Language of document : ECLI:EU:T:2012:247

Kawża T-300/10

Internationaler Hilfsfonds eV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97-2011 — Rifjut parzjali taʼ aċċess — Determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Prinċipju taʼ amministrazzjoni tajba — Eżami konkret u individwali — Obbligu taʼ motivazzjoni”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Rabaʼ Awla) tat-22 taʼ Mejju 2012 ?II ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Riferiment għal sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà tal-motiv

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li tassisti lill-applikant qabel ma tiċħad l-applikazzjoni tiegħu

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 6(2), 7 u 8)

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku — Portata — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(2), (3) u (6)

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Portata — Obbligu ta’ evalwazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali — Applikabbiltà integrali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 għal kull applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali

(Artikolu 6 TUE, Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikoli 1(1), 8 u 18, u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Żvelar ta’ dokumenti dwar l-applikant innifsu — Ammissibbiltà — Limiti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità ta’ terzi

6.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Obbligu ta’ evalwazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali — Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni fir-rigward ta’ persuni li ma jistħoqqilhomx protezzjoni jew minħabba l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 4(1)(b), u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

7.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Protezzjoni tad-dokumenti stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura li diġà ntemmet — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

8.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata u limiti

(Artikolu 296 TFUE)

9.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt taʼ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Obbligu taʼ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

1.      Allegazzjoni tar-rikorrenti li tillimita ruħha li tistieden lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ jekk il-konstatazzjonijiet magħmula f’sentenza preċedenti humiex applikabbli b’analoġija għall-kawża inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti proċedurali, kif previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdu li l-motivi mressqa fl-istadju tar-rikors għandhom ikunu esposti b’mod sommarju. Għaldaqstant, tali allegazzjoni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

(ara l-punti 41-43)

2.      L-istituzzjoni kkonċernata minn applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti hija obbligata li twettaq eżami sħiħ tad-dokumenti kollha msemmija fl-applikazzjoni għall-iżvelar. Tali rekwiżit bħala prinċipju japplika mhux biss matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iżda wkoll matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni inizjali, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, u bʼmod partikolari mill-użu tal-verbi titlob u tgħin, jirriżulta li l-konstatazzjoni, waħedha, tal-insuffiċjenza taʼ preċiżjoni tal-applikazzjoni għal aċċess, indipendentement mir-raġunijiet, għandha twassal lill-istituzzjoni destinatarja sabiex tikkuntattja lill-applikant sabiex tiddefinixxi bl-aħjar mod possibbli d-dokumenti mitluba.

Għalhekk, il-Kummissjoni twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali u, wara dan, ksur tal-obbligu li l-Kummissjoni għandha li teżamina b’mod sħiħ l-imsemmija applikazzjoni meta hija ma tistedinx lir-rikorrenti tiddefinixxi b’iktar preċiżjoni d-dokumenti mitluba kemm fl-applikazzjoni inizjali kif ukoll fl-applikazzjoni konfermatorja, u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad il-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba.

(ara l-punti 69, 84, 85, 87)

3.      L-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti, ippreżentata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jkun konkret. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni taʼ din tal-aħħar. Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament, jekk jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku.

Bħala prinċipju, eżami konkret u individwali taʼ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fl-ipoteżi fejn huwa ċar li applikazzjoni għal aċċess tirrigwarda dokumenti koperti minn eċċezzjoni, huwa biss tali eżami li jistaʼ jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li jikkonċerna l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, evalwazzjoni taʼ dokumenti mwettqa skont il-kategoriji pjuttost milli fir-rigward tal-elementi taʼ informazzjoni konkreti li jinsabu fʼdawn id-dokumenti għandha tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti peress li l-eżami meħtieġ min-naħa ta’ istituzzjoni għandu jippermettilha li tevalwa bʼmod konkret jekk huwiex minnu li eċċezzjoni invokata tapplika għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-imsemmija dokumenti.

(ara l-punti 91, 92, 133, 144, 149, 150)

4.      L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jipprevedi eċċezzjoni għall‑aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata jew tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħarsien tad-data personali. Din id-dispożizzjoni hija indiviżibbli u teżiġi li l-eventwali preġudizzju għall-ħajja privata u għall-integrità tal-individwu dejjem tiġi eżaminata u evalwata b’mod konformi mal-imsemmija leġiżlazzjoni, u b’mod partikolari mar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data. Ir-Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001 ġew adottati fʼdati viċini ħafna. Huma ma fihomx dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament is-supremazija taʼ wieħed mir-regolamenti fuq l-ieħor. Bħala prinċipju għandha tiġi żgurata l‑applikazzjoni sħiħa tagħhom.

F’dan ir-rigward, mill-ewwel sentenza tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001 jirriżulta li l‑leġiżlatur tal-Unjoni semmaʼ n-neċessità li jiġi applikat l-Artikolu 6 TUE u, permezz taʼ dan, li jiġi applikat l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, meta dan l-ipproċessar isir mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fl-eżerċizzju taʼ attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni taʼ dan ir-Regolament, bʼmod partikolari dawk previsti fit-Titoli V u VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat taʼ Lisbona. Min-naħa l-oħra, tali rinviju ma jistax jirriżulta neċessarju għal proċessar li jsir fl-eżerċizzju taʼ attivitajiet li jinsabu fil-kamp taʼ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li, fʼtali każijiet, huwa, bʼmod manifest, ir-Regolament Nru 45/2001 stess li japplika.

Minn dan isegwi li, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli. Issa, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001, b’mod partikolari, jimponi, fuq id-destinatarju tat-trasferiment ta’ data ta’ natura personali, l-obbligu li juri n-neċessità tal-iżvelar ta’ din id-data. Bl-istess mod, l-Artikolu 18 tal-istess regolament, b’mod partikolari, jagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li f’kull mument topponi, għal raġunijiet konvinċenti u leġittimi marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tagħha, l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali li tirrigwardaha.

(ara l-punti 98, 99, 101, 103, 104)

5.      Fid-dawl, kemm tal-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll tal-għan tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, l-iżvelar ta’ data personali li tikkonċerna esklużivament l-applikant għal aċċess inkwistjoni ma jistax jiġi miċħud minħabba li dan jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-portata ta’ tali żvelar, għalkemm il-protezzjoni tal-interess previst fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex neċessarja fir-rigward tal-applikant għal aċċess, madankollu din għandha min-naħa l-oħra tiġi ggarantita, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, fir-rigward taʼ terzi. Konsegwentement, b’kuntrast mal-prinċipju li jgħid li l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jagħti lill-pubbliku inġenerali dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, meta d-dokumenti inkwistjoni jkun fihom data personali li tikkonċerna l-applikant għal aċċess, id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jikseb l-iżvelar tagħhom abbażi tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħti lill-pubbliku inġenerali dritt ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti.

(ara l-punti 107, 109)

6.      Fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma hijiex ir-rikorrenti li għandha tevalwa jekk persuna tistax jew le tibbenefika mill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tagħha. Fil-fatt, il-protezzjoni li għandha tingħata lid-data personali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandha tiġi żgurata fl-osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data. Issa r-regolament imsemmi l-aħħar ma jipprevedix eċċezzjoni għall-protezzjoni tad-dritt fundamentali li huwa jiggarantixxi, minħabba li d-data inkwistjoni kienet tikkonċerna persuna li ma kienx jistħoqqilha tali protezzjoni. Barra minn hekk, bʼkuntrast mal-eċċezzjoni prevista bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni prevista bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 45/2001 ma tistax titwarrab abbażi tal-eżistenza taʼ interess pubbliku superjuri.

(ara l-punti 112, 124)

7.      Skont kliem it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-aċċess għal dokument li fih opinjonijiet intiżi sabiex jintużaw internament fil-kuntest taʼ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, għandu jiġi rrifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni, fil-każ fejn l-iżvelar tad-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, dejjem sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, huwa biss għal parti waħda mid-dokumenti għall-użu intern, jiġifieri dawn li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fil-każ fejn l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

Għaldaqstant l-għan taʼ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li ċerti tipi taʼ dokumenti stabbiliti fil-kuntest taʼ proċedura, li l-iżvelar tagħhom, anki wara li din il-proċedura tkun intemmet, ikun jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġu protetti. Dawn id-dokumenti għandu jkun fihom opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminari fl-istituzzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 130-132)

8.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

(ara l-punt 181)

9.      Fir-rigward ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li jkun qed jintalab aċċess għalihom ikunu effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Hija għalhekk l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jaqax fl-ambitu tal-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ din l-eċċezzjoni hijiex reali.

F’dan ir-rigward, rifjut impliċitu ta’ aċċess jimplika, mid-definizzjoni tiegħu stess, nuqqas assolut ta’ motivazzjoni li ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(ara l-punti 182, 185-187, 198)