Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka) fit-22 ta’ Novembru 2023 – Mgr. L. H. vs Ministerstvo zdravotnictví

(Kawża C-710/23, Ministerstvo zdravotnictví II)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mgr. L. H.

Konvenut: Ministerstvo zdravotnictví

Domandi preliminari

Il-kondiviżjoni tal-isem, tal-kunjom, tal-firma u tad-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna fiżika li hija membru fil-bord ta’ tmexxija jew li hija l-persuna responsabbli minn persuna ġuridika, li għandha esklużivament l-għan li tidentifika (lill-persuna awtorizzata biex taġixxi f’isem) persuna ġuridika (speċifika), tikkostitwixxi madankollu pproċessar ta’ “data personali” ta’ persuni fiżiċi fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data , u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 (iktar ’il quddiem il-“GDPR”), u għaldaqstant taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR?

Id-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza stabbilita, tista’ tissuġġetta l-applikazzjoni, minn awtorità amministrattiva, ta’ regolament tal-Unjoni li huwa direttament applikabbli, b’mod speċifiku l-Artikolu 6(1)(c) jew, fejn applikabbli, (e) tal-GDPR, għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet ulterjuri li ma jirriżultawx mill-formulazzjoni tar-regolament innifsu iżda li fil-verità jwessgħu l-livell ta’ protezzjoni tas-suġġetti tad-data, u b’mod speċifiku l-kundizzjoni li tobbliga lill-awtorità pubblika tinforma minn qabel lis-suġġett tad-data dwar it-tressiq ta’ talba għall-komunikazzjoni tad-data personali tagħha lil terzi persuni?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.