Language of document : ECLI:EU:T:2015:514

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Regoli dwar l-imputabbiltà tal-prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha – Preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑436/10,

HIT Groep BV, stabbilita f’Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn G. van der Wal, G. Oosterhuis u H. Albers, sussegwentement minn G. van der Wal u G. Oosterhuis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel, S. Noë u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

65      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2010, Hit Groep ippreżentat dan ir-rikors.

66      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2010, Nedri talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, liema intervent ġiet aċċettat mill-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Frar 2011. Madankollu, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2013, Nedri informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qiegħda tirtira l-intervent tagħha. Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, Nedri tħassret mill-Kawża T-436/10 bħala intervenjenti.

67      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2011, Hit Groep talbet awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta motiv ġdid fid-dawl ta’ elementi li allegatament ħarġu għall-ewwel darba fir-risposta.

68      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda. Il-Kummissjoni onorat din it-talba fis-16 ta’ Ġunju 2011.

69      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2011, Hit Groep ikkonfermat li kienet qiegħda titlob sabiex titħalla tadatta l-motivi tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

70      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

71      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fl-20 ta’ Ottubru 2011 bil-preżentata, mill-Kummissjoni, tal-kontroreplika fil-lingwa tal-kawża.

72      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar it-talba għall-adattament tal-motivi mressqa mir-rikorrenti fir-replika kif ukoll dwar l-osservazzjonijiet li kienet ippreżentat fid-dawl tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

73      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża fit-3 ta’ Ottubru 2013.

74      Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fit-8 ta’ Novembru 2013.

75      Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet numru ta’ domandi bil-miktub lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fis-6 ta’ Frar 2014. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2014.

76      Fl-14 ta’ Mejju 2014, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

77      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2014.

78      Hit Groep titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha, u, b’mod partikolari, l-punt 9(b) tal-Artikolu 1, il-punt 9 tal-Artikolu 2 u l-punt 22 tal-Artikolu 4;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas skont il-mod li tqis adegwat l-ammont tal-multa imposta fuqha fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

79      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Hit Groep għall-ispejjeż.

 Id-dritt

80      Hit Groep tippreżenta, b’mod prinċipali, tliet motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll żewġ motivi b’mod sussidjarji insostenn, din id-darba, tat-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha.

81      Hit Groep ippreżentat ukoll motiv ieħor, is-sitt motiv, b’mod komplementari matul l-iżvolġiment tal-proċedura bil-miktub.

82      L-ewwel motiv huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Hit Groep għat-twettiq ta’ ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002.

83      It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Hit Groep, li ma baqgħatx attiva ekonomikament mill-1 ta’ Novembru 2004, hija kuntrarja għall-għanijiet tal-Artikolu 101 TFUE, għall-politika Ewropea fil-qasam tal-multi u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn fil-fatt din il-multa la kienet adegwata u lanqas neċessarja.

84      It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-argument li huwa żbaljat li Hit Groep tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri.

85      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq Hit Groep huwa żbaljat sa fejn il-Kummissjoni:

–        billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Hit Groep għas-sena 2003, kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-ewwel parti);

–        kien imissha tatha l-istess tnaqqis bħalma tat lil Nedri fil-kuntest tal-klemenza, sa fejn ir-responsabbiltà tagħha ma tistax tmur lil hinn minn dik ta’ Nedri (it-tieni parti);

–        wettqet kalkolu distint tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha meta kien imissha llimitat din il-multa għal frazzjoni tal-multa li kienet imposta fuq Nedri, peress li hija kienet miżmuma biss responsabbli in solidum għall-multa li kienet imposta fuq din tal-aħħar (it-tielet parti);

–        kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, tat-tul limitat li fir-rigward tiegħu nżammet responsabbli għall-ksur imwettaq minn Nedri (ir-raba’ parti).

86      Il-ħames motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni.

87      Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-ammont bażiku tal-multa ġie kkalkolat fuq perijodu ta’ attività ta’ Nedri li huwa itwal mill-perijodu li fir-rigward tiegħu Hit Groep inżammet responsabbli in solidum għas-sussidjarja tagħha.

88      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti qajmet motiv ieħor, is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli mill-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ewwel tliet motivi

 Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

89      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti kellha 100 % mill-ishma ta’ Nedri u li għaldaqstant seta’ jiġi preżunt l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, preżunzjoni li skont il-Kummissjoni r-rikorrenti ma rnexxilhiex tirribatti (premessi 804 sa 812 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li Nedri kellha tinżamm responsabbli għall-ksur mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-19 ta’ Settembru 2002 u ddikjarat lir-rikorrenti responsabbli in solidum flimkien ma’ Nedri għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002 (premessa 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 101 TFUE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, f’sett ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-azzar għall-prestressing fis-suq intern u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE:

[…]

9.      Impriżi tal-grupp Nedri:

a)      Nedri Spanstaal BV mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-19 ta’ Settembru 2002 u

b)      Hit Groep BV mill-1 ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ Jannar 2002.”

92      Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timponi, minn naħa, multa ta’ EUR 5 056 500 fuq Nedri u Hit Groep in solidum, u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 1 877 500 fuq Hit Groep.

L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Hit Groep għat-twettiq ta’ ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

93      Essenzjalment, Hit Groep issostni li, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kemm fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà in solidum tagħha ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fuq il-bażi biss tal-kwalità tagħha ta’ azzjonista li kkontrollat u eżerċitat influwenza determinanti fuq Nedri.

94      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni madankollu fl-istess ħin ikkonkludiet, mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għal din il-konklużjoni u mingħajr ma mmotivat id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt, li r-rikorrenti kienet kisret hija stess l-Artikolu 101 TFUE.

95      Hit Groep issostni li għalkemm il-ksur jista’, jekk ikun il-każ, jiġi imputat lilha, dan ma jfissirx madankollu li dan il-ksur kien materjalment twettaq minnha. Hija tqis li fil-fatt hija la hija l-awtur u lanqas il-koawtur tal-ksur, iżda li hija tassumi biss responsabbiltà għall-aġir ta’ Nedri.

96      Issa, skont Hit Groep, tali responsabbiltà ma għandhiex l-istess intensità bħal dik ta’ impriża li twettaq materjalment il-ksur, punt dan li għandu jkollu impatt fuq l-ammont tal-multa.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Hit Groep, li ma baqgħatx attiva ekonomikament mill-1 ta’ Novembru 2004, hija kuntrarja għall-għanijiet tal-Artikolu 101 TFUE, għall-politika Ewropea fil-qasam tal-multi u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn f’dan il-każ din il-multa la kienet adegwata u lanqas neċessarja

98      Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra, EU:C:2007:775), kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik il-kawża (EU:C:2007:404), Hit Groep issostni, essenzjalment, li, għalkemm huwa minnu li la hija stess u lanqas Nedri ma sfaw fix-xejn jew ma ġew ittrasferiti lil persuna ġuridika jew lil impriża terza, hija stess ilha mhux attiva fis-suq mill-1 ta’ Novembru 2004 (jiġifieri iktar minn ħames snin qabel ma ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni), li hija ġiet issanzjonata biss fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Nedri, fejn din tal-aħħar hija l-unika kumpannija li wettqet il-ksur, u li, għaldaqstant, il-multa ma ser ikollha ebda effett dissważiv fir-rigward tagħha.

99      Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, din is-sanzjoni ma hijiex konformi mal-għanijiet tal-politika tal-kompetizzjoni u ma hijiex proporzjonata peress li la hija adegwata u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 101 TFUE.

100    Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, f’tali ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika kien imissu wassal sabiex tiġi ssanzjonata biss il-persuna ġuridika li wettqet il-ksur, jiġifieri Nedri, peress li hija stess, li kienet biss kumpannija holding, ma kienet xejn iktar ħlief qoxra vojta.

101    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, jekk kumpannija holding, bħalha, tittrasferixxi sussidjarja li wettqet ksur u jekk din il-kumpannija holding sussegwentement ma tibqax ekonomikament attiva, il-kontinwità ekonomika tal-grupp preċedenti tistrieħ fuq l-entità li wettqet il-ksur u hija fuq din l-entità li għandha tiġi imposta l-multa u mhux fuq il-kumpannija holding ekonomikament inattiva.

102    Barra minn hekk, Hit Groep issostni li l-għażla li l-Kummissjoni tista’ tagħmel li tissanzjona l-kumpannija parent jew lis-sussidjarja, skont il-ġurisprudenza, kien imissha waslitha, għal finijiet ta’ effiċjenza, sabiex tissanzjona biss lil Nedri.

103    Hit Groep issostni wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq sussidjarja fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent tagħha jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-impriża tkun ġiet diviża, peress li d-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent ma jkunx għadu jirrifletti l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ din l-impriża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kien imissha ffissat l-ammont tal-multa billi torbotha mal-kapaċità ekonomika effettiva tagħha, li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ limitat tagħha u tal-assenza ta’ attività ekonomika tagħha, kienet (u għadha) ineżistenti. Dan għalhekk kien imissu wassal sabiex tiġi ssanzjonata biss Nedri.

104    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li huwa żbaljat li Hit Groep inżammet responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri

105    Hit Groep inżammet responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri għall-perijodu tal-ksur bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002.

106    Madankollu, Hit Groep tenfasizza li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 1987 u l-1 ta’ Mejju 1994, li matulu hija xorta waħda kellha wkoll 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha. Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997, hija kkunsidrat li ma kellhiex prova tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Nedri.

107    Essenzjalment, Hit Groep tqis li hija madankollu wriet, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li hija kienet ikkonfutat il-preżunzjoni li kumpannija parent li jkollha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

108    Hit Groep tfakkar li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, hija kienet holding finanzjarju (kumpannija holding).

109    Ir-rikorrenti tqis li n-natura ta’ tali holding, il-mod ta’ funzjonament tiegħu u l-portata tal-holdings tagħha għandhom bħala konsegwenza li tali persuna ġuridika ma tistax titqies li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, minkejja li għandha 100 % tal-ishma tagħha, sakemm il-Kummissjoni ma tistabbilixxix prova kuntrarja.

110    F’dan ir-rigward, Hit Groep tosserva, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq istruzzjoni (directie-instructie) mogħtija f’Mejju 1994. Issa, din l-istruzzjoni tippreċedi b’erba’ snin il-perijodu li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset li kien stabbilit l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Hit Groep tqis ukoll, essenzjalment, li din l-istruzzjoni la tikkonċerna l-amministrazzjoni ta’ kuljum u lanqas il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u li din l-istruzzjoni ma hija xejn iżjed mis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet li l-liġi u l-istatuti jagħtu lil kumpannija holding bħala azzjonista. Fl-aħħar nett, skont Hit Groep, kemm Nedri u kemm hija stess sostnew li l-istatus ta’ din l-istruzzjoni ma kienx ċar u Nedri, minkejja l-allegazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, ma tatx lil din l-istruzzjoni l-portata li tagħtiha l-Kummissjoni.

111    It-tieni nett, hija tosserva li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-eżistenza tal-grupp ta’ diretturi li kien jiltaqa’ madwar ħames darbiet fis-sena. Ir-rikorrenti tikkontesta li hija kienet irrikonoxxiet li fi ħdan dan il-grupp kienu jiġu diskussi l-istat ġenerali tan-negozju kif ukoll kwistjonijiet importanti oħra. Hija ssostni li hija kellha biss żewġ impjegati, meta n-numru tal-holdings tagħha kien jammonta għal 11 fl-1994 u laħaq in-numru ta’ 26 fl-2001. Hija tqis li, f’tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tindika li hija kienet teżerċita influwenza determinanti mingħajr ma tipprovdi preċiżazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward, u dan minkejja li hija kienet fil-fatt titlob lil Nedri sabiex tinżamm informata dwar l-istat ġenerali tan-negozju u dwar suġġetti ta’ interess għaliha. Hit Groep tqis li l-Kummissjoni la tipprovdi raġuni u lanqas prova tal-portata tal-koordinazzjoni fi ħdan il-grupp ta’ diretturi.

112    Hija tosserva, it-tielet nett, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dikjarazzjoni magħmula minn Nedri li fiha huwa allegat li, matul il-laqgħat tal-grupp ta’ diretturi, kienu diskussi l-aspetti kummerċjali kollha. Hija tqis li hija diġà spjegat ruħha f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li dawn id-dikjarazzjonijiet huma biss dikjarazzjonijiet magħmula minn parti involuta fil-ksur li ma humiex issostanzjati minn provi bil-miktub jew minn dikjarazzjonijiet ta’ terzi.

113    Hit Groep tqis, għall-kuntrarju, li mill-mod kif imxew l-affarijiet jirriżulta li hija ma eżerċitatx influwenza fuq is-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, hija tqis essenzjalment li Nedri bdiet tipparteċipa fl-akkordju fl-1984, jiġifieri erbatax-il sena qabel ma hija tqieset li kienet teżerċita influwenza determinanti fuqha, u li Nedri kompliet tipparteċipa fil-ksur sal-ħarifa tal-2002, meta hija kienet diġà ttrasferiet din is-sussidjarja. Dan jistabbilixxi, skont Hit Groep, in-natura awtonoma tal-aġir ta’ Nedri.

114    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis essenzjalment li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, fis-sens li hija kienet attiva wkoll fis-settur tal-azzar u li għalhekk l-attivitajiet kummerċjali ta’ Nedri kienu marbuta mal-qasam tal-attività tagħha stess, huma infondati. Hija ssostni li l-Kummissjoni qatt ma sostniet li hija kienet taf bil-ksur imwettaq minn Nedri u li min-naħa tagħha hija kienet dejjem innegat li kienet taf b’dan il-ksur, u dan jagħmel irrilevanti l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li hija kellha attivitajiet fis-settur tal-azzar, li b’ebda mod ma kienu jikkonċernaw is-settur tal-APS.

115    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

116    Għandhom jiġu eżaminati, suċċessivament, it-tielet motiv u mbagħad l-ewwel u t-tieni motivi.

–       Tfakkir tal-prinċipji

117    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, ikkunsidrat f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal tali ksur (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, ma hijiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, iżda huwa l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’ il fuq, EU:C:2011:620, punt 88).

120    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, fil-każ partikolari ta’ kumpannija parent li jkollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli fis-sens li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti” (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija intiża b’mod partikolari sabiex tilħaq bilanċ bejn l-importanza, minn naħa, tal-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-Artikolu 101 TFUE, u li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ tali aġir u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ personalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li din il-preżunzjoni hija konfutabbli (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 59). Minn dan isegwi li tali preżunzjoni hija proporzjonata għall-għan leġittimu segwit (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522, punt 108).

122    Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja jkun miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tapplika l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija parent hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li fuqha jaqa’ l-kompitu li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħalma huma l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentanza komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta waħda jibqa’ il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx tali ċirkustanzi bil-għan li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza mill-kumpannija parent. Fi kliem ieħor, sabiex tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipproduċi indizji supplimentari għal dawk li juru l-applikabbiltà u n-natura effettiva ta’ din il-preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Barra minn hekk, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, kumpannija li jkollha l-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl biss ta’ dan il-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment tiġi mistħarrġa, bl-iktar mod effettiv, fil-kuntest tal-entitajiet li kontrihom topera l-preżunzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku jkun biżżejjed għal parti kkonċernata li tressaq sempliċi dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati sabiex tegħleb din il-preżunzjoni, din tal-aħħar tkun estensivament imċaħħda mill-effettività tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punti 60 u 61).

125    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sempliċi fatt li l-kumpannija parent tkun kumpannija holding ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi eskluż li kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding, li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp, hija kumpannija maħsuba sabiex tiġbor fi ħdanha l-holdings f’diversi kumpannija u għandha l-funzjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll baġitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T-69/04, Ġabra, EU:T:2008:415, punt 63; tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T-38/07, Ġabra, EU:T:2011:355, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T-360/09, Ġabra, EU:T:2012:332, punt 283).

126    Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn din is-sussidjarja u l-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor u li għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ lista eżawrjenti (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra, EU:C:2009:536 punt 74).

127    Din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiġi limitata biss għall-elementi li jirrigwardaw il-politika kummerċjali, fis-sens strett tal-kelma, tas-sussidjarja, bħalma hija l-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tiġi kkonfutata sempliċement billi jintwera li hija s-sussidjarja li tiġġestixxi dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi direttivi f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, FMC vs Il-Kummissjoni, T-197/06, Ġabra, EU:T:2011:282, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Bl-istess mod, peress li l-awtonomija tas-sussidjarja ma tiġix evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma tkun implementat, favur il-kumpannija parent, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha (sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 145).

129    Barra minn hekk, il-fatt li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-kumpannija parent tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha ma jistax jipprova li tali istruzzjonijiet ma eżistewx (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il-Kummissjoni, T‑217/06, Ġabra, EU:T:2011:251, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Barra minn hekk, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (sentenzi Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Eni vs Il-Kummissjoni, T‑39/07, Ġabra, EU:T:2011:356, punt 97).

131    Barra minn hekk, kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja, anki meta jkun hemm numru kbir ta’ kumpanniji operazzjonali fi grupp (sentenzi tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punt 989, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 52).

132    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra, EU:C:2003:509, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66).

133    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li jkun adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet legali segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel dik li tkun l-inqas oneruża u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, Ġabra, EU:C:2013:661, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv

134    Hit Groep, li ma hijiex qiegħda tikkontesta li kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha Nedri, essenzjalment issostni li, peress li hija stess hija kumpannija holding, il-fatt li kellha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja ma kienx jippermetti lill-Kummissjoni tqis li Hit Groep kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Nedri.

135    Fil-fatt, skont Hit Groep, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-prova ta’ tali influwenza, ħaġa din li l-Kummissjoni baqgħet ma għamlitx peress li l-provi komplementari li fuqhom ibbażat ruħha ma jippermettux li tintlaħaq tali konklużjoni.

136    Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni li min-naħa tagħha hija kienet għelbet il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

137    Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

138    Peress li Hit Groep kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha matul il-perijodu tal-ksur li għalih inżammet responsabbli, il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u ma kienx meħtieġ li tipproduċi provi oħra f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Minn dan isegwi li l-assenza ta’ rilevanza tal-provi supplimentari mressqa mill-Kummissjoni (jiġifieri l-istruzzjoni ta’ Mejju 1994, l-eżistenza u l-impatt tal-grupp ta’ diretturi u d-dikjarazzjonijiet ta’ Nedri), anki jekk jitqies li ġiet stabbilita, fi kwalunkwe każ ma għandha ebda impatt fuq ir-responsabbiltà tar-rikorrenti peress li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija biżżejjed sabiex twassal għar-responsabbiltà ta’ Hit Groep, sakemm din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tegħleb l-imsemmija preżunzjoni, ħaġa din li madankollu baqgħet ma għamlitx.

140    Fil-fatt, il-fatt li Hit Groep hija kumpannija holding, minkejja li ma hijiex kumpannija operazzjonali, ma huwiex biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2008:415, punt 63; Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 283) u ma jimplika ebda trasferiment tal-oneru tal-prova, kif issostni b’mod żbaljat Hit Groep.

141    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpannija parent kienet biss tiġġestixxi l-holdings tagħha, fid-dawl tan-natura tal-kumpannija u tal-għan tagħha skont l-istatut tagħha, ma jagħmel ebda differenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2008:415, punt 70, u FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 130). Barra minn hekk, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Nedri lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li Hit Groep kienet influwenzat il-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70, u Eni vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, EU:T:2011:356, punt 97).

142    Minn dan isegwi li l-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx hija stess attiva fis-settur tal-APS lanqas ma huwa biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, u dan iwassal sabiex jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hit Groep dwar dan il-punt.

143    Barra minn hekk, l-argumenti ta’ Hit Groep fis-sens li mill-mod kif imxew l-affarijiet jirriżulta li hija ma kellhiex influwenza fuq is-sussidjarja tagħha għandhom jiġu miċħuda wkoll.

144    Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tingħeleb sempliċement billi jintwera li Nedri mexxiet il-politika kummerċjali tagħha fis-sens strett tal-kelma, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet, mingħajr ma rċeviet direttivi mingħand Hit Groep f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-awtonomija tas-sussidjarja lanqas ma tista’ tiġi stabbilita sempliċement billi jintwera li din mexxiet b’mod awtonomu aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur.

145    Bl-istess mod, peress li l-awtonomija ta’ Nedri ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma kienet implementat, favur il-kumpannija parent tagħha, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punti 105 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Għaldaqstant, ebda wieħed mill-elementi invokati minn Hit Groep ma huwa ta’ natura li jegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-fondatezza tal-ewwel u tat-tieni motivi

147    Peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 119 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali tal-kumpannija parent fil-ksur sabiex din tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li timponilha multa minħabba t-twettiq tal-imsemmi ksur, l-argument ta’ Hit Groep fis-sens li l-ksur ma jistax jiġi imputat lilha minħabba li hija la kienet l-awtur u lanqas il-koawtur tiegħu ma jistax jintlaqa’.

148    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timmotiva b’mod speċifiku d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lil Hit Groep fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Nedri.

149    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

150    Fir-rigward tat-tieni motiv, għandu jitfakkar li jista’ jirriżulta neċessarju, għall-finijiet ta’ implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, li b’mod eċċezzjonali akkordju ma jiġix imputat lill-operatur inizjali iżda lill-operatur il-ġdid tal-impriża involuta, fil-każ li dan tal-aħħar ikun jista’ effettivament jitqies li huwa s-suċċessur tal-operatur inizjali, jiġifieri jekk ikompli jopera l-impriża involuta fil-ksur (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ETI et, iċċitati fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2007:404, punti 75 u 76). Fil-fatt, li kieku ma kienet prevista ebda possibbiltà li l-multa tiġi imposta fuq entità differenti minn dik li kienet wettqet il-ksur, l-impriżi kienu jkunu jistgħu jaħarbu mis-sanzjonijiet sempliċement għaliex l-identità tagħhom tkun inbidlet bħala konsegwenza ta’ ristrutturazzjonijiet, trasferimenti jew bidliet ġuridiċi jew organizzattivi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2007:775, punt 41).

151    F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” japplika biss fil-każ li l-persuna ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża ma tkunx għadha teżisti ġuridikament wara t-twettiq tal-ksur (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 145, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra, EU:T:2002:70, punt 104) jew fil-każ ta’ ristrutturazzjonijiet interni ta’ impriża meta l-operatur inizjali ma jkunx neċessarjament temm l-eżistenza ġuridika tiegħu iżda ma jkunx għadu jeżerċita attività ekonomika fis-suq ikkonċernat u fid-dawl tar-rabtiet strutturali bejn l-operatur inizjali u l-operatur il-ġdid tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 359, u ETI et, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2007:775, punt 41).

152    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Kummissjoni, li Hit Groep ma tinsab f’ebda wieħed miż-żewġ każijiet previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

153    La Nedri u lanqas Hit Groep ma temmew effettivament l-eżistenza tagħhom – għalkemm ma għadhomx jagħmlu parti mill-istess grupp – u ma kienx hemm ristrutturazzjoni interna li fil-kuntest tagħha Hit Groep għandha rabtiet strutturali mal-entità li lilha sar it-trasferiment.

154    Minn dan isegwi li l-kriterju tal-kontinwità ekonomika li jiġġustifika li l-ksur jiġi imputat lis-sussidjarja biss ma japplikax għall-kawża ineżami u li Hit Groep ma tistax tinvoka din il-ġurisprudenza sabiex toġġezzjona għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri meta hija kienet tikkontrolla 100 % lil din tal-aħħar.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tfakkar li s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-multa marbuta ma’ din is-sanzjoni għandhom effett kemm dissważiv u kemm ripressiv u li s-sanzjoni għandha tibqa’ imposta fuq il-kumpannija parent anki jekk din tkun verament illimitat l-attività ekonomika tagħha bħal fil-każ ineżami iżda tkun żammet eżistenza ġuridika li tibqa’ tippermetti li tiġi ssanzjonata.

156    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Hit Groep dwar l-assenza ta’ effiċjenza tas-sanzjoni mogħtija fir-rigward tagħha ma jistgħux jintlaqgħu. Il-fatt li Hit Groep tiġi ssanzjonata b’ebda mod ma huwa sproporzjonat fih innifsu u lanqas ma huwa kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE.

157    Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, mis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Pegler vs Il-Kummissjoni (T‑386/06, Ġabra, EU:T:2011:115), jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq sussidjarja fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent tagħha jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-impriża tkun ġiet maqsuma, peress li d-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent ma jkunx għadu jirrifletti l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ din l-impriża.

158    Minn dan isegwi, skont Hit Groep, li l-Kummissjoni kien imissha ffissat l-ammont tal-multa billi tirrelattivizzah mal-kapaċità ekonomika effettiva tar-rikorrenti li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ limitat tagħha u tal-assenza ta’ attività ekonomika tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet ineżistenti, punt dan li għalhekk kien imissu wassal lill-Kummissjoni sabiex tissanzjona biss lil Nedri.

159    Dawn l-argumenti – li fir-rigward tagħhom għandu jingħad li ġew żviluppati għall-ewwel darba bħala tali fl-istadju tar-replika (punt 2.14) – ma jistgħux madankollu jintlaqgħu.

160    Minn naħa, il-punt 133 tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 157 iktar ’il fuq (EU:T:2011:115), li għalih tirreferi r-rikorrenti, jikkonċerna sitwazzjoni fattwali u legali differenti minn dik ta’ Nedri u ta’ Hit Groep. Fil-fatt, dak il-punt jirrigwarda l-applikazzjoni tar-raba’ u tal-ħames paragrafi tal-punt 1.A tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), li jirrigwardaw iż-żieda tal-multa għal finijiet dissważivi.

161    Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss jekk jirriżulta li diversi destinatarji tad-deċiżjoni li timponi l-multa jikkostitwixxu l-impriża, fis-sens tal-entità ekonomika responsabbli għall-ksur issanzjonat, u dan ikun għadu l-każ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li l-limitu massimu jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri tal-elementi kostitwenti tagħha kollha kkunsidrati flimkien. Għall-kuntrarju, jekk fil-frattemp din l-unità ekonomika ma tkunx għadha teżisti, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li fir-rigward tiegħu jiġi applikat, b’mod individwali, il-limitu massimu inkwistjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punt 390).

162    Madankollu, il-Kummissjoni kkalkolat il-limitu massimu ta’ 10 % fuq il-bażi biss tad-dħul mill-bejgħ ta’ Hit Groep, peress li din tal-aħħar ma kinitx għadha tikkostitwixxi impriża flimkien ma’ Nedri fil-mument li kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

163    Sa fejn ir-rikorrenti, permezz tal-argumenti tagħha, għandha l-intenzjoni tikkontesta s-sena ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jaqgħu taħt l-ewwel parti tar-raba’ motiv, li tikkonċerna preċiżament din il-kwistjoni u li għaliha għandu jsir riferiment.

164    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mingħajr bażi, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

165    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq diversi żbalji fl-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Hit Groep

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003 ta’ Hit Groep

–       L-argumenti tal-partijiet

166    Hit Groep issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326), li tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn l-impriża ma tkun eżerċitat ebda attività u ma tkun iġġenerat ebda dħul mill-bejgħ matul is-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tapplika, fil-każ tagħha, id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003, li kien, f’dik is-sena, ta’ EUR 69 345 000, u mhux id-dħul mill-bejgħ li hija ġġenerat fl-2009, li kien ta’ EUR 152 257.

167    Hit Groep tqis li f’dan ir-rigward għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tagħha ta’ kumpannija holding, li l-attività normali tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ holdings, fiż-żamma tagħhom, fil-ġbir tal-interessi u fil-bejgħ ta’ dawn il-holdings. Minn dan l-aspett is-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326), fejn l-impriża ma kinitx kumpannija holding iżda impriża operazzjonali.

168    Skont ir-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ ta’ kumpannija holding ivarja fil-fatt b’mod parallel għall-attività finanzjarja tagħha u ż-żamma ta’ riżerva finanzjarja relattivament limitata u dħul mill-bejgħ minimu matul numru ta’ snin għandhom jitqiesu li huma l-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ kumpannija holding.

169    Hit Groep tispeċifika li s-sitwazzjoni tagħha hija differenti wkoll minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326) sa fejn, b’differenza minn dik il-kawża tal-aħħar, fil-każ tagħha kien hemm perijodu ta’ kważi seba’ snin li matulhom l-attività tagħha kienet verament limitata iżda li madankollu għandha titqies li hija l-attività normali tagħha.

170    Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta ma mxietx mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

171    Barra minn hekk, skontha, mis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326), jirriżulta li l-għan tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jiġi evitat li l-multa tkun sproporzjonata fid-dawl tad-daqs tal-impriża u li dan il-limitu huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-impriża kkonċernata tkun involuta f’attività kummerċjali fid-data meta tiġi imposta l-multa.

172    Minn dan isegwi, skont Hit Groep, li l-Kummissjoni kien imissha vverifikat in-natura proporzjonali tal-multa, verifika din li l-Kummissjoni ma wettqitx minkejja l-fatt li kellha l-provi neċessarji kollha għal dan il-għan, bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

173    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

174    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE. Għal kull impriża u għal kull assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur, il-multa ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti.

175    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-limitu massimu dwar id-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li jiġi evitat li l-multi imposti mill-Kummissjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriża kkonċernata (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq, EU:C:2007:326, punt 24).

176    Għaldaqstant, dan huwa limitu superjuri, applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u applikat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li l-għan tiegħu huwa distint u awtonomu minn dak tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur. L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu huwa li l-ammont tal-multa kkalkolat fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji jitnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, bħala prinċipju, tkun dovuta skont evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 281 sa 283).

177    Fi kliem ieħor, il-fatt li fl-Artikolu 23(2) huwa previst limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur għandu b’mod partikolari l-għan li jiġi evitat li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont ikbar minn dan il-limitu massimu tmur lil hinn mill-kapaċità tal-impriża li tħallasha fid-data li fiha din l-impriża titqies li hija responsabbli għall-ksur jew fid-data li fiha l-Kummissjoni timponilha sanzjoni pekunjarja (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2153, punt 63).

178    Fir-rigward tas-“sena kummerċjali preċedenti” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, din tirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena sħiħa ta’ attività tal-impriża kkonċernata fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra, EU:T:2010:168, punt 80; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq, EU:C:2007:326, punt 32).

179    Kemm mill-għanijiet tas-sistema li jagħmel parti minnha t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u kemm mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 166 jirriżulta li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % teħtieġ għalhekk, minn naħa, li l-Kummissjoni jkollha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑33/02, Ġabra, EU:T:2005:428, punt 38, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2010:168, punt 95).

180    Għalkemm mis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326, punt 32), jirriżulta li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta, madankollu, li, meta d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkunx jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar u, għalhekk, ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell adegwat tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa. F’dan il-każ tal-aħħar, li jirriżulta biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, T‑392/09, EU:T:2012:674, punt 86, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, C‑90/13 P, EU:C:2014:326).

181    Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li, f’Settembru 2009, Hit Groep indikat lill-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha, li hija kienet ittrasferixxiet lil Nedri fis-17 ta’ Jannar 2002 u l-holdings l-oħra kollha tagħha fl-1 ta’ Novembru 2004 u li b’hekk hija kienet waqqfet l-attivitajiet operazzjonali tagħha kollha b’effett minn din id-data tal-aħħar (Anness A 13 tar-rikors, p. 223 u 224). Barra minn hekk, Hit Groep ikkomunikatilha d-dħul mill-bejgħ tagħha għas-snin 2003 u 2004.

182    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 179 u 168 iktar ’il fuq, għandu għaldaqstant jitqies li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li, peress li d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali 2009 ma kienx jagħti indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata, kien hemm lok, sabiex jiġi kkalkolat il-limitu massimu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003, li matulha kien hemm l-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali tal-impriża matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

183    Mill-bqija, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-istatus ta’ holding tagħha u dwar il-fatt li ż-żamma ta’ riżerva finanzjarja relattivament limitata u ta’ dħul mill-bejgħ minimu matul diversi snin (mill-2005 sal-2009) seta’ jitqies bħala l-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ holding, li għalhekk kien jiġġustifika li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha fis-sena 2009.

184    Fil-fatt, dawn l-allegazzjonijiet huma kuntrarji għad-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti stess fir-rigward tal-waqfien tal-attivitajiet operazzjonali tagħha fl-2004, li jikkonfermaw fil-verità li l-“aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali” tal-impriża matul perijodu ta’ tnax-il xahar kienet fil-fatt seħħet fl-2003 u mhux fl-2009.

185    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-attività normali ta’ holding tikkonsisti fl-akkwist ta’ holdings, fiż-żamma tagħhom, fil-ġbir tal-interessi u fil-bejgħ ta’ dawn il-holdings. Issa, għandu jiġi kkonstatat li hija kienet biegħet il-holdings kollha tagħha fl-2004 u li, wara din id-data, hija kienet sempliċement, skont il-kliem użat minnha stess, żammet riżerva finanzjarja limitata u dħul mill-bejgħ minimu, sitwazzjoni din li ma tistax tkun biżżejjed sabiex tikkostitwixxi prova determinanti tal-eżistenza ta’ attività ekonomika normali tal-imsemmija kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq, EU:T:2005:428, punti 48 et seq., kif ukoll Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2010:168, punt 102).

186    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

187    Minn dan isegwi li, meta ħadet inkunsiderazzjoni s-sena kummerċjali 2003 għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % ffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni la kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas dak ta’ amministrazzjoni tajba, peress li hija ħadet inkunsiderazzjoni, kif kienet meħtieġa tagħmel, l-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali tar-rikorrenti matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

188    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-argument li Hit Groep kien imissha bbenefikat mit-tnaqqis mogħti lil Nedri skont l-Avviż dwar il-klemenza

–       L-argumenti tal-partijiet

189    Hit Groep tqis essenzjalment li, peress li hija responsabbli biss in solidum għall-multa imposta fuq dik li kienet is-sussidjarja tagħha minħabba l-parteċipazzjoni ta’ din is-sussidjarja fil-ksur, hija kellha tibbenefika awtomatikament mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Nedri fil-kuntest tal-klemenza, liema tnaqqis il-Kummissjoni, b’mod allegatament żbaljat, kienet irrifjutat lil tagħti lil Hit Groep. Il-fatt li fil-frattemp Nedri kienet inbiegħet ma jistax ikollu impatt f’dan ir-rigward, bħalma lanqas ma kellu impatt fuq ir-responsabbiltà in solidum tagħha.

190    Hija ssostni li, jekk l-istabbiliment tar-responsabbiltà għal ksur huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ impriża u jekk hija responsabbli in solidum minħabba li kienet iżżomm 100 % mill-kapital ta’ Nedri, l-implikazzjonijiet li għandhom jinstiltu mill-konsegwenzi ta’ din ir-responsabbiltà fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għandhom jiġu stabbiliti bl-istess mod. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li tali approċċ ikun inkompatibbli mal-loġika tal-Avviż dwar il-klemenza u ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, hija ma hijiex “impriża differenti” fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

191    Barra minn hekk, hija tqis li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑161/05, Ġabra, EU:T:2009:366), li ma tikkonċernax każ komparabbli għal dak tagħha.

192    Fil-fatt, fil-każ ineżami, il-ksur ma twettaqx suċċessivament minnha u minn Nedri, iżda esklużivament minn Nedri għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002.

193    Barra minn hekk, Hit Groep tqis li hija ma tistax tiġi kkritikata minħabba li ma ressqitx talba għal klemenza, peress li hija ma kienet taf b’xejn u għalhekk ma kellha ebda informazzjoni rilevanti.

194    Il-fatt li hija setgħet kienet taf bil-proċedura inkwistjoni fl-2003 u fl-2004, wara t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward peress li hija kienet biegħet lil Nedri fl-2002 u peress li wara dan il-bejgħ hija ma kien għad kellha ebda aċċess għal informazzjoni.

195    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija biss impriża li tkun ikkooperat mal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-klemenza li tista’ tingħata, skont dan l-avviż, tnaqqis tal-ammont tal-multa li, fl-assenza ta’ din il-kooperazzjoni, kienet tiġi imposta. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mit-tul tal-ksur inkwistjoni, kienet tagħmel parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tagħmel parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar tkun ikkooperat mal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan segwit mill-Avviż dwar il-klemenza, li huwa li jiġi promoss is-sejbien ta’ aġir li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, ma hemm xejn li jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis ta’ multi mogħti lil impriża minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li fil-passat kienet ikkontrollat is-settur ta’ attività implikat fil-ksur inkwistjoni, ma kinitx ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien ta’ dan il-ksur (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni, C‑238/12 P, Ġabra, EU:C:2014:284, punti 83 u 85, kif ukoll Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2009:366, punt 76).

197    F’dan il-każ, Hit Groep ma kinitx għadha tikkontrolla lil Nedri fil-mument meta din tal-aħħar talbet il-benefiċċju tal-Avviż dwar il-klemenza u ma kkontribwixxietx għas-sejbien tal-ksur. Fil-fatt, ir-rikorrenti stess tispeċifika li hija ma kienet taf b’xejn u għaldaqstant ma kellha ebda informazzjoni rilevanti li setgħet tiżvela lill-Kummissjoni.

198    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Nedri.

199    Mill-bqija, għandu jitfakkar li Hit Groep kienet ġustament (ara l-punti 119 u 147 iktar ’il fuq) miżmuma responsabbli għat-twettiq tal-ksur bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, minħabba l-influwenza determinanti li kienet teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha, kif jirriżulta mill-punt 9(b) tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ kumpanniji, li jikkostitwixxu l-istess impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienu sussegwentement miżmuma responsabbli in solidum għal parti mill-multa li kienet imposta fuqhom.

200    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Hit Groep fis-sens li kienet biss Nedri li wettqet il-ksur u li hija kienet biss responsabbli in solidum huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

201    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata, minn naħa, fuq l-argument li, minħabba li kienet responsabbli in solidum għall-multa imposta fuq Nedri, Hit Groep kien imissha nżammet responsabbli biss, prorata temporis, għall-ħlas ta’ frazzjoni mill-multa li għaliha kienet ġiet ikkundannata u, min-naħa l-oħra, fuq l-argument li l-Kummissjoni mxiet b’mod żbaljat meta wettqet kalkolu distint tal-ammont tal-multa imposta fuq Hit Groep, u fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       L-argumenti tal-partijiet

202    Hit Groep issostni, essenzjalment, li hija nżammet responsabbli biss sa fejn kienet il-kumpannija parent ta’ Nedri u mhux fuq il-bażi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE mwettaq minnha stess. Hija tqis li mid-deċiżjoni kkontestata fil-fatt jirriżulta li l-Kummissjoni kienet sempliċement żammitha responsabbli għall-ħlas tal-multa imposta fuq Nedri fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002.

203    Hit Groep tqis li jinsab f’kontradizzjoni ma’ din l-evalwazzjoni l-fatt li fuqha kienet imposta multa ogħla minn dik imposta fuq Nedri, u dan sa fejn, inkonformità mas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (T‑382/06, Ġabra, EU:T:2011:112), ir-responsabbiltà tagħha fil-fatt ma tistax tkun ikbar minn dik ta’ din tal-aħħar.

204    Skont ir-rikorrenti, hija fil-fatt kien imissha ġiet ikkundannata in solidum għal 48 parti minn mitejn u erbgħa u għoxrin tal-multa imposta fuq Nedri, prorata temporis. Fil-fatt, tali kalkolu proporzjonali huwa konformi mal-ġurisprudenza (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536). Għaldaqstant, il-multa imposta fuqha hija sproporzjonata.

205    Ir-rikorrenti tispeċifika li, filwaqt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali sabiex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra, EU:C:2000:630; Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra, EU:C:2000:626; tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra, EU:T:1991:74, u HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 151 iktar ’il fuq, EU:T:2002:70), din il-ġurisprudenza hija, fil-fehma tar-rikorrenti, irrilevanti, peress li, f’dawk il-kawżi, il-kumpannija parent kienet koawtur tal-ksur, b’differenza mis-sitwazzjoni speċifika tagħha.

206    Barra minn hekk, Hit Groep issostni essenzjalment li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ma hijiex biżżejjed sabiex, fil-każ tagħha, l-ammont tal-multa jkun proporzjonat u li t-tul tar-responsabbiltà personali tagħha kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni wara l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra, EU:T:2011:70), tikkonferma li l-kalkolu tal-ammont tal-multa ma jintemmx bl-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % u li l-Kummissjoni, f’dan l-istadju, ikun għad għandha l-obbligu li tevalwa l-ammont finali tal-multi imposti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

207    Hit Groep issostni li l-multa li kienet imposta fuqha u li tikkonċerna ksur li dam erba’ snin hija fil-fatt 27 % ogħla minn dik li kienet imposta fuq Nedri, li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat perijodu ta’ ksur ta’ 18-il sena u 8 xhur.

208    Issa, skont Hit Groep, waħedha, l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % ma hijiex biżżejjed sabiex tirrimedja jew telimina d-diskriminazzjoni magħmula bejnha u Nedri.

209    Din il-korrezzjoni setgħet tiġi applikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kapaċità li tħallas ta’ Hit Groep, iżda, anki f’kuntest differenti minn din il-possibbiltà, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tirrimedja l-problema billi tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

210    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

211    L-ewwel nett, Hit Groep inżammet ġustament responsabbli għat-twettiq tal-ksur bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, minħabba l-influwenza determinanti li kienet teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha, kif jirriżulta mill-punt 9(b) tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ kumpanniji, li jikkostitwixxu l-istess impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienu sussegwentement miżmuma responsabbli in solidum għal multa ta’ EUR 5 056 500, filwaqt li min-naħa tagħha Hit Groep kienet ikkundannata wkoll għal multa ta’ EUR 1 877 500.

212    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 146 u 187 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hit Groep fis-sens li Nedri biss kienet wettqet il-ksur u li hija kienet inżammet responsabbli biss in solidum, peress li dawn l-argumenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

213    It-tieni nett, huwa minnu li ġie deċiż li, meta l-kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat materjalment fl-akkordju u meta r-responsabbiltà tagħha tkun ibbażata biss fuq il-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fl-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tkun responsabbiltà purament idderivata, anċillari u dipendenti fir-rigward ta’ dik tas-sussidjarja tagħha u, għalhekk, ma tistax tkun ikbar mir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar (sentenza Tomkins vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 203 iktar ’il fuq, EU:T:2011:112, punt 38, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, Ġabra, EU:C:2013:29, punt 39).

214    Madankollu, din il-ġurisprudenza hija bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, fil-każ ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħalma huma kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, li ma jkunux għadhom jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa, ta’ elementi li jkunu speċifiċi għal kull waħda minnhom.

215    B’hekk, fil-każ li żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħalma huma kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, ma jkunux għadhom jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kull waħda minnhom għandha d-dritt li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħha (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, Ġabra, EU:C:2013:771, punt 57).

216    Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-eventwali benefiċċju tal-klemenza, li ma jistax jintalab minn kumpannija li, matul parti mit-tul tal-ksur inkwistjoni, kienet tagħmel parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża iżda li ma tkunx għadha tagħmel parti minnha fil-mument li din tal-aħħar tkun ikkooperat mal-Kummissjoni (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 196 iktar ’il fuq).

217    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet inizjalment iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa (Taqsima 19.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, hija qieset li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ ksur differenti fir-rigward ta’ Nedri (18-il sena u 8 xhur) u fir-rigward ta’ Hit Groep (4 snin) (premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata).

218    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Nedri kien ta’ EUR 113 000 000 u li dak tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Hit Groep kien ta’ EUR 29 000 000 (premessa 963 tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ emenda).

219    Fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, hija mbagħad qieset li l-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti kellu jibqa’ ta’ EUR 113 000 000 fir-rigward ta’ Nedri u ta’ EUR 29 000 000 fir-rigward ta’ Hit Groep (premessa 1057 tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ emenda).

220    Il-Kummissjoni mbagħad applikat b’mod korrett il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ impriżi (premessa 1060 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 215 iktar ’il fuq).

221    B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Nedri kien ta’ EUR 6 742 000 (jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Nedri fl-2009) u dak tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Hit Groep kien ta’ EUR 6 934 000, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Hit Groep fis-sena 2003 (premessa 1071 tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ emenda).

222    Il-Kummissjoni mbagħad naqqset b’mod korrett l-ammont tal-multa ta’ Nedri b’25 % minħabba l-kooperazzjoni tagħha, tnaqqis li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minnu (premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 196 iktar ’il fuq).

223    Fuq din il-bażi, hija qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Nedri kien ta’ EUR 5 056 000 u li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Hit Groep kien ta’ EUR 6 934 000 (premessa 1057 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li Hit Groep u Nedri nżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ewwel multa, fl-ammont ta’ EUR 5 056 000 (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Hit Groep tqis, essenzjalment, li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, li huwa ikbar mill-ammont li għalih kienet ikkundannata Nedri, ma jirriflettix b’mod korrett it-tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ kull waħda minnhom, jiġifieri 18-il sena u 8 xhur għal Nedri u 4 snin biss għal Hit Groep.

225    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont finali tal-multi imposti fuq dawn iż-żewġ kumpanniji jirriżulta, minn naħa, mit-tnaqqis tal-ammont li kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom (sentenza Kendrion vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:C:2013:771, punti 57 u 58) u, min-naħa l-oħra, mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Nedri minħabba l-klemenza.

226    Fil-fatt, qabel ma jiġi applikat dan il-limitu massimu, il-multa li tkun ser tiġi imposta fuq kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji tkun tieħu debitament inkunsiderazzjoni t-tul rispettiv tar-responsabbiltà tagħhom u, ġustament, ta’ snin ta’ referenza differenti fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %.

227    Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ġie osservat mill-Kummissjoni, peress li d-differenzi li hemm bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi taż-żewġ kumpanniji ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 176 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 321 sa 323).

228    Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitqies li, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul rispettiv tal-perijodu tal-ksur ta’ kull waħda mill-kumpanniji b’mod li tiżgura n-natura proporzjonata tas-sanzjoni li hija kienet qiegħda timponi fuqhom, dan il-ksur ma jistax jirriżulta mis-sempliċi allegazzjoni ta’ differenza fl-ammont finali tal-multi imposti fuq iż-żewġ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra, EU:T:2006:184, punti 85 u 86).

229    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-tielet u r-raba’ partijiet tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, dan il-motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

230    Hit Groep issostni li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fil-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt.

231    Hija żżid li l-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali u li, jekk l-annullament ikun eskluż, l-ammont tal-multa jista’ jitnaqqas fuq il-bażi tal-ekwità jew sabiex jinstab kumpens ekwu.

232    Hit Groep tfakkar li n-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każijiet, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest, tal-aġir tal-partijiet matul il-proċedura, tal-kumplessità tal-każ u tal-interess tal-każ għall-partijiet ikkonċernati. Hija tfakkar ukoll li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu huwa d-data tal-ewwel miżura ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha impatt sinjifikattiv fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll it-terminu medju f’każijiet simili.

233    Issa, fil-każ ineżami, għaddew 94 xahar bejn l-ispezzjonijiet, f’Settembru 2002, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, f’Ġunju 2010. Hit Groep tqis li dan it-terminu huwa iktar u iktar irraġonevoli meta wieħed iqis li l-każ huwa bbażat fuq talbiet għal klemenza li ppermettew lill-Kummissjoni tipprova l-ksur. Barra minn hekk, l-attitudni meħuda minn Hit Groep f’ebda każ ma setgħet ikkawżat dewmien fil-proċedura. Issa, il-Kummissjoni ma tat ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba li kien inqabeż terminu raġonevoli. Hit Groep għalhekk titlob lill-Qorti Ġenerali tagħtiha tali tnaqqis sa fejn din tqis li huwa adegwat.

234    Fl-aħħar nett, Hit Groep tqis li ma hijiex meħtieġa turi li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha peress li dan ir-rekwiżit jikkonċerna biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata; issa, hija qiegħda titlob biss it-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba li ma kienx osservat terminu raġonevoli.

235    Bl-istess mod, hija tqis li ma hijiex meħtieġa tinvoka ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa – eventwalment għal xejn – sa fejn il-fatt li nqabeż terminu raġonevoli jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan ma huwiex tnaqqis supplimentari fil-konfront ta’ dak li kien jingħata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha turi li kien hemm ċirkustanzi partikolari ta’ natura li jiġġustifikaw, f’dan il-każ, il-fatt li nqabeż terminu raġonevoli.

236    Fl-aħħar nett, Hit Groep tosserva li tul komparabbli tal-proċedura amministrattiva f’kawżi preċedenti kien ta lok, min-naħa tal-Kummissjoni, għal tnaqqis tal-ammont tal-multa fuq inizjattiva tagħha stess.

237    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Tfakkir tal-prinċipji

238    L-ewwel nett, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C‑452/11 P, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

239    Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, Ġabra, EU:T:2012:275, punt 284).

240    It-tieni nett, in-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tal-każ, tal-mod kif jaġixxu l-partijiet matul il-proċedura, tal-interess fil-każ għad-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell ta’ kumplessità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, EU:T:1999:80, punt 126) kif ukoll, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-ġustifikazzjoni li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjoni mwettqa matul il-proċedura amministrattiva.

241    It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura amministrattiva tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed isegwi loġika interna partikolari għalih. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar id-direzzjoni li fiha għandha timxi l-proċedura. Min-naħa tiegħu, it-tieni perijodu jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan il-perijodu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra, EU:C:2006:592, punt 38).

242    Ir-raba’ nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi.

243    Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

244    Għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra, EU:T:2003:342, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell fuq dan il-punt permezz tas-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punti 42 u 43).

245    Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra, EU:C:1983:313, punt 7) għandu importanza kbira fi proċeduri bħal dik ineżami, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punt 50).

246    Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 243 iktar ’il fuq, EU:C:2006:593, punti 202 sa 204, u s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra, EU:T:2011:284, punti 429 u 434, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 238 iktar ’il fuq, EU:C:2012:829, punt 100).

–       Evalwazzjoni tal-każ ineżami

247    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex proċedura amministrattiva li tkun damet ħafna tkun tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, it-tul ta’ din il-proċedura għandu jiġi kklassifikat bħala eċċessiv.

248    Fil-każ ineżami, il-proċedura amministrattiva kellha erba’ fażijiet suċċessivi.

249    L-ewwel fażi bdiet fid-9 ta’ Jannar 2002, bil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Bundeskartellamt, tad-dokumenti msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq u ntemmet fit-30 ta’ Settembru 2008 permezz tal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

250    Dan wassal għall-ftuħ tat-tieni fażi (ara l-punti 37 sa 42 iktar ’il fuq), li ngħalqet bl-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fit-30 ta’ Ġunju 2010.

251    Wara l-preżentata ta’ sensiela inizjali ta’ rikorsi (imfakkra fil-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Settembru 2010, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) sabiex tikkoreġi diversi żbalji li kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni inizjali, u b’hekk ingħalqet it-tielet fażi tal-proċedura amministrattiva.

252    Fl-aħħar nett, fl-4 ta’ April 2011, ingħalqet ir-raba’ fażi tal-proċedura amministrattiva, permezz tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li permezz tagħha tat tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, minn naħa, lil ArcelorMittal, lil ArcelorMittal Verderio, lil ArcelorMittal Fontaine u lil ArcelorMittal Wire France, u, min-naħa l-oħra, lil SLM u lil Ori Martin (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

253    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-motiv imressaq mir-rikorrenti jikkonċerna biss l-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva.

254    Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni sabiex tikseb deskrizzjoni ddettaljata tal-eżerċizzji ta’ diliġenza li hija kienet wettqet wara l-ispezzjonijiet li kienu saru fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, u dan sal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

255    Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2014.

256    Kopja tat-tweġiba tal-Kummissjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fis-7 ta’ Frar 2014 mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

257    Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tispjega b’mod iddettaljat u konvinċenti l-kompiti li hija wettqet matul il-proċedura amministrattiva kollha u r-raġunijiet għaliex il-proċedura damet mill-2002 sal-2010.

258    Fil-każ ineżami, it-tul tal-proċedura amministrattiva huwa dovut għal diversi fatturi.

259    F’dan ir-rigward għandhom jissemmew it-tul tal-akkordju (iktar minn 18-il sena), id-dimensjoni ġeografika partikolarment estiża tiegħu (l-akkordju kien jirrigwarda l-maġġoranza tal-Istati Membri), l-organizzazzjoni tal-akkordju fil-livell ġeografiku u mill-aspett temporali (id-diversi clubs deskritti fil-punti 46 sa 58), in-numru ta’ laqgħat li nżammu fil-kuntest tad-diversi clubs (iktar minn 500), in-numru ta’ impriżi kkonċernati (17), in-numru ta’ talbiet għal klemenza (ara l-punti 27 u 32 et seq. iktar ’il fuq) u l-volum partikolarment sostanzjali ta’ dokumenti, ipprovduti f’dan il-kuntest jew miksuba matul l-ispezzjonijiet u redatti f’diversi lingwi, li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, id-diversi talbiet għal informazzjoni komplementari li kellhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lid-diversi kumpanniji kkonċernati skont il-bżonn fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-komprensjoni tal-akkordju (ara l-punti 29 et seq. u l-punti 42 et seq. iktar ’il fuq), in-numru ta’ destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar minn 40), in-numru ta’ lingwi proċedurali (8), kif ukoll id-diversi talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas (14).

260    Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li turi l-kumplessità partikolari tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, minkejja t-tul partikolari tal-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura, dan it-tul ma għandux jitqies li kien eċċessiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva terminu raġonevoli u għalhekk il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ippreżentat minn Hit Groep fil-kuntest tar-replika tagħha u bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq perijodu żbaljat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

261    Hit Groep issostni li kien fil-punti 23 sa 25 tar-risposta tagħha li l-Kummissjoni esponiet għall-ewwel darba b’mod komprensiv u ddettaljat kif kienet wettqet il-kalkolu tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha.

262    Hija tqis li dan il-mod ta’ kalkolu la jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata.

263    Hit Groep issostni li l-ammont bażiku li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex twettaq il-kalkolu tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha huwa ta’ EUR 30 584 561. Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab fil-punt 25 tar-risposta jirriżulta li dan l-ammont jirrappreżenta l-valur tal-beni mibjugħa għall-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar 1996 u d-19 ta’ Settembru 2002.

264    Din in-nota ta’ qiegħ il-paġna tispeċifika:

“Dan huwa l-valur tal-beni mibjugħa għall-perijodu bejn id-9.1.1996 u d-19.9.2002. Fir-rigward ta’ kull wieħed mill-ħames perijodi tal-akkordju (mill-1.1.1984 sal-31.12.1985; mill-1.1.1986 sal-14.12.1992; mill-15.12.1992 sal-31.12.1993; mill-1.1.94 sat-8.1.1996; mid-9.1.1996 sad-19.9.2002), il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ u mbagħad immultiplikatu bil-fattur li jikkorrispondi għat-tul. Għal finijiet ta’ ċarezza, id-deċiżjoni ta’ emenda tippreżenta dawn il-valuri tal-bejgħ f’tabella miżjuda fil-premessa 935 tad-deċiżjoni.”

265    Hit Groep iżżid li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda żiedet, fil-premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata, tabella li madankollu ma tinkludix isimha.

266    Hija ssostni li għalhekk dawn il-preċiżazzjonijiet ħarġu għall-ewwel darba fir-risposta.

267    Issa, hija tfakkar li hija miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri mill-1 ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ Jannar 2002 filwaqt li l-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-valur tal-bejgħ ta’ Nedri, ibbażat ruħha fuq il-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar 1996 u d-19 ta’ Settembru 2002.

268    Hija tqis li għaldaqstant hija kienet suġġetta għal multa fuq il-bażi ta’ perijodu kunsiderevolment itwal mill-perijodu li fir-rigward tiegħu kellha tinżamm responsabbli.

269    Issa, fil-fehma tagħha, in-numru ta’ snin li fir-rigward tagħhom l-impriża nżammet responsabbli għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

270    Fl-aħħar nett, Hit Groep iżżid li mill-premessa 5 tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda jirriżulta li l-Kummissjoni żżomm lill-kumpanniji parent bħala responsabbli in solidum “fir-rigward biss tal-parti tal-multa li tikkorrispondi għall-perijodu li matulu l-kumpannija parent kienet tifforma impriża waħda mas-sussidjarji inkwistjoni”, meta fl-istess ħin il-multa li kienet imposta fuqha hija ikbar minn dik li kienet imposta fuq Nedri.

271    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

272    Permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Lulju 2011, Hit Groep talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex titħalla tikkompleta l-motivi tagħha wara li saret taf, skontha, b’informazzjoni dwar il-mod ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa li kien indikat għall-ewwel darba fir-risposta tal-Kummissjoni.

273    L-ittra tas-6 ta’ Mejju 2011 ġiet ippreżentata matul it-terminu li kien ingħatalha sabiex tippreżenta r-replika, li kien jiskadi fis-17 ta’ Mejju 2011.

274    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-informazzjoni inkwistjoni kienet diġà disponibbli kemm fid-deċiżjoni inizjali (premessi 927 et seq.) u kemm fl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda (premessi 930 u 932 u tabella annessa) u li dan il-motiv huwa ġdid u għalhekk inammissibbli.

275    Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-premessi 930, 932 u 933 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

“930      Inkonformità mal-osservazzjonijiet magħmula fir-rigward tat-tul tal-involviment fil-ksur (ara l-Kapitoli VI u VII), l-aħħar sena kummerċjali sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur hija 2000 għal DWK u 2001 għall-impriżi l-oħra kollha li huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

[…]

932      Iż-żona ġeografika kkonċernata evolviet matul iż-żmien. Mill-1984 sal-1995 (perijodu tal-club Zurich), din kienet tkopri l-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, Spanja u l-Awstrija. Mill-1992 (taħt l-arranġamenti tal-club España), din iż-żona kienet tinkludi wkoll il-Portugall. Mill-1996 sal-2002 (perijodu ta’ kriżi tal-club Zurich, iż-żmien li fih l-arranġament tal-club Europe fil-qasam tal-kwota ġie ppreparat, perijodu tal-club Europe u perijodu ta’ espansjoni), iż-żona ġeografika kienet tkopri l-istess pajjiżi bħal fiż-żmien tal-club Zurich, inkluż il-Portugall, kif ukoll id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja (ara t-Taqsimiet 9.1.1 sa 9.1.5). Dan jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ imwettaq fil-Portugall qabel il-15 ta’ Diċembru 1992 u bl-esklużjoni tal-bejgħ fid-Danimarka, fl-Isvezja, fil-Finlandja u fin-Norveġja qabel id-9 ta’ Jannar 1996.

933       Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li l-valur tal-bejgħ fi Spanja, fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Isvezja u fin-Norveġja ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għat-tul kollu tal-ksur, peress li kien biss fl-1 ta’ Jannar 1986 li Spanja aderixxiet mal-KE u peress li kien biss fl-1 ta’ Jannar 1994 li daħal fis-seħħ il-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, il-bejgħ f’dawn il-pajjiżi qabel l-1 ta’ Jannar 1986 u l-1 ta’ Jannar 1994 rispettivament huwa eskluż mill-kalkolu tal-valur tal-bejgħ. Dan il-punt huwa eżaminat fit-Taqsima 19.1.6.”

276    Barra minn hekk, fl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“5)      Sabiex jiġi kkjarifikat il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni fir-rigward tad-diversi perijodi indikati fit-Taqsima 19.1.2, il-punti segwenti kien imisshom ġew inklużi fl-aħħar tal-premessa 935:

[...]

–        9. Nedri (tweġiba tat-30 ta’ Ġunju 2009):

–        01.01.1984 – 31.12.1985: EUR 30 157 611

–        01.01.1986 – 14.12.1992: EUR 30 389 997

–        15.12.1992 – 31.12.1993: EUR 30 389 997

–        01.01.1994 – 08.01.1996: EUR 30 389 997

–        09.01.1996 – 19.09.2002: EUR 30 584 561.”

277    Barra minn hekk, mill-punt 22 tal-Artikolu 3 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda jirriżulta li din kienet indirizzata lil Hit Groep.

278    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li ma kienx fir-risposta li Hit Groep ingħatat l-informazzjoni inkwistjoni għall-ewwel darba.

279    Huwa minnu li Hit Groep setgħet titlob li tadatta t-talbiet tagħha fid-dawl tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, iżda setgħet tagħmel dan fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn.

280    Fil-fatt, sabiex tkun ammissibbli, talba għall-adattament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2011, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T‑291/04, Ġabra, EU:T:2011:760, punt 96, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Ġabra, EU:T:2013:397, punt 55).

281    Issa, fil-kawża ineżami, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kien ilu li skada meta r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2011.

282    Minn dan isegwi li dan il-motiv huwa inammissibbli.

283    Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv lanqas ma huwa fondat peress li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Hit Groep, li l-valur tal-bejgħ kien ta’ EUR 30 584 561 u mbagħad immultiplikat dan l-ammont b’koeffiċjent ta’ 4 sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur imputabbli lil Hit Groep. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din ma ġietx issanzjonata għal perijodu itwal minn dak li fir-rigward tiegħu nżammet responsabbli (ara l-punti 217 u 226 iktar ’il fuq).

284    Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli mill-Qorti Ġenerali

285    Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx osservat terminu raġonevoli fit-trattament tar-rikors tagħha u li kien hemm lok li minn dan jinstiltu konsegwenzi fir-rigward tal-ammont tal-multa li hija meħtieġa tħallas.

286    Għandu jiġi kkonstatat li tali lment ikun inammissibbli meta jiġi ppreżentat fil-kuntest tal-istess rikors bħal dak li fir-rigward tal-proċedura relatata jkun qiegħed jiġi allegat li ma ġiex osservat il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

287    Fil-fatt, il-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedi dwar ir-rikors ikun meħtieġ, li kieku jeżamina dan l-ilment, jiddeċiedi dwar in-natura inkorretta jew illegali tal-aġir tiegħu stess, b’tali mod li r-rikorrent jista’ jkollu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-imsemmi kulleġġ ġudikanti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, CEPSA vs Il-Kummissjoni, T‑497/07, EU:T:2013:438, taħt appell, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata).

288    Għaldaqstant, ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li taqta’ l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenzi Kendrion vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:C:2013:771, punt 94, u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, Ġabra, EU:C:2013:770, punt 83).

289    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

290    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma jista’ jintlaqa’. Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, li, bl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, tinbidel il-multa li kienet imposta fuq ir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

291    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      HIT Groep BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.