Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Craiova (ir-Rumanija) fl-14 ta’ Lulju 2021 – RS

(Kawża C-430/21)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Craiova

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: RS

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 148(2) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), kif interpretata mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) fis-sentenza Nru 390/2021, li tipprovdi li l-qrati nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li janalizzaw il-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali, meqjusa kostituzzjonali permezz ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 99(ș) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), li tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallef għal nuqqas ta’ osservanza ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), meta l-imħallef huwa mitlub jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), dispożizzjoni nazzjonali din li ċċaħħad lill-imħallef mill-possibbiltà li japplika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li huwa jqis li għandha prijorità?

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludi prattiki ġudizzjarji nazzjonali li jipprojbixxu lill-imħallef, taħt piena ta’ responsabbiltà dixxiplinari, milli japplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċeduri kriminali bħall-kontestazzjoni tat-tul raġonevoli tal-proċeduri kriminali, irregolat mill-Artikolu 488 tal-Cod de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali) tar-Rumanija?

____________