Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Settembru 2011 - Al-Aqsa vs Il-Kunsill

(Kawża T-503/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Stichting Al-Aqsa (Heerlen, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: A. van Eik, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 687/2011 sa fejn japplika għar-rikorrent;

taqta' u tiddeċiedi li r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 ma japplikax għar-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament ta' Implimentazzjoni Nru 687/2011 1, sa fejn jikkonċerna r-rikorrent, huwa kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-ġudizzju, minħabba appelli li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Settembru 2010 u mid-deċiżjoni tal-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Barranin tat-18 ta' April 2011 li tikkunsidra li d-deċiżjoni dwar sanzjonijiet fil-qasam tat-terroriżmu (Sanctieregeling Terrorisme) 2007-II tapplika għar-rikorrent.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-pożizzjoni komuni 2.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ebda awtorità kompetenti ma ħadet deċiżjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 1(4) tal-pożizzjoni komuni. La d-deċiżjoni tal-voorzieningenrechter (imħallef għal miżuri provviżorji), tat-3 ta' Ġunju 2003, u lanqas id-deċiżjoni tat-18 ta' April 2011 li permezz tagħha d-deċiżjoni dwar sanzjonijiet fil-qasam tat-terroriżmu 2007-II hija kkunsidrata applikabbli għar-rikorrent, ma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala deċiżjoni ta' awtorità kompetenti.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li, skont ir-rikorrent, xejn ma jindika li huwa kellu l-konoxxenza meħtieġa tal-Artikolu 1(3)(k) tal-pożizzjoni komuni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrent (għadu) jiffaċilita atti ta' terroriżmu, peress li dan ma jirriżulta la mid-deċiżjoni tal-voorzieningenrechter tat-3 ta' Ġunju 2003, u lanqas mid-deċiżjoni tal-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Barranin tat-18 ta' April 2011 li għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni dwar sanzjonijiet fil-qasam tat-terroriżmu 2007-II tapplika għar-rikorrent.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u ta' eċċess ta' setgħa diskrezzjonali. Skont ir-rikorrent il-Kunsill żbalja meta għamel eżami mill-ġdid u ma ssodisfax l-oneru tal-prova li għandu f'każ ta' deċiżjoni ta' inklużjoni mill-ġdid.

Is-seba' motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ir-regolament ta' implementazzjoni jikkostitwixxi indħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà tiegħu.

Id-disa' motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

L-għaxar motiv ibbażat fuq id-dritt għal rimedju effettiv u l-prinċipju ta' drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kunsill ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni speċifika u konkreta fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn għadu neċessarju li jibqa' inkluż fil-lista.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta' Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU L 188, p. 2).

2 - Pożizzjoni komuni tal-Kunsill, tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).