Language of document : ECLI:EU:C:2021:565

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2021 (1)

Kawża C422/20

RK

vs

CR

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Rikonoxximent – Suċċessjoni u Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Ġurisdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi – Rifjut tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti li tkun ġiet adita preċedentement”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 (2), intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali” jipprevedi li “[…] [i]l-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”. Il-kriterju stabbilit f’din id-dispożizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni jikkorrispondi għal dak stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regola ġenerali”, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.        Il-koerenza ta’ dawn il-kriterji tippermetti li tiġi żgurata b’mod ġenerali l-osservanza tal-prinċipju tal-konkordanza tal-liġi applikabbli u tal-forum (3) li tirreferi għalih il-premessa 27 tar-Regolament Nru 650/2012. Din il-premessa tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, tapplika d-dritt nazzjonali.

3.        L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jippermetti li tintgħażel il-liġi tal-Istat li tiegħu persuna għandha n-nazzjonalità fil-mument meta tagħmel l-għażla tagħha jew fil-mument tal-mewt tagħha bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha. Issa, tali għażla tista’ tpoġġi f’dubju dan il-prinċipju tal-konsistenza tal-liġi applikabbli u tal-forum. Madankollu, dan ir-regolament jipprevedi mekkaniżmi intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-imsemmi prinċipju anki fir-rigward ta’ għażla tal-liġi applikabbli. B’mod partikolari, mill-qari flimkien tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 7(a) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet mid-deċedut għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu meta qorti adita preċedentement tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha wara t-talba ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura.

4.        Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fil-qalba tat-tieni domanda preliminari li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u skont il-każ, sa fejn, dikjarazzjoni ta’ rifjut ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru li tkun ġiet adita minn qabel fil-qasam tas-suċċessjoni hijiex vinkolanti għall-qorti ta’ Stat Membru ieħor adita sussegwentement.

5.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi ta’ din il-kwistjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Rifjut tal-ġuriżdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi”, jipprevedi, fil-paragrafu (a) tiegħu:

“Meta l-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi ta’ Stat Membru, il-qorti invokata skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10:

a)      tista’, fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet għall-proċedimenti, tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk tqis li l-qrati tal-Istat Membru tal-liġi magħżula jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni b’kont meħud taċ-ċirkostanzi prattiċi tas-suċċessjoni, bħar-residenza abitwali tal-partijiet u l-post fejn jinsabu l-assi; […]”

7.        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi”, jgħid li:

“Il-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22 għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni jekk:

(a)      qorti preċedentement invokata tkun irrifjutat il-ġuriżdizzjoni fl-istess każ skont l-Artikolu 6;”

8.        L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li “[p]ersuna li għandha ċittadinanzi multipli tista’ tagħżel il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li hija għandha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt.”

9.        L-Artikolu 83(4) tal-istess regolament jipprevedi li “[j]ekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.      Wara l-mewt ta’ żewġha, li seħħet fid-9 ta’ Marzu 2017, CR talbet, quddiem l-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren, il-Ġermanja), il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ eredità nazzjonali kif ukoll ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, abbażi tat-testment konġuntiv redatt skont id-dritt Ġermaniż fl‑1990, li permezz tiegħu CR u żewġha kienu nħatru reċiprokament bħala eredi uniċi. L-aħħar residenza abitwali tad-deċedut kienet fi Spanja.

11.      RK, ħu d-deċedut, oppona t-talba ta’ CR.

12.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017, l-Amtsgericht Düren (il‑Qorti Distrettwali ta’ Düren) laqgħet it-talba ta’ CR.

13.      Adita b’rikors ippreżentat minn RK, il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja) annullat din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-qrati Spanjoli biss kellhom ġurisdizzjoni, konformement mal-kriterju tar-“residenza abitwali” tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012.

14.      Fid-29 ta’ April 2019, CR kisbet digriet tal-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción Nru 3 d’Estepona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Estepona, Spanja), li minnu jirriżulta li dik il-qorti ddeċidiet, fuq talba tar-rikorrenti, li “tirrifjuta li tagħti deċiżjoni, peress li l-qrati Ġermaniżi jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni u minħabba ċ-ċirkustanzi prattiċi, bħar-residenza abitwali ta’ CR u l-fatt li l-parti l-kbira tal-patrimonju kkonċernat jinsab fil-Ġermanja”.

15.      CR ressqet, permezz ta’ att notarili tad-29 ta’ Awwissu 2019, talba ġdida għall-ħruġ taċ-ċertifikati tas-suċċessjoni billi ppreżentat dan id-digriet quddiem l-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren). Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Frar 2020, dik il-qorti laqgħet mill-ġdid it-talba ta’ CR meta kkunsidrat li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha kienet ġiet stabbilita, peress li l-qorti Spanjola adita minn CR irrifjutat il-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012.

16.      Permezz ta’ rikors ippreżentat kontra d-digriet tad-19 ta’ Frar 2020, RK oppona mill-ġdid din id-deċiżjoni u l-kawża ġiet mibgħuta quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 2020, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2020, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Sabiex ikun hemm rifjut tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita preċedentement, kif previst fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012, huwa neċessarju li din il-qorti tkun irrifjutat b’mod espliċitu l-ġurisdizzjoni jew inkella dikjarazzjoni mhux espliċita tista’ wkoll tkun suffiċjenti jekk jista’ dedott, mill-interpretazzjoni tagħha, li din il-qorti rrifjutat il-ġurisdizzjoni?

2.      Il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti adita preċedentement tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għal deċiżjoni mill-qorti adita preċedentement kinux issodisfatti, skont l-Artikolu 6(a) u skont l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012? Sa liema punt hija d-deċiżjoni tal-qorti adita preċedentement vinkolanti?

B’mod partikolari:

a)      il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti adita preċedentement tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk id-deċedut kienx għażel validament il-liġi tal-Istat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012?

b)      il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti li tressqet l-ewwel kawża quddiemha tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk, quddiem il-qorti adita preċedentement, waħda mill-partijiet fil-proċedura, skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012, ressqitx talba sabiex din il-qorti tiddikjara n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni?

c)      il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti li tressqet l-ewwel kawża quddiemha tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk il-qorti adita inizjalment ippreżumietx, ġustament, li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu kienet intgħażlet qegħdin fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni?

3      L-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012, li jippreżupponu għażla tal-liġi applikabbli “skont l-Artikolu 22”, japplikaw ukoll meta, f’dispożizzjoni testamentarja stabbilita qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, id-deċedut ma kienx għażel b’mod espliċitu jew b’mod impliċitu l-liġi applikabbli, iżda l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tista’ tirriżulta biss mill-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-gvernijiet ta’ Spanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta.

IV.    Analiżi

A.      Rimarki preliminari fuq it-tieni domanda u l-għan tagħha

19.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta qorti ta’ Stat Membru adita minn qabel fil-qasam tas-suċċessjoni tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012, il-qorti adita sussegwentement, skont l-Artikolu 7(a) ta’ dan ir-regolament, tistax tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-ewwel dispożizzjoni kinux issodisfatti waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni.

1.      Fuq il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni domanda preliminari

20.      Fil-parti inizjali tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod ġenerali, għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(a) u fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, hija tindirizza din il-kwistjoni fuq tliet kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-qorti adita preċedentement tkun tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità. B’mod iktar speċifiku, it-tieni domanda, li hija maqsuma fi tliet subdomandi, tikkonċerna l-punt dwar jekk dawn il-qrati tal-aħħar jistgħux jivverifikaw, l-ewwel nett, jekk il-qorti adita kkunsidratx, ġustament, li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ntgħażlet jew jekk jiġi kkunsidrat li ntgħażlet sabiex tirregola s-suċċessjoni, it-tieni nett, jekk waħda mill-partijiet fil-proċedura ressqitx talba skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 quddiem il-qorti adita preċedentement u, it-tielet nett, jekk il-qorti adita preċedentement, ġustament, ikkunsidratx li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru huma f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni.

21.      Għalkemm dawn it-tliet subdomandi huma ppreċeduti mill-kliem “b’mod partikolari”, madankollu, elementi oħra li jistgħu jkunu rilevanti mill-perspettiva tal-qorti adita sussegwentement skont l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 ma humiex is-suġġett ta’ domandi min-naħa tal-qorti tar-rinviju (4). Fil-fatt, mill-espożizzjoni tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tillimita l-portata tagħha għall-kundizzjonijiet li hija ssemmi permezz tal-istess subdomandi.

2.      Fuq ir-rabta bejn l-ewwel subdomanda tat-tieni domanda u t-tielet domanda

22.      Jidher a priori li teżisti inkoerenza bejn l-ewwel subdomanda tat-tieni domanda u t-tielet domanda.

23.      Fil-fatt, għalkemm l-ewwel subdomanda tat-tieni domanda tirreferi għal għażla ta’ liġi magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, jirriżulta madankollu mill-formulazzjoni tat-tielet domanda li, skont il-qorti tar-rinviju, il-liġi Ġermaniża ma setgħetx tintgħażel mid-deċedut abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u li l-applikazzjoni ta’ din il-liġi tirriżulta mill-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament. F’din il-linja ta’ ħsieb, il-qorti tar-rinviju, permezz tat-tielet domanda tagħha, tixtieq tistabbilixxi jekk l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tal-imsemmi regolament, li jippreżupponu għażla tal-liġi applikabbli “skont l-Artikolu 22”, japplikawx ukoll meta l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità tirriżulta mill-Artikolu 83(4) tal-istess regolament u, konsegwentement, meta “dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni” (5).

24.      Ir-rimarka magħmula minn CR, li l-ewwel subdomanda “tinjora” l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012, tista’ tagħti x’tifhem li CR irrilevat l-inkoerenza msemmija fil-punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. CR tafferma wkoll li, fil-kuntest tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti Spanjola wettqet l-evalwazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, CR tipprova turi li l-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità ma jistgħux jivverifikaw l-applikazzjoni tal-liġi ta’ dan l-Istat, indipendentement mill-fatt li din l-applikazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 22 (l-ewwel subdomanda) jew mill-Artikolu 83(4) tal-imsemmi regolament (it-tielet domanda).

25.      Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol jindika li l-qorti ta’ dan l-Istat Membru, li rrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati Ġermaniżi, sostniet li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012, id-deċedut kien, abbażi tal-liġi nazzjonali tiegħu, jiġifieri l-liġi Ġermaniża, stabbilixxa testment, li, skont l-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament, kien jimplika awtomatikament l-għażla ta’ din il-liġi bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

26.      Fi kwalunkwe każ, li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel subdomanda tat-tieni domanda, li l-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-deċedut kellu n-nazzjonalità, aditi skont l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012, ma jistgħux jivverifikaw jekk il-qorti adita, ġustament, ikkunsidratx li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ntgħażlet jew titqies li ntgħażlet sabiex tirregola s-suċċessjoni, twassal sabiex l-inkoerenza msemmija fil-punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet tkun irrilevanti. Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmija liġi ma ntgħażlitx skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, iżda hija meqjusa li ntgħażlet abbażi tal-Artikolu 83(4) tiegħu, ma jistax iwassal sabiex il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità jkunu kostretti, permezz tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni, li japplikaw l-imsemmi regolament, anki jekk is-suċċessjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu (6).

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel subdomanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija preżunta li tirriżulta minn nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita preċedentement tistax tivverifika jekk din tal-aħħar kinitx, ġustament, ikkunsidrat li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ntgħażlet jew hijiex meqjusa li ntgħażlet sabiex tirregola s-suċċessjoni.

28.      Huwa ċertament minnu li din l-ewwel subdomanda, hekk ifformulata mill-ġdid, tidher li tippreġudika r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 jistgħu japplikaw meta l-liġi tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità titqies li ntgħażlet abbażi tal-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament.

29.      Madankollu, minn naħa, kif sostnew il-partijiet kollha, l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 japplikaw f’tali sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-deċedut kellu n-nazzjonalità ma jistgħux jivverifikaw jekk il-qorti adita, ġustament, ikkunsidratx li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ġiet magħżula jew titqies li ntgħażlet sabiex tirregola s-suċċessjoni (l-ewwel subdomanda), il-kwistjoni dwar jekk dik il-qorti tistax tiddeċiedi abbażi tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 meta l-liġi tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellha titqies li kienet intgħażlet minn qabel, iżda l-qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi abbażi tal-Artikolu 83(4) tiegħu kellu jkun deċiż mhux mill-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-deċedut kellu n-nazzjonalità iżda mill-qorti adita bil-kawża. Jekk din l-ipoteżi tiġi pprovata, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux, a fortiori, jiċħdu interpretazzjoni bħal dik imressqa mill-partijiet kollha billi jinvokaw in-nuqqas ta’ applikabbiltà konġunta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

30.      Infakkar li konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tat-tieni domanda preliminari. L-ewwel nett ser nippreżenta l-pożizzjonijiet tal-partijiet f’dak li jikkonċerna t-tliet kundizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju (Titolu B), imbagħad ser nanalizza l-mekkaniżmu tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 sabiex tingħata risposta għal din id-domanda (Titolu C).

B.      Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

31.      CR u l-Gvern Taljan isostnu li l-qorti ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula jew meqjusa li ntgħażlet mid-decuius ma tistax tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tliet subdomandi tat-tieni domanda kinux issodisfatti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta mill-qorti adita preċedentement.

32.      Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta minn nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ma tistax tistħarreġ id-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni adottata minn qabel. Fil-fehma tiegħu, dik il-qorti hija madankollu obbligata tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess u, konsegwentement, tivverifika jekk id-dritt nazzjonali tagħha ntgħażilx mid-deċedut (l-ewwel domanda preliminari) u jekk il-qorti adita preċedentement irrifjutatx il-ġurisdizzjoni tagħha. Il-Gvern Spanjol ma jippreċiżax l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ din l-interpretazzjoni, prinċipalment ibbażata fuq il-qari flimkien tal-Artikoli 7 u 15 ta’ dan ir-regolament. Huwa jsostni li, skont dan l-aħħar artikolu, il-qorti ta’ Stat Membru li tkun adita b’kawża ta’ suċċessjoni li ma għandhiex ġurisdizzjoni fuqha skont l-imsemmi regolament, għandha tiddikjara, ex officio, li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

33.      Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol jinvoka s-sentenzi Overseas Union Insurance et (7) u Gasser (8) u jfakkar li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (9), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti hija ddeterminata, b’mod partikolari, direttament mir-regoli ta’ din il-konvenzjoni, li huma komuni għaż-żewġ imħallfin u li jistgħu jiġu interpretati u applikati bl-istess awtorità minn kull wieħed minnhom.

34.      Dan il-gvern jirreferi wkoll għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni”, li tinsab fl-Artikolu 3(1) (g) tar-Regolament Nru 650/2012 (10), u jfakkar li huma biss is-sentenzi li jaqgħu taħt din id-definizzjoni li jibbenefikaw mis-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilita minn dan ir-regolament.

35.      Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija ssostni li d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni, adottata skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012, għandha tkun vinkolanti għall-qorti adita fit-tieni lok, fid-dawl tal-eżistenza tat-talba ta’ waħda mill-partijiet għall-finijiet tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni (it-tieni subdomanda) u tal-fatt li kkunsidrat li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ntgħażlet huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni (it-tielet subdomanda). Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Gothaer Allgemeine Versicherung et (11), li hija tikkunsidra li tista’ tiġi trasposta f’dan il-każ.

36.      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, il-qorti adita fit-tieni lok tista’ tivverifika l-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012 (it-tielet subdomanda). Fil-fatt, teżisti ċerta kontradizzjoni bejn il-prinċipju ġenerali li l-qorti adita fit-tieni lok ma tistax tivverifika d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni u l-fatt li l-qorti adita fit-tieni lok hija dik li għandha tiddetermina l-liġi applikabbli. Il-qorti adita fit-tieni lok għandha għalhekk tkun tista’ tivverifika l-validità tal-għażla tal-liġi favur id-dritt tal-Istat tal-forum f’dak li jirrigwarda mhux il-ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda l-effett tagħha fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet. Fil-fatt, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ din il-ġurisdizzjoni, il-qorti adita preċedentement iddeċidiet billi bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni tagħha stess tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012, li jippreżupponi f’kull każ għażla tal-liġi skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

C.      Fuq il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 6(a) u fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012

37.      Kif osservat id-duttrina (12), il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 6(a) u fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ispirat mid-duttrina tal-forum non conveniens, li jirrifletti wkoll dispożizzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, bħall-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (13) u l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (14).

38.      Madankollu, il-partikolaritajiet ta’ dan il-mekkaniżmu jiddistingwuh mill-manifestazzjonijiet tipiċi tad-duttrina tal-forum non conveniens. L-elementi li jippermettu li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari għandhom għalhekk jinsabu prinċipalment fir-Regolament Nru 650/2012 stess. Dawn l-elementi jikkonċernaw, fl-ewwel lok, in-natura tal-kundizzjonijiet imsemmija fit-tliet subdomandi li għalihom hija suġġetta deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni adottata skont l-Artikolu 6(a) ta’ dan ir-regolament, fit-tieni lok, il-klassifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni bħala deċiżjoni li taqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit mill-imsemmi regolament, kif ukoll, fit-tielet lok, l-effett li tipproduċi l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri.

1.      In-natura tal-kundizzjonijiet previsti mit-tliet subdomandi

39.      L-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 jikkonċerna r-rifjut ta’ ġurisdizzjoni fakultattiv. Anki jekk il-kundizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi ta’ Stat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità (l-ewwel subdomanda) u l-eżistenza tat-talba ta’ waħda mill-partijiet għall-finijiet tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni (it-tieni subdomanda) huma ssodisfatti, il-qorti adita bl-ebda mod ma għandha l-obbligu li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati ta’ dan l-Istat Membru: hija tista’ tagħmel dan jekk tqis li dawn il-qrati huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni. Il-fatt li l-adozzjoni (jew le) tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012, jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tagħha jikkostitwixxi indizju serju tal-fatt li din id-deċiżjoni ma għandhiex tiġi mistħarrġa mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor, tal-inqas sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tikkonċerna l-fatt li kkunsidrat li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni (it-tielet subdomanda).

40.      Barra minn hekk, talba għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 (it-tieni subdomanda) għandha tiġi redatta u ppreżentata quddiem il-qorti adita preċedentement skont il-modalitajiet tal-lex fori. Dik il-qorti tista’ għalhekk faċilment tivverifika wkoll jekk tali talba ġietx ippreżentata quddiemha minn waħda mill-partijiet fil-proċedura u tipproduċi effetti li jippermettulha li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha.

41.      Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni u t-tielet subdomandi tat-tieni domanda ma għandhomx jiġu vverifikati mill-qorti adita minn qabel, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li minn qari flimkien tal-Artikoli 7 u 15 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li l-qorti ta’ Stat Membru li d-decuius tiegħu kellu n-nazzjonalità tiegħu hija obbligata tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess u, konsegwentement, li tivverifika jekk id-dritt nazzjonali tagħha ntgħażilx mid-deċedut u jekk il-qorti li tressqet il-kawża quddiemha tkunx irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha (l-ewwel subdomanda). Dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tgħid li l-elementi li l-formulazzjoni ta’ din l-ewwel dispożizzjoni tirrifletti għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità (15).

42.      Issa, minkejja li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012, il-kundizzjonijiet li tirreferi għalihom dik il-qorti permezz tat-tliet subdomandi li huma stabbiliti f’din l-ewwel dispożizzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati msemmija fl-Artikoli 4 u 10 ta’ dan ir-regolament jew, b’mod iktar preċiż, jiddeterminaw jekk dawn il-qrati jistgħux jiċħdu l-ġurisdizzjoni li huma obbligati jeżerċitaw, biss fil-każijiet espressament previsti mill-imsemmi regolament.

43.      Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li tirreferi għalihom dik il-qorti permezz tat-tliet subdomandi tagħha jissemmew biss indirettament fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012 sa fejn dan japplika “jekk: qorti preċedentement invokata tkun irrifjutat il-ġuriżdizzjoni fl-istess każ skont l-Artikolu 6”. Ċertament, l-ewwel parti tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament tirreferi għall-“qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22”. Madankollu, il-kundizzjoni dwar l-għażla tal-liġi ta’ dan l-Istat Membru diġà tinsab fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (16). Ir-referenza magħmula għall-Artikolu 7, min-naħa tagħha, għandha l-għan biss li jiġu indikati l-qrati msemmija f’din id-dispożizzjoni.

44.      Għalhekk, il-verifika mwettqa minn dawn il-qrati skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tirrigwarda l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 6(a) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tliet subdomandi tat-tieni domanda għandha tiġi vverifikata minn qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 4 jew 10 tal-imsemmi regolament. B’dan il-mod, dik il-qorti tivverifika, fil-prattika, il-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha. Kif jirriżulta mis-sentenzi Overseas Union Insurance et (17) u Gasser (18), li għalihom jirreferi l-Gvern Spanjol, il-qorti li sussegwentement ġiet adita bil-kawża fl-ebda każ ma hija f’pożizzjoni aħjar mill-qorti adita preċedentement sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

45.      Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li permezz tiegħu hija tidher li tevoka natura doppja tal-kundizzjoni dwar l-għażla tal-liġi tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità. Dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni li l-qorti adita preċedentement teżamina l-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni biss għall-finijiet tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, b’tali mod li hija l-qorti adita sussegwentement li għandha teżamina din l-għażla għall-finijiet tar-regoli ta’ kunflitt.

46.      Issa, xejn ma jippermetti li jitqies li r-Regolament Nru 650/2012 jagħmel distinzjoni bejn l-għażla tal-liġi applikabbli valida għall-finijiet tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u l-għażla li hija valida għall-finijiet tar-regoli ta’ kunflitt. Din hija dejjem għażla magħmula (jew meqjusa li saret) abbażi tal-istess dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u, kif osservat id-duttrina, l-eżistenza ta’ għażla ta’ liġi valida kkonstatata mill-qorti adita preċedentement ma hijiex eżaminata mill-ġdid mill-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet, aditi skont l-Artikolu 7(a) tal-istess regolament (19). Barra minn hekk, ċaħda ta’ ġurisdizzjoni favur dawn il-qrati tippermetti li tiġi ppreżervata l-koinċidenza bejn forum u ius.

2.      Id-deċiżjoni dwar rifjut ta’ ġurisdizzjoni bħala sentenza li taqa’ taħt ilmekkaniżmu ta’ rikonoxximent

47.      Kif tosserva l-Kummissjoni, mis-sentenza Gothaer Allgemeine Versicherung et (20) jirriżulta li, fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (21), li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, sentenza li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni tikkostitwixxi deċiżjoni li taqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit minn dan ir-regolament u torbot lill-qrati ta’ Stati Membri oħra f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola.

48.      Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tirreferi għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja l-imsemmija sentenza Gothaer Allgemeine Versicherung et sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, ma humiex sostanzjalment differenti minn dawk tar-Regolament Nru 650/2012, inqis li l-insenjament meħud mis-sentenza Gothaer Allgemeine Versicherung et (22) huma trasponibbli għal dan ir-regolament.

49.      Konsegwentement, mutatis mutandis, deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni torbot lill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 kienu ssodisfatti waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meta dawn ġew ivverifikati minn dik il-qorti (23).

50.      Fil-fatt, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 jikkostitwixxu kundizzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, fis-sens wiesa’ tal-kelma, li jiddeterminaw, b’mod iktar speċifiku, jekk il-qorti adita preċedentement tistax tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha (24). Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni taqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit mir-Regolament Nru 650/2012. Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi (25), tippermetti li ma tiġix irrikonoxxuta l-imsemmija deċiżjoni biss fil-każijiet previsti minn dan ir-regolament. Billi ssegwi din il-loġika, skont l-Artikolu 41 tal-imsemmi regolament, deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni adottata fi Stat Membru ma tistax tiġi riveduta fil-mertu. In-nuqqas ta’ reviżjoni dwar il-mertu normalment jestendi għall-applikazzjoni li l-qorti tkun għamlet tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni armonizzati. (26) Barra minn hekk, l-Artikolu 40 tal-istess regolament, li jistabbilixxi raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li ma tirrikonoxxix sentenza li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni għar-raġuni biss li hija tqis li, f’dik is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni ġie applikat b’mod żbaljat (27).

51.      Din is-soluzzjoni hija spjegata, barra minn hekk, mill-fatt li d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni adottata skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 tista’ tiġi mistħarrġa fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru tal-qorti adita preċedentement. Dan l-istħarriġ jista’ jirrigwarda wkoll il-verifika tal-kundizzjonijiet previsti mit-tliet subdomandi tat-tieni domanda. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tar-regoli ta’ dan ir-regolament fi ħdan l-Unjoni, il-qrati ta’ dan l-ordinament ġuridiku jistgħu jirrikorru għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilit mill-Artikolu 267 TFUE.

52.      Għalhekk, billi tosserva l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, qorti ta’ Stat Membru ieħor, adita sussegwentement skont l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012, ma tistax tissostitwixxi lill-qrati li jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża minn qabel. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li qorti adita sussegwentement ma tistax tivverifika l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tliet subdomandi tat-tieni domanda jekk dawn ikunu ġew ivverifikati mill-qorti adita preċedentement.

3.      L-effett prodott min-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 6(a) tarRegolament Nru 650/2012

53.      L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jippermetti li persuna tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha dik il-liġi tal-Istat li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità. L-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Issa, qorti li tkun tressqet kawża quddiemha minn qabel skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha biss favur il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità. Jekk il-liġi ta’ Stat terz tkun intgħażlet (jew titqies li ntgħażlet) bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, qorti adita preċedentement ma tistax tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati ta’ dan l-Istat terz.

54.      Id-duttrina pprevediet diversi raġunijiet li jistgħu jispjegaw din is-soluzzjoni, filwaqt li kkunsidrat li l-ebda waħda minnhom ma kienet kompletament konvinċenti (28). Raġuni oħra tista’ tkun marbuta mal-effett ikkawżat min-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, li jwassal sabiex il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità jsiru awtomatikament kompetenti. Issa, il-qrati ta’ Stat terz li ma japplikawx ir-Regolament Nru 650/2012 ma jistgħux jiġu mġiegħla, skont l-Artikolu 7(a) ta’ dan ir-regolament, jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni li l-qorti ta’ Stat Membru rrifjutat. Barra minn hekk, dawn il-qrati ma jibbenefikawx mill-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li fuqha huwa bbażat l-imsemmi regolament.

55.      Ir-rieda tal-leġiżlatur li jagħmel enfasi fuq l-effett li jipproduċi r-rifjut tal-ġurisdizzjoni hija kkorroborata mill-analiżi tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 650/2012.

56.      Fil-fatt, il-proposta ta’ regolament (29) kienet tipprevedi, fl-Artikolu 5(1) tiegħu, li “[m]eta l-liġi ta’ Stat tkun intagħżlet mill-mejjet biex tirregola s-suċċessjoni […], il-qorti li jitressqu l-proċedimenti quddiemha skont l-Artikolu 4 tista’, fuq talba ta’ parti u jekk tikkunsidra li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula huma f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu fuq is-suċċessjoni, tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tistieden lill-partijiet biex iressqu proċedimenti quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru”. Dan l-istess artikolu kien jipprovdi li l-qorti adita l-ewwel kellha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, minn naħa, jekk il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet ma jkunux ġew aditi matul terminu stabbilit minn din l-ewwel qorti (30) u, min-naħa l-oħra, jekk il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet ma jkunux iddikjaraw lilhom innifishom li għandhom ġurisdizzjoni f’terminu massimu ta’ tmien ġimgħat li jibdew jiddekorru mir-rinviju tagħhom (31).

57.      It-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-decuius ma seħħx awtomatikament (32) iżda meta dawn il-qrati, wara li jkunu ġew aditi b’materja ta’ suċċessjoni, jkunu aċċettawha. Kif osservat id-duttrina, din is-soluzzjoni, mingħajr ma ssemmi d-differenzi li jisseparawhom (33), tirrifletti dik li tinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

58.      Wara l-opinjoni fl-ewwel qari tal-Parlament (34), is-soluzzjoni adottata fl-Artikolu 5 tal-proposta għal regolament kisbet il-formulazzjoni definittiva tagħha, li tinsab fl-Artikolu 6(a) u fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012. L-emenda li saret tikkonferma r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jaċċettax is-soluzzjoni li tippermetti lill-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet li jirrinunzjaw għall-ġurisdizzjoni tagħhom.

59.      F’dan l-istat tal-affarijiet, li jikkunsidraw li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ntgħażlet jew titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jistgħu jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 kinux issodisfatti waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni, fil-prattika tista’ tmur lura milli tirrikonoxxi lil dawn il-qrati l-possibbiltà li jirrinunzjaw għall-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn dan ir-rifjut u għalhekk iddgħajjef il-mekkaniżmu tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 7(a) ta’ dan ir-regolament.

60.      Peress li l-qorti rrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012 ma ssirx awtomatikament ġurisdizzjoni ġdida, u dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja (35). L-interpretazzjoni li tgħid li l-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu ċ-ċittadinanza ma jistgħux jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tliet subdomandi kinux issodisfatti b’hekk tippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni li jista’ jseħħ jekk il-qorti adita tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha u jekk il-qorti tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(a) tal-imsemmi regolament ma humiex issodisfatti.

61.      Fl-ewwel lok, fid-dawl tan-natura tal-kundizzjonijiet previsti mit-tliet subdomandi, li jiddeterminaw jekk il-qorti adita preċedentement tistax tirrifjuta l-ġurisdizzjoni li hija bħala prinċipju għandha l-obbligu li teżerċita (36), fit-tieni lok, il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni bħala deċiżjoni li taqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit mir-Regolament Nru 650/2012 (37), kif ukoll, fit-tielet lok, mir-rieda li jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tipproduċi l-effett mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni (38), nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) ta ’dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tiegħu titqies li tirriżulta minn rifjut ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti preċedentement adita ma tistax tivverifika, l-ewwel nett, jekk il-qorti adita preċedentement, ġustament, ikkunsidratx li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ġiet magħżula jew hijiex meqjusa li ġiet magħżula biex tirregola s-suċċessjoni, it-tieni, jekk waħda mill-partijiet fil-proċedimenti tkunx ippreżentat talba taħt l-Artikolu 6(a) tal-imsemmi regolament quddiem il-qorti adita preċedentement, u, it-tielet, jekk il-qorti adita preċedentement, ġustament, ikkunsidratx li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru huma f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni, meta dawn it-tliet kundizzjonijiet ikunu ġew ivverifikati mill-qorti adita preċedentement.

V.      Konklużjoni

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari li saret mill‑Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja):

L-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament (UE) Nru°650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tiegħu titqies li tirriżulta minn rifjut ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti preċedentement adita ma tistax tivverifika, l-ewwel nett, jekk il-qorti adita preċedentement, ġustament, ikkunsidratx li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ġiet magħżula jew hijiex meqjusa li ġiet magħżula biex tirregola s-suċċessjoni, it-tieni, jekk waħda mill-partijiet fil-proċedimenti tkunx ippreżentat talba taħt l-Artikolu 6(a) ta’ dan ir-regolament quddiem il-qorti adita preċedentement, u, it-tielet, jekk il-qorti adita preċedentement, ġustament, ikkunsidratx li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru huma f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni, meta dawn it-tliet kundizzjonijiet ikunu ġew ivverifikati mill-qorti adita preċedentement.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifika fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).


3      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CCOO (C‑20/17, EU:C:2018:89, punt 104).


4      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja la tiddetermina jekk il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu d-decuius kellu n-nazzjonalità jistgħux jivverifikaw jekk il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża preċedentement kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 4 jew 10 tar-Regolament Nru 650/2012 jew jekk id-deċiżjoni adottata mill-qorti adita preċedentement kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u lanqas li tiddetermina jekk rinunzja għall-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 6(a) tal-imsemmi regolament tipproduċix l-effetti tagħha għal kull proċedura dwar is-suċċessjoni tad-deċedut jew biss għal proċeduri li għandhom l-istess għan bħal dak li fil-kuntest tiegħu sar ir-rifjut inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, huwa paċifiku li l-qorti Spanjola kellha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament. Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tal-proċedura mibdija quddiem il-qorti Spanjola huwa sostanzjalment differenti minn dak tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.


5      Għall-finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li mir-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li dan, minn naħa, bl-eċċezzjoni ta’ xi artikli applikabbli f’dati preċedenti, huwa applikabbli mis-17 ta’ Awwissu 2015 (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 84) u, min-naħa l-oħra, japplika għas-suċċessjonijiet tal-persuni li mietu fis-17 ta’ Awwissu 2015 jew wara din id-data (Artikolu 83(1)). Meħuda b’mod iżolat, is-soluzzjonijiet adottati minn dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament jistgħu jinjoraw id-dispożizzjonijiet causa mortis adottati qabel is-17 ta’ Awwissu 2015. Sabiex tiġi evitata din is-sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa dispożizzjonijiet tranżitorji addizzjonali għall-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament. B’hekk l-Artikolu 83(2) tal-istess regolament jipprevedi: Fejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza”. Barra minn hekk, l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi: “Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. ” Kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-ewwel dispożizzjoni “hija intiża sabiex tippreżerva r-rieda tat-testatur u, sabiex din l-għażla tkun valida, huwa għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni”, filwaqt li t-tieni “tirregola l-każijiet li fihom trasferiment causa mortis ma jkunx fih tali għażla”. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C-80/19, EU:C:2020:569, punt 92).


6      Fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 650/2012, ara n-nota ta’ qiegħ il‑paġna 5.


7      Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991 (C-351/89, EU:C:1991:279, punt 23).


8      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003 (C-116/02, EU:C:2003:657, punt 48).


9      Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


10      Skond l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012.


11      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012 (C-456/11, EU:C:2012:719).


12      Ara Marongiu Buonaiuti, F., “Articolo 6”, f’Calvo Caravaca, A. L., Davì, A. u Mansel, H. P., The EU Succession Regulation. A Commentary, Cambridge University Press, Cambridge, 2016, p. 165.


13      Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).


14      Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


15      L-elementi relatati mal-punt dwar jekk id-deċedut għażilx il-liġi nazzjonali tiegħu u jekk il-qorti adita preċedentement abbażi tar-residenza abitwali tiegħu tkunx irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha jidhrux li huma riflessi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprovdi li din id-dispożizzjoni tikkonċerna “[…] [i]l-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22”, li għandhom ġurisdizzjoni bil-kundizzjoni li “qorti preċedentement invokata tkun irrifjutat il-ġuriżdizzjoni fl-istess każ skont l-Artikolu 6”.


16      “Meta l-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi ta’ Stat Membru […]”


17      Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991 (C-351/89, EU:C:1991:279, punt 23).


18      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003 (C-116/02, EU:C:2003:657, punt 48).


19      Ara Bonomi, A., “Article 6”, f’Bonomi, A. u Wautelet, P., Le droit européen des successions. Commentaire du règlement (UE) n° 650/2012, du 4 juillet 2012, Bruylant, Brussell, 2016, p. 219. Ara wkoll, f’dan is-sens, Marongiu Buonaiuti, F., “Article 7”, f’Calvo Caravaca, A. L., Davì, A. u Mansel, H.P., The EU Succession Regulation. A Commentary, Cambridge University Press, Cambridge, 2016, p. 174.


20      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012 (C-456/11, EU:C:2012:719).


21      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


22      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012 (C-456/11, EU:C:2012:719).


23      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 41) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li fiha qorti ta’ Stat Membru tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, għaliex din il-klawżola hija valida, torbot il-qrati tal-Istati Membri l-oħra kemm fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, li tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha, li l-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li tikkostitwixxi s-sostenn meħtieġ għal dan id-dispożittiv. Minn dan niddeduċi li qorti adita fl-ewwel lok għandha tindika, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha jew mill-motivi tagħha, li l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tliet subdomandi tat-tieni domanda preliminari ġew ivverifikati waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad il-ġurisdizzjoni sabiex il-qorti adita fit-tieni lok tkun tista’ tistabbilixxi, abbażi ta’ dan id-dispożittiv u/jew ta’ dawn il-motivi, l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tiċħad il-ġurisdizzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 650/2012, li torbot lil din il-qorti, fir-rigward ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet, mingħajr ma tkun tista’ tikkontesta tal-fondatezza tal-verifiki mwettqa mill-qorti adita preċedentement.


24      Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, WB (C-658/17, EU:C:2019:444, punt 52).


26      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C-456/11, EU:C:2012:719, punt 37).


27      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Renault (C-38/98, EU:C:2000:225, punt 33).


28      Ara Bonomi A., op. cit., p. 214.


29      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (KUMM(2009) 154 final) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament”).


30      Artikolu 5(2) tal-proposta għal regolament.


31      Artikolu 5(3) tal-proposta għal regolament.


32      Barra minn hekk, dak li l-Kummissjoni kkonfermat billi indikat li “r-rinviju lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar biex tieħu konjizzjoni tal-kawża m’għandux ikun awtomatiku meta l-mejjet ikun għażel liġi ta’ Stat Membru ieħor”. Ara l-proposta għal Regolament, p. 5.


33      Ara Lein, E., “A Further Step Towards a European Code of Private International Law: The Commission Proposal for a Regulation on Succession”, Yearbook of Private International Law, 2009, Vol. XI, p. 119 u 120.


34      Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Marzu 2012, EP‑PE_TC1‑COD(2009) 157.


35      Ċertament, f’ċerti każijiet, tali sitwazzjoni tista’ teoretikament tiġi evitata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprevedi forum necessitatis. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi kundizzjonijiet li jistgħu jeskludu l-applikazzjoni tagħha meta l-qrati ta’ żewġ Stati Membri jkunu diġà kkunsidraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni.


36      Ara l-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.