Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-18 ta’ April 2023 – Tecno*37 vs Ministero dello Sviluppo Economico, Camera di Commercio Industria Artigianato e Agricoltura di Bologna

(Kawża C-242/23, Tecno*37)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: Tecno*37

Appellati: Ministero dello Sviluppo Economico, Camera di Commercio Industria Artigianato e Agricoltura di Bologna

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(3) tal-legge 39/1989 (il-Liġi 39/1989), kif ifformulat mill-ġdid wara l-Proċedura ta’ ksur Nru 2018/2175, għandu jitqies li huwa, illum il-ġurnata, kompletament konformi mad-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija proċedura ta’ ksur ingħalqet?

Il-prinċipji u l-għanijiet tal-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali 1 (kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) 2 ), kif ukoll dawk tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 3 u b’mod iktar ġenerali dawk tal-Artikolu 49 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik Taljana prevista fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi 39/1989 li tipprevedi, bħala prevenzjoni u b’mod ġenerali, li l-attività ta’ aġent immobiljari ma hijiex kompatibbli mal-attività ta’ amministrazzjoni ta’ komunjoni ta’ proprjetajiet immobbli għas-sempliċi raġuni li ż-żewġ attivitajiet huma eżerċitati b’mod konġunt u, għalhekk, mingħajr in-neċessità li l-Kmamar tal-Kummerċ iwettqu xi verifika a posteriori li tirrigwarda konkretament is-suġġett tal-intermedjazzjonijiet imwettqa u mingħajr ġustifikazzjoni ta’ din l-inkompatibbiltà permezz ta’ “raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali” identifikata b’mod speċifiku u ipprovata jew, f’kull każ, mingħajr ma jintwera li l-imsemmija inkompatibbiltà ġenerali hija proporzjonali meta mqabbla mal-għan imfittex?

L-aġent immobiljari jista’, f’kull każ, jeżerċita wkoll l-attività ta’ amministrazzjoni ta’ komunjoni ta’ proprjetajiet immobbli minbarra fil-każ li huwa jkun qiegħed[, fil-kwalità tiegħu ta’ aġent,] jipprova jixtri/ibiegħ il-proprjetà immobbli li huwa qiegħed jamministra, peress li f’dan il-każ ikun hemm kunflitt ta’ interessi?

____________

1     ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115.

1     ĠU 2013, L 354, p. 132.

1     ĠU 2006, L 376, p. 36).