Language of document : ECLI:EU:T:2004:190

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

22 ta' Ġunju 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li fiha l-element verbali 'Galáxia' – Trade marks verbali preċedenti nazzjonali u internazzjonali GALA – Raġuni relattiva għal rifjut – Ċaħda ta' oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-66/03,

Koffiebranderij  en  Theehandel  "Drie Mollen sinds 1818"  BV,  stabbilita fi 's-Hertogenbosch (L-Olanda), irrappreżentata minn  P. Steinhauser, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Manuel Nabeiro Silveira, Lda, stabbilita f'Campo Maior (Il-Portugall),

li għandha bħala suġġett rikors mressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, tas-17 ta' Diċembru 2000 (R 270/2001-2), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Koffiebranderij en Theehandel "Drie Mollen sinds 1818" BV u Manuel Nabeiro Silveira, Lda,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Frar 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Ġunju 2003,

wara s-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2004 li fiha r-rikorrenti ma kinitx preżenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-15 ta' Ġunju 1998 Manuel Nabeiro Silveira, Lda ippreżentat applikazzjoni għal trade mark lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark figurattiva li ntalbet r-reġistrazzjoni tagħha hija magħmula minn dan is-sinjal:


3       It-trade mark mitluba tikkonċerna l-prodott tal-"kafè" li jaqa' taħt il-klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4       L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 17/1999 tat-8 ta' Marzu 1999.

5       Fis-6 ta' April 1999, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark, billi invokat probabbiltà ta' konfużjoni, kif prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark mitluba u t-trade marks preċedenti tagħha.

6       It-trade marks preċedenti, invokati in sostenn ta' l-oppożizzjoni, jipproteġu s-sinjal verbali GALA u jkopru prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 tal-Ftehim ta' Nizza, b'mod partikolari l-prodotti tal-"kafè u/jew te". It-trade marks preċedenti huma s-segwenti:

–       it-trade mark nazzjonali Griega (nru 32533) għall-prodotti tal-"kafè u te";

–       żewġ trade marks nazzjonali rreġistrati fir-Renju Unit (it-trade mark nru 870174 għall-prodotti tal-"kafè u te" u t-trade mark nru 1469857 partikolarment għall-prodotti "kafè u te");

–       it-trade mark irreġistrata fil-Benelux (nru 042335) għall-prodotti tal-"kafè u te";

–       it-trade mark internazzjonali (nru R210550) li għandha effett fi Franza, fl-Italja u fl-Awstrija, għall-prodotti tal-"kafè u te";

–       it-trade mark internazzjonali (nru 570004) li għandha effett fil-Portugall, għall-prodott tat-"te".

7       Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Jannar 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li, minkejja l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade mark mitluba u t-trade marks preċedenti, ma kienx hemm xebh bejn is-sinjali u għaldaqstant ma kien hemm ebda probabbiltà ta' konfużjoni.

8       Fis-16 ta' Marzu, ir-rikorrenti ressqet appell, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra din id-deċiżjoni, li fih invokat ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

9       Dan l-appell ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-17 ta' Diċembru 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, peress li t-trade marks in kwistjoni ma kinux simili fuq il-livelli viżivi, fonetiċi u kunċettwali, ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

 Talbiet tal-partijiet

10     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba;

–       tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż tiegħu.

11     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

12     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u it-tieni wieħed, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, b'dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet moqrija flimkien ma' l-Artikolu 42(1) ta' l-istess regolament.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

–       Argumenti tal-partijiet

13     Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-prodotti indikati mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi, li t-trade marks ikkonċernati huma simili u li, konsegwentement, hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

14     Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma ħax biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark GALA hija magħrufa tajjeb u l-fatt li l-kafè huwa mibjugħ fuq suq fejn il-komunikazzjoni dwar il-prodott issir fuq kollox b'mod orali, ħaġa li tattribwixxi importanza partikolari lix-xebh fonetiku tat-trade marks ikkonċernati.

15     Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-ewwel erba' ittri ta' l-element verbali tat-trade mark ikkontestata huma identiċi għall-ittri tas-sinjali verbali tat-trade marks preċedenti, il-pubbliku awtomatikament ser jasal biex jaħseb li dawn il-prodotti ġejjin minn sorsi kummerċjali li huma marbuta ekonomikament.

16     L-UASI jirrifjuta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti u jasserixxi li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda żball fil-liġi.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

17     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni ta' sid trade mark preċedenti, it-trade mark mitluba ma tistax tiġi rreġistrata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mal-prodotti jew is-servizzi indikati miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta.

18     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti jfissru trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew li kienu s-suġġett ta' reġistrazzjoni internazzjonali, b'data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li hija qabel dik tat-trade mark Komunitarja.

19     F'dan il-każ, it-trade marks preċedenti nazzjonali u internazzjonali kienu ġew irreġistrati fil-Greċja, fil-pajjiżi tal-Benelux, fir-Renju Unit, fil-Portugall, fi Franza u fl-Italja. Għalhekk, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-pubbliku f'dawn l-Istati Membri. Peress li l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti huma prodotti ta' konsum ta' kuljum, dan il-pubbliku huwa kompost minn konsumaturi medji.

20     Skond ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni jekk il-pubbliku jkun jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament.

21     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata b'mod sħiħ, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti fil-kawża, b'mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

22     Hemm qbil bejn il-partijiet li l-prodott imsemmi fl-applikazzjoni għat-trade mark (il-kafè) u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti (il-kafè u t-te) huma identiċi jew simili.

23     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżultat tar-rikors jiddependi fuq il-livell ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

24     Fir-rigward tax-xebh viżiv tas-sinjali kkonċernati, l-ewwel erba' ittri ta' l-element verbali tat-trade mark mitluba huma identiċi għall-ittri li jikkomponu s-sinjal verbali protett mit-trade marks preċedenti. Madankollu, iż-żewġ kelmiet in kwistjoni, "Galáxia" u "Gala", huma viżibbilment differenti fit-tul. Barra minn hekk, l-ewwel erba' ittri tal-kelma "Galáxia" ma jikkostitwixxux element li ser ikun ipperċepit b'mod separat mill-aħħar parti tal-kelma ("xia"). B'mod partikolari, huma mhumiex separati minnha, mhumiex miktuba b'mod differenti u xejn ma jiddistingwihom ħlief il-parti finali "xia". Għalhekk, l-element verbali "Galáxia" ser ikun pperċepit bħala xi ħaġa sħiħa u mhux bħala kelma komposta minn element differenti, inkluża il-kelma "Gala". Fl-aħħarnett, it-trade mark mitluba hija trade mark figurattiva; għalhekk il-kitba bl-aħmar imdawra bl-abjad fuq sfond iswed tifforma parti integrali tas-sinjal mitlub u tidher dominanti fl-aspett viżiv tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, l-istess bħall-Bord ta' l-Appell (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata), li s-sinjali in kwistjoni mhumiex simili fuq livell viżiv.

25     Fir-rigward tax-xebh li jista' eventwalment ikun hemm bejn is-sinjali in kwistjoni fuq il-livell fonetiku, l-UASI ġustament osserva li kien hemm differenzi kbar bejn il-kliem "Gala" u "Galáxia". B'mod partikolari, in-numru ta' sillabi huwa differenti. Barra minn hekk, il-konsonanti "x" f'nofs il-kelma "Galáxia", segwita mill-vokali "i" u "a", tiġbed l-attenzjoni fl-impressjoni fonetika ta' din il-kelma u ser tiġi pperċepita mill-konsumatur. Minn dan isegwi li lanqas ma hemm xebh bejn is-sinjali in kwistjoni fuq il-livell fonetiku.

26     Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-karatteristiċi fonetiċi tas-sinjali għandhom importanza partikolari fuq is-suq ikkonċernat meta wieħed jikkunsidra l-mod li bih normalment jinbiegħ il-kafè, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

27     Għal dak li jikkonċerna x-xebh li jista' eventwalment ikun hemm bejn is-sinjali in kwistjoni fuq il-livell kunċettwali, it-trade marks preċedenti GALA jalludu, fil-lingwi użati fis-suq ikkonċernat, ħlief għal-lingwa Griega, għal festi filwaqt li "Galáxia" tevoka, fil-lingwi kollha in kwistjoni, l-idea ta' grupp ta' stilel (galassja). Fil-lingwa Griega, li minnha ġejja l-kelma "galáxia", il-kelma "gala" (γάλα) tfisser "ħalib". Madankollu, anke fil-lingwa Griega, teżisti differenza kunċettwali ċara bejn il-kliem in kwistjoni, jiġifieri "ħalib" (γάλα), minn naħa, u "galaxie" (γαλαξίας), min-naħa l-oħra.

28     Minn dan li ngħad preċedentement jirriżulta li, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li t-trade marks in kwistjoni ma kinux simili fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

29     L-argumenti addizzjonali mressqa mir-rikorrenti, minn naħa, bbażati fuq l-allegata notorjetà tat-trade marks tagħha u, min-naħa l-oħra, fuq il-probabbiltà ta' assoċjazzjoni tas-sinjali in kwistjoni, mhumiex ta' natura li jdgħajfu din il-konklużjoni.

30     Fir-rigward ta' l-ewwel argument, li l-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-asserzjoni magħmula, għall-ewwel darba, quddiemu li t-trade marks preċedenti huma magħrufa tajjeb f'parti mis-suq Komunitarju, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mis-seba' premessa tar-Regolament 40/94, ir-reputazzjoni ta' trade mark hija element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u s-servizzi huwiex biżżejjed biex iġib miegħu probabbiltà ta' konfużjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punti 18 u 24 (dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, ĠU 1989, L 40, p. 1), u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs UASI – Trucco (Starix), T-311/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61].

31     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza qabel kollox tikkonstata li, waqt il-proċedura quddiem l-UASI, ir-rikorrenti qatt ma ressqet l-iċken element ta' fatt jew ta' prova dwar in-notorjetà ta' waħda jew aktar mid-diversi trade marks tagħha. Għandu jingħad ukoll li, b'mod partikolari, hija ma ppreċiżatx f'liema suq jew swieq rilevanti t-trade marks igawdu minn tali reputazzjoni.

32     Mandankollu, bis-saħħa ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedura li tikkonċerna r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta' reġistrazzjoni, l-eżami li għandu jsir mill-UASI huwa limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li huma wkoll il-partijiet li għandhom ir-responsabbiltà li jippreżentaw il-fatti u l-provi utli sabiex isostnu l-motivi tagħhom [ara f'dan is-sens, fir-rigward tal-provi, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marin (Chef), T-232/00, Ġabra p. II‑2749, punt 45]. Meta l-parti li tkun ressqet l-oppożizzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża fuq il-fatt li t-trade mark tagħha hija magħrufa tajjeb, hija għandha tressaq elementi ta' fatt u, jekk hemm bżonn, ta' prova li jippermettu lill-UASI jivverifika l-verità ta' tali asserzjoni. Għalhekk, f'dan il-każ, jekk r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li l-eventwali notorjetà tat-trade marks preċedenti tagħha tittieħed in kunsiderazzjoni, hija ma setgħetx tillimita lilha nfisha biss għall-affermazzjoni ta' l-eżistenza ta' tali reputazzjoni. Minn dan jirriżulta li m'għandux jiġi kkunsidrat li waħda mit-trade marks preċedenti kienet tgawdi minn notorjetà fis-suq.

33     Sussegwentement, anke jekk jiġi aċċettat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti kienet vera, ir-riżultat ta' l-analiżi tax-xebh tat-trade marks ma jistax iwassal għal konklużjonijiet differenti. Magħrufa kemm huma magħrufa t-trade marks preċedenti f'dan il-każ, xorta waħda jibqgħu jeżistu differenzi kbar li jippermettu lill-konsumaturi kkonċernati jiddistingwu, b'mod ċar, it-trade mark mitluba mit-trade marks preċedenti. Partikolarment, kif huwa rrilevat fil-punt 24 aktar 'il fuq, it-trade mark mitluba hija sinjal figurattiv li d-dehra tiegħu hija nettament differenti minn dik tat-trade marks verbali preċedenti in kwistjoni.

34     Għaldaqstant, l-argument imqajjem mir-rikorrenti dwar l-allegata notorjetà tat-trade marks preċedenti għandu jiġi miċħud.

35     Għal dak li jikkonċerna t-tieni argument imsemmi fil-punt 29 aktar 'il fuq, ir-rikorrenti tidher li qed tasserixxi li teżisti probabbiltà ta' assoċjazzjoni tas-sinjali in kwistjoni minħabba l-identiċità tat-trade marks preċedenti (GALA) u ta' l-ewwel parti ta' l-element verbali tas-sinjal mitlub (Galá), probabbiltà li ma tistax tiġi kkontrobilanċjata mill-fatt li t-tifsiriet tas-sinjali in kwistjoni huma differenti, u dan b'mod partikolari minħabba li m'hemm ebda rabta semantika bejn it-trade mark mitluba u l-prodott indikat minnha.

36     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jista' japplika biss jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks jew tal-prodotti jew tas-servizzi indikati, "teżisti probabbiltà ta' konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti". Minn dan il-kliem jirriżulta li l-probabbiltà ta' assoċjazzjoni mhijiex alternattiva għall-kunċett ta' probabbiltà ta' konfużjoni, iżda sservi sabiex tippreċiża l-portata tiegħu. Għalhekk, il-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni jeskludu li din tkun tista' tiġi applikata jekk, min-naħa tal-pubbliku, ma teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 18, u tat-22 ta' Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 34). Issa, probabbiltà ta' konfużjoni skond din id-dispożizzjoni teżisti biss jekk jiġi stabbilit li l-konsumatur jista' jemmen li l-prodotti mibjugħa taħt it-trade marks in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament (sentenza Canon, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29). F'dan il-każ, din il-kundizzjoni tista' tiġi sodisfatta jekk l-ewwel erba' ittri ta' l-element verbali tas-sinjal mitlub ("Galá") jistgħu jiġu pperċepiti bħala indikazzjoni ta' oriġini marbuta ma' sid it-trade marks preċedenti u jekk l-aħħar parti tal-kelma ("xia") tista' tiġi identifikata bħala element anness li jindika, per eżempju, linja ta' produzzjoni partikolari. Madankollu, mill-punt 24 aktar 'il fuq, jirriżulta li l-ewwel parti tal-kelma "Galáxia" ("Galá") mhux ser tiġi pperċepita, mill-konsumatur, bħala element separat u distint ta' l-aħħar parti ta' din il-kelma ("xia"). Minn dan isegwi li l-konsumatur mhuwiex ser jasal biex jissoponi li l-prodotti mibjugħa taħt it-trade marks preċedenti (GALA) u l-prodott mibjugħ taħt it-trade mark mitluba li tinkludi l-element verbali "Galáxia" ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, b'mod partikolari, l-Arikoli 4, 7 u 8 tiegħu, l-applikant ta' trade mark m'huwa bl-ebda mod obbligat li jistabbilixxi rabta semantika bejn it-trade mark u l-prodott indikat minnha. B'hekk, il-fatt li ma teżisti ebda rabta semantika bejn l-element verbali tat-trade mark mitluba u l-prodott indikat minnha (il-kafè) huwa mingħajr importanza.

37     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell m'għamel ebda żball fil-liġi meta sab li, minħabba nuqqas ta' xebh tas-sinjali in kwistjoni, f'dan il-każ setgħet tiġi eskluża probabbiltà ta' konfużjoni. Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94 mhuwiex fondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

–       Argumenti tal-partijiet

38     Filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark GALA tgawdi minn reputazzjoni partikolari fis-suq tal-Benelux u li, f'dan is-suq, it-trade mark mitluba ser tkun ta' ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. Skond ir-rikorrenti, l-UASI kellu jieħu dan in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

39     Skond l-UASI dan il-motiv huwa inammissibbli għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, l-UASI jsostni li, wara li jiskadi t-terminu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kull motiv li ma kienx ġie mressaq fl-oppożizzjoni motivata meħtiega fil-paragrafu 3 ta' l-imsemmija dispożizzjoni, huwa inammissibbli. It-tieni nett, skond l-UASI, il-motiv huwa inammissibbli skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza li jipprovdi li fi proċedura quddiem din il-qorti, il-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża minn kif kien quddiem il-Bord ta' l-Appell. It-tielet nett, l-UASI jsostni li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell ma kellux dritt jeżamina motiv relattiv għal rifjut ta' reġistrazzjoni li ma kienx ġie mressaq mir-rikorrenti f'dan l-istadju tal-proċedura.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

40     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-motiv bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx ġie invokat matul il-proċedura ta' oppożizzjoni quddiem l-UASI, peress li r-rikorrenti ma kinitx ifformulat dan il-motiv fir-rikors iddepożitat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

41     Mill-inkartament ta' l-UASI, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta li r-rikorrenti, fil-fatt, fir-rikors tagħha sostniet li t-trade marks preċedenti kienu notorjament magħrufa. Madankollu, dan l-argument kien imressaq fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, mingħajr ma saret referenza għall-paragrafu 5 ta' l-imsemmija dispożizzjoni mir-rikorrenti.

42     Meta wieħed jieħu din il-konstatazzjoni in kunsiderazzjoni, it-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti jista' jinftiehem bħala li jinkludi żewġ ilmenti distinti.

43     L-ewwel nett, jekk dan il-motiv huwa mifhum fis-sens li jkopri ilment kontra l-UASI li dan ma eżaminax, fuq inizjattiva tiegħu stess, ir-raġuni għal rifjut li tidher fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, dan il-motiv fil-fatt jirrigwarda ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Iżda, kif jirriżulta b'mod ċar mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni, il-Bord ta' l-Appell ma kellux jeżamina r-raġuni għal rifjut ta' reġistrazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, peress li r-rikorrenti naqset milli tressaq elementi ta' dritt, ta' fatt jew ta' prova relatati magħha.

44     Minn dan isegwi li l-motiv, mifhum fis-sens li jirrigwarda ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex fondat.

45     It-tieni nett, fil-każ li dan il-motiv huwa intiż sabiex iwassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex hija stess teżamina jekk il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 humiex sodisfatti f'dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-għan ta' dan ir-rikors huwa li tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18; tat-3 ta' Lulju 2003, José Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67, u Starix, iċċitata aktar 'il fuq, punt 70]. Konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistax imur lil hinn mill-kuntest ta' fatt u l-kuntest ġuridiku tal-kawża kif ġiet ippreżentata quddiem il-Bord ta' l-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs UASI (pillola fil-forma ta' bajda), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16].

46     Il-fatti li kien neċessarjament iwassal għalihom eżami tat-tieni motiv mhumiex identiċi għall-fatti rilevanti fil-kuntest ta' l-ewwel motiv imressaq mir-rikorrenti u bbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u r-rikorrenti ma ppreżentatx fatti, argumenti jew provi speċifiċi relatati mal-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(5) ta' l-imsemmi regolament. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' din l-aħħar dispożizzjoni ma kinux (u ma setgħux ikunu) is-suġġett ta' l-eżami tal-kawża mwettaq mill-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI. Konsegwentement, l-eżami, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' elementi ta' fatt u elementi ġuridiċi relatati mal-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 imur lil hinn mill-kuntest ta' fatt u l-kuntest ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata.

47     Minn dan isegwi li t-tieni motiv, mifhum fis-sens li huwa intiż sabiex iwassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex hija stess teżamina jekk il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 humiex sodisfatti, jibdel is-suġġett tal-kawża b'mod li huwa kuntrarju għall-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura u, għalhekk, huwa inammissibbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Starix, iċċitata aktar 'il fuq, punti 70 u 71).

48     Konsegwentement, it-tieni motiv, fl-aspetti kollha tiegħu, ma jistax jiġi milqugħ.

49     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel kap tat-talbiet, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet intiż sabiex l-UASI jiġi ordnat jirrifjuta ir-reġistrazzjoni mitluba

50     Mill-kuntest li fih huma ppreżentati t-talbiet differenti mressqa mir-rikorrenti jirriżulta li t-tieni kap tat-talbiet jippresupponi li t-talba għal annullament tiġi, ta' l-inqas parzjalment, milqugħa u għalhekk hija tqum biss fil-każ li l-ewwel kap tat-talbiet jiġi milqugħ.

51     Kif jirriżulta mill-punt 49 aktar 'il fuq, id-deċiżjoni kkontestata m'għandhiex tiġi annullata. Minn dan isegwi li mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà jew dwar il-mertu tat-tieni kap tat-talbiet.

 Fuq l-ispejjeż

52     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta' l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż