Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Diċembru 2009 - In 't Veld vs Il-Kunsill

(Kawża T-529/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sophie in 't Veld (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: O. Brouwer u J. Blockx, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li tiċħad l-aċċess sħiħ għad-dokument 11897/09;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ta' kull intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Settembru 2009 li tiċħad it-talba tagħha, skont ir-Regolament Nru 1049/2001 1, li tingħata aċċess sħiħ għad-dokument 11897/09 li huwa opinjoni tad-Dipartiment Legali tal-Kunsill dwar il-bażi legali tar-"Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill sabiex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika bil-għan li jintlaħaq ftehim internazzjonali sabiex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data dwar messaġġi finanzjarji fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tat-terroriżmu u kif ukoll tal-ġlieda kontra tagħhom". Il-Kunsill ipprovda lir-rikorrenti verżjoni rriveduta tad-dokument 11897/09 li, skont ir-rikorrenti, teskludi l-partijiet li jippermettulha tagħraf is-sustanza tal-analiżi tad-Dipartiment Legali.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li din tikser ir-regoli ta' aċċess għad-dokumenti li jinsabu fir-Regolament Nru 1049/2001.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata b'mod żbaljat fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali) peress li l-Kunsill naqas milli juri kif l-iżvelar sħiħ tad-dokument 11897/09 jdgħajjef il-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tal-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tafferma li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ħarsien tal-pariri legali) inkwantu din l-eċċezzjoni ma tapplikax għad-dokument 11897/09 peress li l-iżvelar sħiħ tiegħu ma jdgħajjifx il-ħarsien ta' proċeduri ġudizzjarji jew pariri legali u peress li hemm interess pubbliku ikbar sabiex id-dokument 11897/09 ikun kompletament disponibbli għall-pubbliku.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tqis li dawn l-eċċezzjonijiet hawn fuq imsemmija japplikaw għad-dokument 11897/09, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill applika b'mod żbaljat l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn dan żamm mid-dokument 11897/09 iktar informazzjoni milli kien strettament meħtieġ.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas mill-obbligu ta' motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

____________

1 - - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).