Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ottubru 2012 - Visa Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-447/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Visa Europe Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: A. Renshaw u J. Aitken, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Lulju 2012 fil-Każ COMP/D1/39398 - Visa MIF, sa fejn tiċħad it-talba ta' Visa Europe li tbiddel il-limitu ta' tariffi multilaterali tal-interkambju ta' debitu (IMF) li sar legalment vinkolanti bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet tad-difiża ta' Visa Europe u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba billi ma pprovdietx lil Visa Europe bl-opportunità li tagħti l-opinjoni tagħha b'mod effettiv dwar il-fatti rilevanti u fuq l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-allegati nuqqasijiet fl-istudju ekonomiku ppreżentat minn Visa Europe qabel ma ċaħdet b'mod definittiv it-talba ta' Visa Europe li tibddel il-limitu MIF.

It-tieni motiv ibbażat fuq

ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 , il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 296 TFEU billi ma pparagunatx l-istudju ekonomiku ppreżentat minn Visa Europe mal-istudji li ntużaw preċedentement sabiex jiġi kkalkolat il-limitu MIF u billi bbażat fuq kunsiderazzjonijiet irrilevanti meta ċaħdet it-talba ta' Visa Europe biex tbiddel il-limitu MIF.

It-tielet motiv ibbażat fuq

żball manifest ta' evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni. Hija ċaħdet provi prodotti minn Visa Europe abbażi ta' kunsiderazzjonijiet difettużi, kif ukoll abbażi ta' oġġezzjonijiet inkonsistenti mal-preċedenti tal-Kummissjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa li l-oġġezzjonijiet tagħha, anki jekk kienu korretti, kienu madankollu jonqsu milli jiġġustifikaw ir-rifjut li tbiddel il-limitu MIF.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).