Language of document : ECLI:EU:C:2012:74

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-14 ta’ Frar 2012 (1)

Kawża C‑618/10

Banco Español de Crédito, SA

vs

Joaquín Calderón Camino

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 6(1) — Ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur — Rati ta’ interessi moratorji — Klawżoli inġusti — Kodiċi tal-proċedura ċivili nazzjonali — Proċedura ta’ ordni għal ħlas — Setgħa ta’ qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali għal ordni għal ħlas, biex tiddeċiedi, ex officio u in limine litis jekk klawżola dwar interessi moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx lill-konsumatur u għandhiex tkun immodifikata — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura ta’ ordni għal ħlas fid-dritt Ewropew — Direttiva 2008/48/KE — Artikolu 30 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Direttiva 87/102/KEE — Artikoli 6 u 7 — Kamp ta’ applikazzjoni materjali — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri”






Werrej


I —   Introduzzjoni

II — Il-kuntest ġuridiku

A —   Id-dritt tal-Unjoni

B —   Id-dritt nazzjonali

III — Fatti, proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V —   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

VI — Evalwazzjoni ġuridika

A —   Osservazzjonijiet preliminari

B —   Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.     Ir-rwol tal-qorti nazzjonali fil-prevenzjoni ta’ klawżoli inġusti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.     Applikabbiltà tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali

a)     L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB Pénzügyi Lízing

b)     Argumenti kontra l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għall-kawża prinċipali

i)     Paragun mal-kawża VB Pénzügyi Lízing

—       Sitwazzjoni proċedurali differenti

—       Klawżola kuntrattwali differenti

—       Konklużjoni

ii)   Konsegwenzi ta’ applikazzjoni għall-proċedura ta’ ordni għal ħlas

—       Modifika fundamentali tal-operazzjoni tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas

—       Kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali

3.     Konklużjonijiet

a)     Ebda obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni għall-qorti biex tevalwa ex officio u in limine litis il-proċedura ta’ ordni għal ħlas

b)     Awtorizzazzjoni tal-Istati Membri biex jadottaw regoli iktar stretti

C —   Fuq it-tieni domanda preliminari

D —   Fuq it-tielet domanda preliminari

E —   Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari

F —   Fuq is-sitt domanda preliminari

VII — Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        L-Audiencia Provincial ta’ Barcelona (Spanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, sensiela ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE (2), tad-Direttiva 2009/22/KE (3), tar-Regolament Nru 1896/2006 (4), tad-Direttiva 2008/48/KE (5) u tad-Direttiva 2005/29/KE (6).

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina mill-kawża bejn il-Banco Español de Crédito, SA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali” u Joaquín Calderón Camino (iktar ’il quddiem “il-konvenut fil-kawża prinċipali”) dwar rimbors ta’ self flimkien mal-interessi moratorji. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li oriġinarjament kienet għamlet it-talbiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali għal ordni għal ħlas, issa qed tieħu azzjoni ġuridika kontra deċiżjoni li l-qorti ħadet ex officio u in limine litis, li tiddikkjara nulla l-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji għal 29 %, tnaqqas ir-rata tal-interessi għal 19 % u li titlobha tipproduċi kalkolu ġdid tal-interessi qabel ma tieħu azzjoni.

3.        L-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li jiġi ddeterminat jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali hijiex obbligata, meta tevalwa l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ċivili, tevalwa ex officio jekk klawżoli kuntrattwali magħmula minn qabel, dwar interessi moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, humiex inġusti u għandhiex timmodifika l-kontenut tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tagħmel ukoll diversi domandi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed mill-istituzzjoni finanzjarja jekk il-kreditu ma jitħallasx lura, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

4.        Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fid-dritt tal-Unjoni bħalissa għaddejja minn sensiela ta’ adattamenti leġiżlattivi, li huma xhieda tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonsolida u timmodernizza l-acquis Komunitarju. Għaldaqstant, id-Direttiva 93/13 kienet suġġetta għal emendi selettivi permezz tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur (7), li tadotta l-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (8). Barra minn hekk, permezz tal-proposta tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (9), il-Kummissjoni bdiet proposta leġiżlattiva li fil-futur se tagħmel possibbli li din il-leġiżlazzjoni tiġi applikata fuq bażi volontarja għal kuntratti ta’ bejgħ transkonfinali, jekk il-partijiet formalment jesprimu x-xewqa li jkun hemm dan il-ftehim (10). Għalkemm dawn l-atti ġuridiċi ma humiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, ċertament se jkollhom influwenza importanti fuq żviluppi ulterjuri fil-qasam tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont l-Artikolu 1(1), l-għan tad-Direttiva 93/13 huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi li:

“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[...]”

7.        L-anness għad-Direttiva jinkludi lista ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu li huma inġusti f’konformità mal-Artikolu 3(3):

“1. Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

(e) jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens;

[…]”

8.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

9.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

[...]”

10.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Skont id-dritt Spanjol, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra klawżoli inġusti kienet oriġinarjament ipprovduta mil-Ley General Nru 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios (11) (Liġi Ġenerali Nru 26/1984 tad-19 ta’ Lulju 1984 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-utenti, “Liġi Nru 26/1984”). Din il-liġi kienet sussegwentement emendata bil-Ley Nru 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación (12) (Liġi Nru 7/1998 tat-13 ta’ April 1998 dwar kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali, “Liġi Nru 7/1998”), li ttrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward. Permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/2007 (Digriet Irjali Leġiżlattiv) (13) tas-16 ta’ Novembru 2007, fl-aħħar, il-Liġi Ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-utenti kienet approvata fil-verżjoni riveduta tagħha.

12.      L-Artikolu 83 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2007, jistabbilixxi l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ sejba li klawżola kuntrattwali hija inġusta. Huwa jipprovdi li “klawżoli kuntrattwali inġusti awtomatikament għandhom ikunu nulli u meqjusa li ma kinux jiffurmaw parti mill-kuntratt”. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li “l-parti tal-kuntratt li kienet meqjusa nulla għandha tkun immodifikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1258 tal-Kodiċi Ċivili u bil-prinċipju tal-bona fide. Għal dan l-għan, il-qorti li tiddeċiedi li dawn il-klawżoli huma nulli għandha timmodifika l-kuntratt u għandha tgawdi setgħat ta’ moderazzjoni fir-rigward ta’ drittijiet u obbligi tal-partijiet, meta l-kuntratt ikompli jeżisti u fir-rigward tal-konsegwenzi meta jkun deċiż li huwa ineffettiv fil-każ ta’ telf sinifikanti jew ħsara lill-konsumatur jew l-utent. Huwa biss meta l-klawżoli kuntrattwali li jibqa’ jirriżultaw fi żbilanċ fil-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet li ma jistgħux ikunu rrimedjati li l-qorti tista’ tiddeċiedi li l-kuntratt huwa ineffettiv.”

13.      L-Artikolu 1108 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol jipprovdi li jekk l-obbligu jikkonsisti fil-ħlas ta’ somma ta’ flus u d-debitur jaqa’ f’arretrati, sakemm ikun miftiehem mod ieħor, kumpens għal ħsara jew telf għandu jikkonsisti fil-ħlas tal-interessi miftiehem, fin-nuqqas ta’ ftehim bir-rata tal-interessi legali.

14.      Skont l-Artikolu 1258 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol, il-kuntratti jiġu konklużi permezz ta’ kunsens sempliċi u minn dak il-punt ’il quddiem ikunu jorbtu, mhux biss fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kwistjonijiet espressament miftiehma, iżda wkoll fir-rigward tal-konsegwenzi kollha li, min-natura tagħhom, huma skont il-bona fide, il-prassi u l-liġi.

III – Fatti, proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Fit-28 ta’ Mejju 2007, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew ftehim ta’ self għas-somma ta’ EUR 30 000 bl-iskop li tinxtara vettura. Kif jidher fid-dettall fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Perċentwal Annwali tar-Rata tal-Interessi (Annual Percentage Rate of Charge (APR)) kien ta’ 8.890 %, ir-rata tal-interessi nominali ta’ 7.95 % u r-rata tal-interessi moratorji kienet ta’ 29 %. Għalkemm il-kreditu kellu jitħallas lura sal-5 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti tterminat is-self qabel minħabba li l-konvenut fil-kawża prinċipali kien irrimborsa biss parti mis-67 pagament li kienu oriġinarjament miftiehma.

16.      Fit-8 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq proċedura ta’ ordni għal’ ħlas ta’ EUR 29 381.95 kif ukoll tal-interessi kuntrattwali u spejjeż. Fil-21 ta’ Jannar 2010, il-Juzgado de Primera Instancia n° 2 de Sabadell ħareġ ordni li tgħid li l-klawżola dwar l-interessi moratorji fil-ftehim ta’ kreditu kienet nulla, iffissa r-rata tal-interessi moratorji għal 19 % u ordna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tagħmel kalkolu ġdid tal-interessi għall-istess perijodu skont ir-rekwiżiti stipulati fl-ordni. Bħala bażi għad-deċiżjoni tagħha, il-qorti qalet li l-klawżola kuntrattwali dwar l-interessi moratorji kienet inġusta. Peress li d-dispożizzjonijiet eżaminati kienu ta’ natura vinkolanti, hija kellha s-setgħa wkoll, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, li tiddetermina ex officio li din kienet nulla.

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali issa qed tappella kontra dik l-ordni quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li tinvoka l-ħtieġa għal protezzjoni ġuridika effettiva u essenzjalment, tallega li l-ewwel qorti ma setgħetx tevalwa r-rata tal-interessi moratorji miftiehma ex officio u in limine litis, u li setgħet tagħmel dan biss wara li tkun tqajjmet oġġezzjoni f’dan ir-rigward mill-konvenut.

18.      Sabiex issolvi din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqis li hija meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk, fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali għandhiex is-setgħa, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas, li tiddetermina ex officio u in limine litis li klawżola dwar interessi moratorji hija nulla jew jekk hemmx bżonn li l-partijiet stess jikkontestaw jekk din il-klawżola hijiex nulla quddiem qorti, minbarra fil-każ ta’ klawżoli kuntrattwali li huma manifestament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet obbligatorji jew projbittivi oħra. Għal dik ir-raġuni, il-qorti ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt tal-konsumaturi u tal-utenti, jipprekludi li qorti nazzjonali tevita li tiddeċiedi ex officio u in limine litis u f’kull mument tal-proċeduri, fuq in-nullità jew le u fuq ir-reviżjoni jew le ta’ klawżola ta’ interessi moratorji (f’dan il-każ ta’ 29 %) f’kuntratt ta’ self għall-konsum? Il-qorti tista’ tagħżel, mingħajr ma tikser id-drittijiet tal-konsumatur taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tħalli l-eventwali eżami ta’ tali klawżola għall-inizjattiva tad-debitur (permezz tal-oppożizzjoni preċedurali adatta)?

2)      Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/22/KE, liema għandha tkun, għal dan il-għan, l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 83 tar-Real Decreto Legislativo [Digriet Irjali Leġiżlattiv] Nru 1/2007 (li qabel kien l-Artikolu 8 tal-Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios [Liġi Ġenerali Nru 26/1984, tad-19 ta’ Lulju 1984, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti])? X’inhi l-portata, f’dan ir-rigward, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE meta jistabbilixxi li l-klawżoli abbużivi [inġusti] “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”?

3)      L-istħarriġ ġudizzjarju ex officio u in limine litis jista’ jiġi eskluż meta r-rikorrent jindika b’mod ċar, fit-talba tiegħu, ir-rata ta’ interessi moratorji, l-ammont tad-dejn, b’mod partikolari l-ammont prinċipali u l-interessi, il-penalitajiet kuntrattwali u l-ispejjeż, ir-rata ta’ interessi u l-perijodu li fir-rigward tiegħu dawn l-interessi huma mitluba (ħlief jekk interessi legali huma awtomatikament miżjuda mal-ammont prinċipali bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini), il-kawża tal-azzjoni, inkluża deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala bażi tad-dejn u tal-intressi mitluba, u meta r-rikorrent jippreċiża jekk din hijiex rata ta’ interessi legali jew kuntrattwali, kapitalizzazzjoni tal-interessi, rata ta’ interessi tas-self, jekk din ġietx ikkalkolata mir-rikorrent, jew jekk din hijiex perċentwali ’il fuq mir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

4)      Fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, l-Artikoli 5(l) u (m), 6 u 10(l) tad-Direttiva 2008/48/KE — meta jsemmu l-“arranġamenti għall-aġġustament” — jobbligaw lill-istituzzjoni finanzjarja tindika b’mod speċifiku u separat fil-kuntratt (u mhux fil-korp tat-text, b’mod indistint), b’mod ċar u viżibbli, bħala “informazzjoni prekuntrattwali”, ir-referimenti għar-rata ta’ interessi moratorji f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas kif ukoll l-elementi meqjusa għall-iffissar tagħha (spejjeż finanzjarji, ta’ rkupru …) u tinkludi twissija dwar il-konsegwenzi relatati mal-elementi ta’ spiża?

5)      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/48/KE jinkludi l-obbligu ta’ notifika tat-tmiem antiċipat tal-kreditu jew tas-self, li jippermetti l-applikazzjoni tal-interessi moratorji? Il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikiment indebitu, stabbilt fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48/KE, huwa applikabbli meta l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha l-intenzjoni mhux biss tieħu lura l-beni (il-kapital tas-self), iżda wkoll tapplika interessi moratorji partikolarment għoljin?

6)      Fin-nuqqas ta’ regola ta’ traspożizzjoni u fid-dawl tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/29/KE, il-qorti tista’ teżamina ex officio n-natura żleali tal-prattika li tikkonsisti fl-inklużjoni fit-test ta’ kuntratt ta’ klawżola ta’ interessi moratorji?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2010.

20.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju ta’ Spanja u dak tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2011, għamlu argumenti orali r-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Gvern tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll dak tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u l-Kummissjoni Ewropea.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

22.      L-argumenti tal-partijiet sa fejn huma pertinenti, se jkunu riprodotti fl-evalwazzjoni tad-domandi individwali.

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

23.      Meta debitur ma josservax talbiet pekunjarji li jkun hemm kontrih, dan mhux dejjem ikun minħabba li jressaq oġġezzjonijiet sostantivi kontra din l-ordni. Ħafna drabi d-debitur sempliċement ma jkunx irid jew ma jkunx jista’ jħallas. F’dawn il-każijiet, mill-perspettiva tal-kreditur, ftit ikun hemm raġuni għalfejn jitlob deċiżjoni ta’ dikjarazzjoni mill-qorti kontra dak id-debitur (14). Minflok, il-kreditur ifittex modi iktar sempliċi u irħas biex jikseb strument li jista’ jkun infurzat. Ħafna Stati Membri kkunsidraw din it-talba għal metodu ssimplifikat kif jinbdew proċeduri billi introduċew fil-kodiċi ta’ proċedura ċivili tagħhom diversi proċeduri speċifiċi għall-irkupru ta’ talbiet pekunjarji (15), għalkemm l-organizzazzjoni u l-importanza prattika tagħhom tista’ tvarja konsiderevolment minn ordinament ġuridiku nazzjonali għall-ieħor (16).

24.      Peress li din il-proċedura sa issa kienet fil-biċċa l-kbira tagħha fformulata, f’xi ordinamenti ġuridiċi sabiex jitħaffef il-piż minn fuq il-qrati, il-kompetenza għall-proċedura, pereżempju, kienet iddelegata lil uffiċjali ġudizzjarji mħarrġa fil-liġi, bħall-uffiċjali ġudizzjarji jew l-assistenti tal-qorti (17), filwaqt li f’ordinamenti ġuridiċi oħrajn, qrati ċivili jkomplu jkollhom kompetenza esklużiva (18). Barra minn hekk, il-ħtieġa għal infurzar iktar sempliċi u iktar mgħaġġel wasslet biex ħafna ordinamenti ġuridiċi aċċettaw derogi mir-regoli fundamentali tal-proċedura ċivili, pereżempju fir-rigward tas-smigħ tal-partijiet jew tal-kriterju li għandu jkun applikat għas-sostenn tat-talba magħmula u l-prova (plawżibbiltà jew konklussività) (19).

25.      Evidenza tal-isforz tal-leġiżlatur biex isib soluzzjoni xierqa għall-kunflitt bejn infurzar aċċellerat minn naħa waħda u s-salvagwardja ta’ garanziji proċedurali min-naħa l-oħra, hija pprovduta fil-livell tal-Unjoni mir-Regolament Nru 1896/2006 li introduċa — flimkien mal-proċeduri nazzjonali — proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas b’rabta ma’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati fi kwistjonijiet kummerċjali u ċivili f’każijiet transkonfinali. Din il-proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas hija bbażata fuq l-esperjenza tal-Istati Membri ta’ dawn il-proċeduri ssemplifikati peress li inkorporat diversi soluzzjonijiet li kienu ppruvati f’livell nazzjonali. Dawn jinkludu pereżempju, l-għoti tal-possibbiltà li ssir kontestazzjoni meta l-konvenut ikun jixtieq iressaq oġġezzjonijiet kontra l-ordni għal ħlas, f’liema każ, bħal fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri nazzjonali għal ordni għal ħlas (20), il-proċedura titkompla quddiem qorti f’konformità mar-regoli regolari tal-proċedura ċivili (21).

26.      Dan il-każ jiffoka fuq il-proċedura Spanjola ta’ ordni għal ħlas għall-irkupru ta’ talbiet pekunjarji (“proceso monitorio”), li għandha diversi mill-karatteristiċi tipiċi msemmija iktar ’il fuq. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar liema regoli tad-dritt tal-Unjoni għandhom jissodisfaw il-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali għall-infurzar ta’ talbiet pekunjarji, f’termini tal-organizzazzjoni tagħhom, sabiex il-konsumatur ikun effettivament protett minn talbiet li ġejjin minn klawżoli inġusti fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur. B’mod speċifiku, il-każ jikkonċerna obbligu possibbli impost fuq il-qorti nazzjonali mid-dritt tal-Unjoni biex tagħti deċiżjoni, in limine litis u ex officio fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas dwar jekk klawżola inġusta fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx jew le, mingħajr ma l-evalwazzjoni tal-inġustizzja ma tkun dipendenti fuq pass proċedurali meħud mid-debitur.

27.      Għaldaqstant, in-natura sensittiva ta’ din id-domanda tinsab fil-fatt, b’mod partikolari, li evalwazzjoni tal-inġustizzja se tirrikjedi evalwazzjoni fid-dettall tad-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali mill-qorti nazzjonali, li bħala regola ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-eżistenza ta’ dan l-obbligu skont id-dritt tal-Unjoni, dan ulterjorament se jkun ifisser li l-leġiżlatur nazzjonali jkun obbligat jagħmel emendi sostanzjali għall-kodiċi tal-proċedura ċivili tiegħu sabiex jikkonforma mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fl-istess ħin, ikollu jiżgura li l-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas ma titlifx l-effiċjenza tagħha u tinżamm bħala strument għal infurzar sempliċi u irħis (22). Fl-isfond tal-fatt li din il-kwistjoni għandha rilevanza partikolari u peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja probabbilment se jkollha effetti kunsiderevoli għad-dritt tal-proċedura ċivili fl-Istati Membri, se nagħtiha importanza partikolari fl-analiżi tiegħi.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

28.      Id-domanda hija fformulata f’termini pjuttost ġenerali (“fi kwalunkwe stadju matul il-proċeduri”), fattur li jista’ jissuġġerixxi li l-qorti tar-rinviju qed tfittex kjarifika ġenerali tas-setgħat tal-qorti nazzjonali fil-prevenzjoni ta’ klawżoli inġusti. Madankollu, tali qari tad-domanda magħmula ma jikkunsidrax il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat dan is-suġġett b’mod estensiv fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Għall-kuntrarju, abbażi ta’ evalwazzjoni raġonevoli tat-talba għal deċiżjoni preliminari li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, għandu jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-protezzjoni tal-konsumatur japplikawx ukoll għall-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas. Madankollu, qabel neżamina din il-kwistjoni, jidher li huwa neċessarju li fil-qosor infakkar dawn il-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza.

1.      Ir-rwol tal-qorti nazzjonali fil-prevenzjoni ta’ klawżoli inġusti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

29.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja s-sistema ta’ protezzjoni introdotta bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur huwa f’pożizzjoni dgħajfa fil-konfront tal-bejjiegħ jew il-fornitur, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mas-setgħa tan-negozjar tiegħu kif ukoll mal-livell ta’ għarfien tiegħu. Dan iwassal lill-konsumatur biex jaqbel ma’ klawżoli li jkunu saru minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jkun jista’ jinfluwenza l-kontenut ta’ dawk il-klawżoli (23). Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Kif inhu evidenti mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (24).

30.      Sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni intenzjonata mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat diversi drabi li l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur jista’ jkun ikkoreġut biss b’azzjoni pożittiva li ma hijiex marbuta mal-partijiet attwali għall-kuntratt (25). Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija mitluba tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola (26). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-setgħa tal-qorti nazzjonali li tiddetermina ex officio jekk kwalżola hijiex inġusta tikkostitwixxi “mezz kemm biex jinkiseb ir-riżultat mixtieq mill-Artikolu 6 tad‑Direttiva 93/13, jiġifieri li jipprevjeni li konsumatur individwali jiġi marbut minn klawżola inġusta, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan imsemmi fl-Artikolu 7, peress li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel dan l-eżami, din tal-aħħar tista’ taġixxi bħala deterrent u tikkontribwixxi sabiex ikunu evitati klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa jew il-fornituri” (27). Dik is-setgħa mogħtija lill-qorti nazzjonali ġiet ikkunsidrata bħala neċessarja sabiex “tassigura lill-konsumatur protezzjoni effettiva, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju għoli li huwa ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċithom” (28).

31.      Fis-sentenza Pannon GSM (29) il-Qorti tal-Ġustizzja saħħet il-pożizzjoni proċedurali tal-konsumatur, filwaqt li ddikkjarat li l-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina, ex officio, n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali “meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan”. Is-sentenza kkjarifikat li dan l-obbligu huwa impost ukoll fuq il-qorti nazzjonali meta din tkun qed tistħarreġ il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha (30). Dik il-ġurisprudenza kienet ikkjarifikata fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 mogħtija fil-kawża VB Pénzügyi Lízing (31), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali “għandha tieħu ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tinsab fil-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża li tressqet quddiemha, u li kien ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, fl-affermattiv, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ tali klawżola” (32). B’mod partikolari fir-rigward tal-eżami tal-applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 għal kuntratt speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li “il-qorti nazzjonali għandha għalhekk, fil-każijiet kollha u indipendentement mir-regoli tal-liġi nazzjonali tagħha, tiddetermina jekk il‑klawżola inkwistjoni kinitx jew le nnegozjata individwalment bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

2.      Applikabbiltà tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali

a)      L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB Pénzügyi Lízing

32.      Mis-sentenzi kollha ċċitati hawn fuq, is-sentenza VB Pénzügyi Lízing tidher li hija l-iktar istruttiva biex tingħata risposta għall-ewwel domanda, speċjalment peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet affaċċjata bi kwistjoni simili f’dak il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija jekk qorti nazzjonali stess tosserva, meta l-partijiet f’litigazzjoni ma jkunu għamlu ebda applikazzjoni f’dak ir-rigward, li terminu kuntrattwali huwa potenzjalment inġust, tista’ tagħmel eżami ex officio bl-għan li tistabbilixxi l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dak l-eżami meta r-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan biss jekk jintalab mill-partijiet. Kif jidher ċar mis-siltiet tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss irrispondiet dik id-domanda fl-affirmattiv. Fil-fatt, hija imponiet fuq il-qorti nazzjonali obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni li tinvestiga sabiex jiġu stabbiliti l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji. Għaldaqstant irrispondiet domanda li tħalliet miftuħa fis-sentenza Pannon GSM, jiġifieri kif preċiżament għandu jsir dan. Fin-nuqqas ta’ iktar indikazzjonijiet preċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, nistgħu nassumu għaldaqstant li għandhom ikunu meqjusa r-regoli proċedurali tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru individwali.

33.      Is-siltiet mis-sentenzi ċċitati fil-punt 31 ta’ dawn il-Konklużjonijiet jissuġġerixxu li l-Qorti tal-Ġustizzja possibbilment kellha l-intenzjoni li titlaq mill-prinċipju li s-suġġett ta’ każ huwa delimitat mill-partijiet fil-proċeduri ċivili sabiex tkun żgurata l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’sitwazzjoni partikolari. Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja favur il-konsumatur. Peress li huwa impost fuq il-qorti ċivili nazzjonali l-obbligu li tinvestiga fid-dettall, hija qed tingħata l-opportunità li tintervjeni fil-proċeduri sabiex tipproteġi lill-konsumaturi, anki jekk id-dritt nazzjonali tagħha, bħala regola ma jippermettilix li tieħu t-tali azzjoni. Is-setgħa li tintervjeni tista’ tkun derivata direttament mid-dritt tal-Unjoni, bir-riżultat li regoli proċedurali nazzjonali konfliġġenti jkollhom jiġu sostitwiti, minħabba s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, rigward l-applikazzjoni tagħhom.

b)      Argumenti kontra l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għall-kawża prinċipali

34.      Għalkemm dan l-approċċ jista’ jidher mixtieq mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur, ma nqisx li huwa sempliċement possibbli li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta mingħajr restrizzjonijiet, għal proċedura bħall-proċedura ta’ ordni għal ħlas. Fl-opinjoni tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża VB Pénzügyi Lízing li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għandhom ikunu kkunsidrati l-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-proċedura ta’ ordni għal ħlas.

i)      Paragun mal-kawża VB Pénzügyi Lízing

–       Sitwazzjoni proċedurali differenti

35.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni proċedurali tal-konsumatur f’din il-kawża kienet differenti minn dik tal-kawża prinċipali u għaldaqstant fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li jsiru paraguni bejn iż-żewġ każijiet. Skont it-test tas-sentenza VB Pénzügyi Lízing rigward l-istorja proċedurali (33), saret applikazzjoni għal ordni għal ħlas kontra l-konsumatur minħabba l-ħlas pendenti ta’ self. L-ordni mitluba saret fil-proċeduri ex parte, li skont id-dritt Ungeriż, ma teħtieġx li l-qorti kkonċernata żżomm seduta jew tisma’ lill-parti l-oħra. Meta għamlet l-ordni, il-qorti tar-rinviju ma qajmet ebda kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha jew dwar il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu.

36.      Madankollu, jidher ċar ukoll mis-sentenza li l-konsumatur appella kontra l-ordni għal ħlas, bir-riżultat li l-proċedura ta’ ordni għal ħlas saret proċedura inter partes li mbagħad kienet ikkontrollata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ġenerali dwar il-proċedura ċivili (34). Għaldaqstant, għandna nassumu li nbdiet proċedura kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas inbdiet mingħajr ma l-konsumatur għamel difiża ġudizzjarja. Minflok, intervjeniet ex officio l-qorti nazzjonali billi ddikjarat il-klawżola kuntrattwali li kienet meqjusa inġusta bħala nulla. F’dan l-isfond għandna nassumu li l-approċċ żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’VB Pénzügyi Lízing huwa adattat għal proċedura ċivili fi proċedura kontenzjuża u mhux għal proċedura ta’ ordni għal ħlas.

–       Klawżola kuntrattwali differenti

37.      Għandna ninnutaw li l-kawża VB Pénzügyi Lízing kienet tikkonċerna tip kompletament differenti ta’ klawżola kuntrattwali mill-kawża inkwistjoni. Dan l-aspett huwa partikolarment importanti u jitlob eżami ddettaljat. Għandhom ikunu kkunsidrati t-tipi differenti ta’ klawżoli li l-qorti nazzjonali ġeneralment taffaċċja.

38.      Il-kawża VB Pénzügyi Lízing kienet relatata mal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur u l-konsumatur. Karatteristika partikolari ta’ dik il-klawżola pprovdiet ġurisdizzjoni territorjali esklużiva lil qorti li ma kinitx il-qorti li kien jgħix fil-ġurisdizzjoni tagħha l-konsumatur jew lil qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-post fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu, iżda lil dik li tinsab viċin l-uffiċċju rreġistrat tal-bejjiegħ jew il-fornitur kemm ġeografikament kif ukoll f’termini ta’ konnessjonijiet tat-trasport (35). F’dan ir-rigward, kif korrettement iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża VB Pénzügyi Lízing, dik il-klawżola li tattribwixxi ġuriżdizzjoni kienet simili għall-klawżola li diġà kienet is-suġġett ta’ Océano Grupo Editorial u Salvat Editores. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 24 ta’ dik is-sentenza hija kienet iddeċidiet li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva fuq qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-bejjiegħ jew il-fornitur għandu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, għandha tkun meqjusa bħala inġusta skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva peress li tikkaġuna, għall-kuntrarju tar-rekwiżit ta’ bona fide, żbilanċ sinifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur (36).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset dan bħala diskriminazzjoni serja kontra l-konsumatur, minħabba li din il-klawżola tobbliga lill-konsumatur biex jissottometti għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti li tista’ tkun ’il bogħod ħafna mid-domiċilju tiegħu, li tista’ tagħmilha diffiċli għalih biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu minħabba l-ispejjeż għall-konsumatur relatati ma’ udjenza quddiemha, b’mod partikolari fil-każ ta’ litigazzjonijiet dwar ammonti limitati ta’ flus. Għaldaqstant, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-klawżola waqgħet fil-kategorija ta’ klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li jeskludu jew jillimitaw id-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali, kategorija msemmija fil-punt 1(q) tal-Anness għad-Direttiva (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li din il-klawżola tagħti trattament preferenzjali mhux dovut lill-bejjiegħ jew lill-fornitur, peress li din il-klawżola tippermetti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur jittratta l-litigazzjoni kollha relatata mas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu f’qorti, li ma hijiex dik fil-ġuriżdizzjoni fejn jgħix il-konsumatur, li jagħmilha eħfef għall-bejjiegħ jew il-fornitur biex jirranġa biex jidher quddiemha u jkun inqas oneruż għalih li jagħmel dan (38).

40.      Għall-kuntrarju tal-kawżi VB Pénzügyi Lízing u Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, madankollu, is-suġġett ta’ din il-kawża ma huwiex ftehim li jattribwixxi ġuriżdizzjoni, iżda klawżola kuntrattwali dwar interessi moratorji. Din id-distinzjoni hija importanti peress li l-approċċ adottat minn qorti nazzjonali fi proċeduri ċivili, se jkun differenti skont it-tip ta’ klawżola fil-każ rispettiv.

41.      Kif spjegajt fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża VB Pénzügyi Lízing (39), ftehim ta’ ġuriżdizzjoni, fil-prinċipju għandhom ikunu distinti minn klawżoli li jistabbilixxu obbligi kuntrattwali ta’ natura sostanzjali. Fattur ta’ distinzjoni ta’ dawn tal-aħħar huwa li ħafna drabi jinkludu klawżoli ddettaljati li jorbtu lill-partijiet kontraenti u l-inkompatibbiltà tagħhom mar-rekwiżit ta’ buona fede mhux dejjem tkun tista’ tiġi ddeterminata prima facie, speċjalment minħabba l-kumplessità tagħhom. Għall-kuntrarju, din is-sejba ħafna drabi tirrikjedi evalwazzjoni ddettaljata mill-qorti nazzjonali b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali. Dan huwa osservat ukoll mill-Kummissjoni (40). Id-Direttiva 93/13 stess impliċitament tirrikjedi lill-qorti nazzjonali tagħmel din l-evalwazzjoni fid-dettall minħabba li, l-ewwel nett, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3, klawżola tista’ tkun meqjusa inġusta biss “jekk kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”, u dan għandu jkun determinat permezz ta’ investigazzjoni b’attenzjoni. It-tieni nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali skont id-Direttiva 93/13 għandu jiġi stmat “billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.” Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi tirrikjedi investigazzjoni tal-klawżoli inkwistjoni li tmur lil hinn minn sempliċement verifika tal-plawsibbiltà.

42.      Il-proposta għal Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, li huwa msemmi fl-introduzzjoni (41) tikkunsidra wkoll il-fatt li ċerti klawżoli ħafna drabi jirrikjedu evalwazzjoni ddettaljata sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li huma inġusti. Hija tinkludi dispożizzjonijiet relatati ma’ “klawżoli kuntrattwali inġusti” f’kuntratti bejn il-kummerċjant u l-konsumatur li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma simili għal dawk tad-Direttiva 93/13 (42). Għandu jingħad f’dan ir-rigward li l-proposta għal regolament tinkludi wkoll dispożizzjonijiet relatati mal-interessi moratorji meta d-debitur huwa konsumatur (43). Ta’ interess partikolari hija dispożizzjoni (44) li tgħid li jekk tiġi stabbilita rata tal-interessi ogħla minn dak ipprovdut fil-proposta għal regolament, din il-klawżola kuntrattwali għandha tkun meqjusa li ma torbotx u saħansitra li din il-klawżola kienet evalwata bħala inġusta skont id-dispożizzjonijiet rilevanti. L-evalwazzjoni stess hija bbażata fuq kriterji stretti simili għal dawk tad-Direttiva 93/13 (45). Il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni qattx se tidħol fis-seħħ f’din il-forma, ċertament tiddependi fuq il-perkors ulterjuri tal-proċess leġiżlattiv. Fil-każ ta’ kuntratti fil-kawża prinċipali, tal-inqas tifforma bażi utli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet għal qorti nazzjonali li hija mitluba tevalwa jekk klawżola dwar interessi moratorji hijiex inġusta, sakemm il-partijiet kontraenti jaqblu mal-applikazzjoni tad-Dritt Komuni Ewropew tal-Bejgħ.

43.      Kieku l-klawżola inkwistjoni, eċċezzjonalment ma kinitx ġuridikament standardizzata, pereżempju billi tkun inkluża f’lista ta’ klawżoli li għandhom jitqiesu bħala inġusti fi kwalunkwe każ, il-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ tevita li tagħmel evalwazzjoni pożittiva tan-natura inġusta ta’ klawżola. Madankollu, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li s-sitwazzjoni ma tistax tinbidel anki bl-istandardizzazzjoni bħad-defininizzjonijiet tal-klawżoli fl-anness għad-Direttiva 93/13. L-Anness li għalih jirreferi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, jinkludi biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli (46), li jistgħu jiġu meqjusa bħala inġusti (47). Klawżola li tidher fil-lista mhux neċessarjament għandha tkun meqjusa bħala inġusta u għall-kuntrarju, klawżola li ma tidhirx fil-lista xorta tista’ tkun meqjusa bħala inġusta (48). Għaldaqstant, mis-sempliċi fatt li klawżola tidher fil-lista ma jistax ikun konkluż li dik il-klawżola hija inġusta. Minkejja n-natura indikattiva li dan il-fattur għandu skont il-ġurisprudenza, jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni distinta u ddettaljata dwar jekk il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tistax tkun inġusta.

44.      Madanakollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta l-qorti nazzjonali tkun ikkonfrontata bi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal f’VB Pénzügyi Lízing. Kif għidt fil-punt 112 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’VB Pénzügyi Lízing, klawżola kuntrattwali li, jekk tkun riveduta, tiġi kklassifikata bħala inġusta peress li tattribwixxi ġurisdizzjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li joħorġu mill-kuntratt, lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha l-bejjiegħ jew fornitur għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu, tista’ tkun eżaminata mill-qorti nazzjonali bħala parti minn eżami, ex officio, tal-ġurisdizzjoni tagħha, f’liema każ, il-qorti ma tkunx dipendenti fuq sottomissjonijiet iddettaljati mill-partijiet. Ma kienx assolutament meħtieġ li jkun impost obbligu komprensiv li jsir eżami sabiex jintlaħaq l-għan li jkunu riveduti l-klawżoli inġusti msemmi fid-Direttiva 93/13, Tabilħaqq, din is-suppożizzjoni kienet ikkonfermata mill-pożizzjoni proċedurali fil-kawża prinċipali. Kif spjegajt fil-Konklużjonijiet tiegħi, id-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wrew li l-qorti tar-rinviju osservat qabel ma ffissat id-data tas-seduta, li r-residenza tal-konvenut ma kinitx tinsab fit-territorju ġurisdizzjonali iżda li r-rikorrent għamel l-applikazzjoni tiegħu għal ordni għal ħlas, abbażi ta’ klawżoli kuntrattwali standard, lill-qorti viċin l-uffiċċju rreġistrat tiegħu, fattur li qajjem dubji lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-dispożizzjoni kuntrattwali inkwistjoni. B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju effettivament indikat is-suspett tagħha dwar l-eżistenza ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni inġusta.

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, inqis li fil-kawża VB Pénzügyi Lízing, il-qorti nazzjonali kellha tikklassifika l-klawżola inkwistjoni bħala inġusta għall-motivi li ġejjin: l-ewwel nett, dik il-qorti kienet qed tittratta klawżola kuntrattwali li l-inġustizzja tagħha kienet evidenti fir-rigward tar-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għamlet fis-sentenza tagħha għall-kawża Océano Grupo. Għaldaqstant, jista’ jiġi korrettement ikkontestat li l-klawżola kienet suffiċjentement standardizzata bid-dritt tal-Unjoni. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju setgħet tikseb “l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji” b’mod relattivament faċli, fil-kuntest tal-eżami tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, sabiex tikkonforma mal-obbligu tagħha li tevalwa, ex officio, jekk il-klawżola kuntrattwali hijiex inġusta. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju ma kinitx dipendenti fuq evalwazzjoni ddettaljata tal-inġustizzja b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali.

46.      Jeħtieġ li nżommu f’moħħna dawn iċ-ċirkustanzi sabiex inkunu nistgħu npoġġu l-kawża Pénzügyi fil-kuntest tajjeb tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, dan minħabba li l-obbligu fuq il-qorti nazzjonali li tinvestiga ex officio, kif propost mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 56 tas-sentenza, jista’ jinftiehem biss fil-kuntest tal-fatt li, bħala regola, il-qorti ċivili nazzjonali, se teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha ex officio, u għaldaqstant tkun tista’ tistabbilixxi b’mod relattivament faċli jekk klawżola hijiex inġusta, bħal fil-kawżi Océano Grupo u VB Pénzügyi Lízing. Fil-każ ta’ klawżola sostantiva, għall-motivi li diġà semmejt, dan sempliċement mhux se jkun possibbli, speċjalment meta s-sejba ta’ inġustizzja tirrikjedi evalwazzjoni profonda. Għaldaqstant, is-sentenza VB Pénzügyi Lízing toffri soluzzjoni xierqa biex tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest taċ-ċirkustanzi partikolari biss tal-kawża prinċipali f’dak il-każ.

–       Konklużjoni

47.      Għaldaqstant nikkonkludi li mhux possibbli li l-ġurisprudenza tal-kawża VB Pénzügyi Lízing tiġi applikata għal sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali jekk hija assoċjata mal-obbligu fuq il-qorti nazzjonali biex tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas, ex officio u in limine litis, jekk klawżola dwar interessi moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur hijiex nulla.

ii)    Konsegwenzi ta’ applikazzjoni għall-proċedura ta’ ordni għal ħlas

–       Modifika fundamentali tal-operazzjoni tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas

48.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-pożizzjoni opposta u, għall-kuntrarju tal-opinjoni tiegħi, tqis li ma hemm xejn x’jipprevjeni l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-kawża VB Pénzügyi Lízing għall-kawża prinċipali fiċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq, xorta għandhom ikunu kkunsidrati l-konsegwenzi li jirriżultaw jekk jiġi applikat l-approċċ żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-proċedura ta’ ordni għal ħlas.

49.      Il-partijiet kollha jaqblu, korrettement fl-opinjoni tiegħi, li l-impożizzjoni ta’ obbligu għat-twettiq ta’ investigazzjoni ddettaljata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas u biex tittieħed deċiżjoni in limine litis jekk klawżola dwar interessi moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur hijiex nulla, twassal għal modifika fundamentali u mhix mixtieqa tal-applikazzjoni ta’ dik il-proċedura. Id-dubji espressi huma marbuta kemm mal-bżonn li jkunu salvagwardjati l-garanziji proċedurali għall-partijiet kif ukoll mal-bżonn li tinżamm għal tul ta’ żmien twil l-effiċjenza tal-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas.

50.      Sabiex jinftiehem l-ambitu ta’ dan l-obbligu impost fuq il-qorti nazzjonali mid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li nżommu f’moħħna l-importanza tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas u l-isfidi li jinħolqu b’konnessjoni mal-forma proċedurali tagħha, sabiex jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-effiċjenza u l-istat tad-dritt. Kif diġà spjegajt fl-osservazzjonijiet preliminari (49), irrispettivament mill-organizzazzjoni speċifika tagħha fl-ordinamenti ġuridiċi individwali tal-Istati Membri, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas hija maħsuba biex tiggarantixxi l-infurzar sempliċi, mgħaġġel u effiċjenti ta’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati (50). Ir-restrizzjoni għal talbiet pekunjarji mhux ikkontestati tippermetti li tkun organizzata proċedura ta’ ordni għal ħlas bħala proċedura tal-massa. Kif jgħid tajjeb il-Gvern Ġermaniż (51), il-benefiċċju tal-ħin tal-proċedura għandu rwol importanti biex jiġi evitat jew imnaqqas ir-riskju ta’ ħlas moratorju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-ispejjeż tal-proċeduri ġuridiċi jistgħu jkunu evitati wkoll.

51.      Fattur ta’ dawn il-proċeduri huwa li strument huwa maħruġ lill-applikant mingħajr proċedura orali abbażi ta’ applikazzjoni mressqa permezz ta’ formola jew talba. Għaldaqstant, il-konvenut ma jipparteċipax fil-proċedura fl-istadju qabel issir l-ordni għal ħlas. Minbarra l-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti tirrevedi ċerti kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjonijiet, b’mod partikolari jekk it-talba li tkun saret hijiex speċifikata bi preċiżjoni suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, bħala regola ma hemm ebda evalwazzjoni sostantiva tat-talba magħmula. L-applikazzjoni għal ordni għal ħlas tista’ tkun miċħuda biss jekk it-talba allegata tkun manifestament infondata (52). L-evalwazzjoni sostantiva tat-talba li tkun saret hija riservata għall-istadju inter partes tal-proċedura, li jista’ jinbeda jekk il-konvenut jappella kontra l-ordni għal ħlas. Fil-proċedura inter partes sussegwenti, qorti imbagħad dejjem tevalwa wkoll ex officio jekk ikunux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet tat-talba li tkun saret. Jekk klawżola kuntrattwali hija rilevanti għall-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ talba, il-qorti nazzjonali mbagħad tevalwa wkoll jekk hijiex inġusta jew le.

52.      Obbligu fuq il-qorti nazzjonali, biex tinvestiga ex officio u biex tiċħad l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti għandu jkun meqjus bħala ġuridikament oġġezzjonabbli sakemm il-proċedura ta’ ordni għal ħlas ma tkunx proċedura inter partes, bir-riżultat li, kieku l-qorti nazzjonali kellha tiddetermina, ex officio, li klawżola kuntrattwali kienet inġusta u tiċħad l-applikazzjoni għal ordni għal ħlas, il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jingħata ebda opportunità biex iwieġeb għall-allegazzjoni kontra tiegħu fir-rigward tal-użu ta’ klawżoli inġusti fil-prattiki kummerċjali. Id-dritt għal smigħ li huwa meqjus bħala korollarju għall-istat tad-dritt, u huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni rikonoxxut fil-ġurisprudenza (53), ma jkunx salvagwardjat kif xieraq.

53.      Dan l-obbligu fuq il-qorti nazzjonali jmur ukoll kontra ċertu limiti relatati mal-formalitajiet tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas. Għalkemm il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali se jkun evidenti f’xi każijiet, pereżempju meta t-tip ta’ klawżola inkwistjoni jkun standardizzat bil-liġi, dan mhux dejjem ikun il-każ. Kif diġà ġie spjegat, l-evalwazzjoni dwar jekk klawżola hijiex inġusta b’riferiment għar-rekwiżiti ġuridiċi fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13, tista’ tkun kumplessa (54). Barra minn hekk, jistgħu jqumu dubji dwar jekk il-klawżola inkwistjoni kinitx innegozjata individwalment f’konformità mal-Artikolu 3(1). Kif tgħid tajjeb il-Kummissjoni (55), ma jistax jiġi eskluż li l-qorti nazzjonali se tiġi kkonfrontata bil-kompitu delikat li tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-karattru inġust ta’ klawżola, anki jekk għandha dubji f’dan ir-rigward jew ma għandhiex l-informazzjoni fattwali kollha. Il-Kummissjoni ġustament tqis li jkun ġuridikament oġġezzjonabbli, jekk l-uniċi għażliet disponibbli għall-qorti li jkollha ġurisdizzjoni jkunu, minkejja xi dubji li jibqa’, jew li tiċħad l-applikazzjoni — għad-detriment tal-kreditur — jew li taċċettaha — għad-detriment tad-debitur.

54.      Jekk, għall-kuntrarju tal-intenzjoni oriġinali, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas kellha tiġi adattata sabiex tipprovdi l-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet orali, pereżempju billi tinżamm seduta, sabiex jitneħħa kull dubju u l-partijiet jingħataw id-dritt għal smigħ waqt seduta qabel ma tittieħed deċiżjoni, hemm il-biża’ li din titlef wieħed mill-benefiċċji ta’ effiċjenza ewlenin jekk sempliċement tirriproduċi l-proċedura inter partes.

55.      Għandu jitfakkar li fil-proċedura ta’ ordni għal ħlas f’xi Stati Membri, il-kompetenza ma taqax fuq imħallfin professjonali iżda sabiex jitħaffef il-piż minn fuq il-qrati, il-kompetenza hija ddelegata lil uffiċjali ġudizzjarji (56). Madankollu, fl-isfond tal-kumplessità tal-evalwazzjoni jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta u l-konsegwenzi ta’ sejba li klawżola ma torbotx lill-partijiet kontraenti, dan il-kompitu għandu jkun riżervat għal imħallef. Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 jista’ jiġi interpretat f’dan is-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali, permezz tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li teżamina fid-dettall u li tiddeċiedi in limine litis jekk klawżola fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur hijiex nulla fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, dan jirrikjedi emendi organizzazzjonali tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali. Sabiex jiġi żgurat li jkunu biss imħallfin li jittrattaw l-applikazzjonijiet għal ordnijiet għal ħlas f’każijiet ta’ drittijiet tal-konsumatur, għandhom jittieħdu prekawzjonijiet suffiċjenti. Madankollu, jekk dawn il-każijiet ikunu separati mill-proċedura normali ta’ ordni għal ħlas, dan ifisser li l-proċedura possibilment issir iktar kumplessa u l-effett li jitħaffef il-piż minn fuq il-qrati nazzjonali jkun, sa ċertu punt, intilef.

56.      Għaldaqstant nikkonkludi li l-impożizzjoni ta’ obbligu biex issir evalwazzjoni fid-dettall fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas u li tittieħed deċiżjoni in limine litis dwar jekk klawżola dwar interessi fuq ħlasijiet moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, tirriżultax f’emenda fundamentali tal-operat ta’ dik il-proċedura, fattur li jelimina benefiċċju ta’ effiċjenza importanti tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, jiġifieri l-infurzar mgħaġġel ta’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati.

–       Kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali

Id-dritt tal-proċedura ċivili fis-sistemi ta’ dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali

57.      Barra minn hekk, huwa inċert kif din l-interpretazzjoni, li għandha konsegwenzi kumplessi għall-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, tista’ realment tiġi rikonċiljata mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

58.      F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jinnomina l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u li jistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw azzjonijiet li jissalvagwardjaw id-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni (57). Fl-analiżi finali, is-setgħa miżmuma mill-Istati Membri tista’ tkun attribwita għall-fatt li d-dritt proċedurali tal-Istati Membri, fil-prinċipju ma huwiex suġġett għall-ebda armonizzazzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea ma għandha ebda setgħa ġenerali għat-tfassil tar-regolamenti f’dan il-qasam. Dan jgħodd b’mod partikolari għad-dritt tal-proċedura ċivili, li huwa s-suġġett tal-kawża inkwistjoni, għalkemm id-dritt tal-Unjoni kiseb dejjem iktar influwenza (58). L-influwenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali tal-proċedura ċivili issa ġiet trasferita fid-dispożizzjonijiet tal-proċedura ċivili f’partijiet individwali tal-leġiżlazzjoni sekondarja (59), fi prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59.      Limitazzjoni importanti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, tirriżulta fuq kollox mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, pereżempju b’konnessjoni mal-infurzar ta’ drittijiet suġġettivi attribwiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, minn naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kompetenzi li għandhom f’dan il-qasam, diskrezzjoni wiesgħa meta jistabbilixxu regoli proċedurali sabiex ikunu salvagwardjati drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi, filwaqt li min-naħa l-oħra, għamlet ċari l-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni fuq din il-kompetenza miżmuma mill-Istati Membri, u filwaqt li tinnota li l-proċeduri inkwistjoni jistgħu ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet interni simili (prinċipju tal-ekwivalenza) jew irendu prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju tal-effettività) (60).

60.      Dawn il-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza huma applikabbli wkoll għas-sistema introdotta mid-Direttiva 93/13 għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra klawżoli inġusti fi prattiki kummerċjali. Għaldaqstant, reċentement fil-kawża Asturcom Telecomunicaciones il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali fil-kuntest l-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli kuntrattwali. Dan il-każ kien jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata li tfisser li qorti jew tribunal nazzjonali li jkunu qed jisimgħu azzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata u li tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur humiex obbligati jqajmu ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur kif ukoll tannulla l-imsemmija deċiżjoni (61). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet din id-domanda b’riferiment għall-ġurisprudenza tagħha li tgħid li “id-dritt [tal-Unjoni] ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta’ proċedura li jikkonferixxu l-kwalità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni inkwistjoni” (62). Wara li nstab li hemm nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata jaqgħu taħt is-sistema ġuridika nazzjonali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar” filwaqt li fakkret li “dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas li jitmexxew b’mod li fil-prattika jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju” (63).

61.      Din is-sentenza tippermetti l-konklużjoni li, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt nazzjonali tal-proċedura ċivili huwa suġġett biss għall-prinċipji tal-ekwivalenza u l-effettività, fin-nuqqas ta’ regoli iktar speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni (64). Għaldaqstant għandu jkun meqjus li jeżisti ksur tad-dritt tal-Unjoni biss meta ma jkunx hemm konformità ma’ dawn il-prinċipji. Konsegwentement, huwa possibbli li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk hijiex meħtieġa emenda tal-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, f’konformità mal-ewwel domanda, sabiex tkun infurzata l-protezzjoni tal-konsumatur biss jekk dik il-proċedura nazzjonali li l-karatteristiċi tagħha diġà ġew deskritti, ma tikkonformax mal-prinċipji tal-ekwivalenza u l-effettività. Dan se jkun analizzat hawn taħt.

Ebda ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza

62.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jirrikjedi li regola nazzjonali tapplika mingħajr distinzjoni kemm jekk l-allegat ksur huwa tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll jekk ikun ksur tad-dritt nazzjonali sakemm ikollu għan u kawżalità simili (65). Applikat għall-kuntest speċifiku tal-protezzjoni tal-konsumatur, li huwa rilevanti f’dan il-każ, dan ifisser li għandha titqajjem il-kwistjoni jekk il-protezzjoni tal-konsumatur kontra klawżoli inġusti fi prattiki kummerċjali, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jixtieq jikseb bid-Direttiva 93/13, għandhiex l-istess garanziji proċedurali fil-livell nazzjonali bħall-protezzjoni tal-konsumatur kontra ksur ta’ pożizzjonijiet ġuridiċi simili protetti bid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jkun meqjus li jeżisti biss fil-każ ta’ regoli proċedurali komparattivament mhux favorevoli li jirregolaw l-infurzar ta’ talbiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13.

63.      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat għadd ta’ kriterji ġenerali li abbażi tagħhom se tiġi evalwata l-ekwivalenza tal-protezzjoni ġuridika nazzjonali fir-rigward tas-salvagwardjar ta’ pożizzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni. L-evalwazzjoni reali essenzjalment tikkonsisti f’paragun ta’ evalwazzjoni tar-regoli proċedurali rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-opinjoni li l-għan, il-kawża u l-elementi essenzjali ta’ rikorsi allegatament simili li jikkonċernaw id-dritt nazzjonali għandhom jintużaw bħala kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tas-similarità ta’ dawk ir-rikorsi (66). Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet ukoll li sabiex jiġi determinat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, meqjusa fit-totalità tagħha, l-iżvolġiment ta’ dik il-proċedura u l-fatturi speċjali tagħha (67).

64.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, iddelegat dan il-kompitu lill-qrati nazzjonali, sabiex tuża l-għarfien dirett tagħhom tad-dritt nazzjonali tal-proċedura (68), hija insistiet ukoll li tagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (69) u okkażżjonalment anki tagħmel is-sejbiet tagħha dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-każ speċifiku (70), jekk ikollha informazzjoni rilevanti suffiċjenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qed tipprova tagħmel xejn iktar milli tipprovdi lill-qrati nazzjonali bi gwida utli biex tgħinhom fid-deċiżjoni tagħhom (71). F’dan l-isfond, jidher li huwa permissibbli li nagħmel ftit osservazzjonijiet ġenerali dwar ċertu fatturi tal-proċedura prinċipali.

65.      Fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika fil-kawża prinċipali, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm xejn fl-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju għall-inqas li jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, id-dritt Spanjol tal-proċedura ċivili jistabbilixxi regoli inqas favorevoli li jirregolaw l-istħarriġ tal-inġustizzja ta’ klawżoli fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, skont id-Direttiva 93/13, milli għar-reviżjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur mar-regoli tad-dritt nazzjonali. Konsegwentement ma hemm xejn li jindika li l-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twassal għal ksur tal-prinċipju tal-ekwivalenza.

66.      Għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-prinċipju tal-ekwivalenza ġie osservat.

Ebda ksur tal-prinċipju ta’ effettività

67.      Fl-aħħar nett għandu jiġi eżaminat jekk il-fatturi ewlenin tal-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas humiex konsistenti mal-prinċipju ta’ effettività. Dak il-prinċipju jirrikjedi li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tkunx impossibbli jew estremament diffiċli. Għandu jsir riferiment f’dan ir-rigward għall-għan stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 “fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”. Minn perspettiva ġuridika, dak l-għan jikkostitwixxi kriterju li permezz tiegħu għandha tkun evalwata l-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas.

68.      Obbligu fuq il-qorti nazzjonali biex twettaq eżami ddettaljat u biex tiddeċiedi in limine litis dwar jekk klawżola inġusta fil-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur hijiex nulla, effettivament jipproteġi lill-konsumatur anki qabel tkun ittieħdet deċiżjoni res judicata dwar talbiet pekunjarji. Għaldaqstant, il-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas tkun issupplimentata b’mekkaniżmu preventiv ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Madankollu, huwa inċert jekk dan il-mekkaniżmu huwiex assolutament neċessarju sabiex jiggarantixxi b’mod effettiv il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti fi prattiki kummerċjali. Kif diġà semmejt, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas fl-Istati Membri ġeneralment hija organizzata b’mod li l-eżami tal-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali jiġi trasferit għal proċedura inter partes introdotta permezz ta’ rikors (72). Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura inter partes li l-qorti nazzjonali għandha l-opportunità li twettaq l-obbligu tagħha skont id-dritt tal-Unjoni biex tevalwa jekk klawżola hijiex inġusta. Fi kliem ieħor, il-konsumatur qed jingħata wkoll protezzjoni ġuridika minn din il-konfigurazzjoni, iżda bil-kundizjoni li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, juri l-volontà tiegħu li jiddefendi ruħu fid-dritt.

69.      Niddubita li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni hija affettwata minħabba li l-protezzjoni ġuridika hija dipendenti fuq turija ta’ volontà mill-konsumatur. Fil-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qiset li intervent pożittiv mill-qorti nazzjonali sabiex ikun ikkumpensat l-iżbilanċ bejn il-konsumatur u l-kummerċjant biex isir dipendenti fuq il-kunsens tal-konsumatur, huwa kompatibbli mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13.

70.      Għandu jsir riferiment, l-ewwel nett għas-sentenza Pannon GSM, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu tal-qorti nazzjonali biex ma tapplikax klawżoli li hija tqis li huma inġusti, “ħlief meta l-konsumatur jopponi dan” (73). Fil-motivi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex officio tal-qorti huwa neċessarju biex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni li hija maħsuba li tingħata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, Fl-istess ħin, ikkjarifikat li, “il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta, [...] li tevita l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jiġi avżat mill-imsemmija qorti, ma jkollux l-intenzjoni jsostni n-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha”.

71.      Għandu jsir riferiment għas-sentenza Martín Martín (74), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni dwar jekk qorti nazzjonali tistax tqajjem, ex officio, ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (75) u tiddikjara n-nullità ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva abbażi tal-fatt li l-konsumatur ma kienx informat bid-dritt ta’ xoljiment tiegħu, minkejja li din in-nullità fl-ebda mument ma ġiet invokata mill-konsumatur quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti (76). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “d-dritt Komunitarju ma jirrikjedix, fil-prinċipju, li l-qrati nazzjonali jissollevaw ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom jmorru lil hinn mil‑limiti tal-kawża ddefiniti mill-partijiet u billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom, il-parti li għandha interess li tapplika l‑imsemmija dispożizzjonijiet ibbażat it-talba tagħha” (77). Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “din il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata mill-prinċipju li jipprovdi li, l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li, għalhekk, il-qorti ma tistax taġixxi ex officio ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeħtieġ l-intervent tagħha” (78). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qiset li intervent pożittiv mill-qorti nazzjonali bħala ġġustifikat f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali peress li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/577 jaqa’ taħt l-interess pubbliku. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja b’riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi għal dak il-każ (79), “l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva għandu rwol ewlieni fl-istruttura ġenerali tagħha […] bħala garanzija essenzjali ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ tħassir, u għalhekk, tal-effett utli tal-protezzjoni tal‑konsumaturi mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju” (80). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet il-possibbiltà li tiddikjara l-kuntratt inkwistjoni null fost “il-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-konsumatur”, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ informazzjoni. Għandu jissemma wkoll, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat ukoll, b’riferiment għas-silta msemmija hawn fuq mis-sentenza Pannon GSM (81), li “il-qorti nazzjonali tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, ir-rieda tal-konsumatur li ma jħassarx il‑kuntratt inkwistjoni” (82).

72.      Fl-aħħar nett, għal darb’oħra għandu jsir riferiment għas-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tirrispondi d-domanda dwar jekk qorti jew tribunal nazzjonali adita b’rikors għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata u li tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur hijiex obbligata tqajjem ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur kif ukoll tannulla l-imsemmija deċiżjoni (83). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni importanti mal-kawża Mostaza Claro fejn osservat li, għall-kuntrarju ta’ dik il-kawża, il-konsumatur bl-ebda mod ma kien involut fid-diversi proċeduri relatati mal-litigazzjoni bejnha u bejn il-kumpannija inkwistjoni u “b’mod partikolari, hija ma ressqitx azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ [...] sabiex tikkontesta n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ, b’mod li din id-deċiżjoni sadanittant kisbet is-saħħa ta’ res judicata” (84). Kuntrarju għall-proposta tiegħi (85), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda obbligu bħal dan ma għandu jkun impost fuq qorti nazzjonali. Minflok ħalliet għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali l-kompitu li jikkjarifikaw id-domanda ppreżentata u sempliċement eżaminat jekk id-dritt Spanjol rilevanti dwar il-proċedura kienx konsistenti mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-obbligu fuq il-qorti nazzjonali biex, ex officio tevalwa jekk klawżola ta’ arbitraġġ hijiex inġusta b’konnessjoni mal-infurzar biss, sakemm, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, din l-evalwazzjoni kienet fil-verità possibbli f’rikorsi simili ta’ natura domestika (86).

73.      Il-ġurisprudenza ċċitata turi li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi individwali tal-konsumaturi, billi tagħtihom l-opportunità li jiddeċiedu indipendentiment jekk jixtiqux jużaw il-protezzjoni offruta mil-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-proċeduri ċivili, li huma kkontrollati mill-prinċipju tar-rwol attiv tal-partijiet (87). Din l-interpretazzjoni tal-pożizzjoni proċedurali tal-konsumatur hija konsistenti mal-mudell tal-konsumatur żviluppat ukoll fil-ġurisprudenza (88), li huwa “normalment informat u raġonevolmanet attent u avzat”. Fattur importanti tal-approċċ meħud f’Pannon GSM huwa li jevita li l-konsumatur ikun suġġett għal protezzjoni sfurzata u huwa bbażat fuq l-idea tal-protezzjoni tal-konsumaturi billi jipprovdilhom informazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-fatt li fil-każ speċifiku, il-konsumatur jista’ jkun jixtieq iżomm il-klawżola inkwistjoni, pereżempju fil-każ ta’ ftehim ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, meta l-konsumatur ikun jixtieq jieħu azzjoni legali fil-post ipprovdut f’dik il-klawżola (89). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher inklinata li tikkunsidra wkoll il-volontà tal-konsumatur li jirrifjuta li jżomm id-drittijiet tiegħu, kif turi s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones. F’konformità, l-obbligu impost fuq il-qrati nazzjonali mid-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur kontra klawżoli inġusti permezz ta’ intervent pożittiv jidher li huwa estiż biss sa fejn huwa permess mid-dritt nazzjonali ta’ proċedura.

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-effettività tas-sistema introdotta mid-Direttiva 93/13 ma hijiex affettwata jekk qorti nazzjonali ma tkunx mitluba tiddeċiedi, in limine litis u ex officio dwar jekk klawżola inġusta fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx lill-konsumatur. F’dan ir-rigward, nistgħu naqblu mal-opinjoni unanima tal-partijiet, li jidher li huwa suffiċjenti, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi huma protetti kontra talbiet ibbażati fuq klawżoli kuntrattwali inġusti, jekk, kif inhu meqjus b’mod ġenerali fi proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, il-konsumatur li kontrih tkun saret applikazzjoni għal ordni għal ħlas jingħata l-opportunità li jagħmel kontestazzjoni ġuridika billi jappella. Dan ma jistax jiġi meqjus bħala ksur tal-prinċipju tal-effettività.

75.      Madankollu huwa minnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonċernaw biss il-protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, ma għandniex ninsew li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 espressament jirrikjedi wkoll l-introduzzjoni ta’ mezzi adegwati u effettivi “fl-interessi ta’ [...] l-kompetituri”. Fi kliem ieħor, għandhom ikunu stabbiliti proċeduri li jikkunsidraw l-interessi taż-żewġ partijiet kontraenti b’mod ugwali. Bit-trasferiment tar-reviżjoni tal-inġustizzja għal proċedura inter partes mibdija permezz ta’ appell, huwa possibbli wkoll li tiġi evitata sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tiddetermina li ċertu klawżola kuntrattwali ma torbotx lill-konsumatur mingħajr mal-bejjiegħ jew il-fornitur jingħata opportunità minn qabel li jressaq osservazzjonijiet. Dan jiżgura b’mod adegwat l-effettività tal-protezzjoni ġuridika tal-bejjiegħ jew il-fornitur, kif targumenta tajjeb il-Kummissjoni (90).

Konklużjoni provviżorja

76.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ma jirrikjedux li jiġi impost l-obbligu fuq il-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi in limine litis u ex officio, dwar jekk klawżola inġusta fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx lill-konsumatur. Għaldaqstant ma nara ebda ħtieġa biex tiġi ristretta l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sabiex tkun infurzata l-protezzjoni tal-konsumatur.

3.      Konklużjonijiet

a)      Ebda obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni għall-qorti biex tevalwa ex officio u in limine litis il-proċedura ta’ ordni għal ħlas

77.      Għaldaqstant, nikkonkludi li ma huwiex possibbli li tiġi applikata l-ġurisprudenza VB Pénzügyi Lízing għall-kawża prinċipali. Din l-applikazzjoni hija prekluża, l-ewwel nett bid-differenza fiċ-ċirkustanzi taż-żewġ każijiet, b’mod partikolari s-sitwazzjoni proċedurali (91) — proċedura ta’ ordni għal ħlas b’kuntrast mal-proċedura inter partes — u t-tip ta’ klawżola kuntrattwali (92) — klawżola sostantiva b’kuntrast mal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni — li lilha qed tittratta l-qorti nazzjonali. Argument ulterjuri kontra l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza għall-kawża prinċipali huwa li obbligu li tittieħed deċiżjoni mill-qorti in limine litis u ex officio, dwar jekk klawżola inġusta fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx lill-konsumatur, jirriżulta f’emenda fundamentali tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas (93), li tirristrinġi l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri mingħajr ma din tkun totalment neċessarja biex tiżgura l-effettività tad-Direttiva 93/13 (94). Għaldaqstant, obbligu għal dak l-għan impost fuq il-qorti nazzjonali mid-dritt tal-Unjoni għandu jiġi miċħud.

78.      Fl-isfond tal-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix din l-azzjoni mill-qorti nazzjonali, ma huwiex kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li qorti nazzjonali tevita li tieħu deċiżjoni, ex officio u in limine litis, dwar jekk klawżola dwar interessi moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx lill-konsumatur.

b)      Awtorizzazzjoni tal-Istati Membri biex jadottaw regoli iktar stretti

79.      Madankollu, għandu jitfakkar li kif jidher ċar mill-premessa 12, id-Direttiva 93/13 twettaq mhux iktar minn armonizzazzjoni parzjali u minima ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar klawżoli inġusti (95). Espressjoni normativa fundamentali tal-approċċ ta’ armonizzazzjoni minima li fuqu hija bbażata dik id-Direttiva hija l-awtorizzazzjoni fl-Artikolu 8, li espressament tipprovdi li l-Istati Membri għandhom dritt li jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert mid-Direttiva biex ikun żgurat grad ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża, dak l-approċċ ta’ armonizzazzjoni minima jħalli lill-Istati Membri diskrezzjoni kunsiderevoli (96), li hija ristretta biss mil-limiti ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u fuq kollox mid-dritt primarju (97). Konsegwentement, fil-prinċipju, l-Istati Membri huma ħielsa li jipprovdu fir-regoli nazzjonali tagħhom ta’ proċedura ċivili, obbligu fuq il-qrati tagħhom biex jevalwaw, ex officio u in limine litis fil-proċedura ta’ ordni għal ħlas, jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

80.      It-tieni domanda preliminari jeħtieġ li tkun riformulata sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali. Kif inhi bħalissa, skont it-test tagħha, fejn titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni korretta għall-finijiet tad-Direttiva, tal-Artikolu 83 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2007 fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/22, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli fin-nuqqas ta’ suġġett ta’ interpretazzjoni ammissibbli (98).

81.      Għandu jiġi mfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, li tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (99). Għal dak l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari l-motivi tad-digriet tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu interpretazzjoni, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (100).

82.      B’kunsiderazzjoni għaż-żewġ punti mressqa fil-kawża prinċipali, kif diskuss fid-digriet tar-rinviju, u għall-ewwel domanda preliminari (jekk klawżola fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur għandhiex tkun iddikjarata nulla u jekk għandhiex tiġi mmodifikata), it-tieni domanda għandha tkun ifformulata b’mod li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tkun qed titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Din tixtieq tkun taf jekk fid-dawl tal-konsegwenzi ġuridiċi pprovduti f’dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva, ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti li ma jorbtux lill-konsumatur, għandhiex is-setgħa li tissostitwixxi klawżola kuntrattwali li kienet stabbilita li hija inġusta bi klawżola oħra li ma għandhiex tiġi meqjusa bħala inġusta.

83.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta kemm mit-test kif ukoll mill-ambitu regolatorju tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

84.      L-ewwel nett nosservaw li, id-Direttiva 93/13 ma tipprovdix speċifikament is-“sostituzzjoni” ta’ klawżoli inġusti jew setgħa ġudizzjarja f’dak ir-rigward. Minflok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva sempliċement jippreskrivi l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ tali klawżoli li ma jkunux jorbtu lill-konsumatur (101). L-istess jingħad fil-premessa 21 fil-preambolu. Din ir-regola hija obbligatorja għall-Istati Membri, fit-totalità tagħha, bir-riżultat li ma huma awtorizzati ebda derogi. Skont il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jwassal ukoll, fil-kuntest tal-implementazzjoni, għall-konsegwenza ġuridika obbligatorja u kuntrattwalment mandatorja, biex il-klawżola inġusta ma torbotx lill-konsumatur.

85.      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi li, wara li klawżola inġusta tinstab li ma torbotx lill-konsumatur, il-kuntratt għandu jkompli “jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli”, jekk ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. Il-premessa 21 fil-preambolu tgħid li “jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti”. Għaldaqstant, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jinftiehem li jfisser li, wara li l-klawżoli inġusti jkunu tneħħew, il-kuntratt għandu jkompli jeżisti f’forma mhux immodifikata bil-klawżoli l-oħra kollha, jekk dan ikun ġuridikament possibbli, li fil-prinċipju jipprekludi kwalunkwe sostituzzjoni ta’ klawżoli jew modifika tal-kuntratt.

86.      Analiżi iktar fid-dettall l-ambitu regolatorju tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, tipprovdi argumenti ulterjuri kontra s-setgħa miżmuma mill-qorti nazzjonali biex timmodifika klawżola. Kif diġà spjegajt, sejba mill-qorti nazzjonali li klawżoli inġusti ma jorbtux hija maħsuba biex tipprevjeni li l-konsumaturi jibqgħu marbuta b’dawn il-klawżoli. Madankollu, din is-sejba sservi skop ieħor għal tul ta’ żmien twil tad-Direttiva 93/13, skop li jipprevjeni li jitkompla l-użu ta’ klawżoli inġusti fi prattiki kummerċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Għal dan il-għan, kif irrikonoxxiet b’mod speċifiku l-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika l-effett dissważiv li analiżi ġudizzjarja tal-inġustizzja għandha fuq il-bejjiegħa jew il-fornituri (102).

87.      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk modifika tal-ftehim permezz tas-sostituzzjoni tal-klawżola inġusta inkwistjoni bi klawżola oħra, kif seħħ fil-kawża prinċipali, hijiex inkompatibbli mad-Direttiva 93/13, għandu jiġi eżaminat jekk tali modifika hijiex probabbilment se jkollha effett negattiv fit-tul fuq l-impatt dissważiv tal-evalwazzjoni tal-inġustizzja. Dan ifisser li l-effettività tad-Direttiva ma tistax tibqa’garantita, fattur inkompatibbli mal-projbizzjoni li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali li jikkompromettu l-għanijiet ta’ direttiva.

88.      Tali emenda għall-ftehim tfisser li jonqsu kunsiderevolment ir-riskji għal bejjiegħ jew fornitur mill-użu ta’ klawżoli inġusti fi prattiki kummerċjali. Filwaqt li bejjiegħ jew fornitur għandu motivi biex jibża’ li, permezz tas-sejba li klawżola ma torbotx, huwa jkompli jkun marbut bi ftehim li jista’ jkun inqas vantaġġuż għalih, modifika fuq il-linji deskritti iktar ’il fuq, fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta f’li l-klawżoli tal-kuntratt jiġu modifikati skont il-liġi u għaldaqstant għal stat li huwa aċċettabbli għall-bejjiegħ jew il-fornitur (103). Madankollu, anki f’sitwazzjonijiet fejn l-inġustizzja ta’ klawżola waħda jew iktar twassal għall-invalidità kumplessiva tal-ftehim, il-bejjiegħ jew il-fornitur jista’ jiddependi fuq il-fatt li l-ftehim xorta jibqa’ validu, li jista’ ma jkunx fl-interess tal-konsumatur. Il-prospett li l-motivi tal-invalidità jistgħu jiġu kkoreġuti kif ukoll il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tar-riskji għall-bejjiegħ jew il-fornitur, jista’ jkollu effett il-kuntrarju ta’ dak mixtieq mil-leġiżlatur. Fil-fatt dan jista’ jagħtih inċentiv sempliċement biex “jittanta xortih” u biex jinkludi kemm jista’ jkun klawżoli inġusti fil-ftehim bit-tama l-qorti nazzjonali ma tagħtix każ il-biċċa l-kbira tagħhom. Kif tosserva tajjeb il-Kummissjoni (104), il-bejjiegħ jew il-fornitur, jista’ jħossu pprovokat minn din is-sitwazzjoni ġuridika, speċjalment minħabba li huwa ma għandu xejn x’jitlef billi jipprova jimponi l-klawżoli tiegħu fuq il-konsumatur. Dawn l-eżempji juru li l-possibbiltà ta’ modifika sussegwenti tal-ftehim mill-qorti, mhux biss tinnewtralizza l-effett dissważiv tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, talli jkollha effett kuntrarju. L-għanijiet tad-Direttiva 93/13 ikunu ġew kompromessi.

89.      Fl-isfond ta’ din is-sejba, l-effettività tad-Direttiva 93/13 għandha titqies bħala affettwata. Konsegwentement, xieraq li r-risposta għad-domanda preliminari tingħata fis-sens li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 83 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2007 li jawtorizza qorti nazzjonali tissostitwixxi klawżola kuntrattwali inġusta bi klawżola oħra li ma tkunx meqjusa bħala tali (105). Il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta u tapplika dik id-dispożizzjoni nazzjonali f’konformità mad-Direttiva. Meta tapplika d-dritt intern tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u l-għan tad-direttiva kkonċernata sabiex tikseb ir-riżultat mixtieq mid-direttiva u konsegwentement tikkonforma mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (106).

D –    Fuq it-tielet domanda preliminari

90.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun ċerta jekk huwiex possibbli stħarriġ ġudizzjarju ex officio u in limine litis minn qorti meta ċerti aspetti ta’ ftehim dwar kreditu huma spjegati b’mod ċar, kif tipprevedi l-proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas. Hija tirreferi għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 li joħloq proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, li jgħid li applikazzjoni għal proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas għandha tiddikjara ċertu informazzjoni li hija stabbilita fid-dettall fil-paragrafu 2. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqajjem l-ipoteżi li l-ispeċifikazzjoni ta’ ċertu rekwiżiti sostantivi possibbilment tista’ tikkumpensa għan-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ reviżjoni in limime litis (107). Il-motiv għal dawn ir-raġunijiet jidher li hu, skont il-qorti tar-rinviju, li din l-informazzjoni ma hijiex meħtieġa fid-dritt Spanjol.

91.      Madankollu, jibqa’ mhux ċar x’inhu l-għan attwali tad-domanda. Min-naħa, id-domanda tista’, kif jissuġġerixxu l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni (108), tiġi meqjusa bħala ipotetika u, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inammissibbli peress li titlob interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006, speċjalment minħabba li l-kawża prinċipali tikkonċerna esklużivament proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas li hija suġġetta biss għar-regoli ta’ proċedura ċivili tad-dritt Spanjol. Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li tiddeċiedi (109), sakemm ma jkunx jidher b’mod evidenti li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fir-realtà, twassalha biex tiddeċiedi permezz ta’ kawża fittizja jew biex tifformula opinjonijiet dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-effettività jew mas-suġġett tal-kawża jew anki li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa biex tipprovdi soluzzjoni utili għall-kwistjonijiet li jiġu ppreżentati quddiemha (110).

92.      Madankollu, il-karattru ipotetikament superfiċjali tad-domanda jintilef jekk tinftiehem, fid-dawl ta’ spjegazzjonijiet ulterjuri li għamlet il-qorti tar-rinviju, bħala li qed titlob kjarifika ta’ liema kriterji jistgħu jiġu dedotti mir-Regolament Nru 1896/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti sostantivi għal applikazzjoni għal proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas. Huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju qed tikkunsidra “applikazzjoni mutatis mutandis” tar-Regolament Nru 1896/2006. Madankollu, applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 effettivament tarmonizza d-dritt nazzjonali ta’ proċedura ċivili, li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Kif huwa evidenenti mill-premessa 10 fil-preambolu tar-Regolament “il-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament għandha sservi ta’ mezz addizzjonali u fakultattiv għal pretendent, li jibqa’ liberu li jirrikorri għal proċedura prevista fil-liġi nazzjonali”. Il-kunċett ta’ proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas żviluppata mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala proċedura addizzjonali u fakultattiva għall-irkupru transkonfinali ta’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati juri li l-proċeduri nazzjonali u Ewropej kienu intenzjonati li jeżistu flimkien (111). Ir-relazzjoni bejn ir-regolament u d-dritt nazzjonali hija kkjarifikata iktar mit-tieni sentenza, li espressament tiddikjara li “dan ir-Regolament la jissostitwixxi u lanqas jarmonizza l-mekkaniżmi eżistenti għall-irkupru ta’ talbiet mhux ikkontestati taħt il-liġi nazzjonali”. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li mir-Regolament Nru 1896/2006, jiġi dedott xi rekwiżit li jorbot (112) għall-forma sostantiva ta’ applikazzjoni għal proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas.

93.      Minkejja dan, ir-risposta għat-tielet domanda tirriżulta mill-kummenti tiegħi dwar l-ewwel u t-tieni domandi. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma humiex rikjesti mid-dritt tal-Unjoni biex jipprovdu, fil-proċeduri nazzjonali tagħhom ta’ ordni għal ħlas, evalwazzjoni ex officio u in limine litis tal-qorti dwar jekk klawżoli kuntrattwali humiex inġusti fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ordni għal ħlas. Madankollu, jistgħu jordnaw dan fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur bis-saħħa tad-dispożizzjoni li tippermettilhom dan fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13.

E –    Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari

94.      Niddubita wkoll jekk huwiex neċessarju li nirrispondi r-raba’ domanda. Peress li qed titlob interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi osservat li din id-direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Hija kienet adottata fit-23 ta’ April 2008 u daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, filwaqt li l-perjodu ta’ traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali skada fit-12 ta’ Mejju 2010. Madankollu, il-ftehim ta’ kreditu kkontest ġie konkluż fit-28 ta’ Mejju 2007 jiġifieri, qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2008/48.

95.      Filwaqt li d-Direttiva 2008/48 tipprovdi miżuri tranżizzjonali, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 30 tad-Direttiva, li jgħid speċifikament li d-direttiva ma tapplikax għal ftehim ta’ kreditu eżistenti fid-data meta daħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali. L-unika eċċezzjonijiet għal din id-dispożizzjoni huma l-Artikoli 11, 12, 13 u 17, it-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1), u l-Artikolu 18(2), li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “jiġu applikati anki għal ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi nazzjonali”. Madankollu, dawn ma jinkludux l-Artikoli 5(1)(l) u (m) u 6(1)(i) u l-Artikolu 10(2)(1), li jimponu fuq il-kreditur ċertu rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali dwar min qed jissellef u huma s-suġġett tad-domanda. Madankollu, li l-qorti nazzjonali tingħata risposta utli billi ma titqiesx id-Direttiva 2008/48 iżda l-prekursur tagħha jiġifieri d-Direttiva 87/102, li hija applikabbli ratione temporis, għandu wkoll diffikultajiet kbar, peress li d-Direttiva tal-aħħar ma tinkludi ebda regola korrispondenti għad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tad-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant interpretazzjoni tad-Direttiva 87/102 ma tistax tipprovdi risposta għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

96.      Fid-dawl tal-fatt li r-raba’ domanda ma għandha ebda impatt fuq il-kawża prinċipali, ma hemmx bżonn li nirrispondi din id-domanda. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tinnota li d-Direttiva 2008/48 ma hijiex applikabbli ratione temporis.

97.      Fir-rigward tal-ħames domanda, l-ewwel nett jidher neċessarju li jiġi osservat l-iżball li l-qorti tar-rinviju evidentement għamlet meta fformulat dik id-domanda. Peress li d-dispożizzjonijiet iċċitati ma għandhom ebda konnessjoni mal-kontenut regolatorju riprodott, kif tgħid tajjeb il-Kummissjoni (113), għandna nassumu li l-qorti nazzjonali qed tirreferi għall-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 87/102. Id-dritt għall-informazzjoni u l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu huma stabbiliti fid-Direttiva 87/102 u mhux fid-Direttiva 2008/48 li hija ċċitata mill-qorti tar-rinviju.

98.      Jekk din is-suppożizzjoni hija korretta, allura għandu jiġi eżaminat jekk id-domanda tistax titqies relevanti wkoll għad-deċiżjoni fid-dawl tal-problemi speċifiċi mqajma fil-kawża prinċipali.

99.      Ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jissuġġerixxi li fil-kawża prinċipali se tinqala’ problema b’konnessjoni mal-obbligu impost fuq il-kreditur mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 87/102 li jinforma lill-konsumatur “waqt il-perjodu tal-ftehim [...] b’kull tibdil fir-rata ta’ interessi ta’ kull sena jew bl-imposti rilevanti fiż-żmien li fih iseħħu”. Minbarra dan, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 87/102 dan l-obbligu jikkonċerna biss ftehim bejn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjaraja u konsumatur għall-għotja ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem f’kont kurrenti. Peress li, skont l-informazzjoni fattwali disponibbli, il-ftehim ta’ kreditu kkontestat jidher li ma jaqax taħt din il-kategorija ta’ ftehim ta’ kreditu, ma hemmx bżonn lanqas ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 87/102 sabiex tingħata deċiżjoni għall-kawża prinċipali.

100. Lanqas ma tidher li hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 87/102 sabiex tingħata deċiżjoni għall-kawża prinċipali. Din id-dispożizzjoni tad-direttiva tispula li “fil-każ ta’ xi kreditu mogħti għax-xiri ta’ xi oġġetti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex jittieħdu lura l-merkanzija, b’mod partikulari jekk il-konsumatur ma jkunx ta l-kunsens tiegħu”. L-artikolu jistipula wkoll li l-Istati Membri “iridu jiżguraw li meta l-kreditur jerġa’ jieħu lura l-merkanzija l-kont ta’ bejn il-partijiet irid isir b’mod li jiġi żgurat li t-teħid lura ma jinvolvix xi stagħnar mhux iġġustifikat”. Madankollu, ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jindika li fil-kawża prinċipali se tinqala’ problema b’konnessjoni mat-teħid lura tal-merkanzija lill-kreditur. Il-qorti tar-rinviju possibbilment qed tippreżenta sitwazzjoni li tista’ tinqala’ fejn, minħabba li l-konsumatur naqas milli jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-bejjiegħ jew il-fornitur jista’ jitlob il-ħlas lura tal-kreditu, f’liema każ tinqala’ d-domanda jekk huwiex intitolat għal interessi moratorji, li huma meqjusa inġusti. Il-ħlas ta’ dawn l-interessi inkella jista’ jitqies bħala arrikkiment indebitu. Madankollu, ma hemm ebda evidenza fid-deċiżjoni tar-rinviju li tissuġġerixxi li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tikkjarifika din id-domanda.

101. Fid-dawl ta’ dak li intqal sa issa, nikkonkludi li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domandi preliminari.

F –    Fuq is-sitt domanda preliminari

102. Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment għandha l-għan li tiżgura jekk l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-qorti nazzjonali tevalwa, ex officio, in-natura inġusta ta’ prattika kummerċjali li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali dwar interessi moratorji.

103. Id-dispożizzjoni tad-direttiva li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha fid-domanda, tistabbilixxi għan ġenerali li għandhom jiksbu l-Istati Membri permezz ta’ miżuri leġiżlattivi. Huma għandhom “jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiki kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi”. Tali mezzi jinkludu dispożizzjonijiet ġuridiċi li permezz tagħhom ikun possibbli tittieħed azzjoni ġuridika kontra prattiki kummerċjali inġusti u/jew li dawn il-prattiki kummerċjali inġusti jitressqu quddiem awtorità amministrattiva kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar ilmenti jew biex tibda proċeduri ġudizzjarji xierqa. Għaldaqstant nistgħu ngħidu li sabiex ikunu miġġielda prattiki kummerċjali inġusti, id-Direttiva 2005/29 tippermetti t-twaqqif kemm ta’ proċedura ġudizzjarja kif ukoll ta’ proċedura amministrattiva fuq livell nazzjonali.

104. Għall-finijiet tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel varjant biss huwa relevanti peress li l-punti ta’ liġi mressqa huma relatati mal-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas quddiem qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward għandu jingħad li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/29 jattribwixxi setgħat estensivi fuq il-qrati tal-Istati Membri, li huma definiti. Dawn is-setgħat jinkludu l-adozzjoni ta’ projbizzjonijiet tal-qorti ta’ prattiki kummerċjali inġusti, l-għoti ta’ għajnuna temporanja u l-ordni ta’ miżuri biex jiġu eliminati l-konsegwenzi ta’ dawn it-tipi ta’ prattiki kummerċjali.

105. F’konformità mat-test ċar ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva, madankollu, dawn is-setgħat għandhom jingħataw mill-Istati Membri matul it-traspożizzjoni tad-direttiva, b’kunsiderazzjoni għal ċerti rekwiżiti minimi skont id-dritt tal-Unjoni (114). L-Istati Membri jgawdu wkoll margni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni (115). Id-Direttiva 2005/29 tarmonizza kompletament ir-regoli materjali dwar prattiki kummerċjali inġusti ta’ impriżi fil-konfront tal-konsumaturi (116), iżda mhux tal-istrumenti proċedurali sabiex jiġu miġġielda dawn it-tip ta’ prattiki kummerċjali. Fir-rigward tad-domanda tal-applikabbiltà diretta tad-Direttiva 2005/29, li talludi għaliha l-qorti nazzjonali billi tirreferi għan-nuqqas evidenti ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29 fi Spanja, l-opinjoni tiegħi tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li saru hawn fuq bir-riżultat li dan mhux speċifikament previst u li din il-possibbiltà ma kinitx prevista f’konformità mal-għan regolatorju tad-Direttiva 2005/29. Argument kontra l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 għall-qrati nazzjonali jista’ jkun li huwa evidenti mill-Artikolu 11(1) li l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri l-ewwel jiżguraw l-implementazzjoni tad-direttiva. L-istabbiliment ta’ mezzi adegwati biex ikunu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti għalhekk jidher li huwa kundizzjoni essenzjali għall-implementazzjoni tal-għanijiet tad-direttiva fil-livell nazzjonali (117).

106. Minkejja din l-interpretazzjoni, għandu jingħad fir-rigward tar-relevanza tat-talba għad deċiżjoni preliminari li ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jindika li l-qorti tal-prim’istanza kkunsidrat ukoll l-inklużjoni tal-klawżola kuntrattwali dwar interessi moratorji, li hija qieset li hija inġusta, bħala prattika kummerċjali inġusta skont it-tifsira tad-Direttiva 2005/29. Il-qorti tar-rinviju, li kienet l-ewwel li qajmet id-domanda tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29 fil-kawża prinċipali, sempliċement issemmi “prattika kummerċjali possibbilment inġusta” (118), mingħajr ebda evidenza bħala sostenn għal din is-suppożizzjoni. Jista’ sempliċement jiġi preżunt li, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest ġenerali, li fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, l-inġustizzja tal-prattika kummerċjali tinsab fl-iffissar ta’ rata eċċessivament għolja ta’ interessi moratorji. Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit preċiżament, mill-ftit spjegazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni tar-rinviju, jekk il-qorti tar-rinviju inkludietx il-fatti realment skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Jirriżulta li t-talba għal interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 ma għandha ebda konnessjoni mal-kawża prinċipali. F’dan l-isfond, id-domanda għandha titqies bħala purament ipotetika, kif jargumentaw il-partijiet. Għaldaqstant, is-sitt domanda għandha tiġi iddikjarata inammissibbli.

VII – Konklużjoni

107. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari li saru mill-Audiencia Provincial de Barcelona kif ġej:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata li ma tirrikjedix li qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas, għandha tiddeċiedi ex officio u in limine litis jekk klawżola dwar interessi moratorji fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur torbotx lill-konsumatur, sakemm l-evalwazzjoni dwar jekk dik il-klawżola hijiex inġusta tista’ tiġi trasferita, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura nazzjonali, għal proċedura inter partes li għandha tinbeda permezz ta’ appell imressaq mid-debitur, li fih il-qorti nazzjonali tingħata l-opportunità li tikseb l-elementi neċessarji ta’ liġi u ta’ fatt biex jagħmlu din l-evalwazzjoni.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizza qorti nazzjonali biex timmodifika ftehim mal-konsumatur sabiex tissostitwixxi klawżola kuntrattwali inġusta bi klawżola oħra li ma hijiex inġusta.

3)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea ma humiex applikabbli għal proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


       Lingwa tal-proċedura: l-Ispanjol


2 —      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, (ĠU L 95, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3 —      Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30).


4 —      Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas [ta’ ordni għal ħlas] Ewropea (ĠU L 399, p. 1).


5 —      Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66).


6 —      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p 22).


7 —      Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64). Skont l-Artikolu 28(1), l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva fid-dritt tagħhom sat-13 ta’ Diċembru 2013.


8 —      L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/83, li huwa miżjud fid-Direttiva 93/13 bħala l-Artikolu 8a, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi nazzjonali f’ċerti oqsma, speċjalment b’relazzjoni għall-estensjoni tal-ambitu tal-evalwazzjoni sostantiva skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u l-introduzzjoni ta’ listi nazzjonali ta’ klawżoli kuntrattwali li għandhom ikunu meqjusa bħala inġusti.


9 —      Proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2011 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ [COM(2011)635 finali)].


10 —      Fis-snin reċenti l-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex toħloq strument ta’ dritt Ewropew tal-kuntratti. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Dritt Ewropew tal-Kuntratti iktar koerenti — Pjan ta’ Azzjoni”, li kienet ippreżentata fl-2003, ipproponiet il-formula ta’ “qafas komuni ta’ riferiment” bħala strument li fih wieħed jista’ jipparteċipa jew le li jkun jinkludi regoli komuni u terminoloġija komuni għad-dritt Ewropew tal-kuntratti. Sussegwentement, l-“iStudy Group on a European Civil Code”, netwerk internazzjonali ta’ riċerkaturi, fassal abbozz akkademiku ta’ qafas komuni ta’ riferiment (Common Framework of Reference (CFR), li elenka l-“Principles of European Contract Law” (PECL) li għamlet il-‘Kummissjoni Lando’. Abbażi ta’ dan ix-xogħol preparatorju, f’April 2010, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta’ esperti li kien inkarigat biex jistabbilixxi qafas komuni ta’ riferiment għad-dritt Ewropew tal-kuntratti, grupp li ppreżenta studju dwar il-fattibbiltà fit-3 ta’ Mejju 2011. Ara, fir-rigward tal-isforzi biex jinħoloq Kodiċi Ewropew tad-Drittijiet tal-Konsumaturi, O. Lando, “On a European Contract Law for Consumers and Businesses — Future Perspectives”, Towards a European Contract Law (ed.. von Reiner Schulze/Jules Stuyck), Munich 2011, p. 203 et seq u D. Mazeaud, “Unfairness and Non-negotiated Term”, op. cit., M. Hesselink, “The Consumer Rights Directive and the CFR: two worlds apart?”, European review of contract law, Vol. 5 (2009), Nru 3, p. 290; R. Zimmermann, “The present state of European private law”, The American journal of comparative law, Vol. 57 (2009), Nru 2, p. 479.


11 —      BOE Nru 176 tal-24 ta’ Lulju 1984.


12 —      BOE Nru 89 tal-14 ta’ April 1998.


13 —      BOE Nru 287 tat-30 ta’ Novembru 2007.


14 —      Ara U. Gruber, Europäisches Zivilprozess- und Kollisionsrecht — Kommentar (ed. von Thomas Rauscher), Munich 2010, p. 274, punt 1.


15 —      L-Istati Membri kollha jippruvaw jittrattaw il-kwistjoni ta’ rkupru tal-massa ta’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati permezz tal-qrati tagħhom mill-perspettivi nazzjonali tagħhom fil-kuntest tas-sistemi proċedurali u t-tradizzjonijiet tagħhom. Is-soluzzjonijiet introdotti jvarjaw ħafna, kemm fin-natura teknika tagħhom kif ukoll fis-suċċess tagħhom. F’xi Stati Membri, evalwazzjonijiet ex officio, proċeduri sommarji partikolari fl-istruttura ta’ proċedura ċivili ordinarja jew anki miżuri provviżorji li huma kważi-definittivi, peress li fil-prattika kważi qatt ma jkun hemm proċeduri ewlenin, huma l-istrumenti proċedurali prinċipali li jitrattaw it-talbiet pekunjarji mhux ikkontestati. F’diversi Stati Membri, madankollu, proċedura għal ordni ta’ ħlas uriet li hija strument partikolarment ta’ valur li jiżgura l-ġbir mgħaġġel u mhux għoli ta’ talbiet pekunjarji li ma humiex suġġetti għal kawża. Oriġinarjament, 11-il Stat Membru, (l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja u l-Lussemburgu, il-Portugall, Spanja, u l-Isvezja) inkludew din il-proċedura bħala parti integrali tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili tagħhom, bl-injonction de payer fi Franza u l-Mahnverfahren fil-Ġermanja jkunu l-iktar eżempji famużi. Fl-1999 kienet introdotta proċedura simili fi Spanja (proceso monitorio) [ara l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar proċedura Ewropea għal ordni tal-ħlas u dwar miżuri għas-semplifikazzjoni u t-tħaffif ta’ deċiżjoni ta’ kawżi ta’ ammonti żgħar, COM(2002)746 finali]. Dan l-iżvilupp huwa xhieda tal-apprezzament li qed jikber ta’ din it-tip ta’ proċedura fl-Unjoni Ewropea kollha.


16 —      Ara B. Hess, Europäisches Zivilprozessrecht, Heidelberg 2010, p. 556, § 10, punt 40.


17 —      Ara pereżempju fir-rigward tar-regoli dwar ġurisdizzjoni fil-Ġermanja, H. Prütting / M. Gehrlein, ZPO — Kommentar, 2. Auflage, Köln 2010, p. 1455, § 689, punt 2; W. Zeiss/K. Schreiber, Zivilprozessrecht, 10 edizzjoni, p. 305, fl-Awstrija W. Rechberger / D.‑A. Simotta, Grundriss des österreichischen Zivilprozessrechts, Vjenna, 2003, p. 302, punt 515/3 u fi Spanja E. Alonso Crespo, “Algunos medios preventivos o alternativos del proceso civil atribuidos al secretario judicial”, Estudios jurídicos, 2004, p. 6687 u A. M. Rodríguez Tirado, Las funciones procesales del Secretario judicial, Barcelona 2001, li jitrattaw rispettivament, l-istatus tar-Rechtspflegers Ġermaniż u Awstrijakk u tas-secretario judicial Spanjol fis-sistema għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.


18 —      Ara, pereżempju, fir-rigward tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fi Franza, S. Guinchard, Droit et pratique de la procédure civile, Paris 2004, p. 629 u fl-Italja A. De Stefano, Procedura Civile, Milano, 2010, p. 662, punt 5144.


19 —      Bħal ma jispjega B. Sujecki, “Das Europäische Mahnverfahren”, Neue Juristische Wochenschrift, 2007, p. 1625, billi juża l-eżempju tal-kliem fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, li jirrikjedi interpretazzjoni, ambitu limitat għal reviżjoni bir-riżultat li ma huwa neċessarju ebda test tal-konklussività, iżda li talbiet manifestament bla bażi jkunu miċħuda huwa maħsub biex jippermetti evalwazzjoni minn uffiċjal tal-liġi f’livell iktar baxx minn dak ġudizzjarju. Dan l-ambitu ta’ reviżjoni jippermetti wkoll evalwazzjoni kompletament awtomatika tal-applikazzjonijiet għal ordnijiet għal ħlas, li b’riżultat tagħhom, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas għandha l-effett mixtieq tar-razzjonalizzazzjoni ta’ proċessi u t-tħaffif tal-piż minn fuq il-qrati.


20 —      Ara fir-rigward tar-regoli fi Franza, S. Guinchard, op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 631, fil-Ġermanja W. Zeiss/K. Schreiber, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 306, punt 779, fl-Awstrija, W. Rechberger/D.‑A. Simotta, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 304, punt 515/7 u fl-Italja, A. De Stefano, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 671, punt 5210.


21 —      Ara U. Gruber, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), p. 275, punt 3, li jgħid li l-proċedura skont ir-Regolament Nru 1896/2006 hija bbażata fuq l-idea bażika bħall-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas. Il-kreditur huwa mistenni jikseb strument eżekuttiv fi proċedura sempliċi, mgħaġġla, u irħisa. Il-proċedura tiġi trasferita għal proċeduri ċivili regolari biss meta d-debitur jagħmel kontestazzjoni.


22 —      Ara E. Alonso Crespo, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 6687; W. Rechberger/D.‑A. Simotta, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 301, punt 515/2, li jelenkaw il-benefiċċji tal-kisba ta’ strument irħis li jista’ jkun infurzat bl-użu ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas.


23 —      Ara s-sentenzi maqgħuda tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra I‑4941, punt 25), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, Ġabra I‑10421, punt 25).


24 —      Ara s-sentenzi Mostaza Claro (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), punt 36, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 25). Għal kritika ta’ din il-ġurisprudenza, ara M. Hesselink, “Unfair Terms in Contracts Between Businesses”, Towards a European Contract Law (ed. Reiner Schulze/Jules Stuyck), Munich 2011, p. 132 et seq.


25 —      Ara s-sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 27), u Mostaza Claro (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 26), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, Ġabra I‑9579, punt 31).


26 —      Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25) punt 32. Fir-rigward l-istħarriġ mill-qorti tal-kontenut tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ fid-dawl tal-prinċipju ta’ bona fide, ara J. Basedow, “Der Europäische Gerichtshof und das Privatrecht“, Archiv für die civilistische Praxis, Vol. 210 (2010), p. 172 et seq.


27 —      Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, Ġabra I‑10875, punt 32), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 27).


28 —      Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 33), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 28).


29 —      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, I‑4713).


30 —      Ibid, punt 35.


31 —      C‑137/08, Ġabra p. I‑10847.


32 —      Ibid, punt 56.


33 —      Ibid., punt 14 et seq.


34 —      Ibid., punt 18.


35 —      Ibid., punt 52.


36 —      Ibid., punt 53.


37 —      Ibid., punt 54.


38 —      Ibid., punt 55.


39 —      Ara l-Konklużjonijiet li ppreżentajt fis-6 ta’ Lulju 2010 fil-kawża Pénzügyi, (C-137/08, Ġabra p. I‑10847, punt 113).


40 —      Ara l-punt 65 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


41 —      Ara l-punt 4 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


42 —      Ara l-Kapitolu 8 (Artikoli 79 sa 86 — “klawżoli tal-kuntratt inġusti”) tal-proposta għal regolament.


43 —      Ara l-Parti VI, il-Kapitolu 16, Taqsima 2 (Artikoli 166 sa 171 — “Interessi Moratorji: dispożizzjonijiet ġenerali”) tal-proposta għal regolament.


44 —      L-Artikolu 167(3) tal-proposta għal-regolament jipprovdi li: “Kundizzjoni kuntrattwali li tiffissa rata ta’ imgħax ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 166, jew żmien li minnu jibda jiddekorri l-imgħax iktar kmieni miż-żmien speċifikat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma huwiex vinkolanti sa fejn dan ikun inġust skont l-Artikolu 83”.


45 —      L-Artikolu 83(2) tal-proposta għal regolament jiddefinixxi l-kriterji (it-trasparenza tal-kundizzjoni kuntrattwali, in-natura ta’ dak li għandu jkun ipprovdut skont il-kuntratt, iċ-ċirkustanzi prevalenti matul il-konklużjoni tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet kuntrattwali l-oħrajn, il-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe kuntratt ieħor li fuqu jiddependi l-kuntratt) li abbażi tagħhom għandha tkun evalwata l-inġustizzja tal-klawżola kuntrattwali. Din id-dispożizzjoni hija mmudellata fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13.


46 —      Skont il-premessa 17 tal-preambolu tad-Direttiva 93/13, għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-lista ta’ klawżoli annessa tista’ tkun ta’ valur indikattiv biss u, minħabba l-kawża tal-karattru minimali tad-Direttiva, l-iskop ta’ dawn il-klawżoli jista’ jkun is-suġġett ta’ amplifikazzjoni jew ta’ editjar iktar restrittiv mill-Istati Membri fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.


47 —      Ara s-sentenzi Pannon GSM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 38) u tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C-237/02, Ġabra p. I‑3403, punt 20).


48 —      Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑478/99, Ġabra p. I‑4147, punt 20), u tal-21 ta’ Novembru 2002, Freiburger Kommunalbauten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 20).


49 —      Ara l-punt 23 et seq ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


50 —      Ara wkoll A. De Stefano, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 655, punt 5100, fir-rigward tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas (bit-Taljan speċifikament procedimento di ingiunzione), li taħdem mingħajr proċeduri inter partes u evalwazzjoni dettaljata tat-talbiet pekunjarji li jkunu saru, u tippermetti lill-kreditur jikseb strument li jista’ jiġi infurzat malajr u bi prezz irħis bl-għan li jippermettilu infurzar.


51 —      Ara l-punt 22 tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż.


52 —      Ara pereżempju fir-rigward tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas fi Franza S. Guinchard, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 629 u fil-Ġermanja W. Zeiss/K. Schreiber, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 305. Fl-ordinamenti ġuridiċi ta’ dawn l-Istati Membri, il-qorti nazzjonali tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni għal ordni għal ħlas jekk ikun ċar mid-dokumenti mressqa li d-dejn manifestament ma jistax jeżisti.


53 —      Ara s-senteni tal-4 ta’ Lulju 1963, Alves (32/62, Ġabra p. 49), tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni (136/79, Ġabra p. 2033, punt 21), u tal-14 ta’ Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il‑Kummissjoni (C‑48/96 P, Ġabra p. I‑2873, punt 47).


54 —      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 —      Ara l-punt 65 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


56 —      Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57 —      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, Ġabra, p. 1989, punt 5) u Comet (45/76, Ġabra p. 2043, punt 13), tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 29), tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C‑13/01, Ġabra p. I‑8679, punt 49), tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 39), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, Ġabra p. I‑7003, punt 25).


58 —      Ara M. A. Lupoi,. “The Harmonization of Civil Procedural Law within the EU” (ed. J. Orlando Frosini, M. A. Lupoi, M. Marchesiello), A European Space of Justice, Ravenna 2006, p. 209, li fl-opinjoni tiegħu, l-Unjoni Ewropea hija s-sistema ta’ integrazzjoni li fiha l-liġi tal-proċedura ċivili kienet l-iktar armonizzata. Madankollu, l-awtur jagħmel konċessjoni li sa issa l-armonizzazzjoni kienet limitata għall-adozzjoni ta’ strumenti uniformi individwali, bir-riżultat li l-Istati Membri għandhom l-obbligu sempliċement li jadottaw is-sistemi nazzjonali ta’ proċedura ċivili tagħhom sabiex jagħmlu l-mekkaniżmi uniformi jaħdmu. Għaldaqstant, l-effetti tal-armonizzazzjoni fl-aħħar mill-aħħar jidhru li huma indiretti biss. Fl-opinjoni tal-awtur, il-futur tal-armonizzazzjoni fi kwistjonijiet ta’ proċedura ċivili hija kwistjoni ta’ spekulazzjoni. Ara wkoll, G. Wagner, in Kommentar zur Zivilprozessordnung (ed. Stein/Jonas), edizzjoni 22, Vol. 10, Tübingen 2011, p. 46, punt 88, li jqis il-qalba tal-liġi ta’ proċedura ċivili — regoli proċedurali li jikkontrollaw il-kwistjonijiet interni — li sa issa ma kinux affettwati, minkejja t-tkabbir dinamiku tal-leġiżlazzjoni Ewropea f’dan il-qasam. Fl-opinjoni tal-awtur, l-unifikazzjoni tal-liġi Ewropea tal-proċedura ċivili realistikament għadha ’l bogħod ħafna.


59 —      Skont l-Artikolu 81(2)(f) TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha s-setgħa li tadotta regoli dwar proċedura ċivili sa fejn ikun affettwat is-suq intern. Regoli komprensivi huma inklużi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121), ir-Regolament Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU 2007 L 324, p.79), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi m’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti. Kapitolu 19, Vol. 6, p. 90) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 145). Ara U. Rörig, “Einfluss des Rechts der Europäischen Gemeinschaft auf das nationale Zivilprozessrecht”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2004, p. 18 et seq. Barra minn hekk, inħolqu ħafna strumenti fil-livell tal-Unjoni biex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ tilwim transkonfinali u infurzar transkonfinali, bħar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1), u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).


60 —      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi maqgħuda tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 17), is-sentenzi maqgħuda tal-15 ta’ Settembru 1998, Ansaldo Energia et (C‑279/96 sa C‑281/96, Ġabra p. I‑5025, punti 16 u 27), tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C‑326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 18), tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, Ġabra p. I‑3201, punt 31), tas-6 ta’ Diċembru 2001, Clean Car Autoservice (C‑472/99, Ġabra p. I‑9687, punt 28), tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, Ġabra p. I‑14637, punt 25), is-sentenzi maqgħuda tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punt 57), tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 24), is-sentenzi maqgħuda tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28), tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, Ġabra p. I‑7501, punt 24), tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, Ġabra I‑9579, punt 38), u tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, Ġabra p. I‑7907, punt 89).


61 —      Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 28).


62 —      Ibid punt 37.


63 —      Ibid punt 38.


64 —      Ara G. Wagner, op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 58), p. 39, punt 68, li jindika li sakemm id-dritt Ewropew tal-proċedura ċivili jirregola suġġett, ikollu wkoll preċedenza fuq id-dritt nazzjonali. Meta dan ma jkunx il-każ, l-Istati Membri jgawdu awtonomija proċedurali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-ekwivalenza u l-effettività.


65 —      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 36), Levez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 41); Preston et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 55); i-21 Germany u Arcor (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 62); u tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, Ġabra p. I-635, punt 33).


66 —      Ara s-sentenzi Levez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 43); Preston et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 56); tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, Ġabra p. I‑10467, punt 45); Bulicke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punt 28) u Rosado Santana (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 90).


67 —      Ara s-sentenzi Rosado Santana (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 90) u Bulicke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punt 29).


68 —      Ara s-sentenza Rosado Santana (C‑177/10, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 91).


69 —      Ara s-sentenzi Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 50) u Levez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 40).


70 —      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, Ġabra I‑4025, punt 33), u Rosado Santana (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 91).


71 —      Ara f’dan is-sens, P. Girerd, “Les principes d’équivalence et d’effectivité — encadrement ou désencadrement de l’autonomie procédurale des États membres ?”, Revue trimestrielle de droit européen, 2002, p 75 et seq.


72 —      Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73 —      Sentenza Pannon GSM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 35).


74 —      Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009 (C‑227/08, Ġabra.p I-11939).


75 —      ĠU L 372, p. 31.


76 —      Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 18).


77 —      Ibid, punt 19.


78 —      Ibid, punt 20.


79 —      Ara l-punti 55 u 56 tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fis-7 ta’ Mejju 2009, fil-kawża Martín Martín (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74 iktar ’il fuq).


80 —      Sentenza Martín Martín (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 27).


81 —      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82 —      Sentenza Martín Martín (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 35).


83 —      Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 28).


84 —      Ibid, punt 33.


85 —      Ara l-punt 82 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fl-14 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq).


86 —      Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55 u 59). Il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonkludi mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Spanjol li skont id-dritt Spanjol, il-qorti jew tribunal responsabbli għall-infurzar ta’deċiżjoni ta’ arbitraġġ li saret finali, kellhom ġurisdizzjoni biex jevalwaw ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hijiex nulla abbażi li din il-klawżola hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Għadd ta’ sentenzi reċenti tal-Audiencia Provincial de Madrid u tal-Audiencia Nacional, irrikonoxxew dik il-ġurisdizzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-qorti tar-rinviju l-kompitu li tevalwa jekk dik kinitx ukoll is-sitwazzjoni fil-kawża qabilha.


87 —      Dan huwa osservat ukoll minn V. Tinzo, “Il potere del giudice di rilevazione della nullità di protezione”, Diritto del commercio internazionale, 2011, p. 584. Skont l-awtur, qabel ma qorti nazzjonali tiddeċiedi li l-klawżola inġusta inkwistjoni ma torbotx lill-konsumatur, għandha tistaqsi lill-konsumatur jekk minkejja dan jixtieqx iżommha. Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, l-uniku fattur kruċjali huwa r-rieda tal-konsumatur. Fl-opinjoni tal-awtur, l-approċċ żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta minn teorija li għandha l-għan li tirrikonċilja l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur msemmi fid-Direttiva 93/13 mal-prinċipju taż-żamma ta’ relazzjonijiet kuntrattwali. Ara wkoll S. Milanesi, “Le pronunce Pannon ed Eva Martín Martín sulla rilevabilità d’ufficio delle nullità di protezione”, Giurisprudenza commerciale, 2010, Vol. II, p. 805, li jilqa’ wkoll l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ nullità protettiva. (“nullità di protezione”). Fl-opinjoni tal-awtur, dan l-approċċ jiżgura wkoll bilanċ ta’ poter fi proċeduri inter partes.


88 —      Ara, fir-rigward tal-mudell tal-konsumatur fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1992, X (C‑373/90, Ġabra 1992, p. I-131, punti 15 u 16), tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, Ġabra p. I‑4657, punt 31), is-sentenzi maqgħuda tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 29), tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, Ġabra p. I‑117, punt 27), tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑30/99, Ġabra p. I‑4619, punt 32), tal-24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C‑99/01, Ġabra p. I‑9375, punt 31), tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C‑44/01, Ġabra p. I‑3095, punt 55), tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 77) u Henkel (C‑218/01, Ġabra p. I‑1725, punt 50), tad-9 ta’ Marzu 2006, Matratzen Concord (C‑421/04, Ġabra p. I‑2303, punt 24), u tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium (C‑356/04, Ġabra p. I‑8501, punt 78).


89 —      F’dan is-sens ara J. Heinig, “Die AGB-Kontrolle von Gerichtsstandsklauseln — zum Urteil Pannon des EuGH”, Europäische Zeitschrift zum Wirtschaftsrecht, 24/2009, p. 885. Ara wkoll, T. Josipovič,“Verbraucherschutz in der Republik Kroatien”, Konsumentenschutz in Zentral- und Osteuropa (hrsg. von Rudolf Welser), Vjenna 2010, p. 72, li jenfasizza wkoll il-partikolarità ta’ dan l-approċċ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, fl-opinjoni tal-awtur, din il-ġurisprudenza għadha ma ġietx implementata fil-Kroazja, kandidata għall-adeżjoni, peress li d-dritt nazzjonali jipprovdi biss li klawżola inġusta tkun iddikjarata nulla. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li tinżamm fis-seħħ jekk il-konsumatur ikun jixtieq hekk.


90 —      Ara l-punt 68 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


91 —      Ara l-punt 35 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92 —      Ara l-punt 37 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93 —      Ara l-punt 48 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


94 —      Ara l-punt 69 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


95 —      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, Ġabra p I‑4785, punti 28 u 29).


96 —      Ara l-punt 86 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fid-29 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 95.


97 —      Meta jeżerċitaw l-awtorità mogħtija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom josservaw il-limiti ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt primarju, inklużi l-libertajiet fundamentali, u leġiżlazzjoni sekondarja oħra (ara E. Kapnopoulou, Das Recht der missbräuchlichen Klausel in der Europäischen Union, Tübingen 1997, p. 163).


98 —      Ara H. Neisser/B. Verschraegen, Die Europäische Union — Anspruch und Wirklichkeit, Vjenna 2001, p. 297, punt 14.103; C. Koenig/M. Pechstein/C. Sander, EU-/EG-Prozessrecht, 2 ed, Tübingen 2002, p. 401, punt 767 kif ukoll K. Leanerts/D. Arts/I. Maselis, Procedural Law of the European Union, 2 ed., Londra 2006, p. 174 et seq.


99 —      Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1964, Dingemans (24/64, Ġabra p. 1259), tal-1 ta’ Diċembru 1965, Dekker (33/65, Ġabra p. 901), tat-22 ta’ Marzu 1972, Merluzzi (80/71, Ġabra p. 175), tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 8), tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punt 24), tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punti 49 u 50), tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, Ġabra p. I‑9999, punt 51).


100 —      Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 34), tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode (C‑425/98, Ġabra p. I‑4861, punt 21), kawżi maqgħuda tal-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (C‑223/99 u C‑260/99, Ġabra p. I‑3605, punt 24).


101 —      Ara E. Kapnopoulou, op cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 97), p. 151, li jinnota wkoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, fil-prinċipju, ma jipprovdix għas-“sostituzzjoni” ta’ klawżoli li ma jorbtux. Minflok, il-kuntratt fil-futur għandu jkun trattat daqs li kieku l-piżijiet inġusti fuq il-konsumatur ma kinux miktuba.


102 —      Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


103 —      F’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati d-dikjarazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2005 fil-Kawża Ynos (C‑302/04, Ġabra p. I‑371). Huwa korrettement qal, “l-għan tad-Direttiva huwa li jerġa’ jibbilanċja l-pożizzjoni kuntrattwali tal-konsumatur billi jipprevjenih ‘milli jkun marbut bi klawżola inġusta’ iktar milli jissalvagwardja l-libertà kuntrattwali tal-partijiet, u b’mod partikolari dik tal-bejjiegħ jew il-fornitur, li tabilħaqq jista’ jkollu kull interess li jevadi l-obbligi ta’ kuntratt li, meta jkun aġġustat il-bilanċ tiegħu, ikun inqas vantaġġu għalih”. Minn din il-perspettiva jidher li modifika tal-kuntratt fl-aħħar mill-aħħar isservi biss l-interessi tal-bejjiegħ jew il-fornitur, li fl-opinjoni tal-Avukat Ġenerali ma huwiex l-għan tad-Direttiva 93/13.


104 —      Ara l-punt 55 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


105 —      Ara T. Pfeiffer, f’Das Recht der Europäischen Union —Kommentar (ed. E. Grabitz/M. Hilf), Vol. IV, A5, Art. 6, punt 7, p. 2, li jqis li “żamma parzjali”, jiġifieri ż-żamma ta’ klawżola inġusta f’kontenut li għadu legali, fil-prinċipju hija inkompatibbli mad-Direttiva 93/13.


106 —      Ara s-sentenzi maqgħuda tad-9 ta’ Marzu 2004, Pfeiffer (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 113).


107 —      Ara l-punt 4.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


108 —      Ara l-punt 72 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-punt 41 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol.


109 —      Ara b’mod partikolari, s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38), tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et. (C‑18/01, Ġabra p. I‑5321, punt 19), tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punt 21), tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 30), u tat-23 ta’ April 2009 , u tat-23 ta’ April 2009, sentenzi maqgħuda VTB‑VAB (C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 32).


110 —      Ara b’mod speċjali s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia/Novello (244/80, Ġabra p. 3045, punt 18), sentenzi maqgħuda tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra p. I‑1567, punt 29), tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 61), tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C‑314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 19), PreussenElektra (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punt 39), tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punt 22), tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 29), u tat-23 ta’ April 2009, VTB‑VAB (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punt 33).


111 —      Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, ir-regolament “m’għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta’ l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja”. U. Gruber, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), p. 279, punt 21, jikkonkludi li r-Regolament ma jissostitwixxix id-dikjarazzjoni nazzjonali eżistenti u l-proċeduri ta’ ordni għal ħlas. Għaldaqstant, il-kreditur jista’, bħala alternattiva għall-proċedura taħt ir-Regolament, jirrikorri għall-proċeduri nazzjonali eżistenti ta’ ordni għal ħlas, bħal qabel. Jekk il-proċedura nazzjonali ta’ ordni għal ħlas tirriżulta fi strument, il-kreditur jista’ jkollu dak l-istrument iċċertifikat bħala strument infurzabbli Ewropew skont ir-Regolament Nru 805/2004 u jfittex l-infurzar fi Stati Membri oħra, mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni minn qabel tal-infurzabbiltà hemmhekk.


112 —      Ċertament ma huwiex possibbli li jkunu dedotti rekwiżiti li jorbtu mir-Regolament Nru 1896/2006. Madankollu, ma jistax ikun injorat il-fatt li, skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas kienet maħsuba biex isservi ta’ mudell bis-saħħa tal-effiċjenza tagħha [ara. B. Hess, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 139, § 4, punt 23].


113 —      Ara l-punt 77 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


114 —      Ara J. Stuyck, “Enforcement of consumer rights and legal redress for consumers in the EU: An institutional model”, New frontiers of consumer protection (ed. Fabrizio Cafaggi/Hans‑W. Micklitz), Oxford 2009, p. 72 et seq, li jenfasizza l-libertà tal-Istati Membri li jorganizzaw il-possibbiltajiet ta’ infurzar fil-livell nazzjonali, iżda wkoll jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi ċertu standards minimu skont id-dritt tal-Unjoni li għandhom jikkonformaw magħhom l-Istati Membri.


115 —      Ara C. Stolze, Harmonisierung des Lauterkeitsrechts in der EU — Unter besonderer Berücksichtigung der Sanktionssysteme, Hamburg 2010, p. 158, li fl-opinjoni tiegħu, il-flessibbiltà tat-test tad-Direttiva 2005/29 tippermetti lill-Istati Membri marġni wiesgħa ta’ libertà formattiva fit-traspożizzjoni tar-regoli dwar l-infurzar skont l-Artikolu 11 et seq.


116 —      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, Ġabra p. I‑10909, punt 27).


117 —      F’dan is-sens ara G. Abbamonte, “The Unfair Commercial Practices Directive and its General Prohibition”, The Regulation of Unfair Commercial Practices undes EC Directive 2005/29, Oxford 2007, p. 30, li josserva li d-Direttiva 2005/29, tarmonizza b’mod sħiħ id-dritt sostantiv tal-Istati Membri relatat ma’ prattiki kummerċjali inġusti, iżda ma tarmonizzax il-mekkaniżmi ta’ infurzar li huma stabbiliti biex jiġu miġġielda dawn il-prattiki inġusti. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw is-sistema ta’ infurzar tagħhom stess, jaħtru lill-persuni u lill-entitajiet li għandhom id-dritt li jibdew azzjoni ġuridika skont id-Direttiva, u jiddeterminaw il-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. L-awtur jgħid li infurzar effettiv huwa kritiku biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tad-direttiva.


118 —      Ara it-Titolu 7 (“La posible práctica desleal de la entidad bancaria”) fid-deċiżjoni tar-rinviju.