Language of document : ECLI:EU:C:2018:63

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(1)(a) – Ħaddiema kkollokati – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1)(a) – Ċertifikat E 101 – Valur probatorju – Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti”

Fil-Kawża C‑359/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura kontra

Ömer Altun,

Abubekir Altun,

Sedrettin Maksutogullari,

Yunus Altun,

Absa NV,

M. Sedat BVBA,

Alnur BVBA

fil-preżenza ta’:

Openbaar Ministerie

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ö. Altun, A. Altun, Maksutogullari, Y. Altun kif ukoll għal Absa NV, M. Sedat BVBA u Alnur BVBA, minn H. Van Bavel, D. Demuynck, E. Matthys, N. Alkis, S. Renette, P. Wytinck u E. Baeyens, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck bħala aġenti, assistiti minn P. Paepe, advocaat,

–        għall-Irlanda, minn A. Joyce u G. Hodge, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, SC,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. David, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn E. E. Sebestyén, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn A. Siwek u D. Lutostańska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti. Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra Ömer Altun, Abubekir Altun, Sedrettin Maksutogullari u Yunus Altun, kif ukoll kontra Absa NV, M. Sedat BVBA u Alnur BVBA, dwar il-kollokazzjoni ta’ ħaddiema Bulgari fil-Belġju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1408/71

3        L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71 jaqgħu taħt it-Titolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”.

4        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġjiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għall-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

[…]”

5        L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, kien jipprovdi:

“L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1) a) Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 80(1) tal-istess regolament:

“Ikun hemm marbuta mal-Kummissjoni Kummissjoni Amministrattiva għas-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti (hawn taħt imsejħa ‘Il-Kummissjoni Amministrattiva’) magħmula minn rappreżentant tal-gvern ta’ kull Stat Membru, assistit, fejn meħtieġ, minn kunsillieri esperti.[…]”

7        Skont l-Artikolu 81(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni Amministrattiva kienet responsabbli, b’mod partikolari, li tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

8        L-Artikolu 84a(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perjodu raġjonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni.”

9        Ir-Regolament 1408/71 ġie mħassar u ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

10      L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi li “Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16, […] persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru”.

11      L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi li “[p]ersuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem min iħaddem, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat minn dak li jħaddem fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem minn iħaddem, għandha tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, sakemm ix-xogħol mhux maħsub li jdum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra.”

 Ir-Regolament Nru 574/72

12      It-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament għad-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, kien jistabbilixxi, b’mod partikolari, r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71.

13      B’mod partikolari, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 574/72 dwar il-formalitajiet fil-każ ta’ ppostjar f’post ieħor ta’ persuna impjegata, kien jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu li fil-każijiet imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni nnominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu trid tibqa’ applikabbli għandu joħroġ ċertifikat magħruf bħala “Ċertifikat E 101”, li jgħid li persuna impjegata tibqa’ suġġetta għal dik il-leġiżlazzjoni sa data speċifika.

14      Ir-Regolament Nru 574/72 ġie mħassar u ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1).

15      Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009:

“1.      Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

2.      F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.

3.      Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.

4.      Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”

16      L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li, essenzjalment, issostitwixxa l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, jipprovdi li, “[f]uq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet”. Din l-attestazzjoni hija stabbilita b’ċertifikat magħruf bħala “Ċertifikat A1.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Is-Sociale Inspectie (spezzjoni soċjali, il-Belġju) wettqet investigazzjoni fuq l-impjieg tal-persunal ta’ Absa, impriża tad-dritt Belġjan attiva fis-settur tal-kostruzzjoni fil-Belġju.

18      Din l-investigazzjoni ppermettiet li jiġi stabbilit li mill-2008, Absa ma kienet prattikament timpjega l-ebda persunal u kienet tafda l-intier tax-xogħlijiet tagħha lil impriżi Bulgari bħala subkuntratturi, billi jikkollokaw ħaddiema fil-Belġju. Ġie wkoll irrilevat li l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema kkollokati ma kienx iddikjarat mal-istituzzjoni Belġjana inkarigata mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, peress li dawn kienu jgawdu minn ċertifikati E 101 jew A1 maħruġa mill-istituzzjoni nnominata mill-awtorità Bulgara kompetenti fi-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72.

19      Investigazzjoni ġudizzjarja mwettqa fil-Bulgarija fil-kuntest ta’ kummissjoni rogatorja ordnata minn imħallef inkwirenti Belġjan stabbilixxiet li dawn l-impriżi Bulgari ma kienu jeżerċitaw ebda attività sinjifikanti fil-Bulgarija.

20      Abbażi tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni, l-ispezzjoni soċjali Belġjana, fit-12 ta’ Novembru 2012, indirizzat lill-istituzzjoni nnominata mill-awtorità kompetenti Bulgara talba motivata ta’ eżami mill-ġdid jew ta’ irtirar taċ-Ċertifikati E 101 jew A1 maħruġa lill-ħaddiema kkollokati fil-kawża prinċipali.

21      Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan jirriżulta li, fid-9 ta’ April 2013, wara ittra ta’ tfakkira indirizzata mill-ispezzjoni soċjali Belġjana, l-istituzzjoni Bulgara kompetenti wieġbet għal din it-talba billi kkomunikat sommarju taċ-Ċertifikati E 101 jew A1 maħruġa, filwaqt li indikat il-perijodu ta’ validità tagħhom, u ppreċiżat li l-kundizzjonijiet ta’ kollokazzjoni kienu, fil-mument tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, amministrattivament sodisfatti mill-impriżi Bulgari differenti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din it-tweġiba ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti kkonstatati u stabbiliti mill-awtoritajiet Belġjani.

22      L-awtoritajiet Belġjani ressqu proċeduri ġudizzjarji kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħhom ta’ persuna li timpjega, impjegat jew aġent, l-ewwel nett, talli għamlu jew ħallew jaħdmu ċittadini barranin mhux ammessi jew awtorizzati li jirrisjedu fit-territorju Belġjan għal iktar minn tliet xhur jew li jistabbilixxu ruħhom mingħajr permess ta’ xogħol, it-tieni nett, talli astjenew, mad-dħul fis-servizz ta’ dawn il-ħaddiema, milli jippreżentaw mal-istituzzjoni inkarigata mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali d-dikjarazzjoni meħtieġa mill-liġi u, it-tielet nett, talli astjenew milli jirreġistraw lill-imsemmija ħaddiema mar-Rijksdienst voor Sociale Zekerheid (l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, il-Belġju).

23      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-correctionele rechtbank Limburg, afdeling Hasselt (il-Qorti Kriminali ta’ Limbourg, sezzjoni ta’ Hasselt, il-Belġju) illiberat lill-konvenuti mill-akkużi miġjuba kontrihom mill-Openbaar Ministerie (il-Ministeru Pubbliku, il-Belġju) għar-raġuni li “l-impjieg tal-ħaddiema Bulgari kien kompletament kopert bil-formoli E 101/A1, f’dak iż-żmien maħruġa regolarment u legalment”.

24      L-Uffiċċju tal-Prosekutur ippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni.

25      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, il-Belġju) sabet lill-konvenuti fil-kawża prinċipali ħatja. Għalkemm din il-qorti kkonstatat li Ċertifikat E 101 jew A1 effettivament inħareġ għal kull wieħed mill-ħaddiema kkollokati inkwistjoni u li l-awtoritajiet Belġjani ma kinux wettqu l-proċedura prevista fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-validità taċ-ċertifikati, hija madankollu kkunsidrat li hija ma kinitx marbuta b’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-imsemmija ċertifikati kienu nkisbu b’ mod frawdolenti.

26      Fl-10 ta’ Settembru 2015, il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza.

27      Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Qorti minbarra dik tal-Istat Membru li jakkredita jew li jibgħat tista’ tannulla jew ma tiħux inkunsiderazzjoni Ċertifikat E 101 maħruġ skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72 […], fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel ma tħassar bl-Artikolu 96(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 […], jekk il-fatti ppreżentati għall-evalwazzjoni tagħha jippermettu li jiġi kkonstatat li l-imsemmi ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta ħaddiem impjegat minn impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru jiġi kkollokat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, qorti ta’ dan tal-aħħar Stat Membru tistax tinjora Ċertifikat E 101 maħruġ skont din it-tieni dispożizzjoni, fil-każ fejn il-fatti sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha jippermettulha li tikkonstata li l-imsemmi ċertifikat ġie miksub jew invokat b’mod frawdolenti.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi evitat li jkunu applikabbli diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għal dan il-għan, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li ħaddiem impjegat huwa suġġett, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għall-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jaħdem fih (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Dan il-prinċipju huwa madankollu fformulat “suġġett għall-Artikoli 14 sa 17” tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, l-applikazzjoni pura u sempliċi tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament tissogra mhux li tevita, iżda, b’mod kuntrarju, li toħloq, kemm għall-ħaddiem kif ukoll fuq il-persuna li timpjega u għall-organi ta’ sigurtà soċjali, kumplikazzjonijiet amministrattivi li l-effett tagħhom jista’ jkun li jostakolaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni koperti mill-imsemmi regolament (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Regoli speċifiċi għal tali sitwazzjoni huma previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71.

32      L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, b’mod partikolari, għandu l-għan li jippromwovi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-benefiċċju tal-impriżi li jagħmlu użu minnu billi jibagħtu lil ħaddiema fi Stati Membri oħra għajr dak li jkunu stabbiliti fih. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tegħleb l-ostakoli li jistgħu jostakolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema u sabiex tiffavorixxi l-interpenetrazzjoni ekonomika billi tevita kumplikazzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari għall-ħaddiema u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Sabiex jiġi evitat li impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru tkun obbligata li taffilja l-ħaddiema tagħha, suġġetti normalment għall-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor fejn jintbagħtu sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ perijodu limitat ta’ żmien, l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jippermetti lill-impriża li żżomm l-affiljazzjoni tal-ħaddiema tagħha mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija madankollu suġġetta għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni, li tirrigwarda r-rabta neċessarja bejn l-impriża li tipproċedi bil-kollokazzjoni tal-ħaddiem fi Stat Membru differenti minn dak fejn hija stabbilita u l-ħaddiem ikkollokat, teżiġi ż-żamma ta’ rabta organika bejn din l-impriża u dan il-ħaddiem matul il-perijodu tal-kollokazzjoni ta’ dan tal-aħħar. It-tieni kundizzjoni, li tirrigwarda r-relazzjoni eżistenti bejn l-imsemmija impriża u l-Istat Membru li fih din hija stabbilita, teżiġi li din tal-aħħar teżerċita b’mod regolari attivitajiet sinjifikattivi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punti 21 sa 24, 30, 33 u 40 sa 45).

35      F’dan il-kuntest, iċ-ċertifikat E 101 għandu l-għan, bħad-dritt sostantiv previst fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fl-imsemmi ċertifikat, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża li timpjega lill-ħaddiema kkonċernati tiddikjara li l-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha tibqa’ applikabbli għal dawn tal-aħħar. B’dan il-mod, minħabba l-prinċipju li jgħid li l-ħaddiema għandhom ikunu assigurati ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, dan iċ-ċertifikat neċessarjament jimplika li l-iskema tal-pajjiż l-ieħor ma tistax tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 21, u tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 38).

37      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat id-dmir li tagħmel evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sigurtà soċjali u, b’hekk, li tiggarantixxi l-eżattezza tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq iċ-ċertifikat E 101 (sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għal dak li jikkonċerna l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih twettaq ix-xogħol, jirriżulta wkoll mill-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE li dawn l-obbligi ma jkunux ġew osservati – u l-għanijiet tal-Artikoli 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 ikunu ġew esklużi – jekk l-istituzzjoni tal-imsemmi Stat Membru kellha tikkunsidra li hija ma hijiex marbuta bl-indikazzjonijiet taċ-Ċertifikat E 101 u tissuġġetta lil dawn il-ħaddiema għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 39 kif ukoll tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 40).

39      Konsegwentement, iċ-ċertifikat E 101, sa fejn joħloq preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih hi stabbilita l-impriża li timpjegah, jorbot, fil-prinċipju, lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih dan il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jimplika wkoll dak tal-fiduċja reċiproka.

41      Għaldaqstant, sakemm iċ-ċertifikat E 101 ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih iwettaq ix-xogħol il-ħaddiem għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan tal-aħħar huwa diġà suġġett għall-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li timpjegah u din l-istituzzjoni ma tistax, konsegwentement, tissuġġetta lill-ħaddiem inkwistjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha stess (sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, għandu jitfakkar li mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-istituzzjonijiet kollha ta’ Stat Membru għandhom jipproċedu b’eżami diliġenti tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Minn dan il-prinċipju jirriżulta wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra għandhom id-dritt li jistennew li l-istituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 37).

43      Konsegwentement, hija l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat E 101 li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza ta’ dan il-ħruġ u, jekk ikun il-każ, tirtira ċ-ċertifikat meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol ikollha xi dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi ċertifikat u, għalhekk, tal-indikazzjonijiet li jidhru fuqu, b’mod partikolari għar-raġuni li dawn ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Skont l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-każ li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jiftiehmux b’mod partikolari, fuq l-evalwazzjoni tal-fatti partikolari għal sitwazzjoni speċifika u, konsegwentement, fuq il-kwistjoni jekk din taqax taħt l-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmi regolament, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Kummissjoni Amministrattiva msemmija fl-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Jekk din ta’ l-aħħar ma tasalx biex tirrikonċilja l-perspettivi tal-istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ, huwa għall-inqas mixtieq li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem ikkonċernat wettaq ix-xogħol, u dan, bla ħsara għar-rimedji possibbli ta’ natura ġuridika li jeżistu fl-Istat Membru li għalih tappartjeni l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat, jiftaħ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 259 TFUE, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina, meta jsir tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-imsemmija ħaddiema u, għalhekk, l-eżattezza tal-indikazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat E 101 (sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, fil-każ ta’ żball, anki manifest, tal-evalwazzjoni fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, u anki jekk jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiema kkonċernati manifestament ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-dispożizzjoni li abbażi tagħha inħareġ iċ-Ċertifikat E 101, il-proċedura li għandha tiġi segwita għar-riżoluzzjoni tat-tilwim possibbli bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew l-eżattezza ta’ ċertifikat E 101 għandha tiġi osservata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 52 u 53).

47      Ir-Regolament Nru 987/2009, attwalment fis-seħħ, ikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi stabbilixxa n-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-istituzzjoni tal-ħruġ għall-evalwazzjoni tal-validità tal-imsemmi ċertifikat, u billi rrepeta espliċitament l-imsemmija proċedura bħala mezz għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kemm dwar l-eżattezza tad-dokumenti stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru kif ukoll fuq id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiem ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 59).

48      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali kunsiderazzjonijiet ma għandhomx madankollu jwasslu biex l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw id-dritt tal-Unjoni għal finijiet frawdolenti jew abbużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 1996, Paletta, C‑206/94, EU:C:1996:182, punt 24; tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 35, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 37).

49      Il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż tad-dritt, espress minn din il-ġurisprudenza, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużivament mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et, C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 27).

50      B’mod partikolari, il-konstatazzjoni ta’ frodi hija bbażata fuq ġabra konkordanti ta’ evidenza li tistabbilixxi l-unjoni ta’ element oġġettiv u element suġġettiv.

51      Għaldaqstant, minn naħa, l-element oġġettiv jikkonsisti fil-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-kisba u tal-invokazzjoni ta’ Ċertifikat E 101, previsti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 u mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, ma humiex sodisfatti.

52      Min-naħa l-oħra, l-element suġġettiv jikkorrispondi għall-intenzjoni tal-persuni kkonċernati li jevitaw jew jevadu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat, fid-dawl tal-kisba tal-vantaġġ marbut miegħu.

53      Il-kisba frawdolenti ta’ Ċertifikat E 101 tista’ b’hekk tirriżulta minn azzjoni volontarja, bħal ma hija l-preżentazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni reali ta’ ħaddiem ikkollokat jew tal-impriża li kkollokat lil dan il-ħaddiem, jew ta’ ommissjoni volontarja, bħal ma hija d-dissimulazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti bl-intenzjoni li tevadi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

54      F’dan ix-xenarju, meta, fil-kuntest ta’ djalogu previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tadixxi lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-Ċertifikati E 101 b’elementi konkreti li jagħtu x’wieħed jaħseb li dawn iċ-ċertifikati nkisbu b’mod frawdolenti, hija t-tieni istituzzjoni, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, li għandha teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati u, jekk ikun il-każ, li tirtirahom, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

55      Jekk din l-aħħar istituzzjoni tastjeni milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli, l-imsemmija provi għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bil-għan li tinkiseb mill-qorti tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema li tinjora ċ-ċertifikati inkwistjoni.

56      Il-persuni li huma akkużati, fil-kuntest ta’ tali proċedura, li użaw ħaddiema kkollokati bl-iskuża ta’ ċertifikati miksuba b’mod frawdolenti għandhom madankollu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-provi li fuqhom hija bbażata din il-proċedura, bl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, qabel ma l-qorti nazzjonali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li teskludi dawn iċ-ċertifikati u tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà tal-imsemmija persuni skont id-dritt nazzjonali applikabbli.

57      F’dan il-każ, mill-provi prodotti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-investigazzjoni mibdija mill-ispettorat tas-sigurtà soċjali Bulgaru ppermetta li jiġi stabbilit li l-impriżi Bulgari li pproċedew bil-kollokazzjoni tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienu jeżerċitaw ebda attività sinjifikanti fil-Bulgarija.

58      Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll li ċ-ċertifikati inkwistjoni fil-kawża prinċipali nkisbu b’mod frawdolenti, permezz ta’ preżentazzjoni ta’ fatti li ma jikkorrispondux mar-realtà, u dan bil-għan li jiġu evażi l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tissuġġetta l-kollokazzjoni tal-ħaddiema.

59      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-fatti kkonstatati fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, jirriżulta li l-istituzzjoni Bulgara kompetenti, adita b’talba għall-eżami mill-ġdid u tal-irtirar taċ-ċertifikati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, astjeniet milli teħodhom inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati.

60      F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tista’ teskludi ċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati u għandha tiddetermina jekk il-persuni ssuspettati li użaw ħaddiema kkollokati koperti minn ċertifikati miksuba b’mod frawdolenti jistgħux jinżammu responsabbli abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tkun adixxiet lill-istituzzjoni li tkun ħarġet Ċertifikati E 101 b’talba għall-eżami mill-ġdid u l-irtirar ta’ dawn fid-dawl tal-provi miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni ġudizzjarja li waslet għall-konstatazzjoni li dawn iċ-ċertifikati kienu nkisbu jew invokati b’mod frawdolenti, u li l-istituzzjoni li ħarġithom astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, il-qorti nazzjonali tista’, fil-kuntest ta’ proċedura mwettqa kontra persuni ssuspettati li użaw ħaddiema kkollokati bl-koperti minn tali ċertifikati, teskludi lil dawn tal-aħħar jekk, abbażi tal-imsemmija provi u fl-osservanza tal-garanziji inerenti għad-dritt għal smigħ xieraq li għandhom jingħataw lil dawn il-persuni, hija tikkonstata l-eżistenza ta’ tali frodi.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 u l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tkun adixxiet lill-istituzzjoni li tkun ħarġet Ċertifikati E 101 b’talba għall-eżami mill-ġdid u l-irtirar ta’ dawn fid-dawl tal-provi miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni ġudizzjarja li waslet għall-konstatazzjoni li dawn iċ-ċertifikati kienu nkisbu jew invokati b’mod frawdolenti, u li l-istituzzjoni li ħarġithom astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, il-qorti nazzjonali tista’, fil-kuntest ta’ proċedura mwettqa kontra persuni ssuspettati li użaw ħaddiema kkollokati koperti minn tali ċertifikati, teskludi lil dawn tal-aħħar jekk, abbażi tal-imsemmija provi u fl-osservanza tal-garanziji inerenti għad-dritt għal smigħ xieraq li għandhom jingħataw lil dawn il-persuni, hija tikkonstata l-eżistenza ta’ tali frodi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.