Language of document : ECLI:EU:F:2010:100

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Settembru 2010

Kawża F-85/09

Francisco Rossi Ferreras

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament — Konsegwenzi tal-irtirar ta’ att — Iffissar ta’ għanijiet”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Rossi Ferreras jitlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu “għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002”.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti —Konsegwenzi tal-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva

(Artikolu 233 KE)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Redazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Sistema stabbilita mill-Kummissjoni — Tranżizzjoni bejn is-sistema l-antika u dik ġdida

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Tibdil tal-evalwazzjonijiet meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      L-annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tiġbor fiha fażijiet differenti ma jagħtix neċessarjament lok għall-annullament tal-proċeduri kollha li jippreċedu l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi ta’ mertu jew ta’ proċedura tas-sentenza ta’ annullament.

(ara l-punt 49)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punt 91; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ April 2007, Lebedef-Caponi vs Il‑Kummissjoni, F‑50/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑A‑1‑597, punt 37; 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑323 u II‑A‑1‑1773, punt 53

2.      Meta abbozz ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera jiġi redatt b’mod irregolari, minħabba n-nuqqas tal-evalwatur li minn qabel ikun għamel l-intervista ta’ evalwazzjoni rikjesta, din l-irregolarità tiġi effettivament ikkorreġuta jekk intervista formali tinżamm mal-evalwatur jew il-validatur, wara r-redazzjoni tar-rapport iżda qabel ma’ dan ir-rapport issir finali, u fejn il-persuna kkonċernata tista’ ssostni l-osservazzjonijiet tagħha.

(ara l-punti 53 u 54)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, Ġabra SP p. I‑A‑411 u II‑1865, punti 159 sa 161

3.      Mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 7(1) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ uffiċjali matul is-sena 2001/2002 issir minkejja n-nuqqas li jiġu stabbiliti miri minn qabel. Madankollu, din l-assenza ma teskludix li l-uffiċjal ikun ġie assenjat lilu kompiti speċifiċi mis-superjuri ġerarkiċi tiegħu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm l-ebda raġuni għaliex l-evalwatur ma għandux jindika, fir-rapport ta’ żvilupp tal-karriera għall-perijodu ta’ riferiment, li l-uffiċjal ma laħaqx l-għanijiet tiegħu, jekk ikun il-każ, peress li l-kompiti tiegħu ikunu ġew iddefiniti fid-deskrizzjoni tax-xogħol tiegħu li huwa kien jaf biha.

Il-validità ta’ tali rapport ma tistax tiġi kkontestata mill-argument li l-kompiti li jkunu ġew assenjati lil uffiċjal ma humiex preċiżi biżżejjed sabiex huwa jkun jista’ jiddetermina eżattament kif huwa għandu jwettaqhom. Fil-fatt, f’tali każ, huwa għandu jitlob mingħand is-superjuri tiegħu l-kjarifiki u l-pariri neċessarji.

(ara l-punti 55 sa 57)

4.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. Konsegwentement id-deċiżjonijiet ta’ valur magħmula fuq l-uffiċjali fir-rapporti dwar l-iżvilupp tal-karriera huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li jiġi eżerċitat biss fuq l-irregolaritajiet proċedurali eventwali, l-iżbalji ta’ fatt manifesti li jolqtu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, kif ukoll fuq użu ħażin eventwali ta’ poter.

(ara l-punt 72)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑1219, punt 78

5.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tipprovdi motivazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat għal kull rapport tal-iżvilupp tal-karriera sabiex tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet fuq din il-motivazzjoni, peress illi l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti.

Madankollu, peress li l-prestazzjonijiet ta’ uffiċjal jistgħu jvarjaw minn perijodu ta’ riferiment għal ieħor, huwa meħtieġ li jkun hemm differenza suffiċjentement sostanzjali bejn ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera suċċessivi sabiex jiġi impost fuq l-evalwatur u fuq il-validatur obbligu speċifiku ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 79 u 81)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il‑Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il‑Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 36; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Marzu 2007, Sanchez Ferriz vs Il‑Kummissjoni, F‑111/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑71 u II‑A‑1‑425, punt 65; 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑93/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑433 u II‑A‑1‑2339, punt 86