Language of document : ECLI:EU:F:2014:55

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2014 (*)

“Servizz pubbliku — Investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Allowance ta’ kuljum — Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Ammonti miżmuma mir-remunerazzjoni — Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal — Intenzjoni deliberata li l-amministrazzjoni titwassal biex twettaq żball — Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża F‑28/13,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106(a),

José Manuel López Cejudo, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn É. Boigelot, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u C. Ehrbar, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol, President, K. Bradley u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal fis-27 ta’ Marzu 2013, J.M. López Cejudo ppreżenta dan ir-rikors intiż, prinċipalment, li jannulla n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) informat lir-rikorrent rigward id-deċiżjoni tagħha li tirkupra l-allowances ta’ kuljum, flimkien mal-interessi, li dan tal-aħħar kien irċieva fl-1997 u fl-1998 kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2012 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra, fir-rigward ta’ dawn l-allowances, ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrent (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), “[l]-uffiċjal għandu jgħix jew fil-post fejn huwa mpjegat jew f’distanza mhux aktar il-bogħod milli huwa kompatibbli mal-qadi sew ta’ dmirijietu”.

3        L-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal li huwa intitolat għal allowance tal-familja u ma jistabbilixxix ruħu mal-familja tiegħu fil-post fejn huwa impjegat, għandu jirċievi biss nofs l-allowance li kieku kien ikun intitolat għalih; it-tieni nofs għandu jitħallas meta l-familja tiegħu tiġi toqgħod fil-post fejn hu impjegat, sakemm tagħmel dan matul il-perjodi mniżżla fl-Artikolu 9(3), [tal-Anness VII] […]”

4        Skont l-Artikolu 9(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“L-ispejjeż li ntefqu dwar it-tneħħija ta’ l-għamara u l-effetti personali […] għandhom ikunu Rimborsati lil uffiċjal li huwa obbligat jibdel il-post tar-residenza tiegħu biex iħares l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal u li ma kienx Rimborsat dwar l-istess spejjeż minn sors ieħor. It-tali Rimborsar m’għandux jaqbeż l-ammont ta’ stima approvata minn qabel. […]”

5        L-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża, jipprovdi:

“1.      Fejn uffiċjal jipprovdi evidenza li jrid jibdel il-post tar-residenza tiegħu sabiex ikun jista’ jimxi ma’ l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa għandu jkun intitolat għal perjodu speċifikat fil-paragrafu 2 għal benefiċċju ta’ l-għajxien […]

2.      Il-perjodu li matulu jingħata l-allowance tas-sussistenza ta’ kuljum ikun kif ġej:

[…]

b)      fil-każ ta’ uffiċjal li intitolat għall-allowance tal-familja: 180 ġurnata […]

[…]

Fl-ebda każ il-allowance tas-sussistenza ta’ kuljum ma jingħata wara d-data ta’ l-uffiċjal ineħħi sabiex iħares il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

6        L-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument meta r-rikorrent kien jirċievi l-allowances ta’ kuljum ikkontestati, kien jipprovdi:

“Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf li ma kien hemm l-ebda raġuna[i] dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax jinduna bih.”

7        Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012, dan l-Artikolu 85 jinkludi subparagrafu ieħor li jipprovdi:

“It-talba għall-irkuprar trid issir mhux aktar tard minn ħames snin mid-data meta s-somma tħallset. Fejn l-[Awtorità tal-Ħatra] kapaċi tistabbilixxi li r-riċevitur deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni bil-ħsieb li jikseb is-somma kkonċernata, it-talba għall-irkuprar ma tkunx invalidata jekk dan il-perjodu jkun skada.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrent beda jaħdem mal-Kummissjoni fl-1986, u mill-1 ta’ Settembru 1990 wettaq id-dmirijiet tiegħu fi ħdan is-servizz tal-Komunitajiet Ewropej mal-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu). Sussegwentement huwa ġie ttrasferit, mill-1 ta’ Settembru 1997, fl-unità “Amministrazzjoni tad-Dħul” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Baġit” tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju). Wara, ir-rikorrent ġie ttrasferit fit-Taqsima “Finanzi u kuntratti” tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni għar-Repubblika Federali tal-Brażil fl-2002 u, mill-2007, huwa eżerċita mill-ġdid id-dmirijiet ta’ amministratur (AD) fil-grad AD 13 fid-DĠ “Baġit” fi Brussell.

9        Fid-9 ta’ Lulju 1997, ir-rikorrent iffirma kuntratt ta’ kiri għal appartament mingħajr għamara, b’ħamest ikmamar li jinsab f’Etterbeek (il-Belġju) (iktar ʼil quddiem l-“appartament ta’ Brussell”). Din il-kirja ngħatat għal terminu ta’ disa’ snin u kienet tibda mill-1 ta’ Awwissu 1997. Mit-termini ta’ dan il-kuntratt jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikolu 13 dwar l-“użu tal-post” u mill-Artikolu 14 dwar l-“għażla tar-residenza u l-istatus ċivili”, li l-persuna li qed tikri, f’dan il-każ ir-rikorrent, tiddikjara li tuża dan l-immobbli għas-sempliċi abitazzjoni privata bħala residenza prinċipali tagħha, u kienet tiddikjara l-appartament mikri bħala r-residenza tagħha matul it-terminu tal-kirja.

10      Barra minn hekk, ir-rikorrent poġġa għal kiri, mill-1 ta’ Awwissu 1997, id-dar li kellu f’Schuttrange (il-Lussemburgu) u li kien jokkupa preċedentement mal-familja tiegħu (iktar ʼil quddiem id-“dar tal-Lussemburgu”, f’dan il-każ permezz ta’ kuntratt konkluż fil-11 ta’ Lulju 1997 ma’ koppja ta’ kerrejja.

11      Fl-1 ta’ Settembru 1997, ir-rikorrent iddikjara, fl-applikazzjoni ġenerali rigward id-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li l-indirizz il-ġdid tiegħu fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu kien l-appartament ta’ Brussell. F’din l-applikazzjoni, huwa ddikjara wkoll lill-amministrazzjoni tiegħu li l-mara u l-erbat itfal tiegħu kienu għadhom joqogħdu fil-Lussemburgu, jiġifieri fl-indirizz tad-dar tagħhom tal-Lussemburgu.

12      Madankollu, fl-applikazzjoni dwar l-allowance tal-installazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, liema applikazzjoni kienet, f’dak iż-żmien, użata wkoll mill-amministrazzjoni sabiex tistabbilixxi d-dritt għall-allowances ta’ kuljum, ir-rikorrent iddikjara, fid-9 ta’ Settembru 1997, li kien, flimkien mal-familja tiegħu, stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Brussell. Huwa ddikjara wkoll f’dan il-kuntest li huwa kien jaf bil-leġiżlazzjoni msemmija, jiġifieri bl-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

13      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent ipproduċa kopja tal-kuntratt tal-kiri tal-appartament tiegħu fi Brussell, u ma pproduċa l-ebda applikazzjoni għall-permess ta’ residenza għall-membri tal-familja tiegħu. Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra tatu biss, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, in-nofs tal-allowance tal-installazzjoni, jiġifieri salarju ta’ xahar.

14      Wara talba ppreżentata fis-16 ta’ Marzu 1998, li magħha huwa ehmeż kopja tal-applikazzjoni għall-permess ta’ residenza ppreżentata fil-Belġju għall-konjuġi tiegħu u għat-tfal tagħhom, liema applikazzjoni kienet tipproduċi prova dwar l-installazzjoni tal-familja tiegħu fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu, ingħatalu t-tieni nofs tal-allowance tal-installazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

15      Barra minn hekk, fis-16 ta’ Marzu 1998 ukoll, ir-rikorrent talab u kiseb ir-rimbors għall-ispejjeż taċ-ċaqliq tiegħu billi pproduċa rċevuta, tal-15 ta’ Marzu 1998, minn kumpannija ta’ ġarr Lussemburgiża. Skont id-dikjarazzjoni tal-impriża Lussemburgiża, iċ-ċaqliq tar-rikorrent mil-Lussemburgu lejn Brussell sar fit-2 ta’ Marzu 1998. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iddikjara, fl-applikazzjoni intiża għall-“[p]agament tal-ispejjeż taċ-ċaqliq”, li huwa kien “ittrasferixxa, flimkien mal-membri [t]al-familja tiegħu r-residenza [t]iegħu tal-Lussemburgu fil-post ta’ assenjazzjoni [t]iegħu […] fit-2 ta’ Marzu 1998”.

16      Minbarra x-xahrejn salarju bħala allowance tal-installazzjoni mogħtija f’żewġ partijiet u r-rimbors tal-ispejjeż taċ-ċaqliq, ir-rikorrent kiseb ukoll il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum skont l-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan għall-perijodu massimu ta’ 180 ġurnata wara d-dħul fil-kariga ġdida mal-Kummissjoni (iktar ʼil quddiem l-“allowances ta’ kuljum ikkontestati”), jiġifieri mill-1 ta’ Settembru 1997 sal-1 ta’ Marzu 1998, peress li l-amministrazzjoni sostniet f’dan ir-rigward li l-familja tiegħu marret toqgħod miegħu biss mit-2 ta’ Marzu 1998, data li huwa kien indika fl-applikazzjoni relattiva għall-“[p]agament tal-ispejjeż taċ-ċaqliq”.

17      Fid-19 ta’ Lulju 2007, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irċieva, permezz tal-intermedjarju tad-DĠ “Relazzjonijiet Esterni”, ittra indirizzata lil dan id-Direttorat Ġenerali minn membru tal-Parlament Ewropew. Din l-ittra kellha magħha dikjarazzjonijiet u numru ta’ dokumenti pprovduti, b’mod partikolari, mill-eks mara tar-rikorrent. L-OLAF b’hekk beda investigazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-allowances ta’ kuljum ikkontestati kif ukoll ċerti spejjeż mediċi li kienu ġew irrimborsati mill-iskema ta’ assigurazzjoni komuni kontra l-mard (iktar ʼil quddiem l-“RCAM”).

18      L-investigazzjoni tal-OLAF kienet tkopri wkoll akkużi oħra tal-eks mara tar-rikorrent, iżda li ma humiex inkwistjoni f’din il-kawża.

19      Ir-rikorrent ġie informat mill-OLAF dwar il-fatt li kienet bdiet investigazzjoni interna u, f’dan il-kuntest, huwa ġie interrogat minn dan l-uffiċċju fit-28 ta’ Marzu 2008 u fis-6 ta’ Mejju 2010, b’mod partikolari dwar id-data effettiva taċ-ċaqliq tiegħu mil-Lussemburgu għal Brussell, dwar l-edukazzjoni ta’ uliedu fi Brussell minn meta bdew is-sena skolastika fl-1997, kif ukoll dwar l-irċevuta tal-15 ta’ Marzu 1998, dwar iċ-ċaqliq tiegħu. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent b’mod partikolari ddikjara li ċ-ċaqliq tal-għamara tiegħu li allegatament baqgħet fil-Lussemburgu, seħħ biss f’Marzu 1998 “sabiex b’hekk huwa jkun jista’ jitlob f’bona fides […] l-allowances ta’ kuljum ikkontestati”.

20      Fit-30 ta’ Marzu 2012, l-OLAF innotifika lir-rikorrent dwar l-għeluq tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, fl-istess ġurnata, dan l-uffiċċju nnotifika lill-Kummissjoni b’rakkomandazzjonijiet kif ukoll b’rapport finali tal-investigazzjoni interna tiegħu (ir-“rapport tal-OLAF”). Fit-taqsima intitolata “Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet” ta’ dan ir-rapport, l-OLAF ikkonkluda li r-rikorrent kien kiser l-obbligi tiegħu ta’ uffiċjal sa fejn ġie stabbilit li, sabiex jikseb l-allowances ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien artifiċjalment ta l-impressjoni li ċ-ċaqliq tiegħu mil-Lussemburgu għal Brussell, li effettivament seħħ f’Awwissu tal-1997, kien sar f’Marzu tal-1998.

21      L-OLAF indika, f’dan ir-rigward, li kien ukoll probabbli li, sabiex jagħmel id-dikjarazzjoni tiegħu iktar kredibbli, ir-rikorrent kien talab u kiseb irċevuta postdatata mill-kumpannija ta’ ġarr. Fuq din il-bażi, l-OLAF kienet irrakkomanda lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tipproċedi għall-irkupru tal-ammont ta’ EUR 7 902 li jikkorrispondi, minn naħa, għall-allowances ta’ kuljum imħallsa indebitament mill-1 ta’ Settembru 1997 sal-1 ta’ Marzu 1998, jiġifieri, f’dak iż-żmien, BF 223 080 (EUR 5 530), kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-irkupru tal-ammont ta’ EUR 2 372 li jikkorrispondi għar-rimbors ta’ frejms tan-nuċċalijiet mingħajr lenti korrettiva. Din ir-rakkomandazzjoni talbet ukoll li ssir verifika tat-talbiet għal rimbors ta’ spejjeż mediċi li saru mir-rikorrent matul il-perijodu 2002/2007 meta kien jaħdem mad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Brażil.

22      Permezz tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-OLAF, hija kellha tirkupra s-somma ta’ EUR 7 902. Ammont inizjali ta’ EUR 5 530 kellu jitnaqqas mis-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Ġunju 2012, kif ukoll EUR 3 822.80 bħala interessi fuq dan l-ammont, li kien ser jitnaqqas mis-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Lulju 2012, iżda ġie mnaqqas biss f’Ottubru 2012. Ammont ieħor ta’ EUR 2 372 li jikkorrispondi għar-rimbors indebitament imħallas ta’ spejjeż mediċi kien ser jitnaqqas mis-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Awwissu 2012, kif ukoll EUR 699.20 bħala interessi fuq dan l-ammont.

23      Fit-12 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent, f’konformità mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressaq ilment li permezz tiegħu huwa talab lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tannulla n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 u l-ammonti miżmuma mis-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Ġunju sa Settembru 2012, kif ukoll in-nota tal-10 ta’ Lulju 2012 tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tad-Drittijiet Individwali (PMO) li titlob għal tnaqqis ta’ EUR 3 071.20 mis-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Awwissu 2012 u n-nota tal-20 ta’ Lulju 2012 tal-PMO li tipprovdi għat-tnaqqis ta’ EUR 3 822.80 bħala interessi mis-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Ottubru 2012. B’mod partikolari fir-rigward tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati, ir-rikorrent sostna li kien aġixxa bona fides meta ħaseb li d-dritt għal dawn l-allowances kien jibqa’ jeżisti sakemm iċ-ċaqliq tal-għamara tiegħu ma kienx seħħ kompletament. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, “ma setgħet tiġi pprovata l-ebda intenzjoni ħażina kontrih”, peress li “l-leġiżlazzjoni fuq dan il-punt — li kienet ġiet spejgata lilu b’tali mod li huwa ma setax jifhem — kienet, fl-opinjoni tiegħu, teknika ħafna u diffiċli li wieħed jifhimha”. Barra minn hekk, ir-rikorrent sostna li, sa fejn huwa ma kellux intenzjoni deliberata li jagħti informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni li twassalha sabiex twettaq żball, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal kien japplika kontra l-Awtorità tal-Ħatra.

24      Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità tal-Ħatra kkonstatat, fir-rigward tal-parti tal-ilment dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, li hija ma setgħetx tistabbilixxi li r-rikorrent kien qarraq biha b’mod intenzjonali sabiex jirċievi r-rimbors għall-frejms mingħajr lenti korrettiva. Għalhekk, f’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tirrinunzja għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament għal dawn l-ispejjeż mediċi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati, hija qieset li r-rikorrent kien qarraq biha b’mod intenzjonali hekk li, b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ma kienx japplika kontriha. Peress li barra minn hekk ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrent kien iċċaqlaq għal Brussell flimkien mal-familja tiegħu f’Awwissu 1997 u għalhekk ma kienx baqa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mill-imsemmija allowance, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment f’dan ir-rigward.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Ir-rikorrent jitlob essenzjalment li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012;

–        jannulla l-ammonti miżmuma mis-salarju tar-rikorrent fix-xhur ta’ Ġunju 2012 (EUR 5 530), Awwissu 2012 (EUR 1 535.60), Settembru 2012 (EUR 1 535.60) u Ottubru 2012 (EUR 3 822.80), u, jekk ikun neċessarju, f’kull xahar ieħor b’eżekuzzjoni futura tad-deċiżjoni kkontestata;

–        jannulla n-nota tal-10 ta’ Lulju 2012 tal-PMO;

–        jannulla n-nota tal-20 ta’ Lulju 2012 tal-PMO;

–        jannulla parzjalment id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment sa fejn din tiċħad l-ilment tar-rikorrent fir-rigward tal-allowances ta’ kuljum u tal-interessi moratorji kkontestati;

–        jikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ interessi moratorji mix-xhur ta’ Ġunju 2012 fuq EUR 5 530, ta’ Awwissu 2012 fuq l-ewwel ammont ta’ EUR 1 535.60, ta’ Settembru 2012 fuq EUR 1 535.60 addizzjonali u ta’ Ottubru 2012 fuq EUR 3 822.80, u dan sakemm dawn is-somom jitħallsulu lura, peress li permezz tar-rimbors ta’ EUR 3 071.20 imwettaq bis-salarju ta’ Jannar 2013, l-interessi moratorji ma għadhomx iktar dovuti minn dan ir-rimbors;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

26      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq is-suġġett tar-rikors

27      Preliminarjament, it-Tribunal jikkonstata li, sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra laqgħet parzjalment l-ilment tiegħu rigward ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi u li r-rikorrent kiseb, f’Jannar 2013, ir-rimbors tal-ammonti miżmuma mis-salarju tiegħu għax-xhur ta’ Awwissu u Settembru 2012 marbuta ma’ dawn l-ispejjeż mediċi, it-talbiet tar-rikors rigward l-imsemmija spejjeż mediċi ma għandhomx skop, hekk kif wara kollox ġie kkonfermat mir-rikorrent matul is-seduta.

2.     Fuq it-talbiet għall-annullament

28      Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament, għandu jiġi nnotat li dawn jirrigwardaw essenzjalment, f’dak li jikkonċerna l-allowances ta’ kuljum ikkontestati, in-nota tas-6 ta’ Lulju 2012, l-ammonti miżmuma mis-salarju li saru f’dan ir-rigward f’Ġunju, f’Awwissu, f’Settembru u f’Ottubru 2012, kif ukoll id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

29      F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jekk ikun il-każ minħabba li hija impliċita, tkun purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-ilment u li, għalhekk, l-annullament tagħha ma għandux effett distint fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata b’mod differenti minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha (sentenza Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, fil-każ ineżami, sa fejn, minn naħa, l-ammonti miżmuma mis-salarju saru b’eżekuzzjoni tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, abbażi ta’ punti ta’ liġi ġodda, għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet għall-annullament jirrigwardaw in-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 u d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

31      Insostenn tat-talbiet għall-annullament tiegħu, it-Tribunal josserva li r-rikorrent iqajjem finalment erba’ motivi bbażati rispettivament fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fl-azzjoni għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

32      Ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli ma informatux dwar il-kontenut tar-rapport tal-OLAF, la fil-mument tal-adozzjoni tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 u lanqas fl-istadju tal-ilment. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tagħmel biss riferiment għall-kontenut ta’ dan ir-rapport fin-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 u fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, mingħajr ma pprovdiet lir-rikorrent b’elementi sostanzjali kontra tiegħu. Għalhekk, peress li, skont ir-rikorrent, huwa ma setax jikseb għarfien utli tal-kontenut ta’ dan ir-rapport li kien il-bażi tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet għall-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati, in-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 u d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

33      Il-Kummissjoni, filwaqt li tikkonċedi li r-rikorrent ġie informat bir-rapport tal-OLAF biss fl-1 ta’ Frar 2013, issostni li n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 ġiet redatta f’kuntest magħruf sew mir-rikorrent, b’mod partikolari wara ż-żewġ seduti tiegħu quddiem l-OLAF. Il-punti legali mqajma mir-rikorrent fl-ilment tiegħu, b’mod partikolari l-fatt li huwa aġixxa in bona fides u li l-allowance kienet dovuta lilu sakemm iċ-ċaqliq tal-għamara tiegħu ma kienx twettaq kompletament, juru li huwa kien fehem tajjeb ħafna l-evidenza miżmuma kontrih mill-Awtorità tal-Ħatra. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni adegwata fl-istadju tat-tweġiba għall-ilment, motivazzjoni li issa hija meqjusa li hija l-istess bħall-motivazzjoni tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 li kontra tagħha tressaq dan l-ilment.

34      F’dan ir-rigward, it-Tribunal ifakkar li r-rekwiżit imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li jinsab ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha b’mod li t-Tribunal ikun jista’ jeżerċita l-istħarriġ fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala regola ġenerali, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju (ara s-sentenzi Michel vs Il-Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50; u Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punti 138 sa 140).

35      Ċertament, it-Tribunal jikkonstata li n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 tagħti biss ftit motivi peress li tirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF tat-30 ta’ Marzu 2012 sabiex tiġġustifika l-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati u li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel lir-rikorrent tal-kontenut tar-rapport tal-OLAF, l-imsemmija nota kienet tinkludi motivazzjoni relattivament qasira.

36      Madankollu, minn naħa, l-Awtorità tal-Ħatra pprovdiet motivazzjoni adegwata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Issa, din id-deċiżjoni tikkonferma n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 meta tispeċifika l-motivi li jsostnu din id-deċiżjoni. F’din is-sitwazzjoni, il-legalità tal-att inizjali li jikkawżalu preġudizzju għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tissemma’ fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija kkunsidrata li hija l-istess bħal ta’ din is-sentenza (sentenza Infante Garcia-Consuegra vs Il-Kummissjoni, F‑10/12, EU:F:2013:38, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, deċiżjoni hija suffiċjentement motivata meta, bħal fil-każ ineżami, l-att li huwa s-suġġett tar-rikors isir f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, bħal dak li jirriżulta mid-diversi seduti tar-rikorrent quddiem l-OLAF, u li jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tiegħu (sentenza Hecq vs Il-Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, EU:C:1990:98, punt 26; Digriet Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑118/11, EU:F:2014:23, punt 73).

38      It-Tribunal iqis barra minn hekk li n-natura elaborata tal-ilment tar-rikorrent tiżvela l-fatt li fehem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, permezz tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012, li tieħu passi għall-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati. Għaldaqstant, huwa ma jistax isostni li ma fehemx ir-raġunijiet li huma l-bażi tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Barra minn hekk, il-fatt li huwa rċieva r-rapport tal-OLAF biss fl-1 ta’ Frar 2013 ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta l-fatt li r-rikorrent kien fehem, meta sar jaf bin-nota tas-6 ta’ Lulju 2012, ir-raġunijiet li minħabba fihom l-istituzzjoni tiegħu ħadet miżuri għall-irkupru inkwistjoni fil-każ ineżami.

39      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal

40      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni essenzjalment li l-allowances ta’ kuljum ikkontestati kienu dovuti lilu sakemm ma kienx għadu pproċeda għal ċaqliq effettiv u definittiv tal-għamara kollha tiegħu mil-Lussemburgu għall-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-fatt li l-mara tiegħu u uliedhom iċċaqalqu għall-appartament ta’ Brussell, li beda jinkera mix-xahar ta’ Awwissu 1997, u l-fatt li l-edukazzjoni ta’ uliedhom fi Brussell bdiet mis-sena skolastika 1997/1998 ma humiex suffiċjenti sabiex jitlef id-dritt tiegħu għal allowances ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

41      Fil-fatt, peress li mhux l-għamara kollha tiegħu effettivament iċċaqalqet, ir-rikorrent iqis li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax targumenta li huwa għamel talba prematura li l-installazzjoni tiegħu fl-appartament fi Brussell kienet definittiva peress li dan tal-aħħar, għal kuntrarju, kien, sat-2 ta’ Marzu 1998, post ta’ abitazzjoni provviżorju, li ma kienx tant komdu peress li kellu biss għamara bażika bħal saqqijiet, imwejjed u siġġijiet u li, matul il-perijodu kopert mill-allowances ta’ kuljum, kien jerġa’ lura l-Lussemburgu sabiex jieħu ħsieb tal-problemi marbuta mal-kiri tad-dar tiegħu tal-Lussemburgu sabiex ikun jista’ bil-mod il-mod jieħu xi kaxxi tal-kartun bil-karozza lejn il-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-ġurisprudenza żviluppata dwar l-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tidher li tikkundizzjona l-għoti tal-allowances ta’ kuljum għar-rekwiżit li l-benefiċjarju jrid iżomm provviżorjament żewġ residenzi, ir-rikorrent isostni li l-fatt li ma kienx żamm ir-residenza preċedenti tiegħu fil-Lussemburgu ma kienx jostakola l-għoti, fil-każ tiegħu, tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

42      F’dan ir-rigward, it-Tribunal ifakkar li, skont l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal li b’mod partikolari jipprovdi li l-uffiċjal għandu d-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż li huwa ħallas malli jidħol fil-kariga, jiġi ttrasferit jew meta jħalli s-servizz, l-Artikolu 10(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi l-għoti ta’ tali allowance ta’ kuljum lil “uffiċjal [li] jipprovdi evidenza li jrid jibdel il-post tar-residenza tiegħu sabiex ikun jista’ jimxi ma’ l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal”. Dan l-aħħar artikolu jirrikjedi li l-uffiċjal joqgħod fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu jew f’distanza mhux iktar ’il bogħod milli huwa kompatibbli mal-qadi sew ta’ dmirijietu (sentenza Benzler vs Il-Kummissjoni, T‑63/91, EU:T:1992:88, punt 19).

43      Issa, f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent, l-allowance ta’ kuljum hija intiża essenzjalment li tikkumpensa l-ispejjeż u l-inkonvenjenza li tinħoloq minħabba n-neċessità li jsir ċaqliq u installazzjoni provviżorja fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu. Din l-intenzjoni rriżultat b’mod kostanti mill-ġurisprudenza fis-seħħ fil-mument tal-fatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mouzourakis vs Il-Parlament, 280/85, EU:C:1987:66, punt 9; sentenza Benzler vs Il-Kummissjoni, EU:T:1992:88, punt 20; sentenza Baniel-Kubinova et vs Il-Parlament, F‑131/07, EU:F:2008:159, punt 17).

44      Għalhekk, l-għoti tal-allowances ta’ kuljum huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, għal kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun biddlet ir-residenza tagħha sabiex tissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, għal kundizzjoni li l-allowance għandha tkopri spejjeż u inkonvenjenzi li nħolqu minħabba fin-neċessità li jsir iċ-ċaqliq jew l-installazzjoni provviżorja fil-post ta’ assenjazzjoni. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-allowance ta’ kuljum ma tistax, b’mod partikolari, tingħata lil uffiċjal li ma jipproduċix prova li għamel tali spejjeż jew kellu tali inkonvenjenzi (ara s-sentenza Infante Garcia-Consuegra vs Il-Kummissjoni, EU:F:2013:38, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż ukoll li l-għoti tal-allowances ta’ kuljum huwa intiż, b’mod partikolari, li jippermetti lill-benefiċjarji sabiex isibu akkomodazzjoni li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom fil-post ta’ assenjazzjoni u sabiex jirregolaw is-sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza preċedenti tagħhom, pereżempju, billi jikruha jew jissullokawha (digriet Collins vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑132/97, EU:T:1998:193, punt 43).

46      Għalkemm id-dritt għall-allowance ta’ kuljum ċertament jibda japplika minn qabel mal-persuna kkonċernata tkun ċaqalqet ir-residenza tagħha għall-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni (sentenza Baniel-Kubinova et vs Il-Parlament, EU:F:2008:159, punt 24), it-tielet paragrafu tal-Artikolu 10(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal madankollu jipprovdi li, fl-ebda każ din l-allowance ma għandha tingħata wara d-data li fiha l-uffiċjal jiċċaqlaq sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal.

47      Għalhekk, id-data taċ-ċaqliq tikkostitwixxi d-data tal-iskadenza li awtomatikament twaqqaf l-għoti tal-allowance ta’ kuljum. Madankollu, din ir-raġuni ta’ dekadenza tad-dritt għal din l-allowance ma tbiddilx il-fatt li, sabiex tibbenefika mill-imsemmija allowance, il-persuna kkonċernata għandha tissodisfa, minn tal-inqas, iż-żewġ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Fi kliem ieħor, għalkemm il-leġiżlatur qies li, mid-data taċ-ċaqliq, il-persuna kkonċernata ma kellhiex iġġarrab iktar l-ispejjeż jew l-inkonvenjenzi li nħolqu minħabba fin-neċessità li tiċċaqlaq jew li toqgħod provviżorjament fil-post ta’ assenjazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni kundizzjoni mfakkra fl-imsemmi punt 44 tista’ titqies li ma ġietx sodisfatta jew li ma baqgħetx tiġi sodisfatta, anki fl-assenza ta’ ċaqliq effettiv tal-għamara kollha tal-persuna kkonċernata.

48      Fil-każ ineżami, it-Tribunal ikkonstata li r-rikorrent kien kera d-dar tiegħu fil-Lussemburgu mill-1 ta’ Awwissu 1997 u li ma pproduċa l-ebda prova li żamm abitazzjoni oħra fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, huwa ma jiddikjarax li baqa’ jirrisjedi f’dan l-Istat Membru peress li, għal kuntrarju, huwa jindika, b’mod partikolari fir-rikors tiegħu u waqt is-seduta, li kien beda joqgħod fi Brussell mill-1 ta’ Settembru 1997 u li ma kienx żamm r-residenza preċedenti tiegħu. L-unika sfumatura li jżid fil-kwistjoni hija li, minn naħa, “huwa stess” ma kienx joqgħod “definittivament” hemmhekk f’din id-data. Min-naħa l-oħra, huwa ħalla affarijiet personali u għamara fil-garaxx tad-dar tiegħu fil-Lussemburgu li kien qiegħed iċaqlaq bil-mod il-mod fil-vjaġġi tiegħu għal-Lussemburgu sabiex jieħu ħsieb tal-problemi marbuta mal-kiri ta’ din id-dar, bħal pereżempju l-problemi tat-tisħin.

49      Barra minn hekk, fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu, huwa jammetti li bdew joqogħdu fl-appartament fi Brussell mikri mix-xahar ta’ Awwissu 1997 u li uliedu bdew jattendu l-iskola fi Brussell mis-sena skolastika 1997/1998. Matul is-seduta, ir-rikorrent sostna f’dan ir-rigward li huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn il-fatt li jagħżel l-indirizz permanenti jew residenza tiegħu fi Brussell u l-fatt li jittrasferixxi r-residenza tiegħu għall-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni. Fir-realtà, flimkien mal-familja tiegħu, huwa stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Brussell mix-xahar ta’ Awwissu 1997. Madankollu, huwa jsostni li, fl-assenza ta’ ċaqliq effettiv tal-għamara kollha tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li kien għadu ma ttrasferiex ir-residenza tiegħu.

50      F’dan ir-rigward, it-Tribunal ikkunsidra li, fid-dawl tal-ġurisprudenza (sentenza Ineichen vs Il-Kummissjoni, T‑293/01, EU:T:2003:55, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata), dawn l-elementi kollha jindikaw għal kuntrarju li r-rikorrent kien, mill-1 ta’ Settembru 1997, ittrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu għall-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu u kellu l-intenzjoni li jagħmel dan tal-aħħar post stabbli u permanenti.

51      Għalhekk, ir-rikorrent ma żammx ir-residenza preċedenti tiegħu u ma pproduċiex prova ta’ spejjeż oħra marbuta mal-allegata sitwazzjoni temporanja. Konsegwentement, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni applikabbli tagħhom ratione temporis kif interpretat mill-ġurisprudenza, il-ġustifikazzjoni tal-għoti tal-allowances ta’ kuljum lir-rikorrent kienet diġà nieqsa għal din ir-raġuni (ara s-sentenza Lozano Palacios vs Il-Kummissjoni, T‑33/95, EU:T:1996:196, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      L-uniku argument, invokat mir-rikorrent, intiż li juri li t-trasferiment lejn Brussell tal-interessi personali u tal-familja tiegħu ma kinux kompluti sad-data li fiha beda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, jiġifieri l-1 ta’ Settembru 1997, huwa l-fatt li, kif jiddikjara huwa stess, mhux l-għamara kollha tiegħu kienet ġiet ittrasferita għal dan il-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni, b’mod li ma setax jitqies li ttrasferixxa r-residenza tiegħu.

53      Issa, f’dan ir-rigward, ir-rikorrent jammetti li l-appartament fi Brussell, b’ħamest ikmamar tas-sodda, kien mgħammar b’għamara bażika, bħal imwejjed, saqqijiet u sodod. Huwa għaldaqstant kien ittrasferixxa r-residenza tiegħu għall-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu mill-1 ta’ Settembru 1997. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jindikax liema tagħmir ieħor, li allegatament baqa’ fil-Lussemburgu, hu jew il-familja tiegħu kellhom bżonn sabiex jiġi kkunsidrat li kien finalment ser jibda joqgħod fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu.

54      It-Tribunal jikkunsidra li l-uniku element intiż li jindika li parti biss mill-għamara tar-rikorrent ġiet ittrasferita mil-Lussemburgu għall-Brussell hija, definittivament, ċertifikat li jiddikjara li l-għamara u l-effetti personali wasslu f’kundizzjoni tajba flimkien ma’ rċevuta, u t-tnejn li huma kellhom id-data formali tal-15 ta’ Marzu 1998, l-ewwel waħda tindika li ċ-ċaqliq kien sar fit-2 ta’ Marzu 1998 mid-dar tal-Lussemburgu, liema indirizz ġie speċifikat, għall-Brussell, mingħajr indirizz speċifiku.

55      Madankollu, abbażi tal-provi kollha li jissemmew fil-kawża, jidher li, indipendentement mill-punt jekk iċ-ċaqliq ta’ ċerta għamara, li allegatament baqgħet il-Lussemburgu, sarx effettivament fit-2 ta’ Marzu 1998, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonstata li, fl-1 ta’ Settembru 1997, ir-rikorrent kien fi kwalunkwe każ diġà ttrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu b’mod sostenibbli u permanenti lejn il-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu u li għaldaqstant kien mar joqgħod hemmhekk definittivament skont l-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal din ir-raġuni, huwa ma kienx baqa’ jissodisfa t-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal

57      It-tielet motiv, fid-dawl tat-talbiet tar-rikorrent, essenzjalment jikkonsisti minn żewġ partijiet relatati, rispettivament, mal-assenza ta’ intenzjoni deliberata tar-rikorrent li jagħti informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni li twassalha sabiex twettaq żball skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-ksur tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli fl-azzjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

 Fuq l-ewwel parti, rigward l-assenza ta’ intenzjoni deliberata tar-rikorrent li jagħti informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni li twassalha sabiex twettaq żball skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal

58      Ir-rikorrent isostni li, meta ddeċidiet li tipproċedi għall-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati, l-Awtorità tal-Ħatra kisret l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt huwa jsostni li ma kienx deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni li twassalha sabiex twettaq żball u lanqas ma kellu l-intenzjoni li jagħmel dan. Konsegwentement, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tirkupra l-allowances ta’ kuljum ikkontestati biss matul il-perijodu tal-ħames snin ta’ wara li jkunu tħallsu dawn l-allowances. Huwa jenfasizza, b’mod partikolari, li s-sempliċi fatt li ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni bi żball ma huwiex biżżejjed, peress li jrid ikun hemm intenzjoni reali li tqarraq biha, liema intenzjoni kienet nieqsa fil-każ ineżami.

59      Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa tagħha li r-rikorrent deliberatament wassalha sabiex twettaq żball fir-rigward tad-data ta’ meta beda joqgħod fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni. Fil-fatt, meta qasam b’mod artifiċjali t-talba tiegħu għall-allowance tal-installazzjoni f’żewġ talbiet differenti, ir-rikorrent ta l-impressjoni li l-familja tiegħu ma kinitx għadha qed toqgħod fl-appartament fi Brussell sabiex ikun jista’ jirċievi, skont l-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, in-nofs ta’ din l-allowance. Imbagħad, meta talab, wara l-allegat ċaqliq tal-għamara tiegħu mil-Lussemburgu għall-Brussell fit-2 ta’ Marzu 1998, għall-ħlas tat-tieni nofs ta’ din l-allowance, ir-rikorrent indika, billi pprovda bħala sostenn talba għall-permess ta’ residenza għall-membri tal-familja tiegħu, li kien biss minn din id-data li l-familja tiegħu marret toqgħod miegħu fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu, liema dikjarazzjoni kienet kontradetta mir-rikorrent stess. Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li r-rikorrent ipprovda rċevuta postdatata għall-15 ta’ Marzu 1998 sabiex jirregolarizza, apparentement, il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum fuq perijodu massimu ta’ 180 ġurnata previst fl-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

60      Preliminarjament, it-Tribunal jinnota li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien inkluż wara d-data ta’ meta seħħew il-fatti, japplika fil-każ ineżami sa fejn il-proċeduri legali dwar l-irregolaritajiet inkwistjoni saru wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda proċeduri legali dwar irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, is-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punti 29 u 34). Barra minn hekk, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni applikat din id-dispożizzjoni l-ġdida peress li hija aċċettat li tirrinunzja għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ta’ spejjeż mediċi minħabba l-fatt li, għal kuntrarju ta’ dak li teżiġi din id-dispożizzjoni, hija ma setgħetx tistabbilixxi li r-rikorrent kien deliberatament taha informazzjoni ħażina li wasslitha sabiex twettaq żball fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż.

61      It-Tribunal ifakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex somma li ngħatat indebitament tiġi rkuprata, huwa neċessarju li tiġi prodotta prova li l-benefiċjarju kien jaf li ma kien hemm l-ebda raġuni dovuta għall-pagament jew li l-fatt tal-ħlas żejjed kien tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax bih (sentenza Berghmans vs Il-Kummissjoni, 142/78, EU:C:1979:233, punt 9; sentenza Ritto vs Il-Kummissjoni, F‑18/08, EU:F:2008:110, punt 29).

62      F’dan ir-rigward, mill-konstatazzjonijiet preċedenti, skont liema r-rikorrent kien definittivament mar joqgħod fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu fl-1 ta’ Settembru 1997, jirriżulta li, f’tali ċirkustanza, skont l-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kellu l-ebda dritt għall-allowance ta’ kuljum, fatt li huwa ma setax ma jkunx jaf bih, peress li, skont il-ġurisprudenza, kull uffiċjal diliġenti huwa obbligat li jkollu għarfien tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 168; sentenza CR vs Il-Parlament, F‑128/12, EU:F:2014:38, punt 45; ara, barra minn hekk, fir-rigward ta’ allowance tal-espatrijazzjoni, is-sentenza Gouvras vs Il-Kummissjoni, T‑180/02 u T‑113/03, EU:T:2004:238, punt 111).

63      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent intiż li juri li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma tant “manifestament” kumplessi, li l-irregolarità ma tantx kienet evidenti peress li l-amministrazzjoni lanqas indunat biha u li, huwa stess, ma kienx espert fil-liġi li tirregola r-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal jista’ biss jikkonstata li, fid-dawl tal-grupp ta’ funzjoni li huwa jagħmel parti minnu, tal-grad għoli tiegħu, tal-anzjanità għolja tiegħu u tal-esperjenza sostanzjali tiegħu, kemm fi kwistjonijiet ta’ baġit kif ukoll fi kwistjonijiet ta’ bdil fil-post ta’ assenjazzjoni, ir-rikorrent, li huwa informat ħafna dwar dawn il-kwistjonijiet, ma jistax jargumenta b’mod raġonevoli li tali leġiżlazzjoni kienet kumplessa għalih u li ma setax jagħmel il-verifiki neċessarji. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ amministrazzjoni li hija responsabbli għall-ħlas ta’ eluf ta’ salarji u ta’ allowances ta’ kull tip ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ uffiċjal, li għandu interess personali sabiex jivverifika s-salarju li jingħatalu kull xahar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, EU:T:2007:140, punti 144 u 145 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Il-kundizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħtu lok għall-irkupru tal-ammont imħallas indebitament, kienu għaldaqstant sodisfatti fil-każ ineżami.

65      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-irkupru tal-ammont imħallas indebitament, l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, tipprovdi li t-talba għall-irkupru trid bħala prinċipju ssir mhux iktar tard minn ħames snin mid-data meta s-somma tħallset. Għalhekk, fir-rigward tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati mħallsa kull xahar, l-irkupru tagħhom kellu jsir bħala prinċipju mhux iktar tard minn ħames snin wara l-ħlasijiet inkwistjoni. Madankollu jirriżulta mit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, li fejn l-Awtorità tal-Ħatra hija kapaċi tistabbilixxi li r-riċevitur deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni bil-ħsieb li jikseb is-somma kkonċernata, it-talba għall-irkupru ma tkunx invalidata jekk dan il-perjodu jkun skada.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, l-għan imfittex mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest speċifiku tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal tagħhom, jiġifieri persuni li huma marbuta ma’ dawn l-istituzzjonijiet permezz ta’ obbligu ta’ lealtà speċifika, kif inhu speċifikat formalment fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, liema Artikolu jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-uffiċjal iġib ruħu “esklużivament bl-interessi tal-Unjoni quddiem għajnejh” u jwettaq l-obbligi tiegħu “fir-rispett tad-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni” (sentenza CR vs Il-Parlament, EU:F:2014:38, punt 61).

67      Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, iż-żewġ sentenzi tiegħu jiddistingwu bejn żewġ sitwazzjonijiet. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tkopri s-sitwazzjoni fejn uffiċjal ibbenefika indebitament minn ħlas minkejja l-fatt li seta’ kien ipprovda eventwalment evidenza lill-amministrazzjoni tiegħu li tippermetti lil din tal-aħħar sabiex tinduna li ma kien hemm l-ebda raġuni għal tali ħlas. F’sitwazzjoni bħal din fejn l-Awtorità tal-Ħatra kienet biss ingħatat informazzjoni ħażina bi żball, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, meta jiskadu l-ħames snin mid-data meta tħallset is-somma, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax iktar titlob l-irkupru tal-vantaġġ indebitu. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tkopri s-sitwazzjoni fejn l-uffiċjal, sabiex jikseb ammont indebitu, deliberatament jagħti informazzjoni ħażina lill-Awtorità tal-Ħatra li twassalha sabiex twettaq żball, b’mod partikolari jew billi jħalli barra l-informazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu, jew inkella billi jonqos milli jgħarrafha bil-bidliet intervenjenti fis-sitwazzjoni personali tiegħu, jew inkella billi jieħu azzjonijiet sabiex jagħmlu iktar diffiċli għall-Awtorità tal-Ħatra biex tinduna bin-natura indebita tal-ħlas li huwa rċieva inkluż billi jipprovdi informazzjoni żbaljata jew mhux eżatta.

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kinitx tista’ tistabbilixxi li r-rikorrent kien deliberatament ta informazzjoni ħażina li wasslitha sabiex twettaq żball, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, biex jikseb l-allowances ta’ kuljum ikkontestati.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-allowance ta’ kuljum hija benefiċċju li tingħata fuq perijodu ta’ żmien. Konsegwentement, il-persuna kkonċernata għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-għoti tagħha mhux biss fil-waqt tat-talba inizjali, iżda wkoll matul il-perijodu kollu kopert minn tali allowances. Għalhekk, huwa obbligat, b’mod partikolari skont l-obbligu ta’ lealtà, li jinforma lill-amministrazzjoni tiegħu dwar kull tibdil li jista’ jaffettwa d-dritt tiegħu għall-benefiċċju inkwistjoni.

70      Fil-każ ineżami, wara li poġġa għal kiri d-dar tiegħu fil-Lussemburgu u wara li kera l-appartament fi Brussell, ir-rikorrent iddikjara, inizjalment, jiġifieri, fl-1 ta’ Settembru 1997, fl-applikazzjoni ġenerali rigward l-istabbiliment tad-drittijiet tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li l-familja tiegħu kienet għadha ma bdietx toqgħod miegħu fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu minkejja li, sussegwentement, kemm fl-applikazzjoni tiegħu kif ukoll matul is-seduta, huwa kkonferma li uliedu kienu bdew imorru l-iskola fi Brussell mill-bidu tas-sena skolastika 1997/1998 u li, sa dak iż-żmien, huwa kien beda joqgħod, flimkien mal-mara u uliedu, f’dan l-appartament, minkejja l-fatt li kien, fi kliemu, mgħammar biss b’għamara bażika. It-Tribunal barra minn hekk jinnota li, meta huwa mela din l-applikazzjoni, ir-rikorrent beda jindika lill-Brussell bħala l-post ta’ residenza tat-tfal tiegħu, iżda imbagħad biddel fehmtu u reġa’ kiteb fl-istess spazju l-Lussemburgu.

71      Ċertament, sussegwentement huwa ddikjara, fid-9 ta’ Settembru 1997, fl-applikazzjoni dwar l-allowance tal-installazzjoni, liema applikazzjoni kienet użata wkoll mill-amministrazzjoni sabiex tistabbilixxi d-dritt għall-allowances ta’ kuljum, li kien, flimkien mal-familja tiegħu, stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Brussell. Madankollu, it-Tribunal jinnota li, fl-istess applikazzjoni, huwa ddikjara li “kien jaf bil-leġiżlazzjoni msemmija”, jiġifieri bl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll bl-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

72      Issa, l-Artikolu 5(4) jipprovdi li “[fil-każ li] uffiċjal li huwa intitolat għal allowance tal-familja u ma jistabbilixxix ruħu mal-familja tiegħu fil-post fejn huwa impjegat, għandu jirċievi biss nofs l-allowance li kieku kien ikun intitolat għalih”. Għalhekk, meta għamel żewġ applikazzjonijiet separati dwar l-allowance tal-installazzjoni, l-ewwel waħda fid-9 ta’ Settembru 1997 li tatu xahar salarju billi ppreżenta l-kuntratt ta’ kiri tiegħu u t-tieni waħda, f’Marzu 1998, li tatu t-tieni nofs ta’ din l-allowance billi ppreżenta l-applikazzjoni għall-permess ta’ residenza għall-membri tal-familja tiegħu, ir-rikorrent ried jagħti l-impressjoni lill-amministrazzjoni, skont dak li kien qal inizjalment fl-1 ta’ Settembru 1997, li l-familja tiegħu kienet għadha ma toqgħodx miegħu fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu, impressjoni żbaljata, u li din marret toqgħod miegħu biss fit-2 ta’ Marzu 1998, impressjoni żbaljata wkoll. Għalhekk, huwa deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni li wasslitha sabiex ikollha l-impressjoni li kien baqa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikseb l-allowances ta’ kuljum ikkontestati.

73      Peress li r-rikorrent ikkonferma, fl-applikazzjoni tiegħu u matul is-seduta, li l-familja tiegħu kienet qed toqgħod miegħu fi Brussell mill-1 ta’ Settembru 1997, huwa ma kienx kopert mis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, huwa kellu normalment jippreżenta applikazzjoni waħda għall-allowance tal-installazzjoni kollha billi jipprovdi l-kuntratt ta’ kiri u applikazzjoni għall-permess ta’ residenza mix-xahar ta’ Settembru. F’każ bħal dan, l-amministrazzjoni kieku kienet tagħtih din l-allowance f’pagament wieħed, iżda ma kinitx tagħtih l-allowances ta’ kuljum. Għaldaqstant, meta talab u kiseb biss nofs l-allowance tal-installazzjoni skont l-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni li wasslitha sabiex twettaq żball, sabiex jiżgura l-ħlas tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati, dwar id-data meta l-familja tiegħu kienet effettivament marret toqgħod miegħu fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu.

74      Matul is-seduta, ir-rikorrent ċertament indika li kien iddikjara lill-amministrazzjoni tiegħu, jiġifieri fid-9 ta’ Settembru 1997, li l-familja tiegħu kienet marret toqgħod miegħu fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu hekk li ma jistax jiġi akkużat li ħeba dan il-fatt. Madankollu, meta ġie intervistat f’dan ir-rigward, huwa rrisponda li ma kienx ikkontesta l-ħlas mill-Awtorità tal-Ħatra, f’Settembru 1997 ta’ xahar biss salarju skont l-Artikolu 5(4) tal-Anness VII, fatt li jikkonferma li r-rikorrent kien attent, meta qasam l-applikazzjoni tiegħu għall-allowance tal-installazzjoni, li jagħti, lill-amministrazzjoni tiegħu, impressjoni li d-dikjarazzjonijiet tiegħu, li l-familja tiegħu kienet bdiet toqgħod miegħu biss fit-2 ta’ Marzu 1998, jiġifieri l-għada tad-data tal-iskadenza għall-ħlas tal-allowances ta’ kuljum previsti fil-każ tiegħu, kienu vera.

75      Barra minn hekk, kif ġustament innotat il-Kummissjoni, meta ddikjara fis-16 ta’ Marzu 1998, fl-applikazzjoni għar-rimbors tal-ispejjeż relatati maċ-ċaqliq, li huwa kien “ittrasferixxa, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu r-residenza tiegħu tal-Lussemburgu għall-post ta’ assenjazzjoni tiegħu […] fit-2 ta’ Marzu 1998”, ir-rikorrent għal darb’oħra, ta l-impressjoni lill-amministrazzjoni tiegħu li l-familja tiegħu kienet bdiet toqgħod miegħu biss wara din id-data, dikjarazzjoni li ma tikkorrispondix mar-realtà kif spjegata matul is-seduta. Huwa barra minn hekk, “sabiex b’hekk huwa jkun jista’ jitlob f’bona fides l-allowances ta’ kuljum”, ipprovda, kif huwa stess jirrikonoxxi, irċevuta dwar ċaqliq li allegatament sar fit-2 ta’ Marzu 1998 u li l-awtentiċità tagħha hija kkontestata kemm mill-OLAF kif ukoll mill-Kummissjoni.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kemm fil-kuntest taż-żewġ applikazzjonijiet tiegħu dwar l-allowance tal-installazzjoni kif ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu għar-rimbors għall-ispejjeż taċ-ċaqliq, ir-rikorrent deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni tiegħu dwar id-data ta’ meta l-familja tiegħu marret toqgħod miegħu fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu u pproċeda b’tali mod u manjiera li l-amministrazzjoni waslet biex twettaq żball minħabba l-azzjonijiet tar-rikorrent u għalhekk ma setgħetx tinduna hija stess bil-fatt li l-allowances ta’ kuljum ikkontestati kienu ngħataw indebitament.

77      Fir-rigward tal-allegata bona fides tar-rikorrent, li huwa pprova jissostanzja b’mod volontarju billi effettivament ma jiċċaqlaqx qabel id-data tat-2 ta’ Marzu 1998, jiġifieri l-għada tal-perijodu kopert mill-allowances ta’ kuljum ikkontestati, li, fl-opinjoni tiegħu, ried jagħmel talba għalihom “f’bona fides”, għandu jitfakkar li, f’sitwazzjoni bħal din, ir-rikorrent kellu, fi kwalunkwe każ, ikollu dubji dwar ir-raġunijiet għal dawn il-ħlasijiet inkwistjoni. Għalhekk, kien ikollu neċessarjament jikkuntattja lill-amministrazzjoni tiegħu sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tagħmel il-verifiki neċessarji (ara s-sentenza Tsirimiagos vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑100/07, EU:F:2009:21, punt 75).

78      Barra minn hekk, li kieku kellu dubju, seta’ jikkuntattja lill-amministrazzjoni tiegħu u jippreżentalha l-interpretazzjoni awtonoma tiegħu ta’ dan it-test sabiex jiżgura, minkejja l-ġurisprudenza f’sens kuntrarju, il-ħlas tal-allowances essenzjali previsti skont l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, l-azzjonijiet tar-rikorrent juru, għall-kuntrarju, li huwa fehem tajjeb ħafna is-sinjifikat tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għall-allowance tal-installazzjoni u li kien jaf bl-obbligu tiegħu li jispeċifika u jistabbilixxi f’liema data l-familja tiegħu bdiet toqgħod fi Brussell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thommes vs Il-Kummissjoni, T‑195/03, EU:T:2005:344, punt 126).

79      Fl-aħħar nett, għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrent li jgħid li, essenzjalment, l-amministrazzjoni għandha, sabiex tkun tista’ tinvoka t-tieni sentenza, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun tista’ tistabbilixxi, f’terminu ta’ ħames snin minn meta tkun saret l-irregolarità, li hija kienet deliberatament ingħatat informazzjoni ħażina mill-uffiċjal ikkonċernat u li, fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-preskrizzjoni għandha titqies li għaddiet. Fil-fatt, tali argument jinterpreta, b’mod żbaljat, il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u, li kieku jintlaqa’, iċaħħad din id-dispożizzjoni mill-effettività kollha tagħha.

80      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, dwar il-ksur tal-kunċett tat-terminu raġonevoli fl-azzjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament

81      Ir-rikorrent isostni li, meta ħadet passi għall-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati erbatax-il sena wara li ġew imħallsa, il-Kummissjoni naqqset milli twettaq l-obbligu tagħha li taġixxi f’terminu raġonevoli, bi ksur ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Huwa jikkritika lill-OLAF li fetaħ l-investigazzjoni biss fl-2007, jiġifieri għaxar snin wara li seħħew il-fatti allegati.

–       Fuq l-ammissibbiltà

82      Il-Kummissjoni tqis li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Il-Kummissjoni vs Moschonaki (T‑476/11 P, EU:T:2013:557), peress li r-rikorrent ma qajjimx dan l-argument fl-ilment tiegħu, huwa ma għandux il-possibbiltà li jqajjem dan l-argument għall-ewwel darba fl-istadju kontenzjuż.

83      It-Tribunal iqis madankollu li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha qabel kollox tiġi miċħuda. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, f’rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet imressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni setgħu ċertament biss jinkludu kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess kawża bħal dik li huma bbażati fuqha l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment. Madankollu, dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, bil-preżentata ta’ motivi u argumenti li mhux neċessarjament jissemmew fl-ilment, iżda jkollhom rabta mill-qrib miegħu. Barra minn hekk, minn naħa, peress li l-proċedura prekontenzjuża hija informali u li l-persuni kkonċernati f’dan l-istadju ġeneralment ma jinvolvux avukat, l-amministrazzjoni ma tistax tinterpreta l-ilmenti b’mod ristrett, iżda, għal kuntrarju, għandha teżaminhom b’moħħ miftuħ. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux bħala għan li jorbot, b’mod strett u assolut, il-fażi kontenzjuża eventwali, peress li r-rikors kontenzjuż ma jbiddilx la l-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment (sentenza Il-Kummissjoni vs Moschonaki, EU:T:2013:557, punti 73 u 76).

84      Issa, fil-każ ineżami, ir-rikorrent invoka fl-ilment tiegħu l-iskadenza tal-preskrizzjoni, fl-opinjoni tiegħu, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprekludi l-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati u ż-żmien meta seħħet l-allegata irregolarità. Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra seta’ jkollha għarfien suffiċjentement iddettaljat dwar il-kritika li r-rikorrent għamel kontra d-deċiżjoni kkontestata u skont liema din id-deċiżjoni ttieħdet tard wisq u bi ksur tat-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli.

–       Fuq il-mertu

85      Preliminarjament, it-Tribunal jikkonstata li, fid-dawl tal-applikazzjoni fil-każ ineżami tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-terminu ta’ ħames snin previst fl-ewwel frażi ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex applikabbli. Għalhekk, dan il-każ huwa rregolat bl-istess mod bħal dawk il-każijiet, analogi, irregolati skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri li l-ebda terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit minn qabel ma japplika għall-azzjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament li ssir mill-Awtorità tal-Ħatra.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tiffissa t-terminu, il-portata u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, kemm b’mod ġenerali, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-każ partikolari quddiemha. Madankollu, l-assenza ta’ preskrizzjoni stabbilita mil-liġi ma teskludix li l-azzjoni tal-Kummissjoni, f’każ konkret, tista’ tiġi ċċensurata minħabba fil-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, fl-assenza ta’ test li jipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jipprekludi milli l-Kummissjoni ttawwal, b’mod indefinit, l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni, meta tiġi biex teżamina lment ibbażat fuq l-azzjoni tardiva tal-Kummissjoni, ma għandhiex tillimita ruħha għal konstatazzjoni li ma jeżisti ebda terminu ta’ preskrizzjoni, iżda għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni tkunx aġixxiet b’mod eċċessivament tardiv (sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, EU:T:2005:349, punt 88; kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza François vs Il-Kummissjoni, T‑307/01, EU:T:2004:180, punt 46).

88      B’mod ġenerali, meta t-tul ta’ żmien tal-proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura “raġonevoli” tat-terminu meħud mill-istituzzjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Fil-qasam partikolari tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament previst fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, in-natura raġonevoli jew le tat-terminu għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tat-tip ta’ provi dwar l-irregolarità tal-ħlasijiet ikkontestati u tan-natura okkażjonali jew kontinwa tal-ħlasijiet indebiti. Għalhekk, iż-żmien jintervjeni biss bħala element sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-eżerċizzju tad-dritt għall-irkupru, fid-dawl, b’mod partikolari, minn naħa, tal-evidenza dwar l-irregolarità mwettqa mill-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-ammont tas-somom mitluba, l-aġir żbaljat tal-amministrazzjoni, il-bona fides tal-uffiċjal u d-diliġenza normali li huwa mistenni minn tali uffiċjal, fid-dawl tat-taħriġ li kellu, tal-grad tiegħu u tal-esperjenza professjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Acton et vs Il-Kummissjoni, 44/74, 46/74 u 49/74, EU:C:1975:42, punt 29; White vs Il-Kummissjoni, T‑107/92, EU:T:1994:17, punt 47, u Ronsse vs Il-Kummissjoni, T‑205/01, EU:T:2002:269, punt 52).

90      Madankollu, in-natura allegatament tardiva tal-azzjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex tiġi evalwata unikament skont iż-żmien li għadda bejn il-fatti kkontestati u t-teħid ta’ din l-azzjoni. Għal kuntrarju, l-azzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala li kienet eċċessivament tardiva fl-assenza ta’ dewmien jew ta’ negliġenza oħra imputabbli lill-istituzzjoni u, f’dan ir-rigward, għandu jitqies, b’mod partikolari, il-mument meta l-istituzzjoni saret taf bl-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur u n-natura raġonevoli ta’ kemm damu l-proċeduri amministrattivi (sentenzi Ronsse vs Il-Kummissjoni, EU:T:2002:269, punt 53, u Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, EU:T:2005:349, punt 89; kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Nencini vs Il-Parlament, T‑431/10 u T‑560/10, EU:T:2013:290, punti 48 sa 50, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑447/13 P). B’mod partikolari, fir-rigward tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni, l-osservanza tat-terminu raġonevoli hija evalwata fil-każ li u minn meta l-amministrazzjoni ssir taf bil-fatti u bl-aġir li jista’ jwassal għall-ksur tal-obbligi tal-uffiċjali skont ir-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza François vs Il-Kummissjoni, EU:T:2004:180, punt 48).

91      F’sitwazzjoni fejn l-irregolarità mwettqa kienet jew kellha tkun evidenti għall-uffiċjal inkwistjoni, diġà kien ġie deċiż li terminu ta’ madwar seba’ snin bejn il-bidu tal-ħlasijiet u d-data meta l-amministrazzjoni bdiet azzjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ma kienx jidher irraġonevoli (ara s-sentenza Ronsse vs Il-Kummissjoni, EU:T:2002:269, punt 53; ara wkoll, fir-rigward ta’ żball mikxuf seba’ snin wara l-ħlas tal-ammont indebitu, is-sentenza Ritto vs Il-Kummissjoni, EU:F:2008:110).

92      Barra minn hekk, kif ġustament innotat il-Kummissjoni, fil-każ ta’ uffiċjali li kellu aġir unikament negliġenti u ma kellux, għal kuntrarju tal-każ ineżami, intenzjoni deliberata li jagħti informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni, it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea diġà ddeċieda li l-bidu ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ vantaġġi indebitament irċevuti minn uffiċjal iktar minn għaxar snin wara l-ħlasijiet ikkontestati, għalkemm ċertament ittieħdet wara terminu twil, madankollu ma kienx jidher eċċessiv, fid-dawl taċ-ċirkustanza tal-każ, b’tali mod li jkollu impatt fuq l-eżerċizzju stess tad-dritt għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (ara s-sentenza White vs Il-Kummissjoni, EU:T:1994:17, punt 48).

93      It-Tribunal iqis li s-soluzzjoni msemmija fil-punt 48 tas-sentenza White vs Il-Kummissjoni (EU:T:1994:17) hija fil-każ ineżami iktar xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, b’mod partikolari, tal-intenzjoni deliberata tar-rikorrent li jwassal lill-amministrazzjoni biex twettaq żball. Għalhekk, minkejja l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra bdiet il-proċedura għall-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati kważi għaxar snin wara li saru dawn il-ħlasijiet u li setgħet biss tistabbilixxi li dawn il-ħlasijiet kienu irregolari u, għaldaqstant, li tirrikjedi r-rimbors tagħhom, erbatax-il sena wara l-ħlas tagħhom, dawn it-termini, minkejja li twal ħafna, ma kinux eċċessivi b’tali mod li jkollhom impatt fuq l-eżerċizzju stess tad-dritt għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

94      Fil-fatt, fil-każ ineżami, filwaqt li l-allowances ikkontestati ingħatawlu fuq perijodu ta’ 180 ġurnata bejn l-1 ta’ Settembru 1997 u l-1 ta’ Marzu 1998, l-investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-provi ppreżentati mir-rikorrent sabiex jikseb dawn l-allowances kif ukoll vantaġġi finanzjarji oħra nfetħu mill-OLAF wara denunzja li waslet fid-19 ta’ Lulju 2007. Ir-rikorrent kien informat bil-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni fit-13 ta’ Marzu 2008 u, wara li ġie intervistat darbtejn, l-OLAF, fit-30 ta’ Marzu 2012, irrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi għall-irkupru, hekk kif għamlet fis-6 ta’ Lulju 2012.

95      F’dan ir-rigward, it-Tribunal isostni li kien biss grazzi għall-informatur li l-amministrazzjoni, fil-każ ineżami permezz tal-intermedjarju tal-OLAF, saret taf bl-irregolarità inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, hekk kif sar jaf b’din l-informazzjoni, l-OLAF wassalha lill-Awtorità tal-Ħatra u fetaħ proċedura intiża li tippermetti lil din tal-aħħar sabiex tieħu proċeduri kontra din l-irregolarità, u b’hekk tissodisfa r-rekwiżit imfakkar fil-punt 90 ta’ din is-sentenza.

96      Sussegwentement, it-Tribunal jinnota li, sabiex tingħeleb l-apparenza tal-legalità tad-dokumenti u tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrent, l-amministrazzjoni kellha neċessarjament bżonn taż-żmien sabiex tipproċedi bl-investigazzjonijiet rikjesti. Issa, dawn kienu partikolarment kumplessi meta jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru kbir ta’ dokumenti u ta’ akkużi li saret taf bihom l-amministrazzjoni mill-eks mara tar-rikorrent. Kien ukoll neċessarju għall-OLAF li jintervista diversi persuni u li jinterroga bosta mid-dipartimenti tal-PMO involuti fil-ħlasijiet li saru lir-rikorrent, mhux biss fl-1997/1998, iżda wkoll iktar tard.

97      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervent tar-rapport tal-OLAF erba’ snin wara l-ftuħ tal-investigazzjoni ma jidhirx irraġonevoli. Huwa xieraq li jiġi enfasizzat ukoll li, min-naħa, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiġi kkritikata talli stenniet ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-OLAF u li, min-naħa l-oħra, ladarba r-rapport ta’ din l-investigazzjoni ġie ffinalizzat u ngħata lill-Awtorità tal-Ħatra, hija talbet l-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati fit-tliet xhur segwenti.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni parti bbażata fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba

99      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li, meta pproċediet għall-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati, l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi għaliex, peress li kien korrettament ipprovda l-informazzjoni li kienet ġiet mitluba minnu f’dak iż-żmien, huwa seta’ raġonevolment jistenna li l-ħlasijiet li saru bejn l-1997 u 1998 ma jistgħux iktar jittieħdu lura. Għal dawn l-istess raġunijiet, meta aġixxiet b’dan il-mod, b’mod tardiv u inopportun, l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

100    F’dan ir-rigward, it-Tribunal ifakkar li, peress li l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal fih innifsu huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, l-assenza ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu, kif ġie kkonstatat preċedentement, jimplika għalhekk li l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju huwa wkoll miċħud (sentenza F vs Il-Kummissjoni, EU:T:2007:140, punt 167).

101    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tobbliga lill-amministrazzjoni sabiex tirkupra kompletament l-ammonti indebitament imħallsa fis-sitwazzjoni partikolari fejn hija tista’ tistabbilixxi li l-uffiċjal ikkonċernat deliberatament taha informazzjoni ħażina u dan bi ksur tal-obbligu speċifiku ta’ lealtà ta’ dan l-uffiċjal (ara s-sentenza CR vs Il-Parlament, EU:F:2014:38, punt 62).

102    Fir-rigward tal-argumenti invokati mir-rikorrent sabiex jistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dawn huma bejn wieħed u ieħor l-istess bħal dawk li huwa jinvoka insostenn tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u li diġà ġew eżaminati u miċħuda bħala infondati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv.

103    Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent li tgħid li ġie ddiskriminat, minbarra l-fatt li din ma ġiet sostnuta bl-ebda mod, huwa xieraq li jiġi enfasizzat li, anki jekk jiġi hekk stabbilit, il-fatt li l-amministrazzjoni setgħet tat allowances b’mod irregolari lil uffiċjali oħra ma jistax jippermetti lir-rikorrent li jikseb il-benefiċċju tal-allowances skont ir-Regolamenti tal-Persunal meta ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom. Bl-istess mod, fid-dawl tal-intenzjoni tiegħu li jwassal lill-Awtorità tal-Ħatra biex twettaq żball, ir-rikorrent ma jistax jikkritikaha talli naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ premura meta fil-fatt huwa l-uffiċjal stess li naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ lealtà kif issa huwa formalment imfakkar fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.

104    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-talbiet għal kumpens

105    Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens, huwa biżżejjed li jitfakkar li t-talbiet intiżi għall-kumpens għad-dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta dawn, bħal fil-każ ineżami, jippreżentaw rabta stretta mat-talbiet għall-annullament li, huma stess, ġew miċħuda bħala infondati (sentenza A vs Il-Kummissjoni, F‑12/09, EU:F:2011:136, punt 232, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Sa fejn il-motivi għall-annullament kollha ġew miċħuda, huwa xieraq, bl-istess mod, li t-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

108    Minn din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent tilef. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      J.M. López Cejudo għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Rofes i Pujol

Bradley

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2014.

Reġistratur

 

       Il-President

W. Hakenberg

 

       M. I. Rofes i Pujol


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.