Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2020 – Arnautu vs Il-Parlament

(Kawża T-740/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Marie-Christine Arnautu (Pariġi, Franza) (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità u tiddikjara illegali l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tal-MIIM;

għaldaqstant tikkonstata n-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2020 u tannullaha;

prinċipalment,

tikkonstata li Marie-Christine Arnautu pproduċiet il-prova ta’ xogħol tal-assistent tagħha konformi mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tal-MIIM u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

konsegwentement,

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew bid-data tal-21 ta’ Settembru 2020, innotifikata b’posta elettronika fit-23 ta’ Ottubru 2020, meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew 2009/C 159/01 tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 “dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” emendata, li tikkonstata dejn fir-rigward tar-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 87 203.46 abbażi ta’ somom indebitament imħallsa fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li timmotiva l-irkupru tagħhom;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 7000001577 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li tikkonstata dejn fir-rigward ta’ Marie-Christine Arnautu, wara d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali ta’ rkupru ta’ pagamenti indebiti, bid-data tal-21 ta’ Settembru 2020, u adottata abbażi tal-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (MIIM) li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ assistenza parlmentari;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità għall-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi mill-Artikolu 33 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implimentazzjoni”) adottati mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tagħhom. Ir-rikorrenti targumenta li l-assenza ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati twassal għal qafas pretorjan tar-regola legali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Issa, id-dettall tal-prova tax-xogħol ta’ assistent parlamentari ġie identifikat mill-ġurisprudenza Bilde u Montel biss f’Novembru 2017, peress li l-ġurisprudenza Gorostiaga tal-2005 tirrigwarda biss il-prova tal-ħlas tas-salarji mit-terz li jħallas. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom mill-2008 elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza. Ir-rikorrenti żżid tgħid li, minkejja r-riskji ta’ inċertezza legali, il-Parlament Ewropew ma rregolax bi preċiżjoni u ċarezza l-proċedura ta’ stħarriġ tal-assistenza parlamentari, u ma fformalizzax l-obbligu ta’ kostituzzjoni u ta’ żamma ta’ provi fuq il-membru tal-Parlament, jew ir-regoli ta’ provi aċċettabbli, identifikabbli u ddatati.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti targumenta li s-Segretarju Ġenerali ma żamm ebda smigħ bi ksur tal-Artikolu 68 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Hija żżid tgħid li billi aġixxa b’dan il-mod, is-Segretarju Ġenerali ċaħħadha minn dritt fundamentali, ta’ dibattitu dirett mal-awtorità bl-intenzjoni li tieħu d-deċiżjoni jew ta’ diskussjoni sabiex il-provi jiġi kontradetti.

____________