Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Marzu 2012 - Tioxide Europe et vs Il-Kunsill

(Kawża T-116/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Tioxide Europe Ltd (Billingham, ir-Renju Unit); Tioxide Europe Srl (Scarlino, l-Italja); Tioxide Europe SL (Huelva, Spanja); u Huntsman (Holdings) Netherlands BV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: D. Arts, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011, tad-19 ta' Diċembru 2011, li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli, tas-sajd u industrijali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1255/96 (ĠU L 349, p 1), sa fejn jissospendi d-dazju fuq l-importazzjoni impost fuq id-dijosisidu tat-titanju rutile li għandu piż ta' 90 % jew iktar ta' diossidu tat-titanju, mhux iktar minn 4 % tad-diossidu tal-aluminju u mhux iktar minn 6 % tad-dijossidu tas-silikon (kodiċi NM 3206 11 00) u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-obbligu ta' motivazzjoni

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill, meta ssospenda d-dazju fuq l-importazzjoni għall-prodott inkwistjoni, ma ssodisfax l-obbligu tiegħu impost fuqu li jipprovdi motivazzjoni xierqa.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jikkunsidraw li r-Regolament (UE) Nru 1344/2011 jikser l-Artikoli 31 u 32 TFUE sa fejn il-Kunsill, meta bbaża ruħu fuq proposta illegali tal-Kummissjoni mingħajr ma eżamina l-fatti rilevanti, wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li meta l-Kunsill issospenda t-tariffa fir-regolament ikkontestat, huwa kiser il-prinċipju ta' proporzjonalità, minkejja li seta' jieħu miżura inqas vinkolanti (jiġifieri kwota ta' tariffa), peress li "prodotti identiċi, ekwivalenti jew ta' sostituzzjoni" kienu qed jiġu mmanifatturati fl-Unjoni.

____________