p. I‑2147).


57 – Ara l-Joint Recommendation Concerning Provisions on the Protection of Well‑Known Marks adottata mill-Assemblea tal-Unjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprejtà Intellettwali (OMPI) (1999): in-Nota fuq l-artikolu 4(1)(b)(iii) ta’ dik ir-rakkomandazzjoni, li tqajjem l-ipoteżi li trade mark li tkun riproduzzjoni, imitazzjoni, traduzzjoni jew traslitterazzjoni ta’ trade mark magħrufa “tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv” tagħha, jindika li din ir-referenza għal “vantaġġ inġust” “hija intiża sabiex tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju”.


58 – Konklużjonijiet ippreżentati f’Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


59 – Iċċitata iktar ’il fuq (punti 57 u 60).


60 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).


61Ibidem (punt 24).


62 – Sentenza Toshiba, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).


63Ibidem (punt 52).


64 – Sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


65 – Ara f’dan is-sens, b’riferiment għall-vantaġġ meħud mill-awtur tar-reklamar, is-sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


66 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Toshiba (punt 56) u Siemens (punt 17).


67 – Sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Il-korsiv huwa tiegħi.


68 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


69 – Nuża t-terminu “riproduzzjoni” minflok it-terminu “falsifikazzjoni” (contraffazione), li jidher fit-test Taljan tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, billi t-tieni terminu, peress li jirreferi neċessarjament għall-ksur ta’ dritt ta’ privattiva, jidher li mhuwiex traduzzjoni xierqa tat-termini korrispondenti, iktar newtrali, li jidhru fil-verżjoni Ingliża (“replicas”) u Franċiża (“reproduction”) tal-istess dispożizzjoni.


70 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adidas‑Salomon u Adidas Benelux (punti 29 u 31), kif ukoll adidas u Adidas Benelux (punt 41).


71 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adidas‑Salomon u Adidas Benelux (punt 27), kif ukoll adidas u Adidas Benelux (punt 40).


72 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Adidas‑Salomon u Adidas Benelux, iċċitati iktar ’il fuq (punti 36 sa 39), kif ukoll, għalkemm b’referenza għall-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva 89/104, il-konklużjonijiet iċċitati iktar ‘il fuq tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Intel Corporation (punt 43) u s-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


73 – Konklużjonijiet dwar il-kawża Intel Corporation, iċċitati iktar ’il fuq (punt 62).


74 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).


75 – Sentenzi VIPS, iċċitati iktar ’il fuq (punt 40); tat-30 ta’ Jannar 2008, Japan Tobacco vs UASI‑Torrefacção Camelo (CAMELO) (T‑128/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46), u tad-19 ta’ Ġunju 2008, Mülhens vs UASI‑Spa Monopole (MINERAL SPA) (T‑93/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40). Il-korsiv huwa tiegħi.


76 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VIPS (punt 42), CAMELO (punt 65) u MINERAL SPA (punt 38). Il-korsiv huwa tiegħi.


77 – Konklużjonijiet fil-kawża Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).


78 – Mill-istess sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VIPS (punti 71 sa 72) u CAMELO (punt 65), jirriżulta, barra minn hekk, min-naħa waħda, li r-riskju ta’ vantaġġ meħud inġustament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ trade mark ta’ ħaddieħor “jista’ jipproduċi ruħu biss jekk il-pubbliku rilevanti, mingħajr ma jikkonfondi l-oriġini [tal-prodotti inkwistjoni], kellu attrazzjoni partikolari” għall-prodott ta’ min japplika għar-reġistrazzjoni “għall-unika raġuni li huwa kopert” minn sinjal identiku jew simili għat-trade mark magħrufa u, min-naħa l-oħra, li teħtieġ il-prova tal-assoċjazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma’ kwalitajiet pożittivi tat-trade mark magħrufa preċedenti.


79 – Fil-każ tar-reklamar komparattiv, ir-raġuni ġusta għall-użu tat-trade mark tal-kompetitur jidhirli li hija inerenti fil-ħarsien, min-naħa tal-messaġġ ta’ reklamar, tal-kundizzjonijiet ta’ legalità taħt l-Artikolu 3a(1)(b) u (c) tad-Direttiva 84/450. Għal dik ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur Komunitarju ma ħassx li kien meħtieġ li jieħu mill-Artikolu 3(1)(g) ta’ dik id-direttiva l-kundizzjoni dwar l-użu mhux immotivat tas-sinjal li iżda tidher fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.


80 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68). Kif uriet l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet għas-sentenza msemmija (punt 65), ir-riskju li jinkiseb vantaġġ inġust mit-trade mark magħrufa jkun iktar għoli ikbar ma tkun ir-reputazzjoni tagħha u iktar ma jkunu qrib l-oqsma tas-suq li għalihom jappartjenu l-prodotti immarkati rispettivament mis-sinjal u mit-trade mark magħrufa.


81 – Ara s-sentenza Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).