Language of document : ECLI:EU:F:2011:167

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑70/05

Harald Mische

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ħatra — Kandidat li għadda minn kompetizzjoni ppubblikata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda iżda ffinalizzata wara dan id-dħul fis-seħħ — Klassifikazzjoni fi grad b’applikazzjoni tar-regoli l-ġodda li huma inqas favorevoli”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu H. Mische jitlob, qabelxejn, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Novembru 2004, li tiffissa l-klassifikazzjoni tiegħu fil-Grad A⃰6, skala 2, sussegwentement, li jiġi stabbilit mill-ġdid fid-drittijiet kollha tiegħu li jirriżultaw minn klassifikazzjoni fi grad regolari u, fl-aħħar nett, l-għoti tad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, parti intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(5); Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Kwalità ta’ uffiċjal — Kundizzjonijiet għall-kisba

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 3)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2(1) u 12(3); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 1(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 1(2) u 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

6.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 5(4); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

7.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      Taħt piena ta’ ostakolu ta’ kull żvilupp leġiżlattiv, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jostakola l-libertà tal-leġiżlatur li jagħmel, fi kwalunkwe mument, l-emendi lir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis li huma konformi mal-interess tas-servizz, fl-assenza ta’ drittijiet miksuba, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li huma inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali.

Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li, fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni sabiex jiddetermina r-regoli tal-klassifikazzjoni applikabbli matul il-ħatra tal-kandidati li jkunu għaddew mill-kompetizzjoni ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, iżda mniżżla f’lista ta’ riżerva u rreklutati wara din id-data, minħabba li din il-pubblikazzjoni fiha nnifisha toħloq, fir-rigward tal-karriera, drittijiet miksuba favur il-kandidati.

Fil-fatt, sa fejn dan jiddefinixxi kriterji ġodda ta’ klassifikazzjoni fil-grad applikabbli matul ir-reklutaġġ tal-kandidati li jkunu għaddew minn kompetizzjonijiet ippubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, imniżżla f’listi ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati bejn dawn iż-żewġ dati, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa konformi mal-prinċipju li jgħid li, fil-każ ta’ modifika ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali u, b’mod mhux komuni, ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regola l-ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu, mingħajr madankollu ma jkunu totalment ikkostitwiti, fl-ambitu tar-regola preċedenti. Issa, dritt jitqies li huwa miksub biss meta l-fatt li jiġġenerah ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni fil-grad ta’ kandidat li jkun għadda minn kompetizzjoni, din il-klassifikazzjoni ma tistax titqies bħala li ilha miksuba għal tant żmien li l-persuna kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ħatra f’forma debita.

Bl-istess mod, il-leġiżlatur seta’, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza, iżomm id-data ta’ reklutaġġ deċiża mill-Awtorità tal-Ħatra, li hija element oġġettiv u indipendenti mir-rieda tal-leġiżlatur bħala kriterju li jirregola, skont il-każ, l-applikazzjoni tar-regoli tal-klassifikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti jew ta’ dawk introdotti bir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istess konklużjoni għandha tingħata fir-rigward tal-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema artikolu huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

(ara l-punti 63, 64, 67, 127 u 128)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il-Kummissjoni, 178/80, punt 19; 6 ta’ Ottubru 1982, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 9/81, punt 21; 4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il-Parlament, C‑496/08 P, punt 84

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Novembru 2003, Cougnon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑240/01, punt 70; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T-135/05, punt 105; 11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T-93/03, punt 110, u Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T-58/05, punti 51, 53, 61, 81, 86, 113 u 124

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il-Kunsill, F‑54/06, punt 81

2.      Mill-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-ħatra ta’ uffiċjal neċessarjament toriġina minn att unilaterali tal-Awtorità tal-Ħatra u li huwa biss wara li jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni li kandidat li jkun għadda minn kompetizzjoni jista’ jikkontesta l-kwalità ta’ uffiċjal u, għaldaqstant, jitlob li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għalhekk, billi l-kandidati li jkunu għaddew minn kompetizzjoni li jkunu tniżżlu f’listi tal-kandidati xierqa ma għandhom, f’din il-kwalità, ebda dritt miksub li jinħatru, iżda huma biss eliġibbli li jinħatru, id-dritt tagħhom għal klassifikazzjoni fi grad partikolari ma jistax, a fortiori, jitqies bħala li ilu kkostitwit tant żmien li huma ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ħatra fil-forma dovuta.

(ara l-punti 65, 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Lulju 2010, Lesniak vs Il-Kummissjoni, F-67/06, punt 106; 28 ta’ Ottubru 2010, Sørensen vs Il-Kummissjoni, F-85/05, punt 92

3.      Mill-prinċipju li jgħid li l-legalità ta’ att tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tagħha jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ kandidat li jkun għadda minn kompetizzjoni li jkun tniżżel f’lista ta’ riżerva u rreklutat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, setgħet biss tiġi stabbilita legalment b’applikazzjoni tal-kriterji fis-seħħ f’din id-data. Issa, dawn il-kriterji ġodda ġew iffissati, matul il-perijodu tranżitorju ta’ bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, permezz tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, uffiċjal ma jistax isostni li l-gradi kif kienu qabel ir-riforma komplew jeżistu matul il-perijodu tranżitorju taħt l-isem il-ġdid previst mill-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, kellha l-għan biss li, matul l-istess perijodu, tagħti isem ġdid lill-gradi miżmuma mill-persuni li fit-30 ta’ April 2004 kellhom il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal temporanju u li wara din id-data żammewha, iżda ma kellhiex l-għan li żżomm il-gradi l-antiki, b’dan l-isem il-ġdid, favur dawk li ma kinux jinsabu f’din is-sitwazzjoni.

(ara l-punti 70, 71)

4.      Kandidat li jkun għadda minn kompetizzjoni rreklutat wara l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra ma jistax jallega li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel mal-kandidati li jkunu għaddew minn kompetizzjonijiet simili għal dik li jkun għadda minnha huwa u li ġew irreklutati qabel din id-data, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu bħala li kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali tiegħu.

F’dan ir-rigward, il-fatt li istituzzjoni setgħet, bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tnaqqas ir-ritmu tal-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni sabiex tirrekluta, bi prijorità, kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet f’data preċedenti ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ reklutaġġ tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, anki jekk jiġi presuppost li xi kompetizzjonijiet u reklutaġġi setgħu ġew ittrattati bi prijorità, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità li permezz tiegħu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità li kienet twettqet favur xi ħadd ieħor.

(ara l-punti 72, 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 154 u 155

5.      Minn qari tal-Artikolu 1(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal flimkien mal-Artikolu 12(3) tal-istess anness jirriżulta li l-kelma “reklutati” li tinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni għandha sens preċiż u li din għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-uffiċjali li daħlu fis-servizz, f’din il-kwalità, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006 f’impjieg li sar aċċessibbli wara l-iskrizzjoni tagħhom, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, f’lista ta’ kandidati xierqa li tagħlaq kompetizzjoni ppubblikata taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti.

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-grad ta’ uffiċjal ġdid, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, qabel, il-persuna kkonċernata kienet membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal awżiljarju. F’dan ir-rigward, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni partikolari li tirrigwarda punt partikolari tar-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal temporanji jew awżiljari li jkunu kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet ġenerali ma għandhomx id-dritt miksub għal trattament speċifiku u, għaldaqstant, għandhom jiġu assimilati ma’ kandidati esterni li jkunu għaddew minn tali kompetizzjonijiet.

Għaldaqstant, l-attribuzzjoni lil uffiċjal, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ klassifikazzjoni fi grad inferjuri għal dak li huwa kellu bħala membru tal-persunal mhux permanenti filwaqt li huwa baqa’ assenjat fl-istess pożizzjoni li huwa kien ilu jokkupa sa mill-1 ta’ Mejju 2004 u jeżerċita funzjonijiet identiċi, jew saħansitra iktar importanti milli kellu fil-passat, ma tistax titqies bħala diskriminatorja.

(ara l-punti 75, 76, 78 u 80)

6.      Iċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur, billi adotta l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ħa ħsieb li l-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni li għandha l-għan jew l-effett li tippermetti l-mogħdija għal kategorija superjuri jkunu jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jinħatru bħala uffiċjali bi prova, fil-grad li huma kellhom fil-kategorija preċedenti ma tirriżultax f’differenzazzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata, favur tagħhom, meta mqabbla mal-membri tal-persunal temporanji, kandidati li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali, irreklutati bħala uffiċjali fil-kategorija li huma jappartjenu għaliha. Fil-fatt, dawn l-aħħar membri temporanji ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni li għandha l-għan jew l-effett li tippermetti l-mogħdija għal kategorija superjuri u għaldaqstant avvanz deċiżiv fil-karriera tagħhom.

Barra dan, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi Artikolu 5(4) sabiex ma tittiħidx inkunsiderazzjoni l-interpożizzjoni bejn il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju u l-ħatra bħala uffiċjal bi prova ta’ perijodu ta’ xogħol bħala membru tal-persunal awżiljarju, tkun ta’ natura li tikser l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati li jkunu għaddew mill-istess kompetizzjoni ġenerali, liema kandidati jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ta’ liġi komparabbli u għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess trattament, b’mod partikolari fil-qasam tal-klassifikazzjoni, bla ħsara għal-libertà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li f’kull mument jintroduċi, fir-Regolamenti tal-Persunal, l-emendi kollha li huwa jqis li huma konformi mal-interess tas-servizz.

(ara l-punt 85)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Lesniak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 sa 61, u l-ġurisprudenza ċċitata; Sørensen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54

7.      Uffiċjal ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, b’mod partikolari f’qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, xejn ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li setgħet ipprovdietlu l-amministrazzjoni, u dan peress li dawn l-assigurazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli.

Ex membru tal-persunal awżiljarju maħtur bħala uffiċjal bi prova wara l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, wara li jkun ipparteċipa f’kompetizzjoni ppubblikata qabel din id-data, ma jistax jipprevalixxi ruħu, fl-assenza ta’ allużjoni għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal fl-avviż tal-kompetizzjoni, minn assigurazzjonijiet ta’ istituzzjoni li jistgħu joħolqu fih aspettattivi leġittimi għaż-żamma tal-kriterji tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni fi grad tal-uffiċjali. Fil-fatt, l-aspettattivi leġittimi jeħtieġu impenn espress; silenzju ma huwiex biżżejjed.

(ara l-punti 133, 134, 136 u 137)



Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C-443/07 P, punt 91

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2002, Wasmeir vs Il-Kummissjoni, T‑381/100, punt 106; 4 ta’ Mejju 2005, Castets vs Il-Kummissjoni, T-398/03, punt 34; 23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T-282/02, punt 77; Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95; 4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, punt 117