Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju2022 minn Air France-KLM mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża) fit-30 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-337/17, Air France-KLM vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-370/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Air France-KLM (rappreżentanti: A. Wachsmann, M. Blayney, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

- Prinċipalment,

- Tannulla fl-intier tagħha s-sentenza appellata;

- Konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) safejn tirrigwarda lil Air France-KLM SA kif ukoll ir-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat id-dispożittiv tagħha, sa fejn din id-deċiżjoni timponi multa fuq Air France-KLM SA ;

u

- Sussidjarjament, tnaqqas għal ammont xieraq, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multa ta’ EUR 307 360 000 imposta flimkien u in solidum fuq Air France-KLM u, minn naħa, fuq Air France SA u, min-naħa l-oħra, lil KLM, permezz tal-Artikoli 3(b) u 3(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru);

- Fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minn Air France-KLM SA quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq aggravju ta’ annullament prinċipali, aggravju ta’ annullament sussidjarju u żewġ aggravji ta’ bidla invokati b’mod iktar sussidjarju.

Prinċipalment, Air France-KLM ssostni, fl-ewwel aggravju, li s-sentenza appellata tikkonferma bi żball l-imputazzjoni tal-prattiki ta’ Air France u ta’ parti mill-prattiki tal-kumpanija Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (“KLM”). Għalhekk Air France-KLM qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni.

Sussidjarjament, Air France-KLM ssostni, fit-tieni aggravju, li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament il-kompetenza tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal servizzi inbound, jiġifieri minn pajjiż terz lejn iż-ŻEE. Air France-KLM ssostni li l-analiżi tal-effetti kkwalifikati hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Għalhekk Air France-KLM qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni.

B’mod iktar sussidjarju, Air France-KLM ssostni, fit-tielet aggravju, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u l-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sistemi regolatorji.

Fir-raba’ u l-aħħar aggravju tagħha, Air France-KLM ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qalbet l-oneru tal-prova billi kkonstatat il-parteċipazzjoni mingħajr interruzzjoni ta’ Air France fil-ksur bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-14 ta’ Frar 2006.

____________