Language of document : ECLI:EU:T:2007:35

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Frar 2007(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TDK – Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti TDK – Trade marks nazzjonali verbali jew figurattivi preċedenti TDK – Raġuni relattiva ta’ rifjut – Reputazzjoni – Profitt indebitament magħmul mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T-477/04,

Aktieselskabet      af 21. november 2001, stabbilita fi Brande (id-Danimarka), irrappreżentata minn C. Barret Christiansen, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

TDK Kabushiki Kaisha (TDK Corp.), stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn A. Norris, barrister,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-7 ta’ Ottubru 2004 (Każ R‑364/2003‑1), li tirrigwarda proċedura ta’ oppożizzjoni bejn TDK Kabushiki Kaisha (TDK Corp.) u Aktieselskabet af 21. november 2001,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent-reġistratur

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Diċembru 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ April 2005,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ April 2005,

wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-21 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994 p. 1).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TDK. Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jirriżultaw mill-klassi 25 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Dawn jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “ħwejjeġ, żraben, xedd ir-ras”. Fl-24 ta’ Jannar 2000, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulletin des marques communautaires Nru 8/2000.

3        Fil-25 ta’ April 2000, TDK Kabushiki Kaisha (TDK Corp.) ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

4        L-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark Komunitarja kif ukoll fuq 35 trade marks nazzjonali preċedenti, li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet għal prodotti li jirriżultaw mill-klassi 9 (b’mod partikolari l-“apparat għar-reġistrazzjoni, it-trasmissjoni u r-riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi”).

5        It-trade marks preċedenti in kwistjoni kienu jew it-trade mark verbali TDK, jew it-trade mark verbali u figurattiva riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

6        In sostenn ta’ l-oppożizzjoni, l-intervenjenti invokat l-Artikolu 8(1)(b), u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet imressqa kontra l-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, l-intervenjenti ppreżentat xi annessi, immarkati A sa R.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2003, id-diviżjoni ta’ oppożizzjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu hija tat raġun lill-oppożizzjoni skond l-Artikolu 8(5) ta’ l-istess Regolament u ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

8        Fis-27 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti ressqet appell kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2004 (Kawża R 364-2003-1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad l-appell imressaq mir-rikorrenti, li kkonferma għaldaqstant id-deċiżjoni tad-diviżjoni ta’ oppożizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Argumenti tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

12      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tippreżenta motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

13      Prinċipalment, ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti baqgħet ma pprovatx li t-trade marks preċedenti għandhom karattru distintiv jew reputazzjoni tali li għandhom jibbenefikaw mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

14      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-annessi ppreżentati mill-intervenjenti biex tipprova r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti m’għandhomx valur probatorju. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-istudju tas-suq ippreżentat mill-intervenjenti (anness O), l-imsemmi studju sar immedjatament wara l-kampjonati mondjali ta’ l-atletika ta’ Göteborg ta’ l-1995, jiġifieri bosta snin qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni. Wara dan, huwa possibbli li l-għarfien tat-trade marks preċedenti naqas ħafna fost il-pubbliku. Ir-rikorrenti żżid li l-istudju in kwistjoni, mitlub mill-intervenjenti, m’għandhux jitqies li huwa awtorevoli daqs studju indipendenti. Fis-seduta, ir-rikorrenti rrimarkat li l-anness O ma jindikax il-kampjun ta’ persuni mistoqsijin u l-anqas in-numru ta’ persuni spettaturi fil-kampjonati in kwistjoni, u ma kienx jieħu in kunsiderazzjoni ċerti tipi ta’ tweġibiet. Hija żiedet li l-intervenjenti kienet iddeduċiet konklużjonijiet manifestament żbaljati, għaliex ma jidhrux fih, mill-imsemmi anness O, liema konklużjonijiet kienu jgħidu li r-rata ta’ għarfien tat-trade marks preċedenti fil-popolazzjonijiet Ġermaniżi, Żvediżi u Brittanniċi kienet titla’ sa 85%.

15      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, skond il-prattika stabbilita ta’ l-UASI, huma biss l-effetti ta’ marketing intensiv ħafna li jkun tali li jagħti lit-trade mark karattru distintiv jew reputazzjoni. Għalhekk, l-annessi mressqa mill-intervenjenti, jekk dawn jipprovaw l-użu tat-trade marks preċedenti f’uħud mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni għal kategorija stabbilita ta’ prodotti, ma jissoddisfawx madankollu l-kriterji magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade mark fost il-pubbliku kkonċernat (sentenza ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punti 26 u 27).

16      Barra minn hekk, m’għandhux jintesa’ li l-ispejjeż ta’ marketing ta’ l-intervenjenti, bħal dawk iċċertifikati minn din ta’ l-aħħar, ġew imxerrda fuq parti kbira tat-territorju Komunitarju. Għaldaqstant, jekk l-annessi A sa R jistgħu jipprovaw li t-trade marks preċedenti ġew użati f’parti kbira tat-territorju Komunitarju waqt ċertu perijodu u kienu s-suġġett ta’ espożizzjoni medjatika u ta’ attivitajiet ta’ sponsorizzazzjoni, huma ma jistgħux jikkonfermaw li t-trade marks preċedenti in kwistjoni kisbu karattru distintiv jew reputazzjoni intensa jew li tista’ ddum.

17      Fis-seduta, bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ammettiet li l-annessi A sa R għandhom jiġu eżaminati fl-interezza tagħhom. Għaldaqstant hija sostniet li, anki f’dan il-każ, dawn l-annessi m’humiex tali li jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

18      Ir-rikorrenti ssostni għaldaqstant li, anki jekk jitqies li l-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jeżistu, f’kull każ, il-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 m’humiex soddisfatti.

19      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li l-prova relatata mal-profitt indebitament magħmul mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, jew tal-ħsara magħmula lill-imsemmija trade marks, li kellha tingħata mill-intervenjenti, ma tressqitx.

20      Fil-fatt, jidher, abbażi ta’ l-annessi mogħtija mill-intervenjenti, li firxa kbira ta’ prodotti kkumerċjalizzati mill-intervenjenti huma tali fost pubbliku speċjalizzat, jiġifieri professjonisti fis-settur mediku jew ta’ l-industrija, oqsma li fihom il-prodotti tar-rikorrenti m’humiex suġġetti għal marketing jew għal bejgħ. Minkejja li wħud mill-prodotti kkumerċjalizzati mill-intervenjenti huma tali fost il-konsumaturi finali tal-pubbliku in ġenerali, il-prodotti tar-rikorrenti fir-rigward tagħhom huma kkummerċjalizzati f’tipi oħra ta’ ħwienet.

21      Iċ-ċirkustanza li l-intervenjenti diġà waħħlet fuq xi ħwejjeġ it-trade marks preċedenti in kwistjoni mhijiex tali li tbiddel l-evalwazzjoni msemmija ’il fuq, peress li din l-affissjoni saret biss fuq in-numri ta’ l-atleti jew fuq flokkijiet ta’ trade mark distintiva (Adidas, per eżempju). F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trade marks preċedenti, fil-ħsieb tal-pubbliku ma jippreżentawx konnessjoni mal-ħwejjeġ, iżda jiġu sempliċement assoċjati ma’ kampanji pubbliċitarji jew ta’ sponsorizzazzjoni.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li l-ħruġ lilha tad-dritt esklużiv li tuża t-trade mark TDK biss għall-prodotti “ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras” ma jagħtihiex il-possibbiltà li tikseb profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, u l-anqas li tikseb vantaġġ mill-isforzi magħmula mill-intervenjenti f’dak li jirrigwarda l-marketing.

23      Fir-rigward ta’ l-argument imressaq mill-intervenjenti, li jgħid li l-użu mir-rikorrenti tat-trade mark TDK ikollu impatt negattiv fuqha u li l-konsumaturi jistabbilixxu konnessjoni bejn l-intervenjenti u r-rikorrenti, din ta’ l-aħħar twieġeb li l-intervenjenti tuża biss it-trade marks ikkonċernati f’relazzjoni ma’ prodotti differenti ħafna, fin-natura u l-użu, minn dawk li għalihom saret l-applikazzjoni. Bl-istess mod, il-linji ta’ distribuzzjoni, il-postijiet tal-bejgħ u l-użu jvarjaw ħafna għal dawn il-prodotti mingħajr ma hemm ebda kumplimentarità f’dak li jirrigwarda kompetizzjoni li teżisti bejniethom. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ trasferiment ta’ immaġini, li jkun tali li r-rikorrenti tinsab fl-impossibbiltà li tikseb profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni allegatament akkwiżita mit-trade marks preċedenti.

24      F’dak li jikkonċerna l-argument ta’ l-intervenjenti li tgħid li r-reputazzjoni tagħha tista’ tonqos mid-djufija tat-trade marks preċedenti jew mill-użu tat-trade mark TDK f’relazzjoni ma’ prodotti ta’ kwalità ħażina, mingħajr ma tkun tista’ tagħmel oppożizzjoni, ir-rikorrenti twieġeb li tali argument m’huwiex fondat. Skond hi, il-konsumaturi jistgħu jagħmlu distinzjoni sħiħa bejn it-trade marks in kwistjoni. Mill-bqija, ir-rikorrenti ssostni li hija tbigħ biss prodotti ta’ lussu kbir u li hija tagħmel użu minn reklamar ta’ kwalità għolja li fih jidhru t-top models. B’mod iżjed ġenerali, il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jagħtu l-ebda immaġini negattiva jew dannuża.

25      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkummenta fuq l-annessi A sa R. B’hekk, uħud mill-annessi mressqa mill-intervenjenti ma jikkonfermawx l-użu tas-sinjal TDK bħala trade mark. Barra minn hekk, l-intensità ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti hija iżgħar minn dik allegata mill-intervenjenti. Fis-seduta, ir-rikorrenti b’mod partikolari sostniet li l-annessi ma jelenkawx il-volum ta’ bejgħ ta’ l-intervenjenti f’dak li jikkonċerna l-prodotti in kwistjoni u l-anqas l-ispejjeż marbuta mal-marketing u ma’ l-isponsorizzazzjoni. Issa, din l-informazzjoni hija fundamentali.

 L-argumenti ta’ l-UASI

26      L-UASI jfakkar l-ewwel nett li l-Bord ta’ l-Appell iddikjara li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 huwa applikabbli u kkonkluda, abbażi ta’ l-elementi ta’ prova mressqa mill-intervenjenti, li dan ta’ l-aħħar kien wasal biex jipprova l-elementi li jinsabu fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 53, iktar ’il fuq). Huwa abbażi ta’ dan li l-Bord ta’ l-Appell seta’ jikseb il-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu, kif ikkunsidrat id-diviżjoni ta’ oppożizzjoni, it-trade marks preċedenti ta’ l-intervenjenti setgħu jiġu ammessi għall-benefiċċju tal-protezzjoni estiża mogħtija milll-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u kellhom karattru distintiv ħafna minħabba r-reputazzjoni tagħhom.

27      Huwa jsostni li l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li tirrigwarda r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma fiha l-ebda żball. Fir-rigward ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati mill-intervenjenti, il-Bord ta’ l-Appell, ġustament, jidher li eżamina t-18–il anness flimkien u mhux separatament. Dan l-eżami skrupluż ta’ l-imsemmija annessi jidher li kien inkluda wkoll l-osservazzjonijiet fir-rigward tagħhom mill-partijiet.

28      F’dak li jikkonċerna t-territorju li fuqu r-reputazzjoni għandha tiġi stabbilita, l-UASI jqis li l-intervenjenti pprovat b’suċċess li peress li t-trade marks preċedenti kienu partikolarment magħrufa fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Iżvezja, u fir-Renju Unit, dawn kienu jissoddisfaw ukoll il-kundizzjonijiet ta’ reputazzjoni fuq livell nazzjonali u Komunitarju.

29      Barra minn hekk, l-UASI jaqbel kompletament ma’ l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li jgħid li l-elementi ta’ prova mressqa fil-proċediment ta’ oppożizzjoni juru t-twelid u ż-żamma ta’ reputazzjoni li tirriżulta minn attività ta’ sponsorizzazzjoni rilevanti fuq perijodu twil. Huwa juri wkoll il-qbil tiegħu fuq l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li valur kummerċjali (goodwill) kbir ġie maħluq u miżmum, u jikkostitwixxi l-bażi ta’ tkabbir u ta’ investiment kontinwu.

30      Huwa għaldaqstant evidenti għal UASI li t-trade marks preċedenti jibbenefikaw minn reputazzjoni kbira minħabba l-fatt li huma magħrufa minn parti kbira tal-pubbliku rilevanti fil-Komunità, kif juri b’mod partikolari l-istudju li huwa s-suġġett ta’ l-anness O, anki jekk, fis-seduta, l-UASI madankollu ammetta, bħal ma tat x’tifhem ir-rikorrenti (ara l-punt 27 ’il fuq), li l-anness O ma jissoddisfax il-kriterji ta’ elaborazzjoni abitwalment meħtieġa mill-UASI għall-finijiet tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-istudji tas-suq.

31      L-UASI jqis sussegwentement bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-intervenjenti ma pprovatx li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u li, f’kull każ, peress li l-prodotti kkonċernati kienu differenti ħafna, it-twaħħil mir-rikorrenti tat-trade mark TDK fuq il-ħwejjeġ li hija tikkummerċjalizza ma jiksibx profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mill-investimenti magħmula mill-intervenjenti.

32      Huwa jsostni li l-Bord ta’ l-Appell għamel applikazzjoni eżatta tal-kunċetti ta’ profitt indebitu u ta’ ħsara magħmula lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li l-elementi ta’ prova mressqa mill-intervenjenti juru li r-reputazzjoni li ġiet attribwita lilha kienet ipperċepita minn parti kbira tal-pubbliku, b’mod partikolari fil-kwalità tagħha ta’ produttriċi ta’ ċerti prodotti u ta’ operatriċi li għandha attivitajiet ta’ sponsorizzazzjoni fl-isport u l-produzzjoni ta’ kunċerti ta’ stilel tal-mużika pop.

33      Skond l-UASI, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija għandha l-intenzjoni li tuża t-trade mark b’relazzjoni mal-ħwejjeġ biss (ara l-punt 22 ’il fuq), b’mod li ma jkunx hemm profitt indebitu jew ħsara minħabba l-fatt li l-pubbliku jagħmel distinzjoni bejn it-trade marks u l-prodotti in kwistjoni, m’huwa la rilevanti, u l-anqas fondat.

34      Fil-fatt, meta anki l-intervenjenti stess ma tkun ipprovat l-ebda preżenza fis-settur ta’ l-ilbiesi u l-anqas għarfien tal-pubbliku tat-trade marks preċedenti b’relazzjoni ma’ l-imsemmi settur, ix-xebh tal-prodotti mhijiex kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Il-ħsara magħmula lir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti mhijiex kundizzjoni neċessarja. Huwa biżżejjed li ħsara tiġi kkawżata lill-karattru distintiv, li ma jimplikax neċessarjament degradazzjoni jew reputazzjoni mnaqqsa tat-trade mark.

35      F’dan ir-rigward, skond l-UASI, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li r-rikorrenti ma tipproduċix ħwejjeġ sportivi (jew żraben jew prodotti ta’ xedd ir-ras użati fil-kuntest ta’ attività sportiva) u ma twaħħlilhomx is-sinjal TDK. Għaldaqstant, safejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija identika għal waħda jew l-oħra tat-trade marks preċedenti ta’ l-intervenjenti, kollox jagħti x’jifhem li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-prodotti mibjugħin mir-rikorrenti huma prodotti minn, jew taħt il-liċenzja ta’, l-intervenjenti fil-kuntest ta’ l-attivitajiet multipli tagħha ta’ sponsorizzazzjoni.

36      Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta’ l-aħħar kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri dik relatata mal-kundizzjoni ta’ raġuni valida, l-UASI jsostni li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tar-rikorrenti li turi li hija tixtieq tuża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni b’raġuni valida, huwa jaqbel mal-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell li jgħid li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa mingħajr raġuni valida.

 L-argumenti ta’ l-intervenjenti

37      L-intervenjenti jsostni sostanzjalment l-argumenti ta’ l-UASI.

38      Fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, hija tinsisti fuq ċerti aspetti ta’ l-elementi mogħtija lill-UASI, bħall-fatt li l-fatturat tagħha ġġenerat fl-Ewropa fl-1996 kien ta’ USD 628 miljun. Hija tenfasizza wkoll li l-kassetti ta’ l-awdjo u vidjo kollha mibjugħin fl-Ewropa huma maħduma hemmhekk stess.

39      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, li tikkonċerna s-sehem tas-suq, hija tindika li għandha waħda mill-ikbar ishma tas-suq fl-Ewropa. F’dak li jikkonċerna t-tieni kriterju, relatat ma’ l-intensità, mal-firxa ġeografika u t-tul taż-żmien ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti, l-intervenjenti tesponi, sostanzjalment, li l-intensità ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti hija rrelatata ma’ l-ishma tas-suq elevati li hija għandha, li hija bdiet l-attivitajiet tagħha fl-Ewropa mill-1973, li minn dak iż-żmien hija żviluppathom u li l-prodotti tagħha ġew irreklamati taħt it-trade marks in kwistjoni fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. Hija tenfasizza wkoll li t-trade marks preċedenti in kwistjoni ġew esposti lill-pubbliku mhux biss fl-okkażjoni tal-bejgħ tal-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks, iżda wkoll, b’mod iżjed sinjifikattiv, fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha ta’ sponsorizzazzjoni, f’avvenimenti mużikali u sportivi.

40      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, minbarra dawk relatati mar-reputazzjoni, l-intervenjenti ssostni li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li t-trade marks preċedenti ma jistgħux f’kull każ ibagħtu minn ħsara minħabba l-fatt li t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija intiża biex tiġi mwaħħla fuq ħwejjeġ lussużi, hija nieqsa minn rilevanza u li l-ħsara teżisti indipendentement min-natura lussuża jew le tal-prodotti in kwistjoni. Waqt is-seduta, l-intervenjenti, barra minn hekk, indikat li xejn ma kien jippermetti li jiġi eskluż li r-rikorrenti ma tbigħx flokkijiet li fuqhom ikun imwaħħal is-sinjal TDK fl-istess kuntest ta’ l-avvenimenti sponsorizzati minnha.

41      L-intervenjenti tenfasizza wkoll li n-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni allegat mir-rikorrenti mhuwiex determinanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

42      L-intervenjenti tosserva, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda element f’dak li jikkonċerna l-użu b’raġuni valida tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

43      Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 tippreżupponi l-għaqda ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, it-trade mark preċedenti allegatament ta’ reputazzjoni għandha tkun irreġistrata. It-tieni nett, din ta’ l-aħħar u dik li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu identiċi jew simili. It-tielet nett, hija għandha tgawdi minn reputazzjoni fil-Komunità, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, jew fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti. Ir-raba’ nett, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jwassal sabiex waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti: i) profitt indebitu li jirriżulta mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew ii) ħsara fuq il-karattru distintiv jew fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fl-aħħar nett, dan l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkun sar mingħajr raġuni valida.

44      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija identika għat-trade marks preċedenti jew simili (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dawn ta’ l-aħħar huma rreġistrati.

45      B’hekk, peress li l-Bord ta’ l-Appell ikkonstata li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni rriżulta fi profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, u peress li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 huma alternattivi, huwa ma eżaminax jekk il-kundizzjoni msemmija fl-inċiż ii) tal-punt 43 ’il fuq ġietx soddisfatta. Huwa stabbilit, barra minn hekk, li r-rikorrenti ma invokat l-ebda motiv relatat mar-raġuni valida fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok biex jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk it-trade marks preċedenti jibbenefikawx minn reputazzjoni u, it-tieni nett, jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiksibx profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

 Fuq ir-reputazzjoni

47      Ir-rikorrenti ssostni sostanzjalment li l-Bord ta’ l-Appell għamel żball fl-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ l-annessi ppreżentati mill-intervenjenti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

48      L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma jiddefinix il-kunċett ta’ reputazzjoni. Jirriżulta madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), li l-kontenut sostantiv tagħha huwa essenzjalment l-istess bħal dak ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li tirrigwarda r-reputazzjoni, trade mark nazzjonali preċedenti għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew servizzi koperti minnha.

49      Fl-eżami ta' din il-kundizzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li t-trade mark għandha, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien ta’ l-użu tagħha, kif ukoll l-importanza ta’ l-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tirreklamahom (sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, li la l-kitba u l-anqas il-ħsieb wara l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ma jawtorizzawha teżiġi li t-trade mark preċedenti tkun magħrufa minn perċentwali determinat tal-pubbliku kkonċernat (punt 25) u li din ir-reputazzjoni kellha teżisti f’parti sostanzjali tat-territorju kkonċernat (punt 28). Żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidraw espliċitament [sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2004, El Corte Inglés vs UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, Ġabra p. II‑4297, punt 67] jew impliċitament [sentenza tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI – Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), Ġabra p. II‑1825, point 34] il-kriterji kif inhuma msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

50      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva l-ewwel nett li d-deċiżjoni kkontestata (punt 26) kkunsidrat korrettament il-kriterji stabbiliti mis-sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

51      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat sussegwentement li l-Bord ta’ l-Appell ma għamilx żball fl-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati mill-intervenjenti biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

52      Hija ġustament ħadet in kunsiderazzjoni, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-annessi A sa R kollha kemm huma billi kkunsidrat, iżjed partikolarment, il-konklużjonijiet li għandhom jirriżultaw mill-intensità, mit-tul ta’ żmien u mill-firxa ġeografika ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti in kwistjoni.

53      Il-Bord ta’ l-Appell jindika, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti pprova tul il-proċediment quddiem id-diviżjoni ta’ oppożizzjoni li:

–        “hija [kienet] kummerċjalment preżenti fl-Ewropa sa mill-1973”;

–        “hija [kienet] tipproduċi biċċiet ta’ kassetti awdjo u vidjo fl-Ewropa sa mill-1988”;

–        “hija [kellha] ħwienet fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fl-Awstrija, fl-Iżvezja, fil-Polonja u fir-Renju Unit”;

–        “minbarra trade mark Komunitarja, hija [kellha] reġistrazzjonijiet nazzjonali jew tat-trade mark verbali TDK, jew tat-trade mark verbali figurattiva TDK, jew tat-tnejn, fi tnax-il Stat membru tal-Komunità Ewropea, li l-ewwel wieħed imur lura għall-1969”;

–        “bejn Ottubru 1998 u Settembru 1999, billi użat it-trade marks TDK tagħha, hija [kienet] kisbet sehem mis-suq ta’ 49.5 % fil-Gran Brittanja u ta’ 22.1 % fl-Ewropa għal kassetti ta’ 8 mm għal kamkorders u, fl-istess perijodu, hija kellha sehem mis-suq ta’ 64.1 % fil-Gran Brittanja u ta’ 39.3 % fl-Ewropa għall-kassetti awdjo”;

–        “hija [kienet] sponsorizzat billi użat it-trade marks tagħha, ħames kampjonati jew avvenimenti mużikali bir-Rolling Stones (1990), Paul Mc Cartney (1991), Phil Collins (1994), Tina Turner (1996) u Janet Jackson (1998); il-kampjonati kollha tad-dinja ta’ l-atletika sa mill-1983, f’mument jew ieħor, it-tim nazzjonali Finlandiż ta’ l-atletika u tal-ħoki fuq is-silġ, il-klabb tal-futbol Taljan Milan AC, il-klabb tal-futbol Olandiż Ajax Amsterdam, il-klabb tal-baskitbol Spanjol TDK Manresa, il-klabb tal-baskitbol Żvediż Uppsala Gators u l-klabb tal-futbol Ingliż Crystal Palace”;

–        “it-trade mark [kienet] jew stampata fuq in-numri tal-kompetituri jew direttament fuq il-ħwejjeġ ta’ l-isportivi; dawn il-ħwejjeġ [kienu] ġew ikkummerċjalizzati bit-trade mark TDK u [kienu] komposti essenzjalment minn ħwejjeġ sportivi, inklużi flokkijiet u qliezet qosra tal-futbol, flokkijiet u qliezet qosra tal-baskitbol, tracksuits ta’ l-isport, eċċ.”;

–        “it-trade marks [kienu] preżenti madwar l-istadja, fuq il-kartelluni tar-reklamar, fuq il-blalen eċċ.”.

54      Fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-attivitajiet imsemmija fil-punt preċedenti, kemm dawk kummerċjali kif ukoll dawk ta’ sponsorizzazzjoni, infirxu ma’ l-Ewropa kollha u implikaw investimenti kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda flus, żmien u xogħol. Huwa jirrileva, barra min hekk, li l-avvenimenti sponsorizzati spiss ġew imxandra fuq it-televiżjoni jew irreġistrati, b’mod li l-preżenza tagħhom fost il-pubbliku kienet iżjed frekwenti.

55      Fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell jipproċedi sussegwentement għall-evalwazzjoni ta’ l-elementi mressqa mill-intervenjenti u jikkonkludi favur ir-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. Huwa sostna dan li ġej:

“Fl-opinjoni tal-Bord, l-elementi msemmija hawn taħt jirrappreżentaw ir-riżultati ta’ investiment sinjifikattivi f’xogħol, żmien u flus, li nfirex fuq perijodu kunsiderevoli u mhux normalment twil f’dak li jikkonċerna l-kassetti awdjo u vidjo ta’ l-opponenti u l-promozzjoni tat-trade mark. Il-fatt li studji tas-suq huma kkwotati biċ-ċifri reali tal-bejgħ u ta’ l-informazzjoni fuq ir-reklamar isostni l-argumenti kollha mressqa mill-opponenti f’dak li jikkonċerna r-reputazzjoni u l-fama tat-trade marks tagħha.

Il-materjal imressaq juru t-twaqqif u ż-żamma ta’ reputazzjoni marbuta ma’ l-isponsorizzazzjoni tul perijodu sinjifikattiv u l-ħolqien u l-eżistenza ta’ fama pubblika kunsiderevoli u valur kummerċjali partikolari li jiġġustifika l-implementazzjoni ta’ l-investiment. Jirriżulta b’mod ċar mill-materjal ippreżentat u mill-investimenti li saru mill-opponenti biex tippromwovi t-trade mark tagħha mill-isponsorizzazzjoni li t-trade mark tgawdi minn reputazzjoni rilevanti, li għandha tistrieh fuq il-fatt li hija magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat fil-Komunità. Peress li attivitajiet bħall-atletika, il-baskitbol, il-futbol u l-avvenimenti mużikali jqajmu r-rabta u l-fedeltà tal-"fans", l-ammiraturi l-kbar tal-personalitajiet tal-kant, it-timijiet tal-futbol u ta’ l-isport in kwistjoni, il-Bord huwa konvint li r-relazzjoni bejn it-trade mark ta’ l-opponenti u dawn l-attivitajiet iqajmu fama importanti ħafna u bniet reputazzjoni li tmur lil hinn minn dik sempliċement assoċjata mal-prodotti tat-trade mark. Għaldaqstant, l-opponenti għandha dritt li tagħmel użu għat-trade mark tagħha mill-protezzjoni l-iżjed kbira li hija ogħla skond l-Artikolu 8(5) tar-[Regolament Nru 40/94], kif ikkonkludiet id-diviżjoni ta’ oppożizzjoni. B’hekk it-trade mark, indipendentement mill-eventwali karattru distintiv li hija tippossjedi intrinsikament u s-sinjal TDK, li m’għandha konnessjoni ma’ l-ebda mill-prodotti kontenzjużi, għandha karattru distintiv miżjud minħabba r-reputazzjoni li hija kisbet.”

56      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis skond l-inkartament li l-konstatazzjonijiet tal-punti 29 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu approvati. Fil-fatt, l-intervenjenti, abbażi ta’ l-annessi A sa R meqjusa flimkien, ipprovat in-natura u l-firxa ta’ l-attivitajiet tagħha kummerċjali fl-Ewropa sa mill-1988, f’dak li jikkonċerna kemm il-produzzjoni kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni, l-isponsorizzazzjoni u r-reklamar f’konnessjoni mat-trade marks preċedenti in kwistjoni, inkluż fi Stati membri b’popolazzjoni kbira.

57      Għandu jiġi barra minn hekk ikkunsidrat li l-livelli ta’ bejgħ miksuba mill-prodotti tat-trade marks preċedenti in kwistjoni, bħall-kassetti awdjo jew vidjo, mifruxa ħafna fi ħdan id-djar fl-Ewropa, kif ukoll id-daqs, il-frekwenza u r-regolarità ta’ l-isponsorizzazzjoni ta’ avvenimenti li jiġbdu ħafna spettaturi u li fihom jintużaw l-imsemmija trade marks, jikkonfermaw l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li tgħid li t-trade marks preċedenti in kwistjoni jissoddisfaw il-kriterju tal-ġurisprudenza tar-reputazzjoni, jiġifieri li huma magħrufa minn parti sostanzjali tal-pubbliku.

58      Fir-rigward tan-nuqqas allegat tal-valur ta’ prova ta’ wħud mill-annessi ppreżentati mill-intervenjenti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, iktar ’il fuq, punti 14 u 15), jiġifieri, prinċipalment, ta’ l-anness O, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan il-valur ta’ prova jitqies bħala insuffiċjenti, din is-sitwazzjoni mhijiex tali li tinvalida l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 56 u 57 ħawn fuq. Fil-fatt, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża l-eżami tiegħu tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti in kwistjoni fuq l-annessi kollha ppreżentati mill-intervenjenti. Jirriżulta mill-interpretazzjoni magħquda tagħhom li l-Bord ta’ l-Appell ma għamlet l-ebda żball fl-evalwazzjoni tal-valur ta’ prova ta’ l-imsemmija annessi meqjusa flimkien.

59      Għaldaqstant m’hemmx lok li tiġi invalidata d-deċiżjoni kkontestata fuq l-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti in kwistjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq il-profitt indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

60      Għandu jiġi għaldaqstant eżaminat jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiksibx profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

61      Il-Bord ta’ l-Appell espona f’dan ir-rigward (punti 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata) ir-raġunijiet li għalihom dan il-profitt indebitu jeżisti u tispeċifika l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“37      Skond dan il-Bord, l-elementi mressqa mill-opponenti juru li r-reputazzjoni li hija kisbet hija pperċepita minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku, mhux biss bħala produttur ta’ ċerti prodotti iżda wkoll kif jirriflettu l-attivitajiet tiegħu ta’ sponsorizzazzjoni, li jikkonċernaw l-isport u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mużikali kbar.

38       Ma jistax jiġi miċħud li, fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet ta’ sponsorizzazzjoni, l-opponenti tipproduċi jew tieħu ħsieb il-produzzjoni ta’ ħwejjeġ li jġorru t-trade mark tagħha. Minkejja li l-għan ewlieni tal-prodotti huwa l-promozzjoni tat-trade mark, huwa madankollu veru li l-pubbliku in kwistjoni jintuża biex juri t-trade mark imwaħħla fuq dawn il-prodotti waqt avvenimenti sportivi jew mużikali.

39      L-applikanta tipproponi li tuża t-trade mark fuq ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras mingħajr restrizzjoni. Dan ifisser li dan jinkludi kull tip ta’ ħwejjeġ, inklużi ħwejjeġ sportivi. M’hemmx lok li jitqies li l-applikanta mhijiex se tuża l-ittri TDK fuq flokkijiet, qliezet qosra, track suits jew prodotti simili ta’ l-isport. L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw għal żraben u prodotti ta’ xedd ir-ras użati fl-avvenimenti sportivi. Peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija identika għal waħda mit-trade marks ta’ l-opponenti, il-pubbliku in kwistjoni jispiċċa jqis li l-ħwejjeġ, żraben u prodotti ta’ xedd ir-ras huma prodotti mill-opponenti jew prodotti bil-permess ta’ TDK fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha ta’ sponsorizzazzjoni. Fi kliem ieħor, l-applikanta tiġbed lejn il-prodotti tagħha l-klijenti kollha li attwalment huma assoċjati ma’ l-opponenti bħala sponsor tal-manifestazzjonijiet atletiċi ta’ livell mondjali u ta’ avvenimenti mużikali Ewropej, li fihom l-opponenti investiet ħafna żmien, xogħol u flus, bħal ma tikkonstata d-deċiżjoni kkontestata. Dan jirrigwarda kemm il-parassitiżmu tat-trade marks li għandhom reputazzjoni u tat-tentattiv li jinkiseb vantaġġ kummerċjali mir-reputazzjoni tagħhom. Skond il-Bord, dan huwa ekwivalenti għal kisba indebita ta’ vantaġġ kemm tal-karattru distintiv u tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.”

62      Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell, sostanzjalment, ibbaża l-konklużjoni tiegħu fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Ir-reputazzjoni kif ġiet stabbilita mit-trade marks preċedenti kif ukoll il-karattru distintiv tagħhom testendi ruħha għal attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ reklamar ta’ l-intervenjenti fil-kuntest ta’ sponsorizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi u mużikali. F’dak li jikkonċerna iżjed partikolarment l-avvenimenti sportivi, il-pubbliku huwa mdorri jara t-trade mark TDK fuq il-ħwejjeġ assoċjati ma’ l-imsemmija avvenimenti. Barra minn hekk, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mir-rikorrenti fuq il-ħwejjeġ in ġenerali, u b’mod partikolari fuq dawk normalment użati mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha ta’ sponsorizzazzjoni sportiva, jista’ jwassal lill-pubbliku jissuponi li t-tali ħwejjeġ huma prodotti minn, jew bil-permess ta’, l-intervenjenti. Abbażi ta’ l-elementi ta’ prova li huwa kellu, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li l-użu, mir-rikorrenti, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tista’ tħajjar lill-pubbliku jixtri l-prodotti tar-rikorrenti minħabba l-konnessjoni probabbli li huwa jagħmel bejn it-trade mark TDK u l-valur ikkummerċjalizzat marbut mar-reputazzjoni u mal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti.

63      Ir-rikorrenti, sostanzjalment, tikkontesta l-valur probatorju ta’ l-elementi ta’ l-inkartament li kien il-bażi tal-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell. Hija tenfasizza b’mod partikolari l-fatt li l-prodotti li hija tipproponi biex tbiegħ lill-pubbliku jinbigħu minn rotot ta’ distribuzzjoni differenti ħafna u li t-trade marks preċedenti, billi jidhru fuq in-numri ta’ l-atleti u fuq il-flokkijiet tad-ditta (Adidas, per eżempju), jiġu konnessi biss, fil-ħsieb tal-pubbliku, ma’ l-attivitajiet ta’ sponsorizzazzjoni ta’ l-intervenjenti (ara l-punti 33 u 21 ’il fuq).

64      B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Bord ta’ l-Appell mhuwiex marbut li jipprova l-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv u attwali għal trade mark preċedenti. Huwa għandu sempliċement iressaq il-provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta’ profitt indebitu (sentenza SPA-FINDERS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

65      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva wkoll li l-profitt indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-każ fejn hemm sfruttament jew parassitiżmu manifest ta’ trade mark famuża jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha (sentenza SPA-FINDERS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). F’dan ir-rigward, iżjed ma’ l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jkunu importanti, iżjed faċilment tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ preġudizzju (sentenza General Motors, iċċitata aktar ’il fuq, punt 30, u s-sentenza SPA-FINDERS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

66      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-każ, li l-intervenjenti tat il-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha fis-sens ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u li l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma ġiet espliċitament ikkontestata fuq dan il-punt, li t-trade marks preċedenti kellhom karattru distintiv miżjud minħabba r-reputazzjoni tagħhom. Din il-konklużjoni hija b’dankollu sostnuta mill-penetrazzjoni kbira ħafna tat-trade marks preċedenti fis-swieq tagħhom ta’ riferiment.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Bord ta’ l-Appell setgħet tikkunsidra ġustament, minħabba l-attivitajiet ta’ sponsorizzazzjoni, b’mod partikolari sportiv, ta’ l-intervenjenti, li l-użu, li mhuwiex eskluż, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mir-rikorrenti fuq ħwejjeġ sportivi wassluha biex taħseb li t-tali ħwejjeġ huma prodotti minn, jew taħt il-liċenzja ta’, l-intervenjenti. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi fiha nnifisha element li jippermetti li jiġi konkluż prima facie għal probabbiltà futura mhux ipotetika li r-rikorrenti tikseb profitt indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, reputazzjoni li tirriżulta mill-attivitajiet, mix-xogħol u mill-investimenti magħmula mill-intervenjenti għal iżjed minn 20 sena.

68      Jirriżulta minn kull ma jippreċedi li l-motiv uniku mressaq mir-rikorrenti u, għaldaqstant ir-rikors, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti, Aktieselskabet af 21. november 2001, għandha tbati l-ispejjeż.

García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Frar, 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      J. D. Cooke


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.