Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2015 – Air France-KLM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-62/11) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Ftehimiet u prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (stabbiliment ta’ sovrataxxi marbuta mal-karburant u ta’ sovrataxxi marbuta mas-sigurtà, rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Artikolu 101 TFUE, Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Obbligu ta’ motivazzjoni”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Air France-KLM (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Wachsmann u S. Thibault-Liger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment C. Giolito, S. Noë u N. von Lingen, aġenti, assistiti minn B. Lebrun, avukat, sussegwentement C. Giolito u A. Dawes, aġenti)

Intervenjent insostenn tal-konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Florindo Gijón, M. Simm u M. Balta, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, l-annullament tal-Artikolu 5(b) u (d) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dan jimponi multa fuq din tal-aħħar, jew it-tnaqqis tagħha.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), hija annullata sa fejn din tirrigwarda lil Air France-KLM.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn Air France KLM.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

____________

1 ĠU C 95, 26.3.2011.