Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Ġunju 2008 - Tipik vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-252/08)

Lingwa tal-kawża: Il-FranċIż

Partijiet

Rikorrenti: Tipik Communication Agency SA (Brussell, Il-Belġju) (rappreżentanti: E. Gillet, L. Levi u C. Dubois, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b'data mhux magħrufa, li biha kien ġie deċiż li tiġi miċħuda l-offerta magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta' kuntratt pubbliku dwar servizzi li jikkonċernaw b'mod partikolari s-Sit Internet EUROPA (PO/2007-31/C2);

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b'data mhux magħrufa, li biha kien ġie deċiż li jingħata l-imsemmi kuntratt pubbliku lill-konsorzju mmexxi mill-kumpannija European Service Network;

tikkundanna lill-konvenuta għall-kumpens tad-dannu subit mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet irregolari, dannu li jammonta għal EUR 5 063 773,29, u dan l-ammont għandu jiżdied bl-interessi moratorji li jibdew jiddekorru mill-għoti tad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-Qorti tal-Prim'Istanza sal-ħlas komplet. Ir-rata ta' interessi moratorji li għandha tiġi applikata għandha tkun ikkalkolata fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda bi tliet punti.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tagħha ppreżentata fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għall-kuntratt intitolat "Komunikazzjoni via EUROPA - Sit Internet uffiċjali ta' l-UE u prodotti oħrajn ta' informazzjoni u ta' informazzjoni stampata u online ġestiti mid-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea - Assistenza editorjali, grafika, teknika u fil-qasam tat-traduzzjoni għad-disinjar, il-produzzjoni u l-manutenzjoni" (ĠU 2007, S 193-234221), kif ukoll id-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lill-konsorzju mmexxi mill-European Service Network. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kien imissha eskludiet il-konsorzju mmexxi mill-European Service Network mill-proċedura għall-għoti ta' kuntratt, in kwantu wieħed mill-membri ta' dan il-konsorzju kien ġie ddikjarat li kiser b'mod serju l-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-kuntest ta' kuntratt intiż għal servizzi ta' l-OPOCE simili għal dawn li huma s-suġġett tal-kuntratt in kwistjoni.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni waqt l-eżami ta' l-offerta magħmula mill-konsorzju mmexxi mill-European Service Network billi tagħtu l-istess punti bħar-rikorrenti għall-kriterju kwalitattiv, għalkemm hija ma kella l-ebda ċertezza fir-rigward tal-kapaċità ta' dan l-imsemmi konsorzju li jipprovdi soluzzjonijiet tekniċi sodisfaċenti f'dan ir-rigward.

Ir-rikorrenti ssostni li dawn l-irregolaritajiet jistgħu jrendu l-Kummissjoni responsabbli peress illi, minn naħa, hija wettqet żball u, min-naħa l-oħra, injorat serjament u manifestament il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

____________