Language of document : ECLI:EU:T:2004:195

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

30 ta' Ġunju 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja M+M EUROdATA – Trade mark verbali preċedenti EURODATA TV – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-317/01,

M+M Gesellschaft für Unternehmensberatung und Informationssysteme mbH, stabbilita fi Francfort-sur-le-Main (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn  M. Treis, Avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u U. Pfleghar, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji), intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija 

Mediametrie SA, stabbilita f'Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentata minn  D. Dupuis-Latour, u mbagħad minn S. Szilvasi, Avukati,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji), tat-2 ta' Ottubru 2001, fil-każ R 698/2000-1 dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Mediametrie SA u M+M Gesellschaft für Unternehmensberatung und Informationssysteme mbH,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, A.W.H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur : D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fid-29 ta' Novembru 1996, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (aktar 'il quddiem l-"Uffiċċju").

2       It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal M+M EUROdATA.

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 41 u 42 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks,(1) tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li, fir-rigward ta' kull klassi, jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–       "software tal-kompjuter", li jaqa' taħt il-klassi 9;

–       "pubblikazzjonijiet u perjodiċi dwar ir-riċerka fin-negozju ta' l-ikel", li jaqgħu taħt il-klassi 16;

–       "riċerka tas-suq, analiżi tas-suq u riċerka kummerċjali, servizzi ta' konsulenza lill-impriżi fil-qasam tal-marketing u tad-distribuzzjoni", li jaqgħu taħt il-klassi 35;

–       "seminars u laqgħat oħra ta' taħriġ kontinwu fil-marketing u d-distribuzzjoni", li jaqgħu taħt il-klassi 41;

–       "servizzi ta' bank tad-data", li jaqgħu taħt il-klassi 42.

4       Fid-29 ta' Ġunju, l-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 46/98.

5       Fid-29 ta' Settembru 1998, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark EURODATA TV li kienet is-suġġett tar-reġistrazzjonijiet segwenti:

–       reġistrazzjoni Irlandiża nru 201 060, datata l-1 ta' Lulju 1996;

–       reġistrazzjoni Franċiża nru 92 414 002, datata 7 ta' April 1992;

–       reġistrazzjoni internazzjonali nru 591 515, datata 25 ta' Settembru 1992 u b'effett fil-Benelux, fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall.

7       L-oppożizzjoni kienet diretta kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għat-trade mark u msemmija "riċerka tas-suq, analiżi tas-suq u riċerka kummerċjali, servizzi ta' konsulenza lill-impriżi fil-qasam tal-marketing u tad-distribuzzjoni".

8       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq parti biss tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni Franċiża u dik internazzjonali, jiġifieri s-servizzi segwenti: "Ġabra u provvista ta' informazzjoni kummerċjali, u b'mod aktar partikolari, investigazzjonijiet u stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika fil-qasam awdjoviżiv", li jaqgħu taħt il-klassi 35.

9       L-oppożizzjoni kienet ukoll ibbażata fuq is-segwenti servizzi, koperti mir-reġistrazzjoni Irlandiża: "Ġabra u provvista ta' informazzjoni kummerċjali, stħarriġ kummerċjali, servizzi ta' pubbliċità; konsulenza u assistenza ta' l-intrapriżi industrijali jew kummerċjali; preparazzjoni u provvista ta' statistiċi kummerċjali; studji ta' marketing, riċerka u analiżi tas-suq", li jaqgħu taħt il-klassi 35.

10     In sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, l-intervenjenti invokat ir-raġuni relattiva ta' rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

11     Peress li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni, hija ċaħdet l-oppożizzjoni u kkundannat lill-intervenjenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' April 2000.

12     Fis-16 ta' Ġunju 2000, l-intervenjenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

13     Permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Ottubru (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u reġa' bagħat il-każ quddiemha sabiex tieħu azzjoni fuq l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi li għalihom ma ġietx irrifjutata r-reġistrazzjoni, jiġifieri s-"software tal-kompjuters", li jaqa' taħt il-klassi 9, il-"pubblikazzjonijiet u perjodiċi dwar ir-riċerka fin-negozju ta' l-ikel", li jaqgħu taħt il-klassi 16, u s-"servizzi ta' bank tad-data", li jaqgħu taħt il-klassi 42. Huwa wkoll ikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż inkorsi matul il-proċeduri ta' oppożizzjoni u ta' appell.

14     Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jiġu esposti fil-qosor bil-mod segwenti.

15     Għal dak li jikkonċerna s-servizzi in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li dawn kienu parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu ħafna (ara l-punti 19 u 20 rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata).

16     Għal dak li jikkonċerna s-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell l-ewwel nett ikkunsidra li s-sinjali "EUROdATA" u "EURODATA" kienu identiċi, peress li l-pubbliku ma jagħtix kas tad-differenza bejn il-karattri minuskoli u dawk majjuskoli. Sussegwentement, huwa kkunsidra li, kieku kellu jattribbwixxi karattru distintiv lill-kelma "eurodata", is-sinjali in kwistjoni kien ikollhom jiġu kkunsidrati li huma tant jixxiebhu li joħolqu konfużjoni, u għall-kuntrarju, kieku kellu jiddeċiedi li din il-kelma kienet essenzjalment nieqsa minn karattru distintiv, l-enfasi kienet titqiegħed fuq l-elementi l-oħra tas-sinjali, b'mod partikolari fuq l-element "M+M", b'mod li s-sinjali kien ikollhom jiġu kkunsidrati bħala differenti (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

17     F'dan ir-rigward il-Bord ta' l-Appell qies li l-kelma "eurodata" ma kinitx kompletament nieqsa minn karattru distintiv. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, ftit hemm probabbiltà li l-konsumatur ikkonċernat ikun jista' jiddeċifra eżatt dak li tfisser din il-kelma. Ir-riċerki li saru fuq l-internet mir-rikorrenti juru li hemm varjetà kbira ta' attivitajiet kummerċjali li m'għandhom ebda rabta flimkien u li huma assoċjati mal-kelma "eurodata", u dan juri li din il-kelma hija 'l bogħod milli tiġi definita b'mod ċar. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell qies li din il-kelma ser tiġi pperċepita bħala wieħed mill-elementi karatteristiċi tat-trade mark preċedenti u tat-trade mark mitluba u għalhekk ma kienx possibbli li dawn it-tnejn jiġu mqabbla jekk din il-kelma titħalla barra (punti 14 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

18     Wara li kkunsidra dak li ngħad preċedentement, il-Bord ta' l-Appell qies, minn naħa, li t-trade mark mitluba kienet magħmula minn żewġ kelmiet distinti, li minnhom il-kelma "eurodata" kienet predominanti, u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark preċedenti kien fiha biss element wieħed distintiv, EURODATA, peress li l-abbrevjazzjoni "TV" kienet deskrittiva. Minn dan, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li l-pubbliku kien ser jaħseb li t-trade marks in kwistjoni kienu ġejjin mill-istess sors kummerċjali (punti 16 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura

19     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża fil-lingwa Ġermaniża.

20     Peress li, fit-terminu previst, il-partijiet l-oħra ma oġġezzjonawx għall-fatt li l-Ġermaniż ikun il-lingwa tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, din ta' l-aħħar iddikjarat il-Ġermaniż bħala l-lingwa ta' din il-kawża.

21     L-Uffiċċju u l-intervenjenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' April 2003 u fis-16 ta' Mejju 2003, rispettivament.

 Talbiet tal-partijiet

22     Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna l-Uffiċċju għall-ħlas ta' l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti.

23     Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni biss safejn din kienet annullat il-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li kienet favorevoli għaliha.

24     L-Uffiċċju jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

25     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–       tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż inkorsi mill-intervenjenti.

 Id-dritt

 Argumenti tal-partijiet

26     Ir-rikorrenti invokat motiv wieħed biss in sostenn tar-rikors tagħha li huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f'dak illi l-Bord ta' l-Appell iddeċieda, b'mod żbaljat, li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

27     Fir-rigward tas-sinjali in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel, li t-trade mark preċedenti hija magħmula esklużivament minn elementi deskrittivi.

28     Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tat-tqabbil viżiv u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, l-element "M+M" jidher biss fit-trade mark mitluba u jikkaratterizzaha aktar mill-element "eurodata". Kunċettwalment, is-sinjali huma differenti peress li l-element "M+M" jirrappreżenta l-isem tar-rikorrenti, filwaqt li l-element "TV" jirreferi għall-attività kummerċjali ta' l-intervenjenti.

29     Fir-rigward tas-servizzi in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li, għal dak li jikkonċerna dawk imsemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 35, mill-indikazzjoni tagħhom jidher li huma jikkonċernaw biss il-marketing u t-tqassim ta' data. Madankollu, huma dawk il-persuni attivi fil-kummerċ ta' l-ikel li jagħmlu l-aktar użu minn servizzi bħal dawn. Barra minn hekk, mil-listi ta' servizzi protetti mit-trade mark preċedenti jirriżulta li dawn kienu jiġu offerti biss fil-qasam tal-medja, kif jidher mill-isem ta' l-intervenjenti. Fl-aħħarnett, in-natura tad-data miġbura mis-servizzi in kwistjoni hija differenti.

30     Ir-rikorrenti żżid tgħid li, jekk jiġi konkluż li s-servizzi in kwistjoni jixxiebhu, l-intervenjenti tista' tipprojbixxi l-użu ta' trade marks oħra li fihom l-element "eurodata" u li jikkonċernaw il-ġbir ta' data fil-Komunità kollha.

31     Għal dak li jikkonċerna s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 41, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li dawn jaqgħu taħt klassi differenti minn dik li jaqgħu taħtha s-servizzi li huma protetti mit-trade mark preċedenti huwa ta' l-inqas indikazzjoni li ma jeżistix xebh bejn is-servizzi in kwistjoni ħlief f'każijiet eċċezzjonali. Madankollu, dan mhuwiex każ eċċezzjonali billi l-ewwel servizzi jaqgħu taħt it-taħriġ professjonali, filwaqt li t-tieni jikkonċernaw il-ġabra u t-tqassim ta' data.

32     Ir-rikorrenti żżid tgħid li, finalment, l-argumentazzjoni tal-Bord ta' l-Appell twassal sabiex jiġi rikonoxxut li trade mark protetta fir-rigward ta' servizzi offerti f'qasam partikolari u li jaqgħu taħt il-klassi 35 hija awtomatikament protetta fir-rigward ta' servizzi offerti fl-istess qasam, iżda li jaqgħu taħt it-taħriġ professjonali.

33     Fir-rigward tas-sinjali in kwistjoni, l-Uffiċċju, qabel kollox, isostni li l-element "eurodata" mhuwiex nieqes minn karattru distintiv u, barra minn hekk, jikkostitwixxi l-element dominanti ta' dawn is-sinjali. Minn barra dan, huwa jfakkar li t-trade mark preċedenti tikkonsisti fis-sinjal EURODATA TV u mhux fl-element waħdu "eurodata".

34     Imbagħad, l-Uffiċċju jsostni li s-sinjali in kwistjoni jixxiebhu fuq il-livell viżiv peress li t-tnejn li huma għandhom l-element "eurodata" kif ukoll element verbali qasir ieħor. Skond l-Uffiċċju, filwaqt li l-element "M+M" huwa distintiv huwa ma jpoġġix lill-element "eurodata" fuq livell sekondarju.

35     Fuq livell fonetiku, is-sinjali in kwistjoni jixxiebhu minħabba r-repetizzjoni kompluta tal-kelma "eurodata", kelma li hija twila u faċli biex tippronunzjaha, li tiddomina fil-pronunzja u fir-reżonanza tas-sinjali.

36     Għal dak li jikkonċerna x-xebh kunċettwali, l-Uffiċċju jsostni li l-konsumaturi medji jikkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fuq l-element "eurodata" u li ż-żieda ta' l-element "M+M" m'għandhiex effett partikolari fuq l-impressjoni sħiħa tas-sinjali in kwistjoni.

37     Fir-rigward tas-servizzi in kwistjoni, l-Uffiċċju jasserixxi, għal dak li jikkonċerma dawk li jaqgħu taħt il-klassi 35, li t-tqabbil tagħhom għandu jkun ibbażat esklussivament fuq l-indikazzjoni tagħhom. Dan ma jiġġustifikax il-limiti proposti mir-rikorrenti, iżda juri li s-servizzi huma indirizzati lill-istess pubbliku.

38     Għal dak li jikkonċerna s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 41, l-Uffiċċju jsostni li "l-marketing u d-distribuzzjoni", is-suġġetti ta' dawn is-servizzi ta' taħriġ professjonali, ikopru qasam wiesa' ħafna li jinkorpora wkoll is-servizzi ta' "preparazzjoni u provvista ta' statistiċi kummerċjali" li jaqgħu taħt il-klassi 35 u li huma protetti mit-trade mark preċedenti. Huwa għalhekk probabbli li l-pubbliku jaħseb li l-ewwel servizzi jikkostitwixxu estensjoni ta' l-attività kummerċjali ta' l-intervenjenti.

39     L-Uffiċċju jżid jgħid li mir-Regola 2(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jirriżulta li l-klassifika tal-prodotti u tas-servizzi skond l-klassifikazzjoni ta' Nizza hija magħmula għal raġunijiet esklużivament amministrattivi.

40     Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, sabiex tiġi evalwata il-probabbiltà ta' konfużjoni, fis-seduta, l-Uffiċċju sostna li dawn mhumiex biss impriżi li huma interessati fis-servizzi in kwistjoni, speċjalment għal dak li jikkonċerna s-servizzi ta' taħriġ professjonali li jaqgħu taħt il-klassi 41.

41     L-intervenjenti ssostni li l-kelma "eurodata" hija distintiva peress li, la hija neċessarja u lanqas deskrittiva għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u peress li hija tikkostitwixxi neoloġiżmu.

42     Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark EURODATA TV, fis-seduta, l-intervenjenti enfasizzat li diversi uffiċċji nazzjonali ta' trade marks aċċettaw li jirreġistrawha, kif jirriżulta mir-reġistrazzjonijiet imsemmija in sostenn ta' l-oppożizzjoni.

43     Fir-rigward tas-sinjali in kwistjoni, l-intervenjenti tasserixxi li hemm ċertu xebh fl-impressjoni sħiħa tagħhom, minħabba l-imitazzjoni tal-kelma "eurodata", u dan kemm fl-aspetti viżivi kif ukoll fonetiċi u kunċettwali tagħhom. Għal dak li jikkonċerna l-aspett viżiv, l-intervenjenti tippreċiża li kull wieħed mis-sinjali jinkludi l-element "eurodata" u tieni element ta' żewġ ittri. Fonetikament, ix-xebh jipprevali minħabba l-imitazzjoni tal-kelma "eurodata". Kunċettwalment, iż-żewġ sinjali huma wkoll identiċi.

44     Fir-rigward tas-servizzi in kwistjoni, l-intervenjenti ssostni li huma identiċi jew jixxiebhu.

45     Għal dak li jikkonċerna l-pubbliku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni, fis-seduta, l-intervenjenti qablet mal-pożizzjoni meħuda mill-Uffiċċju.

46     Fl-aħħar nett, fis-seduta l-intervenjenti nnutat li, filwaqt li l-ittri tat-trade mark mitluba huma ta' l-istess daqs, fl-1993, ir-rikorrenti kienet talbet ir-reġistrazzjoni, bħala trade mark Ġermaniża, tas-sinjal M+M EUROdATA li kien jinkludi element "eurodata" f'ittri ħafna iżgħar minn dawk ta' l-element "M+M". Minħabba dan il-fatt jidher li r-rikorrenti stess irrikonoxxiet li l-element "eurodata" kien distintiv.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

47     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolment Nru 40/94, fuq oppożizzjoni ta' sid trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti, u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li ż-żewġ trade marks jindikaw, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta.

48     Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħed in kunsiderazzjoni kull fattur rilevanti għall-każ, b'mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks u x-xebh tal-prodotti jew servizzi indikati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jagħtu, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

49     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li, qabel kollox, għandu jiġi stabbilit liema hu l-pubbliku li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni u, imbagħad, għandu jsir tqabbil, minn naħa, tas-servizzi in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tas-sinjali in kwistjoni.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

50     Il-Bord ta' l-Appell ma eżaminax il-kwistjoni dwar liema hu l-pubbliku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni.

51     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-indikazzjoni tas-servizzi in kwistjoni jirriżulta li dawn mhumiex intiżi għal konsumatur medju iżda għal pubbliku professjonist (ara l-kliem "tas-suq", "kummerċjali", "impriżi", "marketing" u "distribuzzjoni" ċċitati fil-punt 7 aktar 'il fuq, il-kelma "kummerċjali" iċċitata fil-punt 8 aktar 'il fuq, u l-kliem "kummerċjali", "industrijali", "marketing" u "tas-suq" iċċitati fil-punt 9 aktar 'il fuq).

52     Għandu jiġi rrilevat li meta dan il-pubbliku professjonist jiġi biex jagħżel is-servizzi, huwa probabbli li dan ikun partikolarment interessat u attentat għas-sinjali in kwistjoni.

53     Madankollu, l-argument tar-rikorrenti li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku speċjalizzat, li jfittex servizzi speċifiċi, ma jistax jiġi milqugħ. Huwa minnu li l-karattru professjonist tal-pubbliku in kwistjoni jimplika ċertu livell ta' speċjalizzazzjoni. Madankollu, għalkemm il-kliem riprodotti fil-punt 51 aktar 'il fuq juru li l-pubbliku kkonċernat huwa kompost minn professjonisti, ma jistax jiġi konkluż li dawn huma kollha speċjalisti fl-oqsma rispettivi li għalihom huma pprovduti s-servizzi in kwistjoni u li għalhekk huwa pubbliku partikolarment limitat.

54     Għal dak li jikkonċerna l-argument imressaq kemm mill-Uffiċċju kif ukoll mill-intervenjenti li mhumiex biss l-impriżi li ser ikunu interessati fis-servizzi in kwistjoni, fuq kollox fir-rigward tas-servizzi ta' taħriġ, huwa biżżejjed li jingħad li, anke jekk dan l-argument jiġi milqugħ, xorta jibqa' l-fatt li, fir-rigward tal-kliem użati biex jiġu indikati l-imsemmija servizzi, iċċitati fil-punt 51 aktar 'il fuq, il-persuni kkonċernati huma wkoll professjonisti.

Fuq is-servizzi in kwistjoni

55     F'dan il-każ, l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata għal servizzi li jaqgħu kollha taħt il-klassi 35 u hija diretta kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għas-servizzi li jaqgħu, minn naħa, taħt il-klassi 35 u, min-naħa l-oħra, taħt il-klassi 41 (ara l-punti 7 sa 9 aktar 'il fuq). Għaldaqstant, għandhom isiru żewġ paraguni, wieħed li jieħu in kunsiderazzjoni s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 35 u l-ieħor, li jieħu in kunsiderazzjoni s-servizzi msemmija f'din l-applikazzjoni u li jaqgħu taħt il-klassi 41.

–       Fuq is-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 35

56     Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 35, minn naħa, u s-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti li jaqgħu taħt din l-istess klassi, min-naħa l-oħra, huma identiċi.

57     F'dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, mill-indikazzjoni tas-servizzi in kwistjoni, riprodotta fil-punti 3, 8 u 9 aktar 'il fuq, jirriżulta li s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 u li huma protetti mit-trade mark preċedenti jikkorrispondu għas-servizzi li jaqgħu f'din l-istess klassi u li huma msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat hemm identiċità bejn iż-żewġ tipi ta' servizzi in kwistjoni.

58     L-argumenti mressqa mir-rikorrenti u li huma bbażati fuq l-oqsma differenti li fihom huma offerti s-servizzi in kwistjoni u fuq in-natura differenti tad-data li huma relatati magħha mhumiex tali li jbiddlu din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa kellu jirreferi għal-lista ta' servizzi reġistrati fir-rigward ta' kull sinjal in kwistjoni. L-ewwel nett, l-indikazzjoni tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 35 ma tippermettix li jiġi konkluż li dawn jikkonċernaw biss il-kummerċ ta' l-ikel. It-tieni nett, l-indikazzjoni tas-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti ma tippermettix li jiġi konkluż li dawn jikkonċernaw biss il-qasam tal-medja. It-tielet nett, l-indikazzjonijiet tas-servizzi in kwistjoni ma jippermettux li jiġi konkluż li n-natura tad-data li huma relatati magħha hija differenti. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-użu intiż, f'settur jew f'suq determinat, ta' trade mark li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tagħha ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni meta din ir-reġistrazzjoni ma tistax iġġib magħha restrizzjoni f'dan is-sens.

59     Barra minn hekk, l-argument li rikonoxximent eventwali ta' xebh bejn is-servizzi in kwistjoni jippermetti lill-intervenjenti li jipprojbixxi l-użu, fil-Komunità, ta' trade marks oħra li fihom l-element "eurodata" u li jikkonċernaw il-ġabra ta' data, mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tax-xebh ta' l-imsemmija servizzi.

–       Fuq is-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 41

60     Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 41, minn naħa, u s-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti li jaqgħu taħt il-klassi 35, min-naħa l-oħra, kienu simili ħafna.

61     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tosserva r-rikorrenti, mill-indikazzjoni tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 41 jirriżulta li dawn huma relatati mat-taħriġ professjonali u li għalhekk huma ta' natura differenti mis-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti.

62     Madankollu, mill-indikazzjoni ta' dawn is-servizzi ta' taħriġ jirriżulta wkoll li huma relatati mal-qasam tal-marketing u tad-distribuzzjoni. Madankollu, kif ġie osservat b'mod konvinċenti fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-Uffiċċju, is-servizzi intitolati "Ġabra u provvista ta' informazzjoni kummerċjali", "stħarriġ kummerċjali", "servizzi ta' pubbliċità", "studji ta' marketing" u "riċerka u analiżi tas-suq", protetti mit-trade mark preċedenti, jaqgħu wkoll taħt il-qasam tal-marketing u tad-distribuzzjoni, safejn, "fid-dinja kummerċjali kontemporanja, ebda operazzjoni ta' marketing ma tista' tħalli l-frott mingħajr dawn is-servizzi". Konsegwentement, għalkemm is-servizzi in kwistjoni huma diġà servizzi protetti mit-trade mark preċedenti, in-nies tan-negozju li jkunu diġà jafu bis-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti probabbli jippresupponu li s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trademark jikkostitwixxu biss linja ġdida ta' attività ta' l-intrapriża li tipprovdi s-servizzi oriġinali.

63     Minn dan isegwi li teżisti rabta stretta bejn is-servizzi in kwistjoni fir-rigward ta' l-użu tagħhom u fil-fatt li huma għandhom natura kumplimentari. Għalhekk għandu jiġi konkluż li huma jixxiebhu [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 56].

64     Din il-konklużjoni mhijiex imdgħajfa bl-argument tar-rikorrenti li s-servizzi in kwistjoni jaqgħu taħt klassijiet differenti fil-klassifikazzjoni ta' Nizza. Fil-fatt, kif osserva l-Uffiċċju, ir-Regola 2(4) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li "servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li huma differenti minħabba li jaqgħu fl-istess klassi taħt il-Klassifikazzjoni [ta' Nizza]".

65     Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-argumentazzjoni tal-Bord ta' l-Appell twassal, fl-aħħar analiżi, sabiex trade mark protetta fir-rigward ta' servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 tiġi awtomatikament protetta fir-rigward ta' servizzi ta' taħriġ fl-istess qasam huwa totalment irrilevanti fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-servizzi.

 Fuq is-sinjali in kwistjoni

66     Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li l-pubbliku ser jaħseb li s-sinjali in kwistjoni ġejjin mill-istess sors kummerċjali.

67     Sabiex jiġi ddeterminat il-mertu ta' din il-konklużjoni, is-sinjali in kwistjoni għandhom jiġu mqabbla fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

68     Ikun aħjar li t-tqabbil viżiv u fonetiku jsir flimkien.

69     F'dan ir-rigward l-ewwel għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ma kkontestawx il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-element "M+M" tat-trade mark mitluba għandu karattru distintiv (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

70     Sussegwentement, il-Bord ta' l-Appell sostna li l-element "eurodata" huwa predominanti fit-trade mark mitluba u li, għalkemm l-element "M+M" fih, mingħajr ebda kontestazzjoni, karattru distintiv, huwa ma jneħħix l-attenzjoni minn fuq l-element "eurodata" sal-punt li jbiddel suffiċjentement il-mod ta' kif il-pubbliku ser jipperċepixxi din it-trade mark. Fil-fatt, skond il-Bord ta' l-Appell, minn naħa, l-element "eurodata" huwa faċli li jiġi ppronunċat u mmemorizzat u, min-naħa l-oħra, dan l-element huwa itwal u għandu aktar impatt mill-element "M+M", li huwa pjuttost konċiż (punti 16 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

71     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-element "M+M", indikazzjoni qasira, huwa, ta' l-inqas, faċli biex jiġi ppronunċat u mmemorizzat daqs l-element "eurodata". Hawnhekk għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti sostniet, b'ċerta rilevanza, li t-trade marks li fihom għaqdiet żgħar ta' ittri li huma estremament komuni. Min-naħa l-oħra, huwa preċiżament minħabba li l-element "M+M" huwa konċiż u aktar qasir mill-element "eurodata" li, ta' l-inqas, huwa jista' jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku daqs dan ta' l-aħħar, u dan aktar u aktar peress li hu l-ewwel element tat-trade mark mitluba u l-pubbliku kkonċernat huwa wieħed ta' professjonisti.

72     Barra minn hekk, filwaqt li hemm qbil li l-element "TV" li jidher fit-trade mark preċedenti huwa deskrittiv, huwa m'għandux jiġi injorat fil-kuntest ta' tqabbil viżiv u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni. Madankollu, qosra kemm huma qosra, l-elementi "M+M" u "TV" huma differenti ħafna. Minn barra dan, l-ewwel wieħed huwa fil-bidu tas-sinjal u l-aħħar wieħed huwa fl-aħħar tas-sinjal. B'hekk il-fatt li jeżistu elementi verbali oħra fis-sinjali in kwistjoni jfisser li l-impressjoni sħiħa mogħtija minn kull sinjal hija differenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43).

73     Għandu jiġi konkluż li ċ-ċirkustanzi msemmija fiż-żewġ punti preċedenti, meħuda flimkien, huma biżżejjed biex kwalunkwe xebh li jinħoloq mill-preżenza ta' l-element "EUROdATA" fit-trade mark mitluba u l-element "EURODATA" fit-trade mark preċedenti ma jiġix ikkunsidrat.

74     Minn dan isegwi li s-sinjali in kwistjoni la jixxiebhu fuq livell viżiv u lanqas fuq livell fonetiku.

75     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-element "eurodata" għandu karattru distintiv. Fil-fatt, anke kieku dan kien minnu, din il-kunsiderazzjoni mhijiex ta' natura li twassal sabiex ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni li saret fil-punt preċedenti jiġu injorati.

76     Filwaqt li t-tqabbil viżiv u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni diġà jippermetti li jiġi konkluż li, f'dan il-każ, is-sinjali ma jixxiebhux, madankollu huma għandhom jiġu eżaminati fuq il-livell kunċettwali, aktar u aktar peress li t-tqabbil kunċettwali ma kienx ġie espost b'mod espliċitu fid-deċiżjoni kkontestata.

77     F'dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-element "TV" jiddeskrivi s-servizzi protetti minn din it-trade mark ma ġietx ikkontestata. Il-Qorti tal-Prim'Istanza taqbel ma' din il-kunsiderazzjoni u żżid li t-tifsira ta' dan l-element hija għalhekk neċessarjament ċara u determinata fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti.

78     Fir-rigward tat-trade mark mitluba, għandu jiġi rrilevat li, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, l-element distintiv "M+M" m'għandux tifsira ċara u determinata, u jirreferi sempliċement għall-isem tar-rikorrenti. Għalhekk dan l-element għandu tifsira kompletament differenti minn dik ta' l-element "TV" fit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, ma teżisti ebda xebh fuq il-livell semantiku bejn dawn iż-żewġ elementi.

79     Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-argument ta' l-Uffiċċju li il-konsumaturi jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq l-element "eurodata" u li ż-żieda ta' l-element "M+M" m'għandux xi effett partikolari fuq l-imressjoni sħiħa mogħtija mis-sinjali in kwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif diġà ġie indikat aktar 'il fuq, il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn nies professjonisti, li l-attenzjoni tagħhom hija ffokata, ta' l-inqas, bl-istess intensità fuq l-element "M+M" bħal fuq l-element "eurodata" li jidher fuq it-trade mark mitluba.

80     Għalhekk għandu jiġi konkluż li s-sinjali in kwistjoni ma jixxiebhux fuq il-livell kunċettwali.

81     Din il-konklużjoni mhijiex imdgħajfa bl-argument ta' l-intervenjenti li ħafna uffiċċji nazzjonali tat-trade marks aċċettaw li jirreġistraw t-trade mark tagħha EURODATA TV. Fil-fatt, din il-kawża ma tikkonċernax il-karattru reġistrabbli tas-sinjal EURODATA TV, iżda hija kkonċernata biss minn dwar jekk teżistix probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti.

82     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument ta' l-intervenjenti ibbażat fuq it-trade mark Ġermaniża, allegatament mitluba mir-rikorrenti fl-1993, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument mhuwiex rilevanti fir-rigward tat-trade mark mitluba f'din il-kawża.

83     Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell għamel żball meta kkunsidra li l-pubbliku ser jaħseb li s-sinjali in kwistjoni ġejjin mill-istess sors kummerċjali.

 Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

84     Il-Bord ta' l-Appell ma ċċarax il-konklużjoni tiegħu dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni. Huwa llimita lilu nnifsu sabiex jikkunsidra li, jekk jattribwixxi karattru distintiv lill-kelma "eurodata", dak li sussegwentement għamel fid-deċiżjoni kkontestata, allura huwa kellu jikkunsidra li dawn is-sinjali kienu jixxiebhu sal-punt li joħolqu konfużjoni minħabba l-livell għoli ta' xebh li kienet jeżisti fuq livell fonetiku, viżiv u forsi kunċettwali għal servizzi identiċi jew li jixxiebhu.

85     Kif ġie espost aktar 'il fuq, is-servizzi in kwistjoni huma parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu. Madankollu, anke jekk hemm identiċità jew xebh bejn is-servizzi in kwistjoni, id-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni jikkostitwixxu motivi suffiċjenti biex jingħad li m'hemmx probabbiltà ta' konfużjoni fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52). Fil-fatt, meta s-servizzi indikati mit-trade mark mitluba, li hija differenti mit-trade mark preċedenti fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat, dan ta' l-aħħar mhuwiex ser jattribbwixxi l-istess oriġini kummerċjali lis-servizzi in kwistjoni. Konsegwentement, m'hemmx riskju li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi indikati minn kull waħda miż-żewġ trade marks.

86     Din il-konklużjoni hija korroborata mill-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punti 51 u 52 aktar 'il fuq, id-destinatarji tas-servizzi in kwistjoni huma kollha professjonisti, li jistgħu jkunu partikolarment interessati u attenti għas-sinjali in kwistjoni.

87     Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li, peress li impliċitament ikkunsidra li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni u peress li, fuq din il-bażi, huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni, il-Bord ta' l-Appell applika l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 b'mod żbaljat.

88     Konsegwentement, l-uniku motiv ibbażat fuq ksur ta' din id-dispożizzjoni għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

89     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, madankollu, hekk kif ġie indikat fil-punt 13 aktar 'il fuq, il-Bord ta' l-Appell ma llimitax lilu nnifsu li jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, iżda huwa wkoll reġa' bagħat il-każ quddiem din ta' l-aħħar sabiex tieħu azzjoni fuq l-applikazzjoni għat-trade mark fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 42. Madankollu, l-oppożizzjoni f'din il-kawża hija biss fir-rigward tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu taħt il-klassi 35 u 41. Għalhekk il-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 42 ma jiffurmawx parti mis-suġġett tal-każ quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-intervenjenti talbet biss lill-Bord ta' l-Appell jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u jiċħad it-talba għas-servizzi msemmija fl-att ta' oppożizzjoni (punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata), u li jaqgħu taħt il-klassijiet 35 u 41 skond il-klassifikazzjoni ta' Nizza.

90     F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni li biha l-Bord ta' l-Appell l reġa' bagħat il-każ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex tieħu azzjoni fuq l-applikazzjoni għat-trade mark għal prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 42, għandha tiġi meqjusa bħala sempliċi konferma li, fir-rigward ta' dawn il-prodotti u servizzi, kienet neċessarja biex l-Uffiċċju jkompli l-proċedura ta' reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata m'għandhiex tiġi annullata fuq dan il-punt, kif spjegat. Barra minn dan, konferma bħal din mhijiex kontradittorja mal-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li kienet favorevoli għar-rikorrenti fir-rigward tat-talbiet ippreżentati minnha, kif ġie ppreċiżat fis-seduta (ara l-punt 23 aktar 'il fuq).

91     Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, ħlief safejn hija terġa' tibgħat il-każ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex tieħu azzjoni fuq l-applikazzjoni għat-trade mark għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 42.

 Fuq l-ispejjeż

92     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

93     F'din il-kawża, kemm l-Uffiċċju kif ukoll l-intervenjenti tilfu, safejn id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet li l-Uffiċċju jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż inkorsi minnha.

94     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Uffiċċju għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti u l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji), tat-2 ta' Ottubru 2001, fil-każ R 698/2000-1 hija annullata, ħlief safejn hija terġa' tibgħat il-każ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex din tieħu azzjoni fuq l-applikazzjoni għat-trade mark għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16 u 42.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji), huwa kkundannat ibati l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

      J. Pirrung

Registratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – It-traduzzjoni tal-Ftehim ta' Nizza mhijiex uffiċjali.