Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2022 minn Nemea Bank plc mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2021fil-Kawża T-321/17, Niemelä et vs ECB

(Kawża C-181/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Nemea Bank plc (rappreżentant: A. Meriläinen, asianajaja)

Partijiet oħra fil-proċedura: Heikki Niemelä, Mika Lehto, Nemea plc, Nevestor SA, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża kif xieraq, iżda lil awla differenti b’kompożizzjoni ta’ mħallfin kompletament differenti, minħabba l-preġudizzju u n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti mill-awla li ħarġet l-imsemmi digriet, u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi assumiet b’mod żbaljat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T-321/17, naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-allegat effett ex tunc tad-deċiżjoni tal-BĊE tat-30 ta’ Ġunju 2017 kiser l-Artikolu 263 TFUE u assumiet b’mod żbaljat li l-appellanti ma għandha l-ebda interess fl-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tat-23 ta’ Marzu 2017.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tad-diversi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ksur tad-drittijiet tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-proċedura u n-nuqqas kontinwu ta’ rappreżentazzjoni effettiva tal-appellanti matul il-proċedura.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ksur tad-drittijiet tal-appellanti skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi ddeċidiet li t-talba għad-danni hija inammissibbli.

Il-ħames aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-appellanti previsti fl-Artikolu 340 TFUE meta ddeċidiet li t-talba għad-danni hija inammissibbli.

____________