Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Ġunju 2008 - Associazione Giullemanidallajuve vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-254/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Associazione Giullemanidallajuve (Garibaldi, l-Italja) (rappreżentanti: L. Mission, G. Ernes u A. Kettels, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea:

tordnalha teżerċita l-kompetenza tagħha u twieġeb għall-ilment ippreżentat mir-rikorrenti f'Mejju ta' l-2007;

tagħti l-ispjegazzjonijiet kollha xierqa f'dan ir-rigward.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tieħu azzjoni peress li ma ħaditx pożizzjoni, fir-rigward ta' talba f'dan is-sens, fuq l-ilment ippreżentat lill-Kummissjoni mir-rikorrenti f'Mejju ta' l-2007 rigward ksur allegat ta' l-Artikoli 81 u 82 KE mwettaq mill-Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC), il-Comitato Olimpico Nazionale Italiano (Coni), l-Union des associations européennes de football (UEFA) u l-Fédération Internationale de Football Association (FIFA).

Ir-rikorrenti tqis li l-ittra, li ntbagħtet mill-Kummissjoni f'Marzu ta' l-2008 minħabba li talbitha tieħu azzjoni u li kienet tinformaha li l-każ tagħha kien qiegħed jiġi eżaminat, ma tikkostitwixxix pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, għaliex l-ittra ma tagħtix risposti fuq il-mertu tat-talbiet magħmula mir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li, fil-qasam tal-kompetizzjoni, min jagħmel ilment għandu dritt għal studju dettaljat ta' l-ilment tiegħu mill-Kummissjoni, kif ukoll teħid ta' pożizzjoni motivata.

____________