Language of document : ECLI:EU:T:2010:370

Kawża T-155/06

Tomra Systems ASA et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni Abbuż minn pożizzjoni dominanti Suq tal-magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE Ftehim ta’ esklużività, impenji kwantitattivi u tnaqqis għal fedeltà li jagħmlu parti minn strateġija ta’ esklużjoni tal-kompetituri mis-suq Multa Proporzjonalità”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2010...................................................................................II ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu, bħala prova, tad-dokumentazzjoni interna ta’ impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur — Ammissibbiltà

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Kuntratt konkluż bejn impriża u organizzazzjoni ċentrali tax-xiri

(Artikolu 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni — Obbligi tal-impriża dominanti — Eżerċizzju tal-kompetizzjoni abbażi tal-merti

(Artikolu 82 KE)

4.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Tnaqqis għal fedeltà

(Artikolu 82 KE)

5.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis li għandu l-effett ta’ dekadenza fuq is-suq — Tnaqqis għal fedeltà — Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva

(Artikolu 82 KE)

6.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal kwantità — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikoli 82 KE u 253 KE)

8.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Esklużjoni ta’ parti sostanzjali tas-suq minn impriża dominanti

(Artikolu 82 KE)

9.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis retroattiv — Natura abbużiva – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu. 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Aġir li għandu bħala effett jew bħala skop li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

11.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Impenji dwar il-kwantitajiet individwali li jikkostitwixxu użu abbużiv

(Artikolu 82 KE)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Elementi ta’ evalwazzjoni — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tal-impriża kkonċernata — Limiti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

1.      Id-dokumentazzjoni interna ta’ impriża tista’ tikkostitwixxi prova tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni minn din l-impriża. Tali dokumentazzjoni tista’, fil-fatt, tindika jekk l-esklużjoni tal-kompetizzjoni kinitx maħsuba, jew, għall-kuntrarju, tissuġġerixxi spjegazzjoni differenti tal-prattiki eżaminati. Hija tista’, pereżempju, tippermetti lill-Kummissjoni tqiegħed dawn il-prattiki fil-kuntest tagħhom u tikkorrobora l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn l-istess prattiki.

Meta hija tuża din id-dokumentazzjoni sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha, huwa tabilħaqq normali li l-Kummissjoni, mingħajr ma taħbi l-eżistenza ta’ dokumenti li jagħtu opinjoni differenti, turi primarjament l-aġir antikompetittiv tal-impriża u mhux l-azzjonijiet legali tagħha msemmija f’ċerti dokumenti interni, peress li hija għandha tistabbilixxi speċifikament dan l-aġir.

(ara l-punti 35, 36)

2.      Ma huwiex neċessarju li l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti torbot lix-xerrejja b’obbligu formali ta’ esklużività sabiex jiġi stabbilit li dawn jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Huwa biżżejjed li dawn il-prattiki jkun fihom inċentiv lill-klijenti sabiex ma jmorrux għand fornituri kompetituri u sabiex jordnaw il-provvisti għal bżonnijiet kollha jew għal parti sostanzjali minnhom mingħand l-imsemmija impriża, b’mod li ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata n-natura esklużiva tal-kuntratti inkwistjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

Fir-rigward tal-ftehim konklużi bejn impriża u organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri, li għandhom natura vinkolanti għall-partijiet, il-kwistjoni dwar jekk dawn jinfluwenzawx ukoll l-aġir ta’ xerrej tal-membri tagħhom ma tiddependix minn analiżi formali. Fil-fatt, meta l-kundizzjonijiet innegozjati jiddependu mix-xiri ta’ kwanititajiet intiżi mill-organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri fl-intier tagħha, huwa inerenti għan-negozjati ta’ kuntratt ta’ dan it-tip li dan għandu jħajjar lill-membri tal-organizzazzjoni ċentrali jixtru sabiex jilħqu l-mira stabbilita.

(ara l-punti 59, 61, 62)

3.      Il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkun tali, li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-grad ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u, li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li japplikaw f’kompetizzjoni normali tal-prodotti jew servizzi abbażi tal-provvisti ta’ operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ grad tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi impriża dominanti milli telimina kompetitur u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha billi tirrikorri għal mezzi li ma humiex dawk ibbażati fuq kompetizzjoni fuq il-merti. Il-projbizzjoni mniżżla f’din id-dispożizzjoni hija wkoll iġġustifikata mit-tħassib li l-konsumaturi ma jiġux ippreġudikati.

Konsegwentement, għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din l-impriża għandha, indipendentement mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, permezz tal-aġir tagħha, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni. Bl-istess mod, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadx impriża li tinsab f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tippriżerva l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn huma mhedda, u għalkemm din l-impriża għandha l-possibbiltà, sa livell raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tikkunsidra xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, madankollu dan l-aġir ma jistax jiġi aċċettat meta jkollu bħala għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jabbuża minnha.

(ara l-punti 38, 206, 207)

4.      Fir-rigward ta’ impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, il-fatt li torbot xerrejja – anki jekk fuq talba tagħhom – b’obbligu jew wegħda li jfornu ruħhom għall-bżonnijiet kollha jew għal parti sostanzjali mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr iktar kwalifiki, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot ix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, jew taħt ftehim magħmula ma’ dawn ix-xerrejja, jew inkella unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri l-iskontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Fil-fatt, l-impenji ta’ forniment esklużiv ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi mħeġġeġ jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jillimitaw fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra.

(ara l-punti 208, 209, 295, 296)

5.      Tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jikseb provvisti esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, imur kontra l-Artikolu 82 KE minħabba l-esklużjoni li jimplika. Tali tnaqqis iwassal fil-fatt, sabiex, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, tiġi prekluża l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.

(ara l-punti 210, 211)

6.      Is-sistemi ta’ tnaqqis għal kwantità implementati minn impriża f’pożizzjoni dominanti, marbuta esklużivament mal-volum ta’ xiri li sar minnha, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni fuq is-suq ipprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta mill-imsemmija impriża tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis għal kwantità li r-rata ta’ skont tiegħu tiżdied skont il-volum mixtri mill-impriża f’pożizzjoni dominanti tikser l-Artikolu 82 KE biss jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma hijiex ibbażata fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, iżda twassal, bħat-tnaqqis għal fedeltà u ta’ mira, sabiex tipprekludi l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.

Sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà ta’ natura abużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari, il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li titneħħa lix-xerrej l-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati għall-imsieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.

(ara l-punti 212-214)

7.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għall-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li adottat l-att, b’mod li l-persuna interessata tkun tista’ tagħraf il‑ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, dan il-prinċipju jirrikjedi li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-fatti li tiddependi fuqhom il-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wasslu sabiex tittieħed din id-deċiżjoni.

(ara l-punt 227)

8.      L-għeluq ta’ parti sostanzjali tas-suq minn impriża dominanti ma jistax jiġi ġġustifikat mit-turija li parti tas-suq li setgħet tinkiseb għadha suffiċjenti sabiex takkomoda numru limitat ta’ kompetituri. L-ewwel nett, minn naħa, il-klijenti li jinsabu fil-parti magħluqa tas-suq għandu jkollhom l-opportunità li japprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il‑merti għas-suq kollu u mhux parti minnu biss. It-tieni nett, ma huwiex ir‑rwol tal-impriża dominanti li tiddetermina kemm għandhom jikkompetu kompetituri profitabbli għal porzjon tad-domanda li kienet għadha setgħet tinkiseb.

Huwa permezz ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ li jista’ jiġi stabbilit jekk il-prattiċi ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jistgħux jeskludu l-kompetizzjoni u, jkun artifiċjali li jiġi stabbilit a priori liema hija l-porzjoni tas-suq marbuta li lil hinn minnha l-prattiċi ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jkollhom effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri.

(ara l-punti 241, 242)

9.      Il-mekkaniżmu ta’ esklużjoni rrappreżentat mit-tnaqqis retroattiv ma jeħtieġx li l-impriża dominanti tissagrifika profitti, peress li l-ispiża tat-tnaqqis hija mqassma fuq numru kbir ta’ unitajiet. Permezz tal-għoti retroattiv ta’ tnaqqis, il-prezz medju miksub mill-impriża dominanti jista’ tassew ikun superjuri għall-ispejjeż u jġib miegħu marġni ta’ profitt medju għoli. Madankollu, is-sistema ta’ tnaqqis retroattiv tiżgura li, għall-klijent, il-prezz effettiv għall-aħħar unitajiet ikun baxx ħafna minħabba l-“effett ta’ ġbid”.

(ara l-punt 267)

10.    Għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-komportament abużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti kellu effett antikompetittiv konkret fis-swieq ikkonċernati. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jintwera li għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li kapaċi jkollu tali effett.

(ara l-punt 289)

11.    Anki jekk jiġi ammess li ma jorbtux lix-xerrej b’obbligu formali ta’ esklużività, l-impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati, li dwarhom jiġi stabbilit, wara analiżi mhux biss formali mill-aspett legali, iżda wkoll billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku tal-ftehim inkwistjoni, li jorbtu de facto u/jew jinċitaw lix-xerrej sabiex jixtri esklużivament jew għal parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tiegħu mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, u li ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s‑sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l‑oħra, jikkostitwixxu użu abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

(ara l-punti 297, 298)

12.    La l-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ trattament ugwali u lanqas il-fatt li l‑Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur, ma jista jċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibilità li tgħolli l-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni.

Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett disważiv tal-multi, mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati. Issa, l‑informazzjoni rilevanti, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati jvarjaw skont il-każ. Konsegwentement, il‑Kummissjoni ma tistax tkun obbligata timponi multi li jirrappreżentaw l‑istess proporzjon tal-fatturat fil-każijiet kollha li huma simili fuq il-livell ta’ gravità.

Peress li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, din għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 310-313)

13.    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li tissanzjona l-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-limitu superjuri li jipprevedi l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, u li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iżda madankollu ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil din iċ-ċifra meta mqabbla ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu evalwati.

Il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru kbir ta’ elementi waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, li fosthom hemm b’mod partikolari n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu meta jista’ jitkejjel, il-portata ġeografika tas-suq affettwat u l‑portata disważiva neċessarja tal-multa. Għalkemm il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, dawn ma jipprekludux li tali tad-dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ‑ċirkustanzi jeżiġu dan.

Minn dan jirriżulta li, għalkemm ma jistax jiġi nnegat, li d-dħul mill-bejgħ relatat mal-prodotti inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi bażi xierqa sabiex jiġu evalwati l-preġudizzji lill-kompetizzjoni fis-suq tal-imsemmija prodotti fi ħdan iż‑Żona Ekonomika Ewropea, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element ma jikkostitwixxix l-uniku kriterju li bih il-Kummissjoni għandha tevalwa l-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 316-318)