Language of document : ECLI:EU:T:2013:127

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Marzu 2013 (*)

“Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament Ewropew – Skema ta’ pensjoni addizzjonali – Deċiżjonijiet li jiċħdu talbiet intiżi għall-ibbenefikar mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ qabel l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali fl-2009 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Drittijiet miksuba – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi magħquda T‑229/11 u T‑276/11,

Lord Inglewood, residenti f’Penrith (ir-Renju Unit), u l-għaxar rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness, irrappreżentati minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis, É. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑229/11,

Marie-Arlette Carlotti, residenti f’Marseille (Franza), irrappreżentata minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, É. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑276/11,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz, M. Windisch u K. Pocheć, bħala aġenti,

konvenut,

li għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew li jirrifjutaw li jagħtu lir-rikorrenti l-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali volontarja tagħhom jew b’mod antiċipat, jew fl-età ta’ 60 sena jew parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-Bureau tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Bureau”), huwa korp tal-Parlament. Skont l-Artikolu 22(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża preżenti (ĠU 2005, L 44, p. 1), intitolat “Dmirijiet tal-Bureau” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Bureau jirregola, fost oħrajn, l-affarijiet li jikkonċernaw il-finanzi, l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni relatati mal-membri tal-Parlament Ewropew.

2        Għal dan il-għan, il-Bureau adotta r-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti IAM”).

3        Fit-12 ta’ Ġunju 1990, il-Bureau adotta r-Regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990”), li jinsabu fl-Anness VII tar-Regolamenti IAM.

4        Ir-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, fil-verżjoni tagħhom applikabbli f’Marzu 2009, kienu jipprovdu, b’mod partikolari:

“Artikolu 1

1.      Sakemm jiġi adottat Statut uniku tal-membri, u indipendentement mid-drittijiet għall-pensjoni previsti fl-Annessi I u II, kull membru tal-Parlament Ewropew li ħallas kontribuzzjonijiet, għal mill-inqas sentejn, fl-iskema volontarja ta’ pensjoni għandu d-dritt, wara li jtemm il-kariga tiegħu, għal pensjoni tul ħajtu kollha mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih ikun għalaq 60 sena.

[…]

Artikolu 2

1.      Il-pensjoni hija, għal kull sena sħiħa ta’ mandat, ta’ 3.5 % ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej flimkien ma’, għal kull xahar sħiħ, 1/12 ta’ dan l-ammont.

2.      L-ammont massimu tal-pensjoni huwa ta’ 70 % (l-ammont minimu huwa ta’ 10.5 %) ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3.      Il-pensjoni hija ikkalkolata u mħallsa f’Euro.

Artikolu 3

L-ex membri jew il-membri li rriżenjaw qabel l-età ta’ 60 sena jistgħu jitolbu li l-pensjoni tal-irtirar tagħhom tiġi mħallsa lilhom immedjatament, jew fi kwalunkwe mument bejn ir-riżenja tagħhom u l-età ta’ 60 sena, bil-kundizzjoni li jkunu għalqu l-età ta’ 50 sena. F’dan il-każ tal-aħħar, il-pensjoni hija ugwali għall-ammont ikkalkolat fuq il-bażi tal‑Artikolu 2(1), immultiplikat bi koeffiċjent ikkalkolat skont l-età tal-membru fiż-żmien meta jibda jirċievi l-pensjoni tiegħu, skont l-iskala li ġejja […]

Artikolu 4 (ħlas ta’ parti mill-pensjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa)

1.      Massimu ta’ 25 % tad-drittijiet għall-pensjoni kkalkolati fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) jista’ jitħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-membri affiljati jew li kienu affiljati mal-iskema ta’ pensjoni volontarja.

2.      Din l-għażla għandha titwettaq qabel id-data li fiha jibdew il-ħlasijiet u hija irrevokabbli.

3.      Bla ħsara għall-massimu previst fil-paragrafu 1, il-ħlas ta’ somma f’daqqa la jaffettwa u lanqas inaqqas id-drittijiet għall-pensjoni tal-konjuġi superstiti jew tat-tfal dipendenti tal-affiljat.

4.      Il-ħlas tas-somma f’daqqa huwa kkalkolat skont l-età tal-membru fid-data li fiha tibda l-pensjoni, skont it-tabella li ġejja […]

5.      Is-somma f’daqqa hija kkalkolata u mħallas f’Euro. Il-ħlas jitwettaq qabel l-ewwel ħlas tal-pensjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Il-fond ta’ pensjoni addizzjonali nħoloq bit-twaqqif, mill-Kwesturi tal-Parlament, tal-ASBL (assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru) “Fonds de pension – députés au Parlement européen” (iktar ’il quddiem, l-“ASBL”) li, min-naħa tagħha, ħolqot kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli (SICAV) irregolata mid-dritt Lussemburgiż, immsemija “Fonds de pension – Députés au Parlement européen, Société d’investissement à capital variable”, li ġiet inkarigata bil-ġestjoni teknika tal-investimenti.

6        L-Istatut tal-Membri tal-Parlament ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom, tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU L 262, p. 1), u daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2009, l-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura.

7        L-Istatut tal-Membri stabbilixxa skema ta’ pensjoni definittiva għall-membri, li abbażi tagħha dawn għandhom id-dritt, mingħajr ma jħallsu kontribuzzjonijiet, għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 63 sena.

8        L-Istatut tal-Membri jipprevedi miżuri tranżitorji applikabbli għall-iskema ta’ pensjoni addizzjonali. L-Artikolu 27 tal-imsemmi statut jipprovdi, f’dan ir-rigward:

“(1)      Il-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut għall-Membri jew ex-Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f’dak il-fond.

(2)      Drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom. Il-Parlament jista’ jistabilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda.

(3)      Il-Membri li jirċievu salarju [stabbilit mill-Istatut] ma jistgħu jiksbu l-ebda drittijiet jew jeddijiet futuri ġodda fuq il-fond għall-pensjoni volontarja.

(4)      Il-fond m’għandux ikun miftuħ għal Membri li jiġu eletti għall-ewwel darba fil-Parlament wara li dan l-Istatut isir applikabbli.

[…]”

9        B’deċiżjonijiet tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, il-Bureau adotta l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri (ĠU C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implementazzjoni”). Skont l-Artikolu 73 tagħhom, il-miżuri ta’ implementazzjoni daħlu fis-seħħ fl-istess ġurnata li daħal fis-seħħ l-Istatut tal-Membri, jiġifieri, fl-14 ta’ Lulju 2009.

10      L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implementazzjoni jipprovdi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV tagħhom, ir-Regolamenti IAM jieqfu japplikaw fil-jum li fih l-Istatut tal-Membri jidħol fis-seħħ.

11      L-Artikolu 76 tal-miżuri ta’ implementazzjoni intitolat “Pensjoni addizzjonali”, jipprovdi:

“1.      Il-pensjoni addizzjonali tal-età (volontarja) mħallsa skont l-Anness VII tar-Regoli PEAM [Regolamenti IAM] għandha tkompli titħallas, skont dak l-Anness, lill-persuni li kienu jirċievu dik il-pensjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

2.      Id-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness VII imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Dawn għandhom jiġu osservati skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-anness.

3.      Jistgħu jibqgħu jiksbu d-drittijiet il-ġodda wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, u bi qbil mal-Anness VII imsemmi hawn fuq, il-Membri parlamentari eletti fl-2009 li:

a)      kienu Membri parlamentari taħt leġiżlatura preċedenti; u

b)      [...] li jkunu diġà kisbu jew kienu qed jiksbu d-drittijiet fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali; u

c)      li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru fejn ġew eletti diġà adotta deroga skont l-Artikolu 29 tal-Istatut, jew li, skont l‑Artikolu 25 tal-Istatut, għażlu skema nazzjonali; u

d)      mhumiex intitolati għal pensjoni nazzjonali jew Ewropea minħabba t-twettiq tal-mandat tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

4.      Il-Membri għandhom iħallsu l-kontributi tagħhom fil-fond tal-pensjoni addizzjonali mid-dħul personali tagħhom.”

12      Fid-9 ta’ Marzu 2009, wara l-konstatazzjoni ta’ deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali, il-Bureau ddeċieda:

–        “li jikkostitwixxi grupp ta’ ħidma […] sabiex ilaqqa’ rappreżentanti tal-Kunsill ta’ amministrazzjoni tal-fond ta’ pensjoni sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni;

–        […], b’effett immedjat, li, bħala miżura kawtelatorja u ta’ prekawzjoni, il-possibbilità li jiġu applikati l-Artikoli 3 u 4 tal-Anness VII tar-Regoli IAM [ġiet] sospiża;

–        […] li dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni ser jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Bureau waqt il-laqgħa li jmiss, fid-dawl tal-fatti stabbiliti u tar-riżultati tal-kuntatti u l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fl-1 ta’ April 2009, il-Bureau ddeċieda li jemenda r-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009”). L-emendi jinkludu, b’mod partikolari, il-miżuri li ġejjin:

–        żieda b’effett mill-ewwel ġurnata tas-seba’ leġiżlatura, jiġifieri, l-14 ta’ Lulju 2009, tal-età tal-irtirar minn 60 għal 63 sena (Artikolu 1 tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990);

–        tħassir b’effett immedjat tal-possibbiltà ta’ ħlas ta’ parti mid-drittijiet għall-pensjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa (Artikolu 3 tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990);

–        tħassir b’effett immedjat tal-possibbiltà ta’ irtirar antiċipat, mill-età ta’ 50 sena (Artikolu 4 tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990).

14      Sabiex jiġġustifika dawn il-miżuri, il-Bureau invoka, fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, deterjorament sinjifikattiv tal-fond ta’ pensjoni, dovut għall-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali kif ukoll għall-prospettiva li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri f’Lulju 2009, minħabba l-waqfien tal-kontribuzzjonijiet tal-affiljati u tal-insuffiċjenza tar-rendiment tal-investimenti, il-likwidità disponibbli tal-fondi kienet qiegħda tirriskja li ma tkunx suffiċjenti, sa mill-2010, sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ ħlas tal-pensjonijiet. Konsegwentement, il-fond ta’ pensjoni kien qed jirriskja, konsegwentement, li jkollu jillikwida l-attiv, u din hija r-raġuni għaliex kellhom jittieħdu miżuri sabiex il-likwidità tal-fond tinżamm fil-livell massimu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

15      Ir-rikorrenti, Lord Inglewood u l-għaxar rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness kif ukoll Marie-Arlette Carlotti, kienu membri tal-Parlament. Bħala tali, huma aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali u ħallsu l-kontribuzzjonijiet lill-fond, matul perijodi differenti qabel ix-xahar ta’ Lulju 2009.

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fil-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Awwissu 2009 rispettivament, ir-rikorrenti ressqu rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu 2009 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) u tal-1 ta’ April 2009. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Albertini et vs Il‑Parlament (T‑219/09 u T‑326/09, Ġabra p. II‑5935), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi bħala inammissibbli, minħabba b’mod partikolari n-nuqqas ta’ interess individwali tar-rikorrenti mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 sa fejn din kienet att ta’ portata ġenerali.

17      Permezz ta’ ittri indirizzati lill-Parlament bejn l-20 ta’ Jannar u l-15 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti talbu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni tagħhom taħt l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, b’applikazzjoni tar-regolamenti fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

18      B’mod partikolari, Georges Berthu, Guy Bono, Marie‑Arlette Carlotti, Brendan Donnelly, Catherine Guy‑Quint, William Richard Inglewood, Nicole Thomas‑Mauro, Gary Titley, Vincenzo Viola u Marrtje van Putten talbu li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni fl-età ta’ 60 sena. David Robert Bowe u Christine Margaret Oddy talbu li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni antiċipata (mill-età ta’ 56 sena, fil-każ ta’ David Robert Bowe, u mingħajr preċiżazzjoni tal-mument eżatt fil-każ ta’ Christine Margaret Oddy). Barra minn hekk, David Robert Bowe talab ukoll li jkun jista’ jibbenefika mill-pensjoni addizzjonali tiegħu, parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa. Brendan Donnelly, William Richard Inglewood, Christine Margaret Oddy u Gary Titley indikaw li huma wkoll kienu qegħdin jikkunsidraw li jitolbu tali ħlas tal-pensjoni tagħhom fil-forma ta’ somma f’daqqa mingħajr ma fformulaw b’mod espress, f’dan l-istadju, tali talba.

19      Permezz ta’ ittri mibgħuta mill-Parlament bejn l-10 ta’ Frar u t-28 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ġew informati biċ-ċaħda tat-talbiet tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). F’dawn l-ittri, il-Kap tal-Unità “Remunerazzjoni u benefiċċji soċjali tal-membri” tal-Parlament fakkar b’mod partikolari li, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, l-età tal-irtirar tal-ex membri kienet telgħet minn 60 għal 63 sena u li l-possibbiltà ta’ ħlas ta’ parti mid-drittijiet għall-pensjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa kienet tneħħiet.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April u fil-31 ta’ Mejju 2011 rispettivament, ir-rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi.

21      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Settembru 2011, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad dawn il-kawżi, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

22      Fil-5 u fis-17 ta’ Ottubru 2012 rispettivament, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Parlament issottomettew xi dokumenti u rrispondew għad-domandi tal-Qorti Ġenerali.

23      Fid-29 ta’ Ottubru 2012, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet xi domandi lill-Parlament sabiex tingħata risposta orali matul is-seduta.

24      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 illegali;

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

25      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, kif ukoll ħames motivi invokati, essenzjalment, insostenn tal-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet miksuba tagħhom u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM, ir-raba’ nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, il-ħames nett, fuq ksur tal-bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti.

27      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-kontenut deċiżjonali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jikkonsisti fir-rifjut milli r-rikorrenti jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali tagħhom fl-età ta’ 60 sena, b’mod antiċipat jew parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa, huwa ddeterminat bid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, li neħħiet dawn il-possibbiltajiet. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma deċiżjonijiet relatati u r-rikorsi jistgħu jiġu milqugħa biss fl-eventwalità fejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità tkun fondata. Għall-kuntrarju, jekk ma tkun tista’ tiġi kkonstata ebda illegalità fir-rigward tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, ir-rikorsi jkollhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

28      L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq ksur tad-drittijiet miksuba tagħhom u t-tieni waħda bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet miksuba tar-rikorrenti

29      Ir-rikorrenti jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Unjoni li tgħid li, fil-prinċipju, ma huwiex possibbli li drittijiet miksuba jiġu kkontestati. Skont dawn, iż-żieda tal-età tal-irtirar għal 63 sena tikser l-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Huma jqisu li huma kisbu d-dritt għal pensjoni addizzjonali qabel id-data tal-1 ta’ April 2009. Fil-fatt, dritt bħal dan tnissel wara l-perijodu minimu ta’ tliet snin kontribuzzjonijiet u għaldaqstant dan huwa b’applikazzjoni tar-regoli ta’ likwidazzjoni bħalma huma dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 fis-seħħ fil-jum li fih il-modalitajiet tat-tgawdija minn dan id-dritt kellhom jiġu ddeterminati. Fl-istadju tar-replika huma jżidu li, skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament (T‑439/09, Ġabra, P. II-7231), id-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 ma hijiex applikabbli għat-tmien rikorrenti li temmew il-kariga tagħhom ta’ membri qabel l-2009, peress li dawn tal-aħħar kienu diġà kisbu d-dritt tagħhom għall-pensjoni fil-mument ta’ tmiem il-karigi tagħhom.

30      Il-Parlament essenzjalment isostni li l-kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt għall-pensjoni addizzjonali, previsti mir-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 2009, huma kumulattivi u li għaldaqstant il-fatt li jiġġenera dritt għall-pensjoni huwa biss l-issodisfar tal-aħħar kundizzjoni.

31      Billi r-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kisret id-drittijiet miksuba tagħhom, qabelxejn għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, huma kinux effettivament kisbu dritt għall-pensjoni addizzjonali.

32      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 għandha portata ġenerali u, għaldaqstant, għandha natura regolamentari, peress li hija tapplika għall-parlamentari kollha affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali attwalment jew fil-futur (digriet Albertini etvs Il-Parlament, punt 16 iktar ’il fuq, punt 42). Bħala att ta’ portata ġenerali li ma huwiex indirizzat lil destinatarju, l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx teħtieġ notifika individwali, iżda kellha tiġi ppubblikata sabiex tidħol fis-seħħ. Fil-fatt, prinċipju fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li att li jirriżulta mill-awtoritajiet pubbliċi ma għandux ikun infurzabbli fir-rigward tal-individwi kkonċernati qabel ma tkun teżisti, għal dawn tal-aħħar, il-possibbiltà li jsiru jafu bih (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 15).

33      Peress li dan ma huwiex att li għalih l-Artikolu 254 KE kien jipprevedi pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, kull forma oħra effettiva ta’ pubblikazzjoni għandha titqies bħala suffiċjenti. Hekk kif isostni l-Parlament, sa fejn id-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kienet tikkostitwixxi att tal-organizzazzjoni interna tiegħu, għandu jiġi aċċettat li hija tinġieb għall-konoxxenza tal-persuni kkonċernati b’applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fi ħdan l-istituzzjoni f’dak li jikkonċerna tali miżuri. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li emenda ta’ anness tar-Regolamenti IAM setgħet tiġi kkomunikata lill-membri fil-kariga, skont il-modi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni interna tal-Parlament, u li din ma kellhiex tiġi nnotifikata b’mod individwali b’konferma ta’ rċevuta lill-membri kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Ripa di Meana et, C‑470/00 P, Ġabra p. I‑4167, punti 67 u 70).

34      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li pubblikazzjoni fuq l-intranet tal-Parlament, skont l-użanzi tal-Parlament, kienet biżżejjed fir-rigward tal-membri fil-kariga. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-ex membri li ma għadx għandhom aċċess għall-intranet tal-Parlament, kienet meħtieġa pubblikazzjoni fuq l-internet. Għaldaqstant, fadal li jiġi eżaminat meta, f’dan il-każ, seħħet tali pubblikazzjoni.

35      B’risposta għal domandi tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, il-Parlament indika li l-proċess verbali tal-laqgħa tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, li jinkludi d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, ixxerred fuq is-sit intranet tiegħu, bil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, fil-11 ta’ Mejju 2009. It-tieni nett, il-Parlament indika li l-imsemmija deċiżjoni kienet ilha disponibbli fuq is-sit internet tiegħu sa mit-12 jew it-13 ta’ Mejju 2009, ħlief għall-verżjonijiet bil-lingwa Daniża u Slovakka li kienu disponibbli fis-27 ta’ Mejju 2009. Dawn l-indikazzjonijiet, sostnuti minn screen prints li juru li d-dokumenti inkwistjoni kienu nħolqu jew ġew emendati fid-dati indikati, ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

36      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 ma hijiex infurzabbli fir-rigward tagħhom fin-nuqqas ta’ notifika f’forma tajba u debita għandu jiġi miċħud.

37      Il-Qorti Ġenerali jqis li l-Parlament għaldaqstant wera, kif meħtieġ bil-liġi, li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kienet ġiet ippubblikata fuq is-sit intranet tiegħu, fil-11 ta’ Mejju 2009, u fuq is-sit internet tiegħu, fit-13 u s-27 ta’ Mejju 2009, skont il-verżjonijiet lingwistiċi. Issa, bħala att ta’ portata ġenerali, din id-deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ fl-istess mument għall-individwi kkonċernati kollha li taffettwalhom is-sitwazzjoni legali tagħhom, kemm għal raġunijiet ta’ ċertezza legali kif ukoll għal raġunijiet relatati mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, Ġabra, p. I-1655, punt 113). Barra minn hekk, billi l-eżistenza tal-possibbiltà, għall-individwu kkonċernat, li jsir jaf b’att hija kundizzjoni għall-infurzabbiltà tiegħu, hekk kif tfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, hija d-data li fiha din il-possibbiltà kienet teżisti għall-aħħar wieħed mill-individwi kkonċernati li għandha titqies għal dan il-għan.

38      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-fatt li uħud mill-persuni kkonċernati bid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 ma kienx għad għandhom aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni interni tal-Parlament, l-imsemmija deċiżjoni daħlet fis-seħħ, għall-affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, fis-27 ta’ Mejju 2009. Għaldaqstant, hija f’din id-data li hemm lok li tiġi eżaminata l-eżistenza tad-drittijiet miksuba fir-rigward tar-rikorrenti.

39      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn id-dritt għall-pensjoni addizzjonali “normali” fl-età ta’ 60 sena, minn naħa, u d-dritt għall-pensjoni addizzjonali antiċipata sa mill-età ta’ 50 sena kif ukoll id-dritt li wieħed jibbenefika mill-pensjoni parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa, min-naħa l-oħra.

–       Fuq id-dritt għall-pensjoni addizzjonali fl-età ta’ 60 sena

40      Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), “kull membru tal-Parlament Ewropew li ħallas kontribuzzjonijiet, għal mill-inqas sentejn, fl-iskema [ta’ pensjoni addizzjonali] għandu d-dritt, wara li jtemm il-kariga tiegħu, għal pensjoni tul ħajtu kollha mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih ikun għalaq 60 sena” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan il-kliem jirriżulta b’mod ċar li, sabiex jikseb id-dritt għall-pensjoni addizzjonali, membru għandu jissodisfa, b’mod kumulattiv, il-kundizzjonijiet kollha msemmija, jiġifieri, l-ewwel nett, ikun ħallas il-kontribuzzjonijiet għal tal-inqas sentejn fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, it-tieni nett, ikun waqaf mill-kariga tiegħu u, it-tielet nett, ikollu 60 sena. Huwa għaldaqstant l-issodisfar minn membru jew minn ex membru, tal-aħħar waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, tkun liema waħda tkun, li jikkostitwixxi l-fatt li jiġġenera d-dritt tiegħu għall-pensjoni addizzjonali.

41      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari l-punt 37 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-kontenut li ġej:

“Il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li għandha titqies id-data tal-14 ta’ Lulju 2009 [bħala data rilevanti għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli fir-rigward tad-dritt għall-pensjoni tar-rikorrenti]. Fil-fatt, il-fatt li joħloq id-dritt tal-pensjoni addizzjonali huwa ddefinit mill-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 bħala l-jum li fih il-Membru jtemm il-funzjonijiet [kariga] tiegħu [...], u dan ma huwiex ikkontestat mill-partijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrent temm il-funzjonijiet tiegħu f’din id-data. [...]. Għalhekk, għandha titqies id-data tal-kisba, mir-rikorrent, tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, jiġifieri l-14 ta’ Lulju 2009, bħala d-data rilevanti għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli f’dan il-każ.”

42      Minkejja li huwa minnu, f’dan ir-rigward, li t-tieni sentenza ta’ dan il-punt hija fformulata b’mod li, moqrija b’mod iżolat, hija tista’ effettivament tagħti l-impressjoni li huwa biss it-tmiem tal-kariga ta’ membru li jikkostitwixxi l-fatt li jiġġenera d-dritt għall-pensjoni addizzjonali, madankollu mill-kuntest, kif ukoll minn punti oħra tal-istess sentenza jirriżulta li din is-sentenza ma tistabbilixxix prinċipju ġenerali iżda tirrigwarda biss iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża li qiegħda tiġi deċiża, li fihom, it-tmiem, mir-rikorrenti, tal-kariga tiegħu ta’ deputat kienet l-aħħar kundizzjoni, fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, li kellha tiġi ssodisfata minnu.

43      Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tieni sentenza tal-punt 37 tas-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, hija bbażata — mingħajr ma jiġi ċċitat il-kliem — fuq l-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, li jistabbilixxi, hekk kif għadu kif tfakkar fil-punt 40 iktar ’il fuq, tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-ksib tad-dritt għall-pensjoni addizzjonali.

44      It-tieni nett, fit-tieni sentenza tal-punt 38 tas-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq huwa kkonstatat li l-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet għall-pensjoni tal-Membri huma dovuti lilhom ipso jure “ladarba l-kundizzjonijiet imsemmija hemmhekk ikunu sodisfatti”. Li kieku kienet biss il-kundizzjoni dwar it-tmiem tal-kariga li kienet determinanti, il-kelma “kundizzjonijiet” fil-plural f’din is-sentenza ma jkollhiex sens.

45      It-tielet nett, l-ewwel sentenza tal-punt 50 tas-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, tippreċiża li “il-Membri jiksbu d-dritt tagħhom għall-pensjoni addizzjonali fl-età tal-irtirar, iffissata għal 60 sena, skont l-Artikolu 1 tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990”. Il-fatt li din is-sentenza, min-naħa tagħha, issemmi biss waħda mill-kundizzjonijiet li jissemmew fl-imsemmija dispożizzjoni, differenti minn dik imsemmija qabel, huwa dovut għall-fatt li hija tagħmel parti mill-konfutazzjoni ta’ argument partikolari mressaq mir-rikorrenti fl-imsemmija kawża, konfutazzjoni bbażata fuq raġunament relattiv għall-età. Għaldaqstant, meta moqrija flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 37 tal-istess sentenza, hija turi l-fatt li l-fatt li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ksib tad-dritt għall-pensjoni, imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, hija msemmija b’mod iżolat ma jfissirx li hija iktar importanti mill-oħrajn, jew l-unika waħda determinanti.

46      Barra minn hekk, fir-rikorsi tagħhom — li jippreċedu l-għoti tas-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq —, ir-rikorrenti stess ibbażaw argument fuq il-fatt li huma kollha ssodisfaw kundizzjoni oħra iżolata fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, jiġifieri dik relattiva għall-perijodu minimu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, sabiex isostnu li, b’dan il-fatt biss, huma kienu kisbu dritt għall-pensjoni, indipendentement mil-età tagħhom u mid-data tat-tmiem tal-kariga tagħhom ta’ membri. Dan ir-raġunament li jikkonfondi t-twettiq tal-perijodu minimu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mad-data ta’ ksib tad-dritt għall-pensjoni huwa biss illustrazzjoni addizzjonali tal-fatt li d-dritt għall-pensjoni jista’ biss jinkiseb fil-mument fejn jiġu sodisfatti, b’mod kumulattiv, il-kundizzjonijiet kollha tal-imsemmi Artikolu 1(1).

47      Konsegwentement, peress li ebda wieħed mir-rikorrenti ma kellu 60 sena fis-27 ta’ Mejju 2009, huma kienu għadhom ma kisbux id-dritt għall-pensjoni addizzjonali f’dik id-data.

–       Fuq id-dritt għall-pensjoni addizzjonali antiċipata sa mill-età ta’ 50 sena u fuq id-dritt għall-ħlas ta’ parti mill-pensjoni addizzjonali fil-forma ta’ somma f’daqqa

48      Kuntrarjament għad-dritt għall-pensjoni “normali” miksub ipso jure fil-mument fejn il-membru inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet legali msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), il-ksib tad-dritt għall-pensjoni antiċipata kien jippresupponi wkoll, skont l-ewwel sentenza tal-ex Artikolu 3 tal-imsemmija regolamenti, li l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età ta’ 50 sena u li hija tkun ressqet talba espressa għal dan l-għan.

49      Issa, minkejja li huwa minnu li l-parti l-kbira tar-rikorrenti — jiġifieri G. Berthu, D. Robert Bowe, W. Richard Inglewood, C. Margaret Oddy, N. Thomas-Mauro, V. Viola u M. van Putten li, fis-27 ta’ Mejju 2009 kienu kollha temmew il-kariga tagħhom ta’ membri u qabżu l-età ta’ 50 sena — kellhom id-dritt li jitolbu, qabel id-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Mejju 2009, tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, li jibbenefikaw minn pensjoni addizzjonali aniċipata, ebda wieħed minnhom ma ressaq tali talba qabel din id-data. Konsegwentement, huma ma setgħux jiksbu dritt għall-pensjoni antiċipata.

50      Fir-rigward tad-dritt għall-ħlas ta’ parti mill-pensjoni addizzjonali fil-forma ta’ somma f’daqqa, dan kien biss għażla li tikkonċerna l-likwidazzjoni tal-pensjoni li l-membri affiljati mal-iskema setgħu jagħżlu. L-għażla ta’ din l-alternattiva għaldaqstant kienet tippresupponi li kien diġà jeżisti dritt għall-pensjoni. Issa, hekk kif intwera iktar ’il fuq, fis-27 ta’ Mejju 2009 r-rikorrenti la kienu kisbu dritt għall-pensjoni addizzjonali u lanqas dritt għall-pensjoni addizzjonali antiċipata. Konsegwentement, it-tneħħija tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa ma setgħetx taffettwa d-drittijiet miksuba mir-rikorrenti.

51      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jippermettux li din il-konklużjoni tiġi kkontestata.

52      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet miksuba fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), kif ukoll nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-24 ta’ Novembru 2005, li tirreferi għall-imsemmija dispożizzjoni.

53      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li billi l-Istatut tal-Membri daħal fis-seħħ biss fl-14 ta’ Lulju 2009, hekk kif ir-rikorrenti stess jenfasizzaw fir-rikorsi tagħhom, dan l-artikolu ma kienx applikabbli għad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, li daħlet fis-seħħ qablu. Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 47, 49 u 50 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma setgħu jiġġustifikaw ebda dritt miksub li għandu jiġi protett qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, fis-27 ta’ Mejju 2009. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jisiltu argument mill-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri.

54      It-tieni nett, fl-istadju tar-replika r-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-eżerċizzju tal-kariga ta’ membru, kull mandat minn suċċessjoni ta’ mandati ta’ membru għandu jitqies b’mod iżolat, b’mod li, fi tmiem ta’ kull mandat, jinkisbu d-drittijiet ta’ pensjoni relattivi għal mandat.

55      Dan l-ilment jibbaża ruħu b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, fuq il-konklużjoni, li r-rikorrenti jisiltu mis-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, li tgħid li d-dritt għall-pensjoni addizzjonali jinkiseb fil-mument li fih tintemm il-kariga ta’ membru, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Fil-fatt, huwa biss f’din l-ipoteżi u għaldaqstant, b’mod partikolari, billi tiġi injorata l-età tal-pensjoni normali ta’ 60 sena li r-rikorrenti setgħu jiksbu b’mod awtomatiku, fi tmiem ta’ kull wieħed mill-mandati suċċessivi tagħhom, dritt għall-pensjoni iżolat għall-kontribuzzjonijiet li huma ħallsu matul kull wieħed minn dawn il-mandati.

56      Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 40 iktar ’il fuq, dritt għall-pensjoni addizzjonali jitnissel biss fil-mument li fih il-membru inkwistjoni jissodisfa l-aħħar waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi, tkun liema waħda tkun, imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990. Għar-rikorrenti kollha f’dawn il-kawżi, l-aħħar waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija dik li tirrigwarda l-età, peress li huma kollha ħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-perijodu minimu, huma kollha temmew il-kariga tagħhom u ebda wieħed minnhom ma għadu laħaq l-età tal-pensjoni (60 sena sal-14 ta’ Lulju 2009, 63 sena wara din id-data). Konsegwentement, anki jekk wieħed jissuponi li d-dritt għall-pensjoni għandu jiġi kkalkolat b’mod separat għal kull wieħed mill-mandati suċċessivi mwettqa mir-rikorrenti, hekk kif isostnu dawn tal-aħħar, dan ma jippermettix li jiġi kkonstatat li huma kisbu dritt għall-pensjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

57      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk, hekk kif isostni l-Parlament, dan huwiex inammissibbli jew infondat.

58      It-tielet nett, ir-rikorrenti jqajmu argument dwar l-assenza abbużiva ta’ miżuri tranżitorji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan l-istadju, li dan l-argument ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba. Għaldaqstant, dan ser ikun suġġett għal analiżi fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

59      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażata fuq ksur tad-drittijiet miksuba, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

60      Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti jressqu tliet argumenti prinċipali. L-ewwel nett, huma jsostnu li, billi adotta d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, il-Bureau kiser iċ-ċertezza legali marbuta mal-“kuntratt ta’ pensjoni addizzjonali” kif ukoll il-prinċipju ta’ kontinwità tal-kuntratti. It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Bureau ma kienx kompetenti sabiex jemenda r-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990. It-tielet nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom effetti retroattivi.

61      L-ewwel nett, huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kienet taqa’ esklużivament taħt il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati. Konsegwentement, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din l-iskema għall-Parlament u l-membri affiljati jagħmlu parti mill-kuntest tar-rabta statutorja li tgħaqqadhom u għaldaqstant ma humiex kuntrattwali, iżda jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, u din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-persuna kkonċernata tkun aderixxiet mal-imsemmija skema b’mod volontarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punti 58 sa 62).

62      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bureau kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 (senteza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punti 63 u 64).

63      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 ma kinitx ipproduċiet effetti qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, peress li hija kienet taffettwa biss lill-membri li kienu għadhom ma kisbux id-dritt għall-pensjoni addizzjonali f’din id-data, u li għaldaqstant hija ma kellhiex effetti retroattivi (sentenza Purvis vs Il-Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punti 65 u 66).

64      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud bħala infondat, fl-intier tiegħu.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

65      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li huma aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, billi bbażaw ruħhom fuq kundizzjonijiet ċari u stabbiliti bil-quddiem, u li l-għan segwit mill-Bureau ma jistax jipprevali fuq l-interess tagħhom għaż-żamma tad-drittijiet miksuba tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-aspettattivi leġittimi kienu ssaħħew b’kalkoli mwettqa bħala eżempju fis-27 ta’ April 2001 mill-ASBL, stabbiliti abbażi tar-regoli applikabbli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Fl-aħħar nett, il-Parlament, fid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, kien irrikonoxxa li għandha tiġi ggarantita l-osservanza tal-impenji meħudha fir-rigward tal-affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, u dan independentement mis-sitwazzjoni tal-fond.

66      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Parlament ma kien ipprovda ebda assigurazzjoni li setgħet tnissel, fil-membri affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema ma kinux ser jiġu emendati fil-futur (sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punt 70), li l-estimi pprovduti mill-ASBL fis-27 ta’ April 2001 ma kinux joriġinaw mill-Parlament (sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punt 71) u li l-impenn li l-Bureau ħa, f’isem il-Parlament, matul il-laqgħa tiegħu tal-1 ta’ April 2009, li jiggarantixxi d-dritt tal-membri affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali li jirċievu pensjoni addizzjonali li tibqa’ tinkiseb wara l-eżawriment tal-fond huwa intiż li jiggarantixxi biss, għall-każ probabbli fejn il-fond jiġi eżawrit qabel il-ħlas tad-drittjiet kollha għall-pensjoni akkumulati mill-membri, id-drittijiet miksuba għall-pensjoni tal-membri (sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punt 73). Issa, hekk kif ġie espost fil-punt 47, 49 u 50 iktar ’il fuq, fis-27 ta’ Mejju 2009 ir-rikorrenti ma kinux kisbu drittijiet għall-pensjoni.

67      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, għaldaqstant, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

68      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 tikkawża dannu lill-interessi tagħhom b’mod sproporzjonat. It-tendenza, osservata fl-iskemi ta’ pensjoni obbligatorji, li jingħata dritt għall-pensjoni fl-età ta’ 63 sena ma għandhiex rilevanza għall-iskema ta’ pensjoni volontarja li hija s-suġġett ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, huma jqisu li huwa sproporzjonat li l-“metodi speċjali kollha ta’ ħlas”, previsti fl-ex Artikoli 3 u 4 tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, jitneħħew kollha. B’mod partikolari, kien possibbli li titnaqqas il-parti tad-drittijiet għall-pensjoni li setgħet titħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa, iktar milli din l-għażla titneħħa, mingħajr ma din tikkawża problemi ta’ finanzjament tal-fond.

69      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

70      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi użati jkunu adatti għat-twettiq tal-għan leġittimament segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, u, dejjem jekk ikun hemm għażla bejn diversi miżuri adatti, wieħed għandu jirrikorri, fil-prinċipju, għall-inqas waħda restrittiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, Ġabra p. II‑427, punt 69).

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punti 71 u 72, u s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il‑Kunsill, F‑54/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑165 u II‑A‑1‑911, punt 65), bħalma hija l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali li hija s-suġġett tal-preżenti tilwima. Issa, f’tali qasam, hija biss in-natura manifestament inadatta ta’ miżura adottata, fir-rigward tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti hija inkarigata ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenzi NMB France et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Campoli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 143).

72      Fl-aħħar nett, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt eżistenti fil-mument li fih dan l-att ġie adottat (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 R u T‑253/03 R, Ġabra p. II‑4771, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 86). Għaldaqstant, eventwali żvilupp ulterjuri pożittiv tal-assi tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri meħuda fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

–       Fuq il-leġittimità tal-għan segwit

73      Fir-rigward tal-għan segwit mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, il-Bureau, matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ressaq erba’ għanijiet li għandhom jintlaħqu, jiġifieri:

–        jiġi żgurat li l-membri li kkontribwixxew fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja jirċievu pensjoni skont l-imsemmija skema;

–        jiġi evitat sa fejn huwa possibbli kull impatt finanzjarju fuq il-kontribwenti Ewropej;

–        jiġi żgurat li l-ispejjeż kollha jitqassmu b’mod ġust u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li d-deċiżjonijiet jiġu spjegati lill-pubbliku;

–        tinżamm, sa fejn huwa possibbli, il-likwidità tal-fond ta’ pensjoni.

74      Hemm lok li jitqies li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu sabiex jirregola l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (sentenza Purvis vs Il-Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punti 63 u 64), il-Parlament seta’ jipprova jilħaq dawn l-għanijiet b’mod leġittimu. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar b’mod partikolari li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali hija bbażata fuq kalkolu attwarju li fil-kuntest tiegħu t-total tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-affiljati u tal-Parlament għandu, fil-prinċipju, ikopri d-drittijiet kollha għall-pensjoni miksuba fl-istess sena, bil-kontribuzzjoni tal-affiljati tkun tikkorrispondi għal terz u dik tal-Parlament tikkorrispondi għal żewġ terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punt 45). Jekk, f’tali sistema, jiġri li t-tbassir tar-rendiment tal-assi tal-fond, li abbażi tiegħu ġie ddeterminat l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet, kien ottimist wisq, għandu jiġi konkluż li l-kontribuzzjonijiet tal-affiljati u tal-Parlament fil-passat fil-verità kienu baxxi wisq sabiex jiffinanzjaw id-drittijiet għall-pensjoni korrispondenti. Sabiex is-sistema tiġi bbilanċjata, fil-prinċipju huwa ġġustifikat li jiġu involuti kemm l-affiljati u kif ukoll il-Parlament.

75      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kunsiderazzjonijiet applikabbli għall-iskemi ta’ pensjoni obbligatorja ma għandhom ebda rilevanza sabiex jiġġustifikaw żieda fl-età tal-irtirar fi skema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja. F’dan ir-rigward, ċertament huwa minnu li mill-premessa 3 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 jirriżulta li l-età ta’ 63 sena bħala età ġdida tal-irtirar tidher li ntgħażlet b’riferiment għall-età tal-irtirar prevista fl-Artikolu 14 tal-Istatut tal-Membri. Il-fatt jibqa’ li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tal-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll miċ-ċirkustanzi kollha madwar l-adozzjoni tagħha, id-deċiżjoni li l-età tal-irtirar tiżdied fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kienet essenzjalment motivata mis-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali, b’mod partikolari, il-kriżi qawwija ta’ likwidità prevedibbli f’terminu qasir, u mhux mill-ħsieb li jsir allinjament dwar ċerta età tal-irtirar prevista fi skemi oħra. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-natura xierqa tal-miżuri meħuda sabiex l-għan segwit jintlaħaq

76      F’dak li jikkonċerna n-natura xierqa tal-miżuri meħuda sabiex l-għan segwit jintlaħaq, qabelxejn għandha titfakkar is-sitwazzjoni ekonomika tal-fond ta’ pensjoni fil-bidu tas-sena 2009, kif deskritta b’mod partikolari fil-punti 4 sa 6 tan-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-1 ta’ April 2009 għall-attenzjoni tal-membri tal-Bureau kif ukoll fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Din is-sitwazzjoni kienet ikkaratterizzata minn deterjorament qawwi, dovut b’mod partikolari għall-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u mill-perspettiva li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri f’Lulju 2009, minħabba l-waqfien tal-kontribuzzjonijiet tal-affiljati li ma reġgħux ġew eletti fil-Parlament u l-insuffiċjenza tar-rendiment tal-investimenti, il-flus kontanti disponibbli kienu qed jirriskjaw li jsiru insuffiċjenti sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ ħlas tal-pensjonijiet.

77      B’mod partikolari, l-evoluzzjoni tal-valur tal-attiv tal-fond mill-aħħar tal‑2006 sal-bidu tas-sena 2009 naqas b’28.3 %, kif jirriżulta mit-tabella li ġejja:

 

31/12/2006

30/06/2007

30/06/2008

30/09/2008

31/12/2008

28/02/2009

Valur tal-attiv (EUR)

202 153 585

218 083 135

189 406 299

180 628 488

159 047 636

144 973 916


78      Bl-istess mod, ir-rata ta’ kopertura tal-pensjonijiet li riedu jitħallsu, li kienet ta’ 92 % fit-30 ta’ Ġunju 2007, ma kinitx tilħaq iktar minn 63 % fil-31 ta’ Diċembru 2008.

79      Barra minn hekk, skont in-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-1 ta’ April 2009, l-ispiża mensili tal-pensjonijiet li għandhom jitħallsu kienet stmata għal EUR 1 miljun mix-xahar ta’ Awwissu 2009. Kien previst ukoll li, mis-sena 2010, il-flus kontanti tal-fond kienu ser isiru insuffiċjenti sabiex jissodisfaw l-obbligi tiegħu ta’ ħlas tal-pensjonijiet u li, konsegwentement, huwa kien ikollu jillikwida xi assi sabiex iħallas il-pensjonijiet. Fil-fatt, mir-rapporti dwar il-flus kontanti tal-fond ta’ pensjoni fit-28 ta’ Frar 2009 jirriżulta li l-mezzi likwidi akkumulati mill-ASBL u mis-SICAV, jiġifieri l-valuri disponibbli immedjatament u mingħajr spejjeż addizzjonali, sabiex jitħallsu l-obbligi eżistenti, f’din id-data kienu ta’ madwar EUR 5 miljun. Skont in-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-1 ta’ April 2009, l-eżawriment tal-attiv kollu tal-fond kien previst għall-2023.

80      Dawn il-previżjonijiet kienu ġew stabbiliti abbażi ta’ simulazzjonijiet ex ante mwettqa mill-Parlament, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ studju attwarjali indipendenti, ikkummissjonat mill-Parlament fl-1 ta’ April 2009, li jevalwa s-sitwazzjoni tal-fond fit-30 ta’ Ġunju 2007 (iktar ’il quddiem l-“istudju inizjali”), kif ukoll tal-aġġornamenti tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2008 u fit-28 ta’ Frar 2009. Dawn is-simulazzjonijiet kienu jipprevedu li 105 membri li kienu affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kienu ser jitolbu l-benefiċċju tal-irtirar tagħhom fit-tieni parti tas-sena 2009. Din iċ-ċifra ġiet iddeterminata b’teħid inkunsiderazzjoni biss tal-affiljati li kellhom jilħqu l-età ta’ 60 sena matul it-tieni nofs tal-2009 u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rata medja ta’ tiġdid tal-membri li kienet ta’ 50 %. Jekk il-105 membri kollha kellhom jitolbu li jirċievu 25 % tal-pensjoni addizzjonali tagħhom fil-forma ta’ somma f’daqqa, din kienet tirrappreżenta spiża addizzjonali ta’ madwar EUR 7 900 000 għall-fond, u dan tal-aħħar kien ikollu jkun obbligat jillikwida parti mill-attiv tiegħu għal prezzijiet imnaqqsa ħafna minħabba l-kriżi ekonomika, kont meħud tal-ammont baxx ta’ flus kontanti disponibbli. Għall-kuntrarju, l-imsemmija simulazzjonjiet ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni ex membri li setgħu jitolbu l-pensjoni antiċipata tagħhom sa mill-età ta’ 50 sena, peress li fil-passat din l-għażla kienet rarament intgħażlet.

81      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidher li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 setgħet twettaq, jew tal-inqas, tippromwovi bosta mill-għanijiet imsemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq.

82      Fil-fatt, kemm iż-żieda bi tliet snin tal-età tal-irtirar kif ukoll it-tneħħija tal-possibbiltà li l-pensjoni tingħata parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa u t-tneħħija tal-pensjoni antiċipata kellhom l-effett li ħlasijiet li l-fond ta’ pensjoni kien altrimenti jkollu jwettaq sa mit-tieni parti tas-sena 2009 jiġu ddifferiti. Għaldaqstant, dawn il-miżuri setgħu jevitaw kriżi immedjata tal-likwidità tal-fond ta’ pensjoni, likwidazzjoni ta’ titoli b’kundizzjonijiet sfavorevoli u telf ta’ dħul sinjifikattiv, u b’hekk iwettqu r-raba’ għan imsemmi fil-punt 73 iktar ’il fuq.

83      Barra minn hekk, kuntrarjament għaż-żewġ miżuri l-oħra, iż-żieda tal-età tal-irtirar ma kinitx newtrali fir-rigward tal-valur attwarjali tal-pensjonijiet li l-affiljati kkonċernati setgħu jistennew, peress li t-tul totali ta’ ksib tal-pensjoni kien tnaqqas bi tliet snin, filwaqt li l-ammont mensili miġbur mill-pensjonanti futuri inżamm l-istess. Għaldaqstant, din il-miżura barra minn hekk setgħet ittejjeb ir-rata ta’ kopertura tal-pensjonijiet li għandhom jitħallsu, meta mqabbla maċ-ċifri indikati fil-punt 78 iktar ’il fuq, u b’hekk jiġu promossi l-ewwel, it-tieni u t-tielet għanijiet imsemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq.

84      Ir-rikorrenti ma kkontestawx, b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-fond ta’ pensjoni, kif deskritt fil-punti 76 sa 79 iktar ’il fuq, iżda ressqu żewġ argumenti intiżi li jikkontestaw il-portata tad-defiċit previst u l-ammont ta’ flus kontanti disponibbli, kif ikkonstatat mill-Bureau.

85      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal silta mill-istudju inizjali msemmi fil-punt 80 iktar ’il fuq. Essenzjalment, minn din is-silta jirriżulta li l-għażla, minn affiljat, li jirċievi parti mill-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ somma f’daqqa hija kważi newtra mill-perspettiva attwarjali u għaldaqstant ma tikkontribwixxi għal ebda defiċit fil-finanzjament tal-fond ta’ pensjoni.

86      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-istudju inizjali kien ibbażat b’mod partikolari fuq il-previżjoni ta’ rendiment annwali tal-attiv tal-fond ta’ 6.99 %, ibbażata fuq projezzjoni tal-evoluzzjoni preċedenti fit-30 ta’ Ġunju 2007, filwaqt li l-iżvilupp effettiv kien ilu kostantement negattiv mit-30 ta’ Ġunju 2007 sat-28 ta’ Frar 2009. Minn dan hija ddeduċiet li dan l-istudju ma għandu ebda rilevanza fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 (sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punti 103 u 104).

87      It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, is-silta tal-istudju inizjali ċċitata mir-rikorrenti tikkonċerna biss il-ħlas ta’ parti mill-pensjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u mhux l-irtirar antiċipat jew iż-żieda tal-età tal-irtirar.

88      Għaldaqstant, hemm lok li l-argument ibbażat fuq silta tal-istudju attwarjali jiġi miċħud.

89      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-valur tal-mezzi likwidi tal-fond ta’ pensjoni, fit-28 ta’ Frar 2008 kien ta’ EUR 8 miljun u mhux ta’ EUR 5 miljun kif isostni l-Parlament (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward huma jinvokaw żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Bureau. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq skambju ta’ messaġġi elettroniċi tax-xahar ta’ Marzu 2011. L-ewwel messaġġ elettroniku ġie indirizzat, fit-30 ta’ Marzu 2011, minn membru tal-Kumitat tal-Investiment tal-fond ta’ pensjoni lill-amministratur tal-fond u jinkludi, b’mod partikolari, is-silta li ġejja:

“Il-livell totali ta’ likwidità fl-aħħar ta’ Frar 2009 kien ta’ madwar EUR 8 miljun:

Flus SICAV EUR 6 885 045 (li jinkludu EUR 3 869 848 (paġna 11 tal-pakkett 2009 02 27 NAV)

Flus ASBL EUR 1 172 163”.

90      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ċ-ċifra ta’ EUR 8 miljun fi flus kontanti indikata fil-messaġġ elettroniku tat-30 ta’ Mejju 2011, iċċitat iktar ’il fuq, hija bbażata mingħajr ebda dubju fuq konfużjoni bejn flus kontanti disponibbli immedjatament u mingħajr spejjeż, minn naħa, u attiv investit fi flus kontanti f’kontijiet ta’ investiment u mhux disponibbli immedjatament mingħajr spejjeż, min-naħa l-oħra (sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, punt 111).

91      Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq dan l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi, kif ukoll l-ilment ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-għażla tal-miżura l-inqas restrittiva

92      Fir-rigward tal-għażla tal-miżura l-inqas restrittiva, l-ewwel nett ir-rikorrenti jsostnu li huwa sproporzjonat li tiġi eliminata kwalunkwe possibbiltà għall-affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali li jiksbu parti mill-pensjoni tagħhom fil-forma ta’ somma f’daqqa filwaqt li seta’ eventwalment jiġi previst li tiġi limitata l-perċentwali tal-pensjoni li setgħet tiġi kkapitalizzata b’mod antiċipattiv jew f’daqqa.

93      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kalkoli approssimattivi li jinsabu fil-punt 79 iktar ’il fuq kienu jissoponu li l-105 ex membri kollha, li kienu affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali u li setgħu jitolbu li jibbenefikaw mill-pensjoni tagħhom fit-tieni parti tas-sena 2009, kienu ser jagħżlu li jirċievu r-rata massima, jiġifieri 25 %, tal-pensjoni tagħhom fil-forma ta’ somma f’daqqa. Għaldaqstant huwa veru li dawn iċ-ċifri kienu jikkorrispondu, f’dan ir-rigward, għall-agħar ipoteżi u li kien possibbli li l-ispejjeż reali tal-fond, fit-tieni parti tal-2009, ikunu inqas. Madankollu, fi kwalunkew każ, din l-ipoteżi ma setgħetx tiġi eskluża.

94      Min-naħa l-oħra, hekk kif issemma fil-punt 80 iktar ’il fuq, l-imsemmija kalkoli ma kinux ħadu inkunsiderazzjoni l-eventwali talbiet għal pensjoni antiċipata, u b’hekk ittraskuraw riskju finanzjarju, ċertament limitat, iżda reali, eżistenti għall-fond ta’ pensjoni. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, fis-sitwazzjoni ekonomika tal-fond ta’ pensjoni, kif deskritta iktar ’il fuq, kien hemm bżonn ta’ approċċ prudenti u li jżomm fil-livell massimu l-likwidità għal żmien qasir tal-fond. F’dan il-kuntest, barra minn hekk għandu jitfakkar ukoll li kemm l-eliminazzjoni tal-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa kif ukoll it-tneħħija tal-irtirar antiċipat kienu miżuri newtrali mill-perspettiva attwarjali. Konsegwentement, l-eliminazzjoni ta’ dawn l-għażliet għandha tiġi kklassifikata bħala miżura li hija ftit li xejn restrittiva għall-affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali.

95      Minn dan isegwi li la t-tneħħija tal-possibbiltà tal-ħlas parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa u lanqas it-tneħħija tal-irtirar antiċipat ma jistgħu jitqiesu bħala manifestament inadatti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, kif elenkati fil-punt 73 iktar ’il fuq. Konsegwentement, dawn il-miżuri josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex tkun proporzjonali, iż-żieda bi tliet snin tal-età tal-irtirar kienet teħtieġ l-applikazzjoni ta’ miżuri tranżitorji.

97      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kienet tipprevedi miżura tranżitorja. Fil-fatt, minkejja li l-età tal-irtirar fil-prinċipju żdiedet għal 63 sena sa mill-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura, jiġifieri mill-14 ta’ Lulju 2009, l-affiljati li f’din id-data kellhom 60 sena kienu għadhom jistgħu jitolbu li jibbenefikaw mill-pensjoni f’terminu ta’ tliet xhur. Ir-rikorrenti għaldaqstant qegħdin jitolbu dispożizzjonijiet tranżitorji addizzjonali għall-benefiċċju tal-ex membri li fl-14 ta’ Lulju 2009 kienu għadhom ma għalqux is-60 sena.

98      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 74 iktar ’il fuq, fl-eventwalità fejn, fi skema ta’ pensjoni bbażata fuq fond, jirriżulta li l-previżjonijiet tar-rendiment tal-attiv tal-fond, li skonthom jiġi ddeterminat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, kienu wisq ottimisti, għandu jiġi konkluż li fil-verità l-kontribuzzjonijiet fil-passat kienu wisq baxxi sabiex jiffinanzjaw id-drittijiet ta’ pensjoni korrispondenti u għaldaqstant, fil-prinċipju, huwa ġġustifikat li, sabiex l-iskema terġa’ tibbilanċja ruħha, kemm l-affiljati u anki l-Parlament jintalbu jikkontribwixxu.

99      F’dan il-każ, fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Parlament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, minn naħa, huwa rrinunzja, fir-rigward tal-każijiet previsti fl-Artikolu 1(5) u (6) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, fejn affiljat jiddeċiedi li joħroġ mill-iskema u jitlob li jiġi rrimborsat il-kontribuzzjonijiet tiegħu, għall-klawżoli li jgħidu li dan seta’ jiġi rrimborsat is-sehem proporzjonat tal-kontribuzzjonijiet tiegħu, li għaldaqstant, f’dawn il-każijiet, jibqa’ miksub fil-fond tal-pensjoni, u, min-naħa l-oħra, huwa ggarantixxa d-dritt tal-membri affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali li jiksbu l-pensjoni tagħhom, anki fil-każ fejn il-fond ta’ pensjoni jiġi eżawrit.

100    F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti jekk, hekk kif sostnew ir-rikorrenti matul is-seduta, tali impenn min-naħa tal-Parlament kienx diġà jeżisti qabel id-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Fil-fatt, anki jekk wieħed jippresupponi li dan kien il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja l-adozzjoni tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni, l-eżawriment prematur tal-fond ta’ pensjoni kien għadu prevedibbli.

101    Għaldaqstant, mill-istudju inizjali jirriżulta li l-fond ta’ pensjoni għandu jwettaq ħlasijiet, taħt l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, sal-2088. Għall-kuntrarju, rapport tal-attwarju tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali, redatt f’April 2010 u li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2009, li l-konkużjonijiet tiegħu ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, jasal għall-konklużjoni li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri adottati fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, id-data tal-eżawriment tal-fond ġiet posposta bi tliet snin biss, għas-sena 2026, u dan bis-saħħa b’mod partikolari ta’ rendiment eċċezzjonali ta’ 17 % għas-sena 2009.

102    Konsegwentement, il-Parlament għandu jsostni, skont kull probabbiltà, l-ispejjeż kollha tal-fond ta’ pensjoni bejn l-2026 u l-2088.

103    Fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, diġà ġie rrilevat fil-punt 94 iktar ’il fuq li t-tneħħija tal-possibbiltajiet li wieħed jibbenefika mill-pensjoni b’mod antiċipat jew parzjalment fil-forma ta’ somma f’daqqa kienet newtra mill-perspettiva attwarjali. Konsegwentement, iż-żieda tal-età tal-irtirar kienet l-unika miżura li affettwat il-valur tal-pensjonijiet li l-affiljati setgħu jistennew u li għaldaqstant setgħet tikkwalifika bħala li taffettwa d-drittijiet li qegħdin fil-proċess li jinkisbu mill-affiljati.

104    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Parlament, li kull adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji qiegħdet f’periklu l-promozzjoni tal-għanijiet intiżi mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Dan huwa partikolarment minnu għaż-żieda tal-età tal-irtirar, li b’mod partikolari kellha l-effett li tipposponi bi tliet snin il-bidu tal-pagamenti tal-pensjoni addizzjonali lill-affiljati kollha li ma kinux għadhom membri tal-Parlament u li fl-14 ta’ Lulju 2009 kienu għadhom ma għalqux is-60 sena, u b’hekk tikkontribwixxi sabiex il-likwidità tal-fond tiġi ppreżervata. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji favur dawn l-affiljati pposponiet id-data li fiha huma setgħu jitolbu li jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali tagħhom.

105    F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fl-2009, l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-membri tal-Parlament kienet iddestinata li tintemm. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 27(4) tal-Istatut tal-Membri (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), ma setax jibqa’ jkun hemm affiljati ġodda fl-iskema wara tmiem is-sitt leġiżlatura, fit-13 ta’ Lulju 2009. Min-naħa l-oħra, f’din l-istess data, il-fond ta’ pensjoni kien ser jieqaf jiġbor il-kontribuzzjonijiet ta’ numru kbir ta’ affiljati mhux rieletti fil-Parlament. Fl-aħħar nett, skont id-dispożizzjoni derogatorja msemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq, dawk fost l-affiljati mhux rieletti li kellhom 60 sena jew iktar setgħu jitolbu li jibbenefikaw mill-pensjoni tagħhom mill-14 ta’ Lulju 2009.

106    Konsegwentement, ma kienx possibbli li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri tal-Parlament tiġi bbilanċjata b’mod progressiv fuq għadd ta’ snin, billi jiġu previsti miżuri tranżitorji iktar ġenerużi. Għall-kuntrarju, kien indispensabbli li jittieħdu miżuri li jiggarantixxu immedjatament iż-żamma ta’ livell ta’ likwidità suffiċjenti sabiex tiġi evitata likwidazzjoni prematura tal-attiv tal-fond ta’ pensjoni. F’tali kundizzjonijiet, kull konċessjoni addizzjonali favur affiljati li joqorbu lejn l-età ta’ 60 sena tirriskja li titfa’ f’periklu t-twettiq tal-għanijiet segwiti mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Għaldaqstant, peress li l-adozzjoni ta’ miżuri inqas restrittivi ma kinitx biżżejjed sabiex tippromwovi, bl-istess mod, id-diversi għanijiet imsemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq, kien iġġustifikat li jiġu adottati miżuri li jaffettwaw id-drittijiet għall-pensjoni li kienu qed jinkisbu, jiġifieri, iż-żieda tal-età tal-irtirar, u dan mingħajr ma jiġu previsti miżuri tranżitorji favur affiljati li kienu qed joqorbu lejn l-età ta’ 60 sena fl-14 ta’ Lulju 2009.

107    F’dan ir-rigward għandu jiżdied li l-argument tal-età tal-irtirar ma kienx imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq, l-imsemmija miżura setgħet biss tipposponi d-data tal-eżawriment prematur tal-fond, però dan kien jibqa’ prevedibbli. Għaldaqstant, b’mod partikolari, l-għan li “jiġi evitat sa fejn huwa possibbli kull impatt finanzjarju fuq il-kontribwenti Ewropej” ma ntlaħaqx totalment. Iktar u iktar, il-miżuri adottati fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkwalifikati bħala manifestament inadatti fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq.

108    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-assenza ta’ miżuri tranżitorji ma tistax tiġi ġġustifikata, taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tal-għan segwit mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, peress li din tal-aħħar ma tinkludi ebda motivazzjoni rilevanti li tippermetti li jiġi vverifikat jekk tali miżuri kinux ser iqegħdu lil dan l-għan f’periklu. Matul is-seduta huma żiedu li membri tal-Bord tad-Diretturi tal-ASBL ma kinux ġew ikkonsultati qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li minkejja li huwa minnu li l-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 jikkostitwixxu biss sommarju tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni, jibqa’ l-fatt li dawn jenfasizzaw b’mod ċar in-neċessità li l-likwidità tiegħu tinżamm sa fejn ikun possibbli. Issa, hekk kif jirriżulta mil-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 104 sa 106 iktar ’il fuq, hija preċiżament l-imsemmija neċessità li tiġġustifika l-astensjoni, min-naħa tal-Bureau, li mad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 jiġu inklużi miżuri tranżitorji addizzjonali. Barra minn hekk, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni kif ukoll il-miżuri maħsuba sabiex jirranġawha kienu s-suġġett, b’mod eżawrjenti, ta’ għadd ta’ laqgħat mad-diriġenti tal-imsemmi fond u mar-rappreżentanti tal-ASBL, li l-aħħar waħda minnhom seħħet fil-31 ta’ Marzu 2009. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod validu nuqqas ta’ motivazzjoni rilevanti fir-rigward tal-assenza ta’ miżuri tranżitorji.

109    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

110    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 hija diskriminatorja, sa fejn hija żżid l-età tal-pensjoni mingħajr ma tipprevedi miżuri tranżitorji. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħtu żewġ eżempji, dwar l-emenda tal-iskemi ta’ pensjoni Komunitarji, li fir-rigward tagħhom il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien ippreveda miżuri tranżitorji. Barra minn hekk, hemm diskriminazzjoni bejn il-membri li għalqu l-età ta’ 60 sena qabel l-14 ta’ Lulju 2009 u li setgħu jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali dirretament fl-età ta’ 60 sena, minn naħa, u dawk li għalqu s-60 sena wara din id-data u li fir-rigward tad-drittijiet tagħhom jiġu applikati l-limitazzjonijiet kollha li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, min-naħa l-oħra. Issa, fir-rigward tad-drittijiet miksuba u tal-aspettattivi leġittimi, ma tistax issir distinzjoni bejn il-membri li għalqu s-60 sena sal-14 ta’ Lulju 2009 u dawk li huma iżgħar u, b’mod partikolari dawk li sa dik id-data kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-pensjoni antiċipata jew li kellhom qrib is-60 sena.

111    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

112    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tagħhom ma tkunx essenzjalment differenti, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 1994, La Pietra vs Il‑Kummissjoni, T‑100/92, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑275, punt 50, u tas-16 ta’ April 1997, Kuchlenz-Winter vs Il-Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra p. II‑637, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2004, E vs Il‑Kummissjoni, T‑251/02, ĠabraSP p. I‑A‑359 u II‑1643, punt 123).

113    Barra minn hekk, f’qasam fejn il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-qorti, fl-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, tillimita ruħha li tivverifika li l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx wettqet differenza arbitrarja jew manifestament inadatta (ara s-sentenzi Campoli vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 97, u Davis et vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jagħmlu paragun bejn l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali u l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni li saret wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), u l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-membri tal-Kummissjoni Ewropea u tal-membri tal-qrati tal-Unjoni li saret wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1292/2004, tat-30 ta’ April 2004, li jemenda r-Regolamenti Nru 422/67/KEE u Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi s-salarji tal-President u tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-President, l-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President, il-Membri u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 116). Huma għandhom l-intenzjoni li, b’dan il-mod, juru li huma kellhom jibbenefikaw minn miżuri tranżitorji bħall-persuni msemmija minn dawn ir-regolamenti.

115    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti favur il-membri tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni fil-kariga qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1292/2004, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jistgħux iservu ta’ qafas ta’ riferiment f’dan il-każ, peress li huma ma jikkonċernawx iż-żieda tal-età tal-irtirar, iżda biss it-tnaqqis tar-rata ta’ akkumulu annwali tad-drittijiet għall-pensjoni.

116    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni, iż-żieda tal-età tal-irtirar minn 60 għal 63 sena, introdotta bir-Regolament Nru 723/2004, ma kinitx valida tale quale, għall-uffiċjali eżistenti fl-1 ta’ Mejju 2004, ħlief bil-kundizzjoni li huma jkunu għadhom ma għalqux it-30 sena. Għall-uffiċjali eżistenti f’din id-data li kellhom bejn it-30 u d-49 sena, l-età tal-irtirar kienet maqsuma skont l-età, bejn 62 u 8 xhur u 60 sena u xahrejn. Fl-aħħar nett, għall-uffiċjali eżistenti fl-1 ta’ Mejju 2004 li kellhom 50 sena jew għalqu 20 sena servizz, l-età tal-irtirar baqgħet ta’ 60 sena.

117    Essenzjalment, il-miżuri tranżitorji adottati fil-kuntest tar-Regolament Nru 723/2004 għaldaqstant kienu jikkonsistu, minn naħa, f’eżenzjoni ta’ wħud mill-uffiċjali fis-servizz fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi u, min-naħa l-oħra, f’applikazzjoni mqassma fi stadji, tal-emendi, skont l-età tal-uffiċjali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

118    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-pensjoni tax-xjuħija li l-uffiċjali tal-Unjoni jistgħu jistennew, fil-parti l-kbira tal-każijiet tikkostitwixxi l-iktar komponent importanti, jew saħansitra l-uniku komponent tad-dħul tax-xjuħija li għalih huma għandhom dritt abbażi tal-attività professjonali tagħhom. Għall-kuntrarju, il-mandat bħala membru tal-Parlament ġeneralment ma għandux in-natura ta’ attività professjonali unika. Għaldaqstant, normalment dan jiġi eżerċitat wara jew qabel perijodi oħra ta’ attività professjonali tal-membru, jew saħansitra b’mod parallel ma’ tali attività. Konsegwentement, bħala regola ġenerali, il-pensjoni addizzjonali taħt l-iskema inkwistjoni tikkostitwixxi biss parti mid-dħul tax-xjuħija tal-ex membri, peress li normalment dawn ikunu kisbu drittijiet oħra għal pensjoni fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali l-oħra tagħhom. Minn dan isegwi li emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali ma tistax taffettwa lill-affiljati bl-istess mod bħal kif l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu affettwati b’emenda tal-iskema tal-pensjoni tagħhom.

119    It-tieni nett, l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni adottata fil-kuntest tar-Regolament Nru 723/2004 kienet ibbażata fuq motivi differenti minn dawk invokati fid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 għall-emendi tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-membri tal-Parlament.

120    Fil-fatt, fir-rigward taż-żieda tal-età tal-irtirar fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni, il-premessa 29 tar-Regolament Nru 723/2004 tindika li “[b]idliet demografiċi u l-istruttura li tinbidel tal-etajiet tal-popolazzjoni kkonċernata qed jimponu piżijiet dejjem jikbru fuq l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità u jeħtieġ li l-età tal-pensjoni tgħola u r-rata ta’ kull sena ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-pensjonijiet titnaqqas, iżda suġġetta għal miżuri transitorji għall-uffiċjali diġà fis-servizz”. Minn din il-premessa jirriżulta b’mod ċar li ż-żieda tal-età tal-irtirar tal-uffiċjali kif ukoll it-tnaqqis tar-rata annwali ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni jikkostitwixxu aġġustament tal-iskema ta’ pensjoni għal bidla demografika progressiva u mhux reazzjoni għal kriżi serja tal-imsemmija skema. F’tali sitwazzjoni, kien possibbli,u saħansitra neċessarju, li jiġu previsti miżuri tranżitorji favur uffiċjali eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-emendi.

121    Għall-kuntrarju, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 75 iktar ’il fuq, mill-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kif ukoll miċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-adozzjoni tagħha jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni — u, b’mod partikolari d-deċiżjoni li l-età tal-irtirar fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali — kienet essenzjalment motivata mill-kriżi ta’ likwidità imminenti tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali. Din il-kriżi ma kinitx ir-riżultat ta’ bidla demografika progressiva, iżda tal-effetti konġunti tal-kriżi finanzjarja, li naqqset ħafna l-valur tal-attiv tal-fond, minn naħa, u ta’ żbilanċ bejn id-dħul imnaqqas tal-iskema fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet, dovut għall-assenza ta’ affiljati ġodda mis-seba’ leġiżlatura li bdiet fl-2009, u l-ispejjeż tiegħu, li żdiedu minħabba l-irtirar imminenti ta’ numru kbir ta’ membri li ma ġewx rieletti, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi żbilanċ kien inerenti għall-iskema ta’ pensjoni addizzjonali minħabba n-natura tranżitorja tiegħu, li jwassal għall-għejbien progressiv tagħha sa mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri mal-bidu tas-seba’ leġiżlatura, fl-14 ta’ Lulju 2009.

122    Kuntrarjament għas-sitwazzjoni tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni fl-2004, is-sitwazzjoni tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali fil-bidu tas-sena 2009 għaldaqstant kienet ikkaratterizzata minn urġenza partikolari li kienet tiġġustifika li r-rikors għall-miżuri tranżitorji favur l-affiljati mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali jiġi ridott għall-minimu. F’dan ir-rigward għandu jiżdied li peress ma kienx hemm iktar nies ġodda li ssieħbu fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali mill-14 ta’ Lulju 2009 ’il quddiem, il-miżuri meħuda fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 fil-verità kienu jikkonċernaw biss lill-affiljati diġà msieħba fl-iskema f’dik id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji addizzjonali favur ex affiljati, paragunabbli ma’ dawk previsti għall-uffiċjali fil-kuntest tar-Regolament Nru 723/2004, neħħiet għalkollox is-sens tal-miżuri meħuda.

123    Minn dan isegwi li billi l-emendi tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kienu motivati mis-sitwazzjoni ta’ urġenza partikolari li kienet qed tipprevali fil-bidu tas-sena 2009, fir-rigward tal-likwidità u tar-rata ta’ kopertura tad-drittijiet għall-pensjoni, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex analoga għal dik tal-ufiċċjali tal-Unjoni kkonċernati bl-emendi tal-iskema ta’ pensjoni tagħhom introdotti bir-Regolament Nru 723/2004.

124    Għaldaqstant, billi l-membri, minn naħa, u l-uffiċjali tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali li fihom differenzi essenzjali, seta’ jiġi applikat trattament differenti fir-rigward tagħhom f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji.

125    It-tieni nett, ir-rikorrenti jagħmlu paragun bejn il-membri li għalqu l-età ta’ 60 sena sal-14 ta’ Lulju 2009 u li setgħu jibbenefikaw mill-pensjoni tagħhom fl-età ta’ 60 sena, minn naħa, u dawk li għalqu s-60 sena wara din id-data u li setgħu jibbenefikaw mill-pensjoni biss fl-età ta’ 63 sena, min-naħa l-oħra. Filwaqt li l-ewwel grupp seta’ jibbenefika mill-pensjoni addizzjonali tiegħu sa mill-1 ta’ Awwissu 2009, it-tieni grupp kellu jistenna tal-inqas sal-1 ta’ Awwissu. Differenza żgħira fl-età għaldaqstant setgħet twassal sabiex il-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali tiġi posposta bi tliet snin, u dan għal madwar mitt affiljat fost l-1000 affiljat mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, skont l-indikazzjoni tal-partijiet.

126    Din is-sitwazzjoni hija dovuta għall-effett ikkombinat tal-Artikolu 1(1) u (1a) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, kif riformati bid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Din tal-aħħar fil-fatt introduċiet terminu perentorju, jiġifieri l-14 ta’ Lulju 2009, sabiex iż-żieda tal-età tal-irtirar għal 63 sena tidħol fis-seħħ, b’mod li l-affiljati li kellhom 60 sena qabel din id-data u li ma kinux rieletti bħala membri għas-seba’ leġiżlatura setgħu jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali tagħhom sa mill-14 ta’ Lulju 2009.

127    Matul is-seduta l-Parlament indika, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, li, minkejja li huwa minnu li l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-miżuri adottati bid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 huma għaldaqstant sostnuti minn 10 % biss tal-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, madankollu huwa kien qies din il-miżura bħala inqas restrittiva meta mqabbla ma’ miżuri li għandhom effett fuq l-ammont mensili tal-pensjoni, bħalma hija tnaqqis ġenerali tal-ammont mensili tal-pensjonijiet li kien jaffettwa lill-affiljati kollha, inklużi dawk li diġà kienu qegħdin jirċievu l-pensjoni addizzjonali tagħhom.

128    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-affiljati li fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kienu diġà qegħdin jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali tagħhom, f’din id-data kienu diġà kisbu b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni addizzjonali, filwaqt li dan ma kienx il-każ għar-rikorrenti, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 47 iktar ’il fuq.

129    Konsegwentement, peress li r-rikorrenti, minn naħa, u l-affiljati li diġà kienu qegħdin jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali differenti, seta’ jiġi applikat trattament differenti fir-rigward tagħhom.

130    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-miżura tranżitorja prevista favur affiljati li għalqu l-età ta’ 60 sena fil-perijodu ta’ bejn id-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Mejju 2009, tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 u t-tmiem tas-sitt leġiżlatura, fit-13 ta’ Ġunju 2009 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li, fl-ipoteżi ta’ emenda tal-liġi, huwa normali u saħansitra neċessarju, li jiġi ffissat terminu perentorju li minnu l-liġi ġdida għandha tapplika għal sitwazzjonijiet fattwali attwali. L-iffissar ta’ tali terminu perentorju għaldaqstant huwa prinċipju legali, minkejja li inevitabbilment huwa għandu l-effett li sitwazzjonijiet li huma biss ftit li xejn differenti minn xulxin fuq il-livell temporali jiġu ttrattati b’mod differenti.

131    Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-aħħar affiljati li setgħu jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali fl-età ta’ 60 sena kienu differenti mill-grupp tar-rikorrenti li kellhom jistennew sakemm jagħlqu t-63 sena, peress li sa tmiem is-sitt leġiżlatura fit-13 ta’ Lulju 2009, huma kienu diġà għalqu s-60 sena. Għaldaqstant huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, sabiex jibbenefikaw mill-pensjoni addizzjonali, bl-eċċezzjoni biss, għal dawk li kienu membri tal-Parlament matul is-sitt leġiżlatura, ta’ dik dwar it-tmiem tal-kariga tagħhom. Għall-kuntrarju, fid-data tal-emenda tal-liġi, fl-14 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti kienu għadhom ma laħqux l-età tal-irtirar skont ir-regoli fis-seħħ f’dak il-mument.

132    Issa, hekk kif il-Parlament ġustament irrileva, il-kriterju tal-età użat mid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 mhux biss huwa bbażat fuq element oġġettiv, raġonevoli u indipendenti mir-rieda tal-leġiżlatur, iżda huwa wkoll inerenti għal kull skema ta’ pensjoni, bħala element li jiddetermina l-mument tal-irtirar u l-likwidazzjoni tal-pensjoni. Konsegwentement, tali kriterju ma jistax jitqies bħala li huwa, fih innifsu, diskriminatorju jew sproporzjonat fil-kuntest ta’ emenda ta’ skema ta’ pensjoni.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza fit-trattament li għaliha kienu suġġetti r-rikorrenti meta mqabbla mal-membri li fl-14 ta’ Lulju 2009 kellhom 60 sena ma tistax tiġi kklassifikata bħala arbitrarja jew bħala manifestament inadatta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 113 iktar ’il fuq.

134    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll it-tieni motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM

135    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Bureau kiser l-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM, sa fejn ma kkonsultax mas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u mal-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-Parlament qabel ma adotta d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

136    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

137    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM huwa intiż biss għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti u mhux għall-emenda tagħhom u, min-naħa l-oħra li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, il-Kwesturi jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bureau b’mod konsultattiv (sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29, punti 120 sa 122).

138    Għalkemm ir-rikorrenti, fl-istadju tar-replika, żiedu li l-konsultazzjoni obbligatorja mal-Kwesturi ma tistax titqies bħala validament sodisfatta bl-iskuża li dawn jipparteċipaw b’mod konsultattiv fil-laqgħat tal-Bureau, fatt li huwa kuntrarju għall-prattika stabbilita tal-Parlament u li jneħħi kull effettività tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem “[b]arra minn hekk”, li jinsabu fil-bidu tal-punt 122 tas-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, huwa biss b’mod addizzjonali li l-Qorti Ġenerali bbażat argument fuq il-parteċipazzjoni tal-Kwesturi fil-laqgħat tal-Bureau skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament. Fil-fatt, l-argument li jgħid li l-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM ma kienx ikopri l-emenda tar-Regolamenti IAM waħdu kien biżżejjed sabiex il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni jiġi miċħud.

139    It-tieni nett, minkejja li r-rikorrenti bbażaw ruħhom fuq prattika stabbilita tal-Parlament, huma la ppreċiżaw din il-prattika fiex tikkonsisti u lanqas ma ssottomettew xi element ta’ natura li juri l-eżistenza tagħha.

140    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li kienet saret konsultazzjoni formali mal-Kwesturi, dawn tal-aħħar kienu talbu l-opinjoni tad-dipartiment legali u ta’ esperti attwarjali, xi ħaġa li huma kienu għamlu fl-1999 matul l-emenda tar-Regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990. Issa, apparti l-fatt li dan l-argument huwa bbażat fuq sempliċi suppożizzjoni min-naħa tar-rikorrenti dwar l-inizjattivi li l-Kulleġġ tal-Kwesturi seta’ jieħu, ir-riferiment tagħhom għall-involviment tal-Kwesturi fiż-żmien tal-fatti li seħħew fl-1999 huwa kkontradett mill-kontenut tal-fajl. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta min-nota tal-Kulleġġ tal-Kwesturi tad-29 ta’ Awwissu 1998 għall-attenzjoni tal-Bureau, prodotta mir-rikorrenti, hija fuq talba ta’ dan tal-aħħar u mhux fuq dik tal-Kwesturi li l-emendi, f’dak iż-żmien, kienu ġew eżaminati mid-dipartiment legali.

141    Minn dan isegwi li t-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

142    Ir-rikorrenti jsostnu li l-motiv invokat fil-premessa 3 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 sabiex l-età għall-ksib tad-dritt għall-pensjoni addizzjonali togħla għal 63 sena, ibbażat fuq l-evoluzzjoni tas-settur tal-pensjonijiet tax-xjuħija fl-Istati Membri, huwa illegali u li ż-żieda tal-età għall-ksib tad-dritt għall-pensjoni tikser l-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri.

143    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

144    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat ksur tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri, fil-punt 53 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-imsemmi statut ma kienx għadu fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 u li, konsegwentement, din tal-aħħar ma setgħetx tikser id-dispożizzjonijiet tal-Istatut.

145    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar il-motiv invokat fil-kuntest tal-premessa 3 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, fil-punt 75 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li d-deċiżjoni li l-età tal-irtirar fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tiżdied kienet essenzjalment motivata mis-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali. Peress li dan il-motiv huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika ż-żieda tal-età tal-irtirar, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 70 sa 109 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk il-Bureau użax b’mod leġittimu motivi addizzjonali ma tistax tinfluwenza l-eżitu tal-kawża preżenti. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

146    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti

147    Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejniethom u bejn il-Parlament sabiex jargumentaw li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 hija potestattiva u tikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt.

148    F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 61 iktar ’il fuq, b’riferiment għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tas-sentenza Purvis vs Il‑Parlament, punt 29 iktar ’il fuq, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-iskema ta’ pensjoni addizzjonali għall-Parlament u għall-affiljati mal-imsemmija skema jagħmlu parti mir-rabta statutorja li tgħaqqadhom u għaldaqstant ma humiex kuntrattwali.

149    Konsegwentement, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud.

150    Peress li l-motivi kollha li r-rikorrenti invokaw insostenn tal-eċċezzjoni tagħhom ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 għandhom jiġu miċħuda, l-imsemmija eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kienet tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, skont dak li ġie espost fil-punt 27 iktar ’il fuq, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu l-kawża, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Lord Inglewood u l-għaxar rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness kif ukoll Marie-Arlette Carlotti huma kkundannati għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Marzu 2013.

Firem

Anness

Georges Berthu, residenti f’Longré (Franza),

Guy Bono, residenti f’Saint-Martin-de-Crau (Franza),

David Robert Bowe, residenti f’Leeds (ir-Renju Unit),

Brendan Donnelly, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),

Catherine Guy-Quint, residenti f’Cournon d’Auvergne (Franza),

Christine Margaret Oddy, residenti f’Coventry (ir-Renju Unit),

Nicole Thomas-Mauro, residenti f’Épernay (Franza),

Gary Titley, residenti f’Bolton (ir-Renju Unit),

Maartje van Putten, residenti f’Amsterdam (il-Pajjizi l-Baxxi),

Vincenzo Viola, residenti f’Palermo (l-Italja).

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawżi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet miksuba tar-rikorrenti

– Fuq id-dritt għall-pensjoni addizzjonali fl-età ta’ 60 sena

– Fuq id-dritt għall-pensjoni addizzjonali antiċipata sa mill-età ta’ 50 sena u fuq id-dritt għall-ħlas ta’ parti mill-pensjoni addizzjonali fil-forma ta’ somma f’daqqa

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

– Fuq il-leġittimità tal-għan segwit

– Fuq in-natura xierqa tal-miżuri meħuda sabiex l-għan segwit jintlaħaq

– Fuq l-għażla tal-miżura l-inqas restrittiva

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti IAM

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.