Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2024 minn AFG, SA (Zona Franca da Madeira) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-27 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-722/22, AFG vs Il-Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madiera)

(Kawża C-13/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellant: AFG, SA (Zona Franca da Madeira) (rappreżentanti: S. Estima Martins, F. Castro Guedes, M. Ellison, advogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2023, mogħti fil-Kawża T-722/22, AFG, S.A. (Żona Ħielsa ta’ Madeira) vs Il-Kummissjoni Ewropea, li ċaħad ir-rikors tal-appellanti intiż għall-annullament tal-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 1 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Żona Ħielsa ta’ Madeira (ZFM) – Reġim III

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. Żball ta’ liġi relatat mal-adozzjoni tad-digriet appellat abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta adottat id-digriet appellat abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ fejn il-partijiet ma humiex l-istess u fejn anki l-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mill-appellanti insostenn tad-diversi eċċezzjonijiet ta’ illegalità huma wkoll differenti.

2. Żball ta’ liġi relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li l-għajnuna ma hijiex ta’ natura selettiva

L-iskema taż-Żona Ħielsa ta’ Madeira hija ta’ natura ġenerali u tifforma parti mil-loġika u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, u għaldaqstant dan ma tinvolvix vantaġġ selettiv għall-impriżi rreġistrati f’dan ir-reġjun u, konsegwentement, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ natura selettiva.

3. Żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-rekwiżit relatat mal-oriġini tal-profitti magħmula minn attivitajiet li effettivament u materjalment twettqu f’Madeira, previst fid-Deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-espressjoni “attivitajiet li jitwettqu effettivament u materjalment f’Madeira”, sa fejn l-interpretazzjoni tagħha tmur kontra l-loġika u d-dinamika kompetittiva tal-impriżi fi swieq globali u miftuħa, tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-“ċentru tal-interessi prinċipali” u teskludi mit-teħid inkunsiderazzjoni bħala spejjeż addizzjonali sostnuti dawk li għalihom huma esposti l-attivitajiet eżerċitati barra mir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira.

4. Żball ta’ liġi relatat mal-interpretazzjoni tar-rekwiżit relatat mal-ħolqien/maż-żamma tal-impjiegi fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, previst fid-Deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li, għall-finijiet tal-verifika tar-rekwiżit previst fir-Reġim III relatat mal-ħolqien/maż-żamma tal-impjiegi fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, għandhom jintużaw kriterji bħall-metodi Ekwivalenti għal Full-Time u Unità tax-Xogħol Annwali, minflok il-kriterju ta’ “post tax-xogħol” li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

5. Żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

____________

1 ĠU 2022, L 217, p. 49