Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2011 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-498/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti bħala risposta għall-istedina sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta' sejħa għal offerti Nru 10369 dwar "l-immodernizzar tas-sit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)" li timplementa l-kuntratt qafas multiplu għall-provvista ta' servizzi f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni Nru 10224, lot 1, u d-deċiżjonijiet relatati tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, b'mod partikolari dik li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lill-offerent rebbieħ, magħżul bħala l-kuntrattur;

tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-ħlas ta' EUR 31.977 lill-kumpannija rikorrenti bħala kumpens għad-danni;

barra minn hekk, tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jħallas l-ammont ta' EUR 20.000 lir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni mġarrba minħabba t-telf ta' opportunita' u minħabba l-ħsara għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha; u

tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-ħlas tal-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju;

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta' osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fuq l-applikazzjoni tal-kriterju tal-għoti bi ksur tal-Artikolu 97 tar-regolament finanzjarju u tal-Artikolu 138 tal-modalitajiet ta' eżekuzzjoni; u

It-tielet motiv ibbażat fuq it-twettiq ta' żball manifest ta' evalwazzjoni, fuq il-preżentazzjoni, mill-kumitat ta' evalwazzjoni, ta' kummenti vagi u infondati, fuq it-tibdil tal-kriterji tal-għoti inklużi fis-sejħa għall-offerti inizjali u fuq in-nuqqas ta' komunikazzjoni lill-offerenti tal-kriterji stabbiliti a posteriori.

____________