Language of document : ECLI:EU:C:2020:477

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji – Direttiva 2002/65/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali segwit b’operazzjonijiet suċċessivi – Applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65/KE għall-ftehim inizjali biss – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘kuntratt għal servizzi finanzjarji’ – Ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self li jbiddel ir-rata tal-interessi ffissata inizjalment”

Fil-Kawża C‑639/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

KH

vs

Sparkasse Südholstein,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal KH, minn C Rugen, Rechtsanwalt,

–        għal Sparkasse Südholstein, minn F. van Alen, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KH u Sparkasse Südholstein dwar id-dritt ta’ rtirar ta’ KH għal dak li jirrigwarda ftehimiet ta’ emenda ta’ kuntratti ta’ self li jbiddlu r-rati ta’ interessi ffissati inizjalment.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 1, 3, 13, 16 sa 18 tad-Direttiva 2002/65 jgħidu li:

“(1)      Huwa mportanti, fil-kuntest li jintlaħħqu l-miri tas-suq singolu, li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jikkonsolidaw progressivament dan is-suq u dawk il-miżuri għandhom jikkontribwxxu biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, skond l-Artikoli 95 u 153 tat-Trattat.

[…]

(3)      […] Sabiex tiġi s-salvagwardata l-libertà ta’ l-għażla, li hija dritt essenzjali tal-konsumatur, grad għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex tiġi mtejjba l-kunfidenza tal-konsumatur f’bejgħ b’distanza.

[…]

(13)      Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi garantit b’din id-Direttiva, bl-iskop li jiġi assigurat il-moviment ħieles ta’ servizzi finanzjarji. L-Istati Membri m’ għandhomx ikunu jistgħu jadottaw disposizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha.

[…]

(16)      Kuntratt singolu li jinvolvi operazzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jista’ jkun suġġett għal trattament legali differenti fl-Istati Membri differenti, imma huwa importanti li din id-Direttiva tiġi applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Għal dak l-iskop, huwa approprjat li din id-Direttiva għandha tiġi kunsidrata li tapplika għall-ewwel minn serje ta’ operazzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien li jistgħu jiġu kunsidrati bħala li jiffurmaw entità sħiħa, irrispettivament minn jekk dik l-operazzjoni jew serje ta’ operazzjonijeit hija s-suġġett ta’ kuntratt singolu jew diversi kuntratti suċċessivi.

(17)      ‘Ftehim inizjali ta’ servizz’ jista’ jiġi kunsidrat bħala per eżempju l-ftuħ ta’ kont tal-bank, l-akkwist ta’ karta ta’ kreditu, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ amministrazzjoni ta’ portfolio, u ‘operazzjonijiet’ jistgħu jiġu kunsidrati bħala per eżempju id-depożitu jew l-irtirar ta’ fondi lejn jew mill-kont tal-bank, ħlas b’karta ta’ kreditu, operazzjonijiet magħmula fil-kwadru ta’ kuntratt ta’ amministrazzjoni ta’ portfolio. Iż-żieda ta’ elementi ġodda għal ftehim inizjali ta’ servizz, bħall-possibiltà li jintuża strument elettroniku ta’ ħlas flimkien mal-kont tal-bank proprju eżistenti, ma jikkostitwix ‘operazzjoni’ imma kuntratt addizzjonali li tapplika għalih din id-Direttiva. Is-sottoskrizzjoni għal unitajiet ġodda ta’ l-istess fond ta’ investiment kollettiv huwa kunsidrat bħala wieħed mill-‘operazzjonijiet suċċessivi ta’ l-istess natura’.

(18)      Billi tiġi koperta skema ta’ provvista ta’ servizzi organizzata mill-provveditur tas-servizzi finanzjarji, din id-Direttiva timmira biex teskludi mill-qasam ta’ applikazzjoni tagħha servizzi provduti fuq bażi strettament okkażjonali u barra struttura kummerċjali dedikata għall-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-għan u l-qasam ta’ l-applikazzjoni”, jistabbilixxi li:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur.

2.      Fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali ta’ servizz segwit b’operazzjonijiet suċċessivi jew serje ta’ operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien, id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-ftehim inizjali.

Fil-każ li ma jkun hemm ebda ftehim inizjali ta’ servizz imma l-operazzjonijiet suċċessivi jew l-operazzjonijeit separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jitwettqu bejn l-istess partijiet kontraenti [l-Artikoli 3 u 4 japplikaw biss meta l-ewwel operazzjoni tkun imwettqa]. Meta, madankollu, ebda operazzjoni ta’ l-istess natura ma titwettaq għal iktar minn sena, l-operazzjoni li jmiss titqies li tkun l-ewwel f’serje ġdida ta’ operazzjonijiet u, għalhekk, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 4.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘kuntratt b’distanza’ jfisser kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur, li, għall-iskop ta’ dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt[;]

(b)      ‘servizz finanzjarju’ jfisser kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

(ċ)      ‘fornitur’ ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika, pubblika jew privata, li waqt li taġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tagħha, hija l-provveditriċi kontrattwali ta’ servizzi soġġetta għal kuntratti b’distanza;

(d)      ‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti b’distanza koperti b’din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra n-negozju, l-kummerċ jew il-professjoni tagħha;

[…]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt b’distanza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fi żmein tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt ta’ distanza jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna:

[…]

(3)      il-kuntratt b’distanza

(a)      l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar skond l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta’ rtirat, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista’ jkun meħtieġ li jħallas abbażi ta’ l-Artikolu 7(1), kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dak id-dritt;

[…]

2.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li l-iskop kummerċjali tagħha għandu jkun ċar, għandha tiġi provduta b’mod ċar u li jinftiehem fi kwalunkwe mod approprjat għall-mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza użat, b’qies dovut, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ fidi tajba f’operazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri, jagħtu l-kunsens tagħhom, bħal minuri.

[…]”

7        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”, jistabbilixxi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14‑il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. […]

Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:

–        jew mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt b’distanza, ħlief fir-rigward ta’ l-imsemmija assigurazzjoni tal-ħajja, meta l-limiu ta’ żmien jibda minn meta l-konsumatur hu infurmat li l-kuntratt b’distanza ġie konkluż, jew

–        mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni skond l-Artikolu 5(1) jew (2), jekk dan hu iktar tard mid-data msemmija fl-ewwel inċiż.

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’ għandux japplika għal:

(a)      kwalunkwe kreditu maħsub primarjament għall-iskop ta’ akwiżizzjoni jew żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fl-art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat, jew għall-iskop ta’ rinovazzjoni jew titjib ta’ bini, jew

(b)      kull kreditu assigurat jew b’ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli […]

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

8        L-Artikolu 312b(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), huwa fformulat kif ġej:

“Kuntratti mill-bogħod huma kuntratti għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur esklużivament bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ħlief meta l-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ skema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod. Is-servizzi finanzjarji fis-sens tal-ewwel sentenza huma kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas.”

9        L-Artikolu 312d tal-BGB jirrikonoxxi lill-konsumatur li kkonkluda kuntratt mill-bogħod dritt ta’ rtirar u jippreċiża essenzjalment li t-terminu ta’ rtirar ma jibdiex jiddekorri qabel ma l-obbligi ta’ informazzjoni f’dan is-sens ikunu ġew issodisfatti u, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, mhux qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

10      Skont l-Artikolu 495(1) tal-BGB:

“Fil-każ ta’ kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ irtirar […]”

11      Il-kontenut tal-Artikoli 312b u 312d tal-BGB ġie emendat mill-Gesetz zur Umsetzung der Verbraucherrechterichtlinie und zur Änderung des Gesetzes zur Regelung der Wohnungsvermittlung (il-Liġi li Tittrasponi d-Direttiva dwar il-Konsumaturi u li Temenda l-Liġi dwar l-Aġenziji tal-Proprjetà Immobbli), tal‑20 ta’ Settembru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3642). L-Artikolu 229(32) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttiva tal-Kodiċi Ċivili) jipprevedi madankollu li l-emendi hekk magħmula lill-BGB ma humiex rilevanti għall-ftehimiet konklużi qabel it‑13 ta’ Ġunju 2014. Barra minn hekk, mill-imsemmi Artikolu 229(32) jirriżulta li d-dritt ta’ rtirar ta’ konsumatur ma jintemmx għall-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji sakemm il-konsumatur, fir-rigward ta’ kuntratt mill-bogħod konkluż qabel it‑13 ta’ Ġunju 2014, ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ rtirar tiegħu jew ma jkunx ġie informat b’mod konformi mar-rekwiżiti legali fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

12      L-Artikolu 495 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2002 sat‑12 ta’ Ġunju 2014, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Fil-każ ta’ kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ irtirar skont l-Artikolu 355.”

13      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 355 tal-BGB kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li:

“Id-dritt ta’ rtirar jintemm sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, it-terminu jibda jiddekorri biss mar-riċezzjoni tagħhom min-naħa tad-destinatarju. B’deroga mill-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jintemmx jekk il-konsumatur ma jkunx ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu; fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod għal servizzi finanzjarji, dan id-dritt lanqas ma jintemm jekk il-fornitur ma jkunx wettaq debitament l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 312c(2).”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Fl‑1 ta’ Lulju 1994, fis‑17 ta’ Lulju 1994 u fl‑4 ta’ Novembru 1999, l-istabbiliment bankarju li tiegħu Sparkasse Südholstein hija l-aventi kawża kkonkluda tliet kuntratti ta’ self ma’ KH. L-ewwel kuntratt, fl-ammont ta’ 114 000 mark Ġermaniż (DEM) (madwar EUR 57 000) u bir-rata ta’ interessi ta’ 6.95 %, kien jirrigwarda l-finanzjament ta’ proprjetà immobbli u kien iggarantit permezz ta’ garanzija in rem fuq proprjetà immobbli. It-tieni kuntratt, fl-ammont ta’ DEM 112 000 (madwar EUR 56 000) u bir-rata ta’ interessi ta’ 5.7 %, kien jirrigwarda wkoll il-finanzjament ta’ proprjetà immobbli u kien iggarantit permezz ta’ garanzija in rem fuq proprjetà immobbli. Fir-rigward tat-tielet kuntratt, fl-ammont ta’ DEM 30 000 (madwar EUR 15 000) u bir-rata ta’ interessi ta’ 6.6 %, dan kien jirrigwarda l-finanzjament ta’ oġġetti ta’ konsum.

15      Il-klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dawn il-kuntratti kienu jipprevedu li kull parti kellha d-dritt li titlob, wara ċertu terminu, l-adattament tar-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment u li, fin-nuqqas ta’ dan, l-istabbiliment li jsellef ikun jista’ jiffissa rata ta’ interessi varjabbli paragunabbli għal dik applikata għas-self ta’ dan it-tip.

16      Konformement ma’ dawn il-klawżoli, il-partijiet ikkonkludew, matul is-snin 2008 sa 2010, billi użaw esklużivament tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ftehimiet ta’ emenda ta’ tliet kuntratti, dwar l-iffissar ta’ rati ġodda ta’ interessi annwali. Fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet ta’ emenda, Sparkasse Südholstein ma informatx lil KH li hija kienet tibbenefika minn dritt ta’ rtirar.

17      Permezz ta’ dikjarazzjoni tat‑2 ta’ Settembru 2015, li Sparkasse Südholstein irċeviet fit‑8 ta’ Settembru 2015, KH informat lil din tal-aħħar li hija kellha l-intenzjoni li tirtira mill-ftehimiet ta’ emenda. Wara li enfasizzat li dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, kuntratt mill-bogħod, hija sostniet li, peress li ma kinitx ġiet informata bid-dritt ta’ rtirar tagħha, hija kien għad kellha l-possibbiltà li tirtira, skont l-Artikolu 495(1) tal-BGB jew, sussidjarjament, skont l-Artikolu 312d(1) tal-BGB.

18      KH ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja) sabiex jiġi kkonstatat li l-irtirar mill-ftehimiet ta’ emenda tat-tieni u tat-tielet kuntratt kellu bħala effett it-tneħħija ta’ kull ftehim bejn il-partijiet dwar ir-rati ta’ interessi miftiehma permezz ta’ dawn il-ftehimiet ta’ emenda, u sabiex Sparkasse Südholstein tiġi kkundannata tirrimborsaha l-interessi u l-ammont prinċipali mħallsa mill-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ emenda, kif ukoll l-ispejjeż imħallsa għaż-żamma tal-kont, u tħallasha kumpens.

19      Sparkasse Südholstein talbet li r-rikors jiġi miċħud billi kkontestat l-eżistenza ta’ dritt ta’ KH li tirtira mill-ftehimiet ta’ emenda. Fil-fatt, skont l-istabbiliment bankarju, minbarra li l-kuntratti inizjali ma kinux ġew konklużi bl-użu ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, il-ftehimiet ta’ emenda, li ma kinux jirrigwardaw servizzi finanzjarji oħra, ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rtirar separat. Sussidjarjament, jekk jitqies li l-irtirar imwettaq minn KH huwa validu, l-unika konsegwenza tkun l-annullament tal-ftehimiet ta’ emenda, u mhux dik tal-kuntratti inizjali, u dawn jibqgħu b’interessi b’rati varjabbli skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

20      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi minn jekk il-ftehimiet ta’ emenda għandhomx jitqiesu, l-ewwel nett, bħala li ġew konklużi fil-kuntest ta’ skema ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod organizzata mill-fornitur, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, u, it-tieni nett, bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratti li jikkonċernaw servizzi finanzjarji”, imsemmi f’din l-istess dispożizzjoni. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-risposta għal din it-tieni domanda hija neċessarja sabiex tkun tista’, jekk ikun il-każ, tapplika għall-kawża prinċipali l-Artikolu 312b(1) kif ukoll l-Artikolu 312d(1) u (2) tal-BGB, u żżid li, skont ir-rieda tal-leġiżlatur Ġermaniż, il-kunċett ta’ “kuntratti dwar il-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 312b(1) tal-BGB, għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2002/65.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kuntratt ta’ self eżistenti li huwa emendat biss fir-rigward tal-ammont tar-rata tal-interessi miftehma (ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi) jikkostitwixxi kuntratt ‘[konkluż] taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur’, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2002/65], meta bank li għandu numru ta’ fergħat jikkonkludi kuntratti ta’ self għall-finanzjament ta’ proprjetà immobbli li huma ggarantiti permezz ta’ titoli ta’ proprjetà immobbli unikament fl-aġenziji tiegħu, iżda li fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kummerċjali kuntrattwali kontinwi, kultant jikkonkludi kuntratti li jemendaw kuntratti ta’ self diġà konklużi biss permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod?

2)      Il-kunċett ta’ ‘kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE, jinkludi l-emenda ta’ kuntratt ta’ self eżistenti, meta din l-emenda tirrigwarda biss ir-rata tal-interessi maqbula (ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi) mingħajr ma testendi t-tul ta’ self jew temenda l-ammont tas-self?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

22      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-ftehim ta’ emenda jillimita ruħu li jbiddel ir-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment, mingħajr ma jestendi t-tul tal-imsemmi self jew ibiddel l-ammont tiegħu, u meta l-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ emenda jew, fin-nuqqas tiegħu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli.

23      Qabelxejn, għandu jiġi osservat, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-Direttiva 2002/65 tipproċedi, bħala prinċipju, għall-armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti li hija tirregola u li, konsegwentement, il-formulazzjoni tagħha għandha tingħata interpretazzjoni komuni għall-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Romano, C‑143/18, EU:C:2019:701, punti 34 u 55).

24      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandha normalment tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, li jinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi osservat li r-riferiment magħmul fih għas-“servizzi finanzjarji” jikkostitwixxi l-element distintiv ta’ dan il-kunċett, peress li jirrigwarda l-identifikazzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ kuntratti.

26      L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz finanzjarju” bħala li jkopri kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas.

27      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, kuntratt ta’ kreditu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-obbligu karatteristiku tiegħu huwa l-għoti stess tas-somma mislufa, filwaqt li l-obbligu tal-persuna li tissellef li tirrimborsa din is-somma huwa biss il-konsegwenza tal-eżekuzzjoni tas-servizz mill-persuna li ssellef (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 41).

28      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li minnu jagħmel parti l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi osservat, hekk kif semmew, ġustament, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu “ftehim inizjali ta’ servizz” segwit minn operazzjonijiet oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikaw biss, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tagħha, għall-ftehim inizjali ta’ servizz. It-tieni sentenza tal-premessa 17 tal-imsemmija direttiva tippreċiża f’dan ir-rigward li l-fatt li jiżdiedu elementi ġodda mal-ftehim inizjali ma jikkostitwixxix “operazzjoni”, iżda ftehim addizzjonali li għalih tapplika din l-istess direttiva.

29      Issa, fid-dawl tal-eżempji ta’ operazzjonijiet ipprovduti fl-istess premessa 17, għandu jitqies li l-iffissar, permezz ta’ ftehim ta’ emenda, ta’ rata ta’ interessi ġdida, b’eżekuzzjoni ta’ klawżola ta’ negozjar mill-ġdid diġà prevista mill-ftehim inizjali, li timponi, fin-nuqqas ta’ ftehim, klawżola sussidjarja li tistabbilixxi rata ta’ interessi varjabbli, la jikkostitwixxi operazzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/65 u lanqas iż-żieda ta’ elementi mal-ftehim inizjali.

30      Għalhekk, minn interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll sistematika tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 jirriżulta li “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji” għandu jitqies bħala kuntratt li jipprevedi l-provvista ta’ tali servizzi. Issa, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-ftehim ta’ emenda kkonċernat ikollu biss l-għan li jadatta r-rata ta’ interessi dovuta inkambju għal servizz diġà miftiehem.

31      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-analiżi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2002/65 li minnhom jirriżulta li din tkopri, bħala prinċipju, il-ftehimiet li jirrigwardaw l-obbligu karatteristiku li għandu jiġi pprovdut mill-fornitur. Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-konsumatur għandu, b’mod partikolari, jiġi informat kompletament bl-identità tal-fornitur jew bil-karatteristiċi prinċipali tas-servizz finanzjarju, inkluż bl-eżistenza jew bl-assenza ta’ dritt ta’ rtirar. Issa, fil-każ ta’ ftehim ta’ emenda li jirrigwarda biss ir-rata ta’ interessi, informazzjoni ġdida lill-konsumatur dwar dawn l-aspetti tkun irrilevanti.

32      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessi 3 u 13 tagħha, din għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sabiex tiżdied il-fiduċja tagħhom fil-bejgħ mill-bogħod u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji.

33      Issa, tali għan ma jeżiġix neċessarjament li, fil-każijiet fejn, skont klawżola inizjali ta’ kuntratt ta’ self, ftehim ta’ emenda ta’ dan il-kuntratt jistabbilixxi rata ta’ interessi ġdida, dan il-ftehim ta’ emenda għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ġdid li jikkonċerna servizzi finanzjarji.

34      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-ftehim ta’ emenda jillimita ruħu li jbiddel ir-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment, mingħajr ma jestendi t-tul tas-self jew ibiddel l-ammont tiegħu, u meta l-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ emenda jew, fin-nuqqas tiegħu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli.

 Fuq l-ewwel domanda

35      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li l-ewwel domanda tingħata risposta.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-ftehim ta’ emenda jillimita ruħu li jbiddel ir-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment, mingħajr ma jestendi t-tul tas-self jew ibiddel l-ammont tiegħu, u meta l-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ emenda jew, fin-nuqqas tiegħu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.