Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-30 ta’ Marzu 2023 – AX

(Kawża C-208/23, Martiesta 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AX

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 għandu jiġi interpretat fis-sens l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tirrifjuta jew fi kwalunkwe każ, tiddiferixxi l-konsenja ta’ mara tqila jew omm b’ulied minuri li jgħixu magħha?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(2) u (3), u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA huma kompatibbli mal-Artikoli 3, 4, 7, 24 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri, sa fejn dawn jeżiġu konsenja ta’ mara tqila jew ta’ omm bi qtugħ tar-rabtiet tagħha ma’ wliedha minuri li jgħixu magħha mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-wild?

____________

1 L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.