Language of document : ECLI:EU:F:2014:176

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

2 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑5/13

Paulo Jorge Da Cunha Almeida

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Test ta’ raġunament verbali — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni — Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li bih P.J. Da Cunha Almeida jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/205/10 li jeskluduh mil-lista ta’ riżerva u li jiċħdu t-talba għal eżami mill-ġdid, kif ukoll l-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni:      Id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/205/10, tad-9 ta’ Marzu 2012, trażmessa permezz tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal, li tiċħad it-talba ta’ eżami mill-ġdid ta’ P. J. Da Cunha Almeida, wara l-esklużjoni tiegħu mil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2011, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn P. J. Da Cunha Almeida.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Data tat-tressiq — Riċezzjoni mill-amministrazzjoni — Preżunzjoni maħluqa mit-timbru ta’ reġistrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Rikors tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali — Lingwi ta’ parteċipazzjoni għall-eżamijiet — Ugwaljanza fit-trattament — Rekwiżit ta’ konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi — Motivazzjoni — Ġustifikazzjoni fid-dawl tal-interess tas-servizz — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikoli 1 u 6; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d(1) u (6), 28(f), u Anness III, Artikolu 1(1)(f))

1.      L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ilment jitressaq mhux meta jintbagħat lill-istituzzjoni, iżda meta jasal għand din tal-aħħar. Issa, għalkemm il-fatt li amministrazzjoni li tirrikonoxxi jew li tirreġistra dokument mibgħut lilha ma jippermettix li tingħata data ċerta ta’ meta dan id-dokument ġie ppreżentat, dan tal-inqas jikkostitwixxi mezz, li jaqa’ taħt il-ġestjoni amministrattiva tajba, ta’ natura li joħloq preżunzjoni, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja, li l-imsemmi dokument waslilha fid-data indikata.

(ara l-punti 20 u 23)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, EU:F:2006:31, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha natura informali u l-persuni kkonċernati jaġixxu inġenerali f’dan l-istadju mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, għall-kuntrarju, teżaminhom fi spirtu ta’ interpretazzjoni wiesgħa. Barra minn hekk, l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux bħala għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, meta r-rikors kontenzjuż la jibdel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punti 76 u 78

3.      Huwa illegali avviż ta’ kompetizzjoni li jistabbilixxi limitu fir-rigward tat-tieni lingwa li tista’ jiġi użata għal parteċipazzjoni f’kompetizzjoni, fiċ-ċirkustanzi fejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati minn dan l-avviż ma adottawx regoli interni li jikkonċernaw l-applikazzjoni tas-sistema lingwistika tal-Unjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi s-sistema lingwistika tal-Komunità Ekonomika Ewropea, lanqas komunikazzjonijiet oħrajn li jistabbilixxu l-kriterji ta’ limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa, fejn l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jinkludi ebda motivazzjoni li tiġġustifika l-għażla limitata tal-lingwi.

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jindika 23 lingwa mhux biss bħala lingwi uffiċjali, iżda wkoll bħala lingwi ta’ xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(1) u (6) u l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux kriterji espliċiti li jippermettu li tiġi limitata l-għażla tat-tieni lingwa neċessarja għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni. L-interess tas-servizz jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi applikata tali limitazzjoni bil-kundizzjoni li dan l-interess ikun oġġettivament iġġustifikat u l-livell ta’ konoxxenza lingwistika meħtieġ jirriżulta proporzjonali għall-bżonnijiet reali tas-servizz. Barra minn hekk, regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jipprovdu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jsiru jafu, suffiċjentement minn qabel, liema rekwiżiti lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjoni fl-aħjar kundizzjonijiet.

(ara l-punti 44 u 46 sa 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punti 85, 88 u 90