Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud České republiky (ir-Repubblika Ċeka) fl-1 ta’ Frar 2021 – RegioJet a. s.

(Kawża C-57/21)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší soud České republiky

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: České dráhy, a.s.

Partijiet oħra fil-proċedura: RegioJet a. s., Česká republika – Ministerstvo dopravy

Domandi preliminari

Approċċ li jikkonsisti f’li qorti tiddeċiedi li tordna l-iżvelar tal-provi anki jekk il-Kummissjoni fl-istess waqt tmexxi proċedura bil-għan li tagħti deċiżjoni bis-saħħa tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”), fejn b’riżultat ta’ dan il-qorti fuq din il-bażi tissospendi l-proċeduri għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa konformi mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104/UE 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”)?

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5)(a) u tal-Artikolu 6(9) tad-Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-iżvelar ta’ kull informazzjoni li tkun ġiet sottomessa fil-kuntest ta’ proċedura fuq talba tal-awtorità tal-kompetizzjoni, u dan ukoll meta jirrigwarda informazzjoni li parti fil-proċedura għandha obbligu tipprepara u taħżen (jew tippreparaha u taħżinha) fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali oħra irrispettivament mill-proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?

Sitwazzjoni fejn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ssospendiet il-proċedura immedjatament wara li l-Kummissjoni ressqet proċedura bil-għan li tagħti deċiżjoni bis-saħħa tal-Kapitolu III tar-Regolament ukoll tista’ titqies bħala mod ieħor ta’ kif tintemm il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva?

Fid-dawl tal-funzjonijiet u tal-għanijiet tad-Direttiva, approċċ adottat mill-qorti nazzjonali li tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva b’analoġija għal tali kategoriji ta’ informazzjoni bħall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva, jiġifieri li tiddeċiedi dwar l-iżvelar tal-provi dejjem sakemm il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri istruttorji jinkludux informazzjoni li persuna fiżika jew ġuridika ppreparat speċifikament għall-ħtiġijiet tal-proċedura mmexxija mill-awtorità tal-kompetizzjoni (fis-sens tal-Artikolu 6(5)[(a)] tad-Direttiva), tiġi eżaminata mill-qorti wara li dawn il-provi jkunu ġew prodotti quddiemha, huwa konformi mal-Artikolu 5(1) flimkien mal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri effettivi ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali adottati mill-qorti jistgħu jwasslu twassal għall-esklużjoni tar-rikorrent jew ta’ partijiet oħra fil-proċedura u r-rappreżentanti tagħhom mill-aċċess għall-provi żvelati qabel l-għoti ta’ deċiżjoni definittiva mill-qorti dwar jekk il-provi żvelati jew parti minnhom jaqgħux taħt il-kategorija ta’ provi konformement mal-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

2 ĠU 2014 L 349, p. 1