Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Gent (il-Belġju) fit-18 ta’ April 2023 – L-Istat Belġjan u Federale Overheidsdienst Financiën vs L BV

(Kawża C-243/23, Drebers 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Gent

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: l-Istat Belġjan u Federale Overheidsdienst Financiën

Konvenut: L BV

Domandi preliminari

L-Artikoli 187 u 189 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (jiġifieri l-Artikoli 48(2) u 49 tal-Kodiċi tal-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 tad-Digriet Irjali Nru 3 tal-10 ta’ Diċembru 1969 dwar it-tnaqqis għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud), li tgħid li l-perijodu ta’ aġġustament estiż (ta’ 15-il sena) fil-każ ta’ rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti jiġi applikat biss jekk, wara t-twettiq tax-xogħlijiet, ikun hemm, abbażi tal-kriterji taħt id-dritt nazzjonali, “bini ġdid” fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-perijodu ta’ utilità ekonomika ta’ bini rrinnovat b’mod sostanzjali (li, abbażi tal-kriterji amministrattivi taħt id-dritt nazzjonali, ma huwiex ikklassifikat bħala “bini ġdid” fis-sens tal-Artikolu 12 imsemmi hawn fuq) huwa identiku għall-perijodu ta’ utilità ekonomika ta’ bini ġdid, li huwa sostanzjalment itwal mill-perijodu ta’ ħames snin li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 187 imsemmi hawn fuq, u dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li x-xogħlijiet imwettqa huma deprezzati fuq perijodu ta’ 33 sena, jiġifieri l-perijodu li matulu jiġi deprezzat bini ġdid?

L-Artikolu 187 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu effett dirett, b’tali mod li persuna taxxabbli li tkun wettqet xogħlijiet fuq bini, mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet iwasslu, abbażi tal-kriterji taħt id-dritt nazzjonali, sabiex il-bini rrinnovat jiġi kklassifikat bħala “bini ġdid” fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, iżda fejn dawn ix-xogħlijiet ikollhom perijodu ta’ utilità ekonomika li jkun identiku għal dak ta’ tali bini ġdid, li jibbenefikaw minn perijodu ta’ aġġustament ta’ 15-il sena, tista’ tinvoka l-applikazzjoni tal-perijodu ta’ aġġustament ta’ 15-il sena?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura..

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.