Language of document : ECLI:EU:T:2004:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

8 ta' Lulju 2004(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq tat-tubi u pajpijiet ta’ l-azzar mingħajr saldatura – Tul ta' żmien tal-ksur – Multi”

Fil-kawża T-50/00,

Dalmine SpA, stabbilita f’Dalmine (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa u F. Moretti, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

kontra

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Erhart u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU L 140, 2003, p. 1), jew sussidjarjament, talba għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-19, 20 u 21 ta’ Marzu 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti u l-proċedura

1        Il-kawża preżenti tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU L 140, 2003, p. 1, aktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”)

2        Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil tmien impriżi produtturi tat-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura (aktar ’il quddiem “l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata”). Fost dawn l-impriżi hemm erba’ kumpanniji Ewropej (aktar ’il quddiem il-“produtturi Ewropej” jew il-“produtturi Komunitarji”): Mannesmannröhren-Werke AG (aktar ’il quddiem “Mannesmann”), Vallourec SA, Corus UK Ltd (li qabel kienet British Steel plc, imbagħad British Steel Ltd, aktar ’il quddiem “Corus”) u Dalmine SpA (aktar ’il quddiem “Dalmine” jew ir-“rikorrenti”). L-erba’ produtturi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma kumpanniji Ġappuniżi (aktar ’il quddiem “il-produtturi Ġappuniżi”): NKK Corp., Nippon Steel Corp. (aktar ’il quddiem “Nippon”), Kawasaki Steel Corp. (aktar ’il quddiem “Kawasaki”) u Sumitomo Metal Industries Ltd (aktar ’il quddiem “Sumitomo”).

1.     Il-proċedura amministrattiva

3        Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 1994, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Liberu (EFTA), abbażi ta’ l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/1/KEFA, KE tat-13 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika ta' l-Islanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 1, 1994, p. 1, aktar ’il quddiem “il-Ftehim ŻEE”) awtorizzat lill-membru tagħha inkarigat mill-kawżi dwar il-kompetizzjoni sabiex jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni fit-territorju tal-Komunità li jkollha bħala suġġett l-eżistenza ta’ prattiċi antikompetittivi li jirrigwardaw it-tubi ta’ l-azzar karboniku użati f’operazzjonijiet ta’ tħaffir u trasport mill-industrija taż-żejt Norveġiża.

4        Permezz ta' deċiżjoni mhux ippubblikata tal-25 ta’ Novembru 1994 (Każ IV/35/304, aktar ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994”) riprodotta fil-paġna 3 tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u adottata fuq il-bażi ġuridika doppja ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), u tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA tas-17 ta’ Novembru 1994, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni. Din l-investigazzjoni kellha teżamina l-prattiċi msemmijin fid-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tas-17 ta’ Novembru 1994, peress li dawn il-prattiċi kienu suxxettibbli li jmorru kontra mhux biss l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (aktar ’il quddiem “l-Artikolu 53 ŻEE”), iżda wkoll l-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 1994 lil tmien kumpanniji fosthom Mannesmann, Corus, Vallourec u Sumitomo Deutschland GmbH, kumpannija mill-grupp Sumitomo. Fl-1 u 2 ta’ Diċembru 1994, l-uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati wettqu verifiki għand dawn l-impriżi, abbażi ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

5        Permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 1995, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA kkonstatat li, peress li l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità kien affettwat b’mod sostanzjali mill-każ pendenti quddiemha, dan kien jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 56(1)(ċ) tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA ddeċidiet għalhekk li tibgħat dan il-fajl lill-Kummissjoni, u dan b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 23 tal-Ftehim ŻEE. B’effett minn dik id-data, il-Kummissjoni tat lill-każ numru ġdid (IV/E-1/35.860).

6        Bejn Settembru 1996 u Diċembru 1997, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet ulterjuri, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17, fuq Vallourec, Dalmine u Mannesmann. B’mod partikolari, hija investigat lil Vallourec fis-17 ta’ Settembru 1996, investigazzjoni li fl-okkażjoni tagħha l-President ta’ Vallourec Oil & Gas, is-Sur Verluca, għamel id-dikjarazzjoni riprodotta fil-paġna 6356 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar ’il quddiem “id-dikjarazzjoni ta’ Verluca tas-17 ta’ Settembru 1996”), li fuqha l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet xi talbiet għall-informazzjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lill-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll lill-ċerti impriżi oħra.

7        Peress li Dalmine u l-kumpanniji Arġentini Siderca SAIC (aktar ’il quddiem “Siderca”) u Techint Group kienu rrifjutaw li jibagħtu ċerta informazzjoni mitluba, ġiet indirizzata lilhom id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 1997 [C(1997) 3036, IV/35.860, tubi ta’ l-azzar, mhux ippubblikata], adottata taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Siderca u Dalmine ppreżentaw rikors għall-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-rikors għall-annullament imressaq minn Dalmine ġie ddikjarat manifestament inammissibbli b’digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta’ Ġunju 1998, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T-596/97, Ġabra. p. II-2383), mentri r-rikors għall-annullament imressaq minn Siderca ġie mħassar mil-lista wara li ġie rtirat mill-istess Siderca, b’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 1998, Siderca vs Il-Kummissjoni (T-8/98, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

8        Mannesmann irrifjutat ukoll li tipprovdi ċerta informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Minkejja l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 1998 [C(1998) 1204, IV/35.860, tubi ta’ l-azzar, mhux ippubblikata], fir-rigward tagħha, taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, Mannesmann ippersistiet f’dan ir-rifjut. Mannesmann ippreżentat ukoll rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta' sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-112/98, Ġabra p. II-729), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-deċiżjoni in kwistjoni u mill-bqija ċaħdet ir-rikors.

9        F’Jannar 1999, il-Kummissjoni adottat żewġ dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet, li jikkonċernaw, waħda, it-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati u, l-oħra, it-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura. Hekk hija qasmet il-każ fi tnejn, il-każ IV/E-1/35.860-A dwar it-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati u l-każ IV/E-1/35.860-B dwar it-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura.

10      Fil-każ tat-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura, il-Kummissjoni indirizzat id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet tagħha (aktar ’il quddiem il-“DO”) lit-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll lil Siderca u lill-kumpannija Messikana Tubos de Acero de México SA. Dawn l-impriżi kellhom aċċess għall-fajl li l-Kummissjoni fetħet f’dan il-każ bejn il-11 ta’ Frar u l-20 ta' April 1999. Barra minn hekk, Permezz ta' l-ittri tal-11 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni bagħtet kopja tad-deċiżjonijiet ta’ Novembru 1994 dwar investigazzjonijiet li saru fuq l-impriżi li ma kinux destinatarji u li, minħabba dan il-fatt, ma kinux jafu bihom.

11      Wara li d-destinatarji taż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni semgħet lill-istess destinatarji fid-9 ta’ Ġunju 1999 fil-każ tat-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati u fl-10 ta’ Ġunju 1999 fil-każ tat-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura. F’Lulju 1999, il-Kummissjoni infurmat lid-destinatarji tad-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet fil-każ IV/E-1/35.860-A, dwar it-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati, li hija kienet abbandunat il-każ marbut ma dawn il-prodotti. Min-naħa l-oħra, hija kompliet il-każ IV/E-1/35.860-B.

12      Kien f’dan il-kuntest li fit-8 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

2.     Il-prodotti in kwistjoni

13      Il-prodotti in kwistjoni fil-każ IV/E-1/35.860-B huma t-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura użati fl-industrija taż-żejt u tal-gass, u jinkludu industrija żewġ kategoriji wiesgħa ta’ prodotti.

14      L-ewwel kategorija ta’ prodotti tinkludi t-tubi ta’ tħaffir, magħrufa bħala “Oil Country Tubular Goods” jew “OCTG”. Dawn it-tubi jistgħu jinbiegħu jew mingħajr kamin ("tubi lixxi") jew bil-kamin. Il-kamini jippermettu t-tgħaqqid tat-tubi OCTG. Kamin jista’ jsir skond l-istandards preskritti mill-American Petroleum Institute (API) (it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa “it-tubi standard OCTG” aktar 'il quddiem) jew skond teknika speċifika, li ġeneralment ikollha privattiva. F’dan l-aħħar każ, wieħed jitkellem dwar kamini jew, jekk ikun il-każ, dwar “joints” “ta’ l-aqwa kwalità” jew “premium” (it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa “it-tubi premium OCTG” aktar ’il quddiem).

15      It-tieni kategorija ta’ prodotti hija magħmula mill-pajpijiet għat-trasport ta’ żejt u gass (“line pipe”) ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura, li mbagħad jinqasmu, minn naħa, f’dawk li huma manifatturati skond in-normi standardizzati u, min-naħa l-oħra, f’dawk li huma manifatturati tal-qies għall-proġetti speċifiċi (imsejħa l-"pajpijiet tal-qies għat-trasport" aktar 'il quddiem")

3.     Il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fl-ewwel lok, li t-tmien impriżi destinatarji ta’ dik id-deċiżjoni kienu kkonkludew ftehim li kellu, inter alia, l-għan li jkun hemm ħarsien reċiproku tas-swieq nazzjonali tagħhom (premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond dan il-ftehim, kull impriża kienet ipprojbita milli tbigħ tubi standard OCTG u pajpijiet tal-qies għat-trasport fuq is-suq nazzjonali ta’ xi parti oħra fil-ftehim. Il-ftehim kien ġie konkluż fil-kuntest ta’ laqgħat bejn produtturi Komunitarji u Ġappuniżi magħrufin bl-isem “klabb Ewropa-Ġappun”. Il-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali kien identifikat bl-espressjoni “Regoli Fundamentali” (“Fundamentals”). Sussidjarjament, il-Kummissjoni osservat li r-Regoli Fundamentali kienu effettivament ġew osservati u, għaldaqstant, li l-ftehim kellu effett antikompetittiv fuq is-suq komuni (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni qieset li dan il-ftehim kien jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). B’konsegwenza ta’ dan, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni u imponiet xi multi fuq it-tmien impriżi destinatarji.

18      Fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għalkemm il-klabb Ewropa-Ġappun kien ilu jiltaqa' mill-1977 (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata), is-sena 1990 kellha titqies bħala l-mument li fih beda l-ksur għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, u dan in vista ta’ l-eżistenza, bejn l-1977 u l-1990, ta’ ftehim ta’ awto-limitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun (aktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ awto-limitazzjoni”) (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond il-Kummissjoni l-ksur waqaf fl-1995 (premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti fuq it-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna minħabba li l-ftehim in kwistjoni kien jikkontempla l-ħarsien tas-swieq nazzjonali u kien għalhekk jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, hija osservat li l-bejgħ tat-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura mill-impriżi destinatarji, fl-erba’ Stati Membri kkonċernati, kien jammonta biss għal madwar EUR 73 miljun fis-sena. Konsegwentement, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur għas-somma ta’ EUR 10 miljun għal kull waħda mit-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn kienu kollha impriżi kbar, il-Kummissjoni ma ħassitx li hija kellha bżonn, minħabba f’hekk, tagħmel xi distinzjoni bejn l-ammonti ffissati (premessi 162, 163 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Peress li dehrilha li l-ksur kien ta’ tul ta' żmien medju, il-Kummissjoni applikat żieda ta’ 10% għal kull sena ta' parteċipazzjoni fil-ksur fuq l-ammont li kien stabbilit skond il-gravità, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fid-dawl tal-fatt li s-settur tat-tubi ta’ l-azzar għadda minn kriżi li damet ħafna u fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ta’ dan is-settur bdiet tiddeterjora mill-1991, il-Kummissjoni naqqset l-imsemmija ammonti bażiċi b'10% minħabba ċirkustanzi attenwanti (premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 40% ta' l-ammont tal-multa imposta fuq Vallourec, kif ukoll tnaqqis ta’ 20% ta' l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine, u dan skond il-punt D 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar l-akkordji (ĠU C 207, 1996, p. 4, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni") u dan sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ impriżi kienu kkooperaw mal-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva (premessi 170 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata)..

21      L-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni, li jirriżulta mill-kalkolu espost fiż-żewġ punti preċedenti, huwa indikat fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 33 aktar 'il quddiem).

22      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kuntratti konklużi bejn il-produtturi Komunitarji dwar il-bejgħ tat-tubi lixxi fuq is-suq Britanniku kienu jikkostitwixxu komportamenti illegali (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija ma imponietx multa addizzjonali minħabba dan il-ksur peress li l-imsemmija kuntratti kienu wara kollox jikkostitwixxu biss mezz għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali deċiż fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Il-fatti essenzjali li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

23      Il-klabb Ewropa-Ġappun kien jiltaqa’ madwar darbtejn fis-sena bejn l-1977 u l-1994 (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, il-Kummissjoni osservat li, skond id-dikjarazzjoni ta’ Verluca tas-17 ta’ Settembru 1996, dawn il-laqgħat seħħew b’mod partikolari fl-14 ta' April 1992 f’Firenze, fit-23 ta’ Ottubru 1992 f’Tokjo, fid-19 ta’ Mejju 1993 f’Pariġi, fil-5 ta’ Novembru 1993 f’Tokjo u fis-16 ta’ Marzu 1994 f’Cannes. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li n-nota ta’ Vallourec intitolata “Xi informazzjoni fuq il-klabb Ewropa-Ġappun” ta’ l-4 ta’ Novembru 1991, riprodotta fil-paġna 4350 tal-fajl tal-Kummissjoni u dik ta’ l-24 ta’ Lulju 1990, riprodotta fil-paġna 15586 tal-fajl, intitolata “Il-Laqgħa ta’ l-24.07.90 ma’ British Steel” jippreċiżaw li kienu nżammu wkoll laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun fl-1989 u fl-1991.

24      Il-ftehim milħuq fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun kien ibbażat fuq tliet taqsimiet; l-ewwel taqsima kienet ir-Regoli Fundamentali dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali (imsemmija fil-punt 16 aktar 'il fuq), liema regoli jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni taqsima kienet l-iffissar tal-prezzijiet għas-sejħiet għal offerti u ta' prezzijiet minimi għas-“swieq speċjali” (“special markets”) u t-tielet taqsima kienet it-tqassim tas-swieq mondjali l-oħra bl-esklużjoni tal-Kanada u ta' l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, permezz ta’ kodiċi ta' tqassim (“sharing keys”) (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali fuq serje ta’ indizji dokumentati elenkati fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq it-tabella li tidher fil-premessa 68 ta’ l-istess deċiżjoni. Minn din it-tabella jirriżulta li s-sehem tal-produttur nazzjonali fil-konsenji tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport effettwati mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata lejn il-Ġappun u fuq is-suq domestiku ta’ kull wieħed mill-erba’ produtturi Komunitarji kien kbir ħafna. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, in ġenerali, is-swieq nazzjonali kienu effettivament imħarsa mill-partijiet fil-ftehim. Fir-rigward taż-żewġ taqsimiet l-oħra tal-ftehim in kwistjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-elementi ta’ prova relatati magħhom fil-premessi 79 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Meta, fl-1990, Corus uriet l-intenzjoni tagħha li twaqqaf l-attivitajiet ta' produzzjoni tagħha tat-tubi lixxi, il-produtturi Komunitarji kienu kkonċernati dwar jekk il-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tar-Regoli Fundamentali deskritti aktar 'il fuq kienx ser jibqa’ japplika fir-rigward tas-suq tar-Renju Unit. Kien f’dan il-kuntest li Vallourec u Corus ħarġu bl-idea tar-“Regoli Fundamentali mtejba” (“fundamentals improved”), li kienu intiżi sabiex iżommu f’posthom ir-restrizzjonijiet li kellhom il-produtturi Ġappuniżi sabiex jaċċedu għas-suq Britanniku, u dan minkejja l-irtirar ta’ Corus mis-suq. Matul ix-xahar ta’ Lulju 1990, fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-liċenzja għat-teknika ta' kamini VAM, Vallourec u Corus kienu ftehmu sabiex jirriżervaw il-provista ta’ l-istess Corus b’tubi lixxi għal Vallourec, Mannesmann u Dalmine (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      F’April 1991, Corus għalqet il-fabbrika tagħha ta’ Clydesdale (Renju-Unit), li kienet responsabbli għal 90% tal-produzzjoni tagħha ta' tubi lixxi. Corus ikkonkludiet għalhekk kuntratti għall-provvista tat-tubi msemmija, ta’ tul ta' żmien inizjali ta’ ħames snin u prorogabbli taċitament bil-kundizzjoni li jingħata avviż tnax-il xahar qabel, ma’ Vallourec (fl-24 ta’ Lulju 1991), Dalmine (fl-4 ta’ Diċembru 1991) u Mannesmann (fid-9 ta’ Awwissu 1993) (aktar ’il quddiem “il-kuntratti għall-fornitura”). Skond dawn it-tliet kuntratti, li huma riprodotti fil-paġni 12867, 12910 u 12948 tal-fajl tal-Kummissjoni, kull waħda mill-impriżi benefiċjarji hija allokata kwota ta’ provvista fissa, li tammonta għal 40%, 30% u 30% rispettivament tal-bżonnijiet ta’ Corus (premessi 79 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata), b’esklużjoni tat-tubi ta’ dijametru żgħir.

27      Fl-1993, tliet fatturi wasslu għal eżami mill-ġdid tal-prinċipji tal-funzjonament tal-klabb Ewropa-Ġappun. L-ewwel fattur kien ir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija Ewropea ta’ l-azzar. Fir-Renju Unit, Corus kienet fil-fatt ikkontemplat li twaqqaf l-aħħar attivitajiet ta' produzzjoni tagħha ta' tubi bil-kamin mingħajr saldatura. Fil-Belġju, il-kumpannija New Tubemeuse (aktar ’il quddiem “NTM”), li l-attività tagħha kienet orjentata prinċipalment għall-esportazzjoni lejn il-Lvant Nofsani u l-Lvant Imbiegħed, kienet ġiet illikwidata fil-31 ta’ Diċembru 1993. It-tieni fattur kien l-aċċess tal-produtturi ta’ l-Amerika Latina għas-suq Komunitarju, aċċess li kien qiegħed jhedded li jqajjem mill-ġdid il-kwistjoni tat-tqassim tas-swieq kif kien miftiehem fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun. Fit-tielet u l-aħħar fattur kien li fis-suq dinji tat-tubi intiżi għall-użu fl-estrazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass, it-tubi ssaldjati bbenefikaw minn żieda sinjifikattiva, minkejja li kien għad baqa’ differenzi qawwija fir-reġjuni (premessi 83 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Kien f’dan il-kuntest li l-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun iltaqgħu f’Tokjo, fil-5 ta’ Novembru 1993, sabiex jippruvaw jerġgħu jilħqu ftehim ġdid dwar it-tqassim tas-swieq mal-produtturi ta’ l-Amerika Latina. Il-kontenut tal-ftehim milħuq f’dik l-okkażjoni huwa rifless f’dokument mibgħut lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Novembru 1997, minn informatur li ma għandux x’jaqsam ma’ din il-proċedura, u riprodott fil-paġna 7320 tal-fajl tal-Kummissjoni, li fih b’mod partikolari “kodiċi ta' tqassim” (aktar ’il quddiem “id-dokument kodiċi ta' tqassim”). Skond l-informatur, dan id-dokument ġie mingħand aġent kummerċjali ta’ waħda mill-parteċipanti fil-laqgħa msemmija. Fir-rigward b'mod partikolari tal-konsegwenzi tar-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija Ewropea, l-għeluq ta’ NTM ippermetta lill-produtturi Komunitarji sabiex jiksbu konċessjonijiet mingħand il-produtturi Ġappuniżi u ta' l-Amerika Latina, li kienu l-benefiċjarji prinċipali ta' l-irtirar ta’ NTM mis-swieq ta’ l-esportazzjoni (premessi 85 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Min-naħa tagħha, Corus ħadet id-deċiżjoni definittiva li twaqqaf l-aħħar attivitajiet ta' produzzjoni tagħha ta' tubi mingħajr saldatura. Fit-22 ta’ Frar 1994, Vallourec ħadet taħt il-kontroll tagħha l-impjanti fejn jinħadem il-kamin u tal-produzzjoni tat-tubi ta’ Corus u waqqfet, għal dan il-għan, il-kumpannija Tubular Industries Scotland Ltd (aktar ’il quddiem “TISL”). Fil-31 ta’ Marzu 1994, TISL daħlet fil-kuntratti għall-fornitura ta’ tubi lixxi li Corus kienet ikkonkludiet ma’ Dalmine u Mannesmann. Fl-24 ta' April 1997, il-kuntratt konkluż ma’ Mannesmann kien għadu fis-seħħ. Fit-30 ta’ Marzu 1999, Dalmine rrexxindiet il-kuntratt ta’ fornitura ma’ TISL (premessi 90 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni tqis li, b’dawn il-kuntratti, il-produtturi Komunitarji attribwew lilhom infushom kwoti ta’ fornitura ta' tubi lixxi għas-suq Britanniku, li jirrappreżenta aktar min-nofs tal-konsum tal-Komunità tat-tubi OCTG. Hija kkonkludiet għalhekk li dan kien akkordju projbit mill-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE (ara l-punt 22 aktar 'il fuq).

5.     I-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

31      Skond l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tmien impriżi destinatarji ta’ din l-istess deċiżjoni “[...] kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, billi ħadu sehem [...] f'akkordju li jipprovdi, fost oħrajn, għall-ħarsien tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom tat-tubi standard OCTG [...] u l-[pajpijiet tal-qies għat-trasport] mingħajr saldatura”.

32      L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-ksur dam mill-1990 sa l-1995 għall-Mannesmann, Vallourec, Dalmine, Sumitomo, Nippon, Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp. Fir-rigward ta’ Corus, huwa indikat li l-ksur dam mill-1990 sa Frar 1994.

33      Id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu dan li ġej:

“ L-Artikolu 2

1.      [Mannesmann], Vallourec […], [Corus] u Dalmine […] kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, billi, fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, ikkonkludew kuntratti li rriżultaw fi tqassim tal-provvista ta' tubi OCTG lixxi lil [Corus] (Vallourec [...] mis-sena 1994).

2.      Għal [Corus], il-ksur dam mill-24 ta’ Lulju 1991 sa Frar 1994. Għal Vallourec [...], il-ksur dam mill-24 ta’ Lulju 1991 sat-30 ta’ Marzu 1999. Għal Dalmine [...], il-ksur dam mill-4 ta’ Diċembru 1991 sat-30 ta’ Marzu 1999. Għal [Mannesmann], il-ksur dam mid-9 ta’ Awwissu 1993 sa l-24 ta' April 1997.

[...]

L-Artikolu 4

Il-multi segwenti qegħdin jiġu imposti fuq l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1, u dan minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi artikolu:

(1)   [Mannesmann] EUR 13 500 000

(2)   Vallourec [...]          EUR 8 100 000

(3)   [Corus]          EUR 12 600 000

(4)    Dalmine [...]          EUR 10 800 000

(5)   Sumitomo [...]          EUR 13 500 000

(6)   Nippon [...]          EUR 13 500 000

(7)   Kawasaki Steel Corp [...] EUR 13 500 000

(8)    NKK Corp [...] EUR 13 500 000

[...]”

6.     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

34      Permezz ta' seba’ rikorsi, iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bejn it-28 ta’ Frar u t-3 ta' April 2000, Mannesmann, Corus, Dalmine, NKK Corp., Nippon, Kawasaki u Sumitomo ressqu rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

35      Permezz ta' digriet tat-18 ta’ Ġunju 2002, ġie deċiż, wara li nstemgħu l-partijiet, li s-seba’ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Wara li l-kawżi ngħaqdu, ir-rikorrenti kollha setgħu jikkonsultaw il-fajls kollha li jirrigwardaw il-proċedura preżenti fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ittieħdu wkoll miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura.

36      Fuq rapport ta’ l-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduti tad-19, 20 u 21 ta’ Marzu 2003

 It-talbiet tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha: ::

–        tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-multa li ġiet imposta lilha jew tnaqqas l-ammont tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż..

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha:::

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż..

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

39      Waqt is-seduta, Dalmine indikat li peress li hija rċeviet sinteżi mhux kunfidenzjali tas-siltiet imħollija barra minn ċerti dokumenti tal-fajl fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim'Istanza, hija kienet qegħdha tirrinunzja għall-motiv tagħha bbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba t-trattament kunfidenzjali ta’ l-imsemmija dokumenti matul il-proċedura amministrattiva.

1.     Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali matul il-proċedura amministrattiva

 Fuq il-legalita’ tal-mistoqsijiet li l-Kummissjoni għamlet matul l-investigazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

40      Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt tagħha li ma tinkriminax ruħha nkiser permezz tal-mistoqsijiet żbilanċjati li l-Kummissjoni għamlet matul l-investigazzjoni. L-iskop ta' dawn il-mistoqsijiet kien li jġegħluha tammetti l-eżistenza ta' ksur, u dan bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35). Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tigi annullata safejn din hija bbażata fuq ir-risposti għall-mistoqsijiet in kwistjoni.

41      Fit-13 ta’ Frar u 22 ta’ April 1997, il-Kummissjoni interrogat lir-rikorrenti skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. F'dawn l-okkażjonijiet il-Kummissjoni ppruvat iġġiegħel lill-Dalmine tammetti l-preżenza tagħha f'ċerti laqgħat bejn produtturi tat-tubi ta’ l-azzar kif ukoll li s-suġġett ta' dawk il-laqgħat kien illegali, billi tiddeskrivila, f'dik l-okkażjoni, il-prattiċi illeċiti in kwistjoni, jiġifieri b’mod partikolari l-ftehim dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali u dak dwar il-prezzijiet, li għalihom ir-rikorrenti kellha tiddikjara li ħadet sehem. Il-Kummissjoni b’mod partikolari staqsiet lil Dalmine ssemmi “id-deċiżjonijiet adottati [...], it-tqassim tas-swieq (kodiċi ta' tqassim) diskuss jew stabbilit għaż-żoni ġeografiċi u l-perijodu ta’ validità tiegħu, il-prezzijiet diskussi jew stabbiliti għaż-żoni ġeografiċi u l-perijodu ta’ validità tagħhom filwaqt li tispeċifika t-tip tagħhom”. Il-Kummissjoni kkritikat lil Dalmine għar-retiċenza tagħha sabiex tirrispondi għal dawn il-mistoqsijiet.

42      Fit-12 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni reġgħet stiednet lil Dalmine sabiex tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Peress li kienet tal-fehma li r-risposti ta' Dalmine ma kinux kompluti, l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997, fejn ordnat lir-rikorrenti sabiex tipprovdi l-informazzjoni rikjesta f'terminu ta' tletin ġurnata, taħt piena ta' pagamenti ta' penalità. Din id-deċiżjoni, li minnha r-rikorrenti appellat (digriet Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 7 aktar 'il fuq), kienet ta’ preġudizzju għal Dalmine.

43      Il-Kummissjoni tikkuntesta li għamlet xi mistoqsijiet li ġiegħlu lil Dalmine tinkrimina ruħha.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi huma liberi li ma jirrispondux għall-mistoqsijiet li jsirulhom skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Siment", T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 734). Huwa biss fil-każ li impriża tipprovdi informazzjoni mhux preċiża li l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi għall-possibbiltà ta’ sanzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

45      Skond is-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 40 aktar 'il fuq (punt 32), il-motiv preżenti jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi (ara ukoll is-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 8 aktar 'il fuq, punt 63). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li impriża destinatarja ta' xi deċiżjoni ta' talba għall-informazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 għandha dritt għas-silenzju meta hija tkun imġiegħla, taħt piena ta' pagamenti ta' penalità, tagħti xi risposti li bihom tkun qiegħda tammetti l-eżistenza tal-ksur, ħaġa li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni (sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35, u Mannesmannröhren‑Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 67).

46      Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li l-impriżi mhumiex obbligati li jagħtu risposti, skond l-imsemmija dispożizzjoni legali, wara li tkun saret semplici talba għall-informazzjoni skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17, u għaldaqstant dawn ma jistgħux jallegaw li d-dritt tagħhom li ma jinkriminawx ruħhom kien miksur minħabba l-fatt li huma rrispondew volontarjament għal dik it-talba. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 734).

47      Fil-każ preżenti, anke jekk jiġi meqjus li huwa ammissibbli li Dalmine tressaq, fil-kuntest ta' din il-proċedura, argumenti li jirrigwardaw in-natura allegatament illegali tal-mistoqsijiet magħmula, meta hija ma ppreżentatx rikors ammissibbli sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997 fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE (ara, f'dan ir-rigward, id-digriet Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 7 aktar 'il fuq, li jiċħad bħala inammissibbli r-rikors li Dalmine għamlet kontra l-imsemmija deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997), huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun ivvizzjata b'illegalità f'dan ir-rigward biss jekk il-mistoqsijiet li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997 kienu wassluha sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkonstestata, fis-sens tas-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 40 aktar 'il fuq. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni, permezz tat-talba inizjali tagħha tat-22 ta' April 1997, għamlet sensiela twila ta’ mistoqsijiet, l-uniċi mistoqsijiet li ġew indirizzati mill-Kummissjoni lil Dalmine fid-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997 kienu jikkonċernaw il-preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni ta’ natura purament oġġettiva u għalhekk ma kinux ta’ natura tali li jwassluha sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur.

48      F’dak li jirrigwarda l-mistoqsijiet magħmulin lill-kumpanniji Arġentini Techint Group u Siderca, li, in solidum ma Dalmine, ġew mhedda bil-pagamenti ta' penalità, u dan minħabba l-fatt li dawn it-tliet kumpanniji kienu jikkostitwixxu impriża waħda (premessa 13 u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997), huwa stabbilit li l-aħħar inċiż tat-tieni mistoqsija, li reġgħet saret mill-ġdid lil dawn il-kumpanniji fid-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 1997 u li tinstab annessa ma’ l-istess deċiżjoni, hija analoga għall-aħħar inċiż tal-mistoqsijiet 1.6, 1.7 u 2.3 li saru lil Mannesmann f'deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 1998, u li l-Qorti tal-Prim'Istanza, abbażi tas-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 40 aktar 'il fuq, annullat l-imsemmi inċiż fis-sentenza tagħha Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 8 aktar 'il fuq.

49      Madankollu, apparti l-fatt li l-Kummissjoni ma staqsietx lil Dalmine b’mod dirett, inkwantu enti morali, sabiex tipprovdi din l-informazzjoni, għandu jiġi osservat li dak l-inċiż tal-mistoqsija jirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej u dawk ta’ l-Amerika Latina, aspett tal-ftehim allegat fid-DO li ma ġiex analizzat fid-deċiżjoni kkontestata.

50      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rikonoxxut li dan l-aspett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 1997 ma setax iwassal lil Dalmine sabiex tinkrimina ruħha fir-rigward tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim għat-tqassim tas-swieq konkluż bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej li huwa kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, anke jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni kkommettiet illegalità f’dan ir- rigward, dan ma setax ikollu l-iċken effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant ma setax jivvizzja lill din ta' l-aħħar b’illegalità.

51      Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-motiv preżenti għandu jigi miċħud.

 Fuq il-qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-elementi ta’ prova invokati

 L-argumenti tal-partijiet

52      Dalmine tfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tibgħat lill-impriżi inkriminati d-dokumenti kollha li fuqhom ikunu bbażati l-ilmenti tagħha (Rapport XXIII fuq il-politika ta' kompetizzjoni, p.113 u 114). Issa, f'dan il każ, il-Kummissjoni ċċitat, kemm fid-DO kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, dokumenti inkriminanti li hija ma annettietx mad-DO.

53      Id-dokumenti segwenti ma ġewx annessi mad-DO :

–        faks ta’ Sumitomo tat-12 ta’ Jannar 1990, iċċitat fil-punt 70 tad-DO, riprodott f’paġna 4785 tal-fajl tal-Kummissjoni u msemmi fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        rapport ta’ Vallourec ta' l-1994, icċitat fil-punt 119 tad-DO, riprodott f’paġna 14617 tal-fajl tal-Kummissjoni u msemmi fil-punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tiċċita ċerti dokumenti li, għalkemm annessi mad-DO, ma ssemmewx fl-imsemmija DO. Dawn kienu l-proċessi-verbali ta’ l-interrogazzjonijiet tas-Sur Benelli, tas-Sur Jachia u tas-Sur Ciocca li seħħew fit-2, il-5 u t-8 ta’ Ġunju 1995, fis-6 ta’ Settembru 1995 u fil-21 ta’ Frar 1996 (riprodotti f’paġna 8220(ċ) tal-fajl u msemmijin fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Din l-imġiba tal-Kummissjoni għamlitha ħafna aktar diffiċli għal Dalmine li tanalizza d-dokumenti inkriminanti. Filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għad-dokumenti permezz tan-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom, id-DO u l-fajl li hija setgħet teżamina fl-uffiċċji tal-Kummissjoni kienu organizzati b’mod differenti. B’hekk il-Kummissjoni ppreġudikat b’mod irrimedjabbli d-drittijiet tad-difiża, fatt, li waħdu, jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, Dalmine issostni li d-dokumenti inkriminanti in kwistjoni għandhom jiġu esklużi mill-argument u għalhekk il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi analizzata mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn id-dokumenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 98).

56      Il-Kummissjoni tosserva li Dalmine ingħatat l-opportunità li tanalizza d-dokumenti kollha ċċitati fid-DO jew fl-anness tagħha, fit-3 ta’ Marzu 1999 meta hija ngħatat aċċess għall-fajl. Għaldaqstant, kull ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa eskluż (sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 144).

57      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li d-dokument riprodott fil-paġna 8220b tal-fajl amministrattiv huwa ċċitat fil-punt 46 tad-DO.

58      Fl-aħħar nett, id-dokumenti annessi mad-DO iżda li mhumiex imsemmija fit-test ta’ dan ta' l-aħħar "jistgħu jiġu użati fid-deċiżjoni [kkontestata] kontra r-rikorrenti, jekk din, mid-DO, setgħet raġjonevolment tiddeduċi l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tislet minnhom" (sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 323).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

59      Sabiex l-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi in kwistjoni jkunu jistgħu jiddefendu rwieħhom b’mod adegwat kontra l-ilmenti magħmulin fil-konfront taghħom fid-DO, il-Kummissjoni hija obbligata li tagħmel aċċessibli l-fajl ta' l-istruttorja kollu, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti li jkun fihom sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħra jew xi informazzjoni oħra kunfidenzjali kif ukoll tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni (sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 144).

60      Madankollu, il-fatt li dokument jissemma f'DO mingħajr ma jkun anness magħha, bħala prinċipju, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża sakemm id-destinatarji ta' l-imsemmija dikjarazzjoni jkollhom aċċess għalih qabel ma jkunu obbligati jirrispondu għall-imsemmija dikjarazzjoni.

61      F'dak li jirrigwarda ż-żewġ dokumenti li ġew iċċitati fid-DO mingħajr ma ġew annessi magħha f'dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva, mingħajr ma ġiet ikkontestata f’dan ir-rigward minn Dalmine, li din ta' l-aħħar kellha aċċess għal dawn id-dokumenti fit-3 ta’ Marzu 1999.

62      Fir-rigward ta’ l-argument li s-sistema ta’ kif ġie organizzat l-aċċess għall-fajl f'dan il-każ għamilha difficli li dawn iż-żewġ dokumenti jiġu identifikati, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din l-allegata diffikultà ma affettwatx il-kapaċità ta’ Dalmine li tiddefendi ruħha f'dan il-każ peress li din ta' l-aħħar fir-replika tagħha ddikjarat li hija setgħet tiksibhom meta kellha aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni.

63      F'kull każ, iż-żewġ dokumenti in kwistjoni huma invokati kemm fid-DO kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiddeskrivu l-kuntest ġenerali aktar milli n-natura speċifika tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-fatt li ma saret l-ebda riferenza għalihom fid-deċiżjoni kkontestata m'għandu l-ebda effett fuq il-fondatezza ta' l-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, il-faks ta’ Sumitomo tat-12 ta’ Jannar 1990 huwa ċċitat fil-parti li tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-klabb Ewropa-Ġappun, imsemmija fiż-żewġ dokumenti, li tirreferi għas-"swieq speċjali", jiġifieri s-swieq ta’ pajjiżi terzi. Fir-rigward tar-rapport ta’ Vallourec ta' l-1994, dan jissemma fil-qosor fin-nota tal-qiegħ tal-paġna (nota nru 65 tad-DO u n-nota nru 30 tad-deċiżjoni kkontestata) sabiex jikkonferma l-fatt, li mhuwiex ikkontestat minn Damline, li "fit-22 ta’ Frar 1994, Valtubes (kumpannija sussidjarja ta’ Vallourec) ħadet il-kontroll ta' l-impjanti Skoċċiżi ta’ [Corus] speċjalizzati fl-ipproċessar bis-sħana u fil-kamini VAM u ħolqot il-kumpannija Tubular Industries Scotland Ltd (TISL), liema kumpannija hija l-fornitur ewlieni ta’ tubi bil-kamin ta' premiumjoints jew standard joints fis-suq tal-baħar tat-Tramuntana".

64      F'dak li jirrigwarda d-dokumenti li, għalkemm annessi mad-DO ma ssemmewx fiha, jiġifieri l-proċessi-verbali ta’ l-interrogazzjonijiet tas-Sur Benelli, tas-Sur Jachia u tas-Sur Ciocca, huwa biżżejjed li jiġi osservat li kemm id-DO kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata jirreferu għax-xhieda ta’ "diversi diretturi ta’ Dalmine" (ara l-punt 46 tad-DO u l-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata) u jikkwotaw in extenso biss ix-xhieda tas-Sur Biasizzo (ara punt 58 tad-DO u l-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, fid-dawl ta’ kif il-Kummissjoni użat dawn l-elementi, aktar 'il quddiem fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni irreferiet għal dawn id-dokumenti fid-DO u li jiġi kkunsidrat li, f'dan il-każ, dawn ir-referenzi kienu suffiċjenti sabiex Dalmine tkun tista' tiddefendi ruħha b'mod adegwat f'dan ir-rigward fl-istadju tal-proċedura amministrattiva.

65      F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti elementi ta' prova

66      Dalmine issostni li ċerti dokumenti miġjuba kontriha, bħala elementi ta' prova mill-Kummissjoni, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha huma inammissibbli. Hija ssostni li l-użu irregolari ta’ dawn id-dokumenti għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, dawk id-dokumenti għandhom jiġu esklużi mill-argument u, konsegwentement, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-imsemmija dokumenti.

 Fuq id-dokument kodiċi ta' tqassim

–       L-argumenti tal-partijiet

67      Skond ir-rikorrenti, id-dokument kodiċi ta' tqassim huwa inammissibbli bħala prova tal-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni la żvelat l-identità ta' l-awtur ta' dan id-dokument u lanqas l-oriġni tiegħu. Fin-nuqqqas ta' tali informazzjoni, l-awtentiċità u l-forza probatorja ta' dan id-dokument ta' prova huma dibattibbli..

68      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 85 tagħha, tagħti lill-wieħed x'jifhem li l-awtur ta’ l-imsemmi dokument ma kienx preżenti għal-laqgħa ta’ Tokjo tal-5 ta’ Novembru 1993, minkejja li dan id-dokument huwa invokat bħala prova tal-ftehim tal-ħarsien tas-swieq li ġie konkluż f’dik il-laqgħa. F'dawn iċ-ċirkustanzi, Dalmine issostni li hija ma tistax tiddefendi ruħha kontra dan id-dokumentt.

69      Il-Kummissjoni tirribatti billi tgħid li l-identifikazzjoni tal-persuna li fdatilha d-dokument kodiċi ta' tqassim mhijiex meħtieġa sabiex ir-rikorrenti teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

70      Barra minn hekk hija tfakkar li hija mhijiex obbligata tikxef l-identità ta’ l-informatur tagħha. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-punt II tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 23/03 dwar ir-regoli interni tal-proċedura li tipproċessa t-talbiet għall-aċċess għall-fajl f'każi skond l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE, l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU C 23, 1997, p. 3, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl".

71      Barra minn hekk, diversi elementi ta’ prova li jidhru fil-fajl, partikolarment dawk elenkati fil-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkorroboraw il-kontenut tad-dokument kodiċi ta' tqassim.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

72      Il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-libera amministrazzjoni tal-provi u l-unika kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi miġjuba jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf li kien serva bħala Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, II-869, II-954; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I-1797, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T-141/99, T-142/99, T-150/99 u T-151/99, Ġabra p. II-4547, punt 223). Barra minn hekk, jista' jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tipproteġi l-anonimità ta' l-informaturi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, punt 34) u din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex iġiegħel lill-Kummissjoni teskludi prova li tkun fil-pussess tagħha.

73      B'konsegwenza ta' dan, għalkemm l-argumenti ta' Dalmine jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-forza probatorja tad-dokument kodiċi ta' tqassim, m'għandux jiġi deċiż li dan id-dokument huwa prova inammissibbli li għandha tiġi eskluża mill-fajl.

 Fuq il-proċessi-verbali ta’ l-interrogazzjonijiet tad-Diretturi antiki ta’ Dalmine

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Dalmine tikkuntesta l-użu tad-dikjarazzjonijiet li ċerti Diretturi antiki tagħha setgħu għamlu quddiem il-prosekutur ta’ Bergamo (l-Italja) fil-kuntest ta’ proċedura penali.

75      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ppreġudikat gravement id-drittijiet tad-difiża ta' Dalmine meta ma informatiex fil-ħin li hija kellha dawn id-dikjarazzjonijiet kunfidenzjali. Wara li talbet lill-autorità garante della Concorrenza e del Mercato (l-awtorità nazzjonali li tħares il-kompetizzjoni fl-Italja, aktar 'il quddiem "l-Awtorità garanti") sabiex tibgħatilha dawn id-dokumenti fis-16 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni effettivament damet tliet snin sabiex tibgħat l-istess dokumenti lil Dalmine flimkien mad-DO. Dalmine issostni li, peress li hija ma kinitx mgħarrfa li dawn id-dokumenti setgħu jintużaw, hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha.

76      It-tieni nett, Dalmine tilmenta li l-Kummissjoni wettqet ksur gravi tar-regoli tal-proċedura billi użat dikjarazzjonijiet magħmula waqt proċedura penali li kienet kompletament irrilevanti għall-investigazzjoni li hija kienet qiegħda tagħmel. Il-Kummissjoni m'għandhiex dritt tinvoka dawn id-dikjarazzjonijiet barra mill-kuntest li fih dawn ittieħdu..

77      Waqt is-seduta Dalmine osservat, f’dan ir-rigward, li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et, magħrufa bħala “Banek Spanjoli” (C-67/91, Ġabra p. I-4785, punti 35 et seq) ikun hemm ksur tad-dritt għas-sigriet professjonali u tad-drittijiet tad-difiża ta’ impriża jekk xi awtorità nazzjonali tinvoka, fil-kuntest ta' proċedura nazzjonali, kontra dik l-impriża, elementi ta’ prova miksuba matul investigazzjoni li jkollha skop differenti minn dak ta' l-imsemmija proċedura. Issa, dan il-prinċipju għandu jiġi applikat, b’analoġija, għal dan il-każ safejn il-Kummissjoni użat elementi ta’ prova miġbura f'kuntest ta' investigazzjoni penali li twettqet fuq livell nazzjonali.

78      It-tielet nett, il-kuntest li fih saru d-dikjarazzjonijiet in kwistjoni mid-Diretturi antiki, li kellhom bżonn jiddefendu ruħhom kontra akkużi ta’ korruzzjoni, jikkontesta l-valur probatorju ta’ dawn l-istess dikjarazzjonijiet. B'mod partikolari, peress li l-persuni f’din is-sitwazzjoni mhumiex obbligati li jgħidu l-verità, u dan għad-differenza tax-xhieda, id-dikjarazzjonijiet tagħhom li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ akkordju illegali la huma affidabbli u lanqas fondati.

79      Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-allegazzjonijiet.

80      L-ewwel nett, hija tfakkar li kisbet il-proċessi-verbali in kwistjoni b’mod kompletament legali bil-kunsens ta’ l-Awtorità garanti, u fuq awtorizzazzjoni espliċita tas-sostituti tal-prosekutur kompetenti (anness 15 tad-DO, paġna 8220 ter 1, u anness 1). F’dan ir-rigward, Dalmine ma tindika l-ebda bażi ġuridika li tagħtiha d-dritt li, qabel il-ħruġ tad-DO, hija tiġi informata li l-Kummissjoni kellha dawn il-proċessi-verbali. F'kull każ, anke li kieku tali dritt kien jeżisti, il-ksur tiegħu ma jaffettwax id-drittijiet tad-difiża.

81      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-proċessi-verbali tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Diretturi antiki ta’ Dalmine quddiem prosekutur Taljan intbagħtulha mill-Awtorità garanti li rċeviethom mingħand l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. It-trażmissjoni ta’ dawn il-proċessi-verbali mill-awtoritajiet Taljani kienet regolari u l-użu tagħhom mill-Kummissjoni mhuwiex għalhekk ivvizzjata b'xi illegalità.

82      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-proċessi-verbali in kwistjoni fihom indizji li, meta kkunsidrati fid-dawl ta' l-informazzjoni l-oħra li kellha l-Kummissjoni, jidhru li huma konklużivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

83      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, Dalmine ma inkvokat l-ebda bażi ġuridika li tagħtiha d-dritt li, qabel ma tirċievi d-DO, tiġi informata bil-fatt li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha xi proċessi-verbali tad-dikjarazzjonijiet li ċerti Diretturi antiki tagħha kienu għamlu lill-prosekutur ta’ Bergamo. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li fl-istadju fejn il-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand l-impriżi li hija tissuspetta li pparteċipaw fi ksur, hija bl-ebda mod mhija obbligata li tindikalhom liema huma l-elementi ta’ prova li jkunu diġà fil-pussess tagħha. Il-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tippreġudika l-effikaċja ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni peress li tali informazzjoni tippermetti lill-impriżi in kwistjoni li jidentifikaw liema informazzjoni kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni u għaldaqstant liema informazzjoni tkun għad tista' tinħeba minnha.

84      F'dak li jirrigwarda l-argument ta' Dalmine ibbażat fuq l-allegat ksur tar-regoli tal-proċedura u bbażat fuq analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u partikolarment is-sentenza tagħha Banek Spanjoli, punt 77 aktar 'il fuq, għandu jiġi osservat li din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-użu minn awtoritajiet nazzjonali ta’ informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Din is-sitwazzjoni hija rregolata b’mod speċifiku mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17.

85      Mill-kliem ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, kif ukoll mill-imsemmija ġurisprudenza, jirriżulta li l-legalità tat-trażmissjoni mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni miġbura skond ir-Regolament Nru 17 lil awtorità nazzjonali u l-projbizzjoni fuq l-użu dirett minn dik l-awtorità nazzjonali ta’ tali informazzjoni bħala prova jirriżultaw mid-dritt Kommunitarju.

86      Min-naħa l-oħra, il-legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, mingħand prosekutur nazzjonali jew mingħand l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skond id-dritt penali nazzjonali u l-użu sussegwenti tagħha mill-Kummissjoni huma kwistjonjiet li, bħala prinċipju, huma koperti mid-dritt nazzjonali li jirregola l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjonijiet immexxijin mill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll, fil-każijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji, mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors imressaq skond l-Artikolu 230 KE, il-Qorti Komunitarja mhijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ta’ att magħmul minn awtorità nazzjonjali (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C-97/91, Ġabra p. I-6313, punt 9, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Diċembru 1999, Kesko vs Il-Kummissjoni, T-22/97, Ġabra p. II-3775, punt 83).

87      Fil-każ preżenti, Dalmine sempliċement tosserva li l-iskop ta’ l-investigazzjoni li fil-kuntest tagħha saru d-dikjarazzjonijiet in kwistjoni, huwa differenti min dak ta’ l-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. Mill-argumenti tagħha ma jirriżultax li qorti kompetenti Taljana kienet ukoll adita biex tiddeċiedi fuq il-legalità tat-trażmissjoni u ta’ l-użu tal-proċessi-verbali in kwistjoni fuq livell Komunitarju. F'kull każ, hija lanqas ma pprovdiet xi provi li jistgħu juru li dan l-użu jmur kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Taljan.

88      Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza invokata minn Dalmine hija bbażata fuq in-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża u r-rispett tas-sigriet professjonali ta' l-impriżi li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fil-kuntest ta’ xi investigazzjoni speċifika li tagħha huma jkunu jafu l-għan speċifiku (sentenza Banek Spanjoli, punt 77 aktar 'il fuq, punti 36 sa 38). Issa, f'dan il-każ,, il-proċessi-verbali in kwistjoni jirrigwardaw dikjarazzjonijiet magħmula minn Diretturi antiki ta’ Dalmine f’isimhom proprju u mhux f’isem Dalmine.

89      Għandu jiġi kkonstatat li l-użu mill-Kummissjoni ta’ dawn l-elementi ta’ prova kontra Dalmine la jista' jippreġudika d-drittijiet tad-difiża, la d-dritt għas-sigriet professjonali, u ħafna anqas id-drittijiet għall-ħajja privata ta' l-awturi ta' dawk id-dikarazzjonijiet safejn dawn bl-ebda mod ma jidħlu fil-proċeduri preżenti.

90      Barra minn dan, l-argumenti ta' Dalmine jirrigwardaw biss il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-forza probatorja tax-xhieda tad-diretturi tagħha u mhux l-ammissibbiltà ta' dawn l-elementi fil–proċeduri preżenti. Għaldaqstant, dawn l-argumenti mhumiex rilevanti fil-kuntest ta' dan il-motiv.

91      Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1994

 L-argumenti tal-partijiet

92      Dalmine tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1994, adottata abbażi ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, li tagħha hija mhijiex destinatarja. B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat li ssir investigazzjoni ta' ċerti impriżi fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ akkordji pprojbiti mill-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni użat kontra Dalmine ċerti dokumenti li hija ssekwestrat waqt l-investigazzjonijiet magħmulin abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

93      Dan il-motiv huwa maqsum f'żewġ partijiet.

94      L-ewwel nett, Dalmine issostni li, permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994, il-Kummissjoni estendiet illegalment il-portata ta’ l-investigazzjoni li fiha l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA talbitha tikkollabora. Hija tfakkar li, b’ittra tas-17 ta' Novembru 1994, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA talbet lill-Kummissjoni sabiex tagħmel investigazzjonijiet dwar xi ksur ta’ l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE li jirrigwarda t-tubi ta' l-azzar użati mill-industrija taż-żejt offshore fin-Norveġja. Dalmine tenfasizza li din it-talba ma kinitx issemmi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

95      Dalmine issostni li l-Kummissjoni kienet obbligata li tillimita ruħha għat- termini tat-talba ta’ l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA sakemm din ta' l-aħħar tiddeċiedi, minn naħa, li l-ksur tal-Ftehim ŻEE ma kienx jeżisti, u min-naħa l-oħra, li kien hemm il-possibbiltà li l-kummerċ intra-kommunitarju kien affettwat. Madankollu, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Novembru 1994, iddeċidiet li testendi l-investigazzjoni tagħha għall-eżistenza ta’ ksur ta' l-Artikolu 81 KE. Dalmine issostni li din id-deċiżjoni tikser id-drittijiet tad-difiża, tikkostitwixxi abbuż ta’ poter u tikser ir-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim ŻEE.

96      It-tieni nett, Dalmine tikkuntesta l-fatt li l-Kummissjoni ma indirizzatx id-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994 lilha. Hija tesponi li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet infurmat lil Kummissjoni, fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Novemrbu 1994, dwar is-suspetti li hija kellha fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Dalmine f’akkordju dwar is-suq Norveġiż. Madankollu l-Kummissjoni naqset milli tinkludi lil Dalmine fost id-destinatarji tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994.

97      Issa, din l-omissjoni tippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ Dalmine. Din ta' l-aħħar issostni li l-Kummissjoni kellha twissiha bl-eventwali illegalità tal-komportament tagħha b'effett mill-25 ta’ Novembru 1994. Fil-fatt, persuna li jkun hemm suspetti fuqha għandha d-dritt li tkun informata b'dan. Għalkemm il-Kummissjoni, fit-13 ta’ Frar 1997, għamlet l-ewwel investigazzjonijiet fir-rigward ta' Dalmine, madankollu hija stenniet sal-11 ta’ Mejju 1999 sabiex tibgħatilha ċerti dokumenti li kienu fil-pussess tagħha sa minn Diċembru 1994.

98      Barra minn hekk, tali omissjoni hija diskriminatorja. Fil-fatt, Dalmine tosserva li kieku l-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994 lilha, hija kienet għalhekk tkun f'pożizzjoni li ttemm il-komportament inkwistjoni, l-istess bħad-destinatarji ta' dik id-deċiżjoni.

99      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Sussidjarjament, id-dokumenti mibgħuta mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA lill-Kummissjoni għandhom jiġu esklużi mill-argument u l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata mingħajr ma dawn jittieħdu in kunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, Dalmine issostni li d-data tat-tmiem tal-ksur għandha tiġi stabbilita għall-25 ta’ Novembru 1994, data ta' meta l-Kummissjoni kellha tinformaha bis-suspetti li kien hemm kontriha.

100    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-ilmenti.

101    L-ewwel nett, hija tiċħad l-allegazzjonijiet li l-poteri ta’ investigazzjoni tagħha huma limitati mit-termini tat-talba li tagħmlilha l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA. Hija tfakkar li hija tista’ tibda investigazzjonijiet ex officio. Hija ssostni, a fortiori, li hija tista' taġixxi ex officio la darba hija tkun irċeviet xi informazzjoni mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA. Din ta' l-aħħar m'għandhiex is-setgħa li twaqqaf jew tillimita dan il-poter. Meta l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel investigazzjoni, hija ma setgħatx tkun taf jekk ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tagħha kinux ser ikunu rilevanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jew ta' l-Artikolu 81 KE, dispożizzjonijiet applikabbli meta l-akkordju bejn l-impriżi jaffettwa l-kummerċ intra-komunitarju.

102    It-tieni nett, il-Kummissjoni tesponi li Dalmine kienet f’sitwazzjoni differenti min dik tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994. Meta rriżulta li Dalmine kienet involuta f'akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel investigazzjonijiet fuqha u tatha aċċess għall-fajl.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

103    F’dak li jikkonċerna l-argument ta' Dalmine, li jifforma l-ewwel parti ta' dan il-motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni estendiet illegalment il-portata ta’ l-investigazzjoni li fiha l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet talbitha biex tikkollabora, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li fl-opinjoni tagħha ta’ l-10 ta' April 1992 (1/92, Ġabra p. I-2821) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li kienu ġew sottomessi lilha, partikolarment l-Artikolu 56 tiegħu fuq it-tqassim tal-kompetenzi li jirrigwardaw il-kompetizzjoni bejn l-Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni, kienu kumpatibbli mat-Trattat KE.

104    Biex waslet għal din il-konklużjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, b’mod partikolari, fil-punti 40 u 41 ta’ l- imsemmija opinjoni, li l-ġurisdizzjoni li l-Komunità għandha sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni tinvolvi neċessarjament il-possibbiltà li l-Komunità taċċetta regoli stabbiliti abbażi ta' konvenzjoni fuq it-tqassim tal-kompetenzi rispettivi tal-partijiet kontraenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, sakemm dawn ir-regoli ma jibdlux in-natura tal-kompetenzi tal-Komunità u ta’ l-istituzzjonijiet tagħha kif stabbiliti fit-Trattat.

105    Għalhekk, mill-opinjoni 1/92 jirriżulta li l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE ma jibdilx in-natura tal-kompetenzi tal-Komunità previsti fit-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni.

106    F’dan ir-rigward, kemm mill-qari ta’ l-Artikolu 56 tal-ftehim ŻEE nnifsu kif ukoll mid-deskrizzjoni ddettaljata ta’ dik id-dispożizzjoni li tidher fil-parti introduttiva ta’ l-opinjoni 1/92, taħt is-sezzjoni “Sinteżi tat-talba tal-Kummissjoni”, jirriżulta li l-kawżi kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE jibqgħu suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-fatt, il-kawżi kollha fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea huwa affettwat ikomplu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni, ikun jew ma jkunx hemm, barra minn hekk, preġudizzju tal-kummerċ bejn il-Komunità u l-Istati EFTA u/jew bejn l-Istati EFTA nnifishom.

107    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jċaħħdu lill-Kummissjoni, anke jekk b’mod temporanju, mill-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE għal ftehim antikompetittiv li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istatu Membri Komunitarji.

108    Fil-każ in eżami għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 1994 li bdiet l-investigazzjoni fis-settur tat-tubi ta’ l-azzar, invokat, b’mod partikolari, l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 17 bħala l-bażi legali. Fil-kuntest ta’ dik l-investigazzjoni, hija eżerċitat il-poteri mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17 sabiex tiġbor il-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata u, fl-aħħar nett, hija ppenalizzat, fl-Artikoli 1 u 2 ta' l-imsemmija deċiżjoni, kull ftehim illeċitu esklużivament abbażi ta’ l-Artikolu 81 KE

109    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq, jirriżulta li l-ewwel parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

110    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li fid-dritt Komunitarju ma jeżisti l-ebda dritt li wieħed jiġi informat dwar l-istadju li fiha tkun waslet proċedura amminstrattiva qabel il-ħruġ formali tad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet. Kieku l-pożizzjoni ta' Dalmine kellha tiġi aċċettata, din twassal għall-ħolqien ta’ dritt li wieħed jiġi infurmat b’investigazzjoni f’ċirkustanzi fejn ikun hemm suspetti fil-konfront ta’ xi impriża, u dan li jista’ jostakola serjament ix-xogħol tal-Kummissjoni.

111    Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq allegata diskriminazzjoni minħabba l-fatt li Dalmine ma kellhiex l-opportunità li twaqqaf fil-ħin il-ksur li bih ġiet akkużata, għandu jiġi kkonstatat, f'dak li jirrigwarda l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ l-imsemmi ksur biss fl-1 ta’ Jannar 1995 (ara l-punti 317 et seq aktar 'il quddiem, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, u Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-44/00, għadhom ma ġewx ippbblikati fil-Ġabra). Issa, peress li fl-1 u fit-2 ta’ Diċembru 1994 twettqu investigazzjoni fuq il-post tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994 (ara l-premessa 1 tad- deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li Dalmine ġiet informata bl-eżistenza ta’ l-investigazzjoni biss xahar qabel it-tmiem tal-perijodu tal-ksur li ġie kkonstatat kontriha, jew saħansitra wara li spiċċa dan il-perijodu jekk wieħed iżomm mat-tul ta' żmien tal-ksur stabbilit fis-sentenzi msemmija aktar 'il fuq.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anke li kieku Dalmine kellha immedjatament tieħu d-deċiżjoni li ttemm il-komportament illegali tagħha, kien ikun impossibli għaliha li ttemm l-effetti antikompetittivi tal-ftehim tat-tqassim tas-swieq qabel it-tmiem tal-perijodu tal-ksur u, għaldaqstant, li tnaqqas t-tul ta' żmien ta' dan ta' l-aħħar. Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Dalmine ma japplikax fir-rigward tal-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

113    Fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kemm Dalmine kif ukoll Vallourec issospendew l-applikazzjoni tal-kuntratt ta’ fornitura tagħhom biss b'effett minn meta rċevew id-DO f’Jannar 1999, filwaqt li l-ewwel investigazzjoni fuq il-post ta' Dalmine kienet saret fi Frar 1997. Għandu jiġi kkonstatat li peress li Dalmine ma ħaditx passi sabiex ittemm il-komportament li kien jikkostitwixxi dan il-ksur fi Frar 1997, mhemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jassumi li hija kienet tagħmel dan wara investigazzjoni eventwali f’Diċembru 1994.

114    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar il-fuq, jirriżulta li dan il-motiv għandu jigi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-aċċess għall-fajl

 L-argumenti tal-partijiet

115    Dalmine issostni li hija ma kellhiex aċċess għall-fajl sħiħ. Minkejja t-talba tagħha, il-Kummissjoni ma ħalliethiex tara d-dokumenti mibgħuta mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA. Il-Kummissjoni ġabet skuża bin-natura interna ta' dawn id-dokumenti, mingħajr ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni oħra jew eżami tal-kontenut tagħhom, u, b’mod partikolari, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn id-dokumenti li kien fihom evalwazzjonijiet ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA u dawk li kienu sempliċiment miġbura minnha, u dan skond in-nota tal-qiegħ ta' paġna nru 19 tal-komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl. Dalmine issostni għalhekk li hija setgħet ġiet imċaħħda milli taċċedi ċerti dokumenti inkriminanti li seta' kien hemm fil-fajl ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA.

116    Barra minn hekk, Dalmine tikkritika lill-Kummissjoni talli din ma indikatilhiex, għall-fajl sħiħ, dawk id-dokumenti li nkisbu waqt l-investigazzjonijiet ordnati bid-deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 1994, anke meta dawn id-dokumenti kienu dokumenti inkriminanti (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    B’risposta għal dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni tirribatti li hija mhijiex obbligata li, matul il-proċedura amministrattiva, tibgħat lill-impriżi d-dokumenti li ma jkunux fil-fajl ta' l-istruttorja tagħha u li hija ma jkollhiex l-intenzjoni li tuża kontra l-partijiet ikkonċernati mid-deċiżjoni definittiva tagħha (sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 383). Barra minn hekk, hija tfakkar li mhijiex obbligata tagħti aċċess għad-dokumenti interni matul il-proċedura amministrattiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

118    Il-punt II A 2 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl jipprovdi dan li ġej:

"Sabiex tkun simplifikata l-amministrazzjoni u mtejba l-effiċjenza, id-dokumenti interni, fil-futur, se jitpoġġew fil-fajl ta' dokumenti interni relatati ma' każi taħt investigazzjoni (mhux aċċessibbli) li jkun fihom id-dokumenti interni kollha f'ordni kronoloġika. Il-klassifikazzjoni f'din il-kategorija hija bla ħsara għall-kontroll ta' l-Uffiċjal ta' Smigħ, li jekk ikun neċessarju għandu jiċċertifika li l-karti ta' ġo fih ikunu 'dokumenti interni'.

Dawn li ġejjin, per eżempju, se jkunu kunsidrati bħala dokumenti interni:

[…]

ċ) il-korrispondenza li tirrigwarda xi kawża ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra (19) ;

[...]"

119    In-nota tal-qiegħ Nru 19 [(1)] tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl tispjega :

"Għandha tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-dokumenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi ; din ir-regola tapplika mhux biss għad-dokumenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, iżda wkoll għal dawk ta’ awtoritajiet pubbliċi l-oħra, ta’ Stat membru jew ta’ pajjiż terz [...] Jeħtieġ madankollu li ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjonijiet jew il-kummenti ta’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra li jgawdu protezzjoni assoluta u d-dokumenti konkreti li huma setgħu pprovdew, peress li dawn ta’ l-aħħar mhumiex koperti mill-eċċezzjoni [...]"

120    Għandu jiġi osservat li mill-kliem użat fil-punt II A 2 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl jirriżulta li l-kontroll li l-Uffiċjal tas-Smigħ jagħmel sabiex jivverifika n-natura interna tad-dokumenti li jkun hemm fil-fajl mhuwiex fażi sistematika tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, peress li skond l-imsemmi punt, l-Uffiċjal tas-Smigħ "għandu'" jagħmel din il-verifika "jekk ikun neċessarju", għandu jiġi konkluż li, fil-każijiet fejn il-klassifikazzjoni ta’ ċerti dokumenti bħala "dokumenti interni" mhijiex ikkontestata, l-intervent tiegħu ma jkunx meħtieġ. Barra minn hekk, kienet Dalmine li kellha titlob lill-Uffiċjal tas-Smigħ sabiex jivverifika n-natura interna tad-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA u li huma kklassifikati bħala dokumenti interni.

121    B’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza intiża għall-produzzjoni tal-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u Dalmine dwar l-aċċess għad-dokumenti interni, iż-żewg partijiet ippreżentaw ittra ta’ Dalmine tas-7 ta’ Ġunju 1999. F’din l-ittra, Dalmine sostniet, b’mod partikolari, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika d-dokumenti miġbura mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA u mibgħuta sussegwentement minnha lill-Kummissjoni. Hija talbet lill-Kummissjoni sabiex tibgħatilha dawn l-elementi ta’ prova sabiex hija jkollha aċċess għall-fajl kollu li jirrigwarda l-każ tagħha. Madanakollu, fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Ġunju 1999, Dalmine ma talbitx sabiex l-Uffiċjal tas-Smigħ jivverifika jekk id-dokumenti hekk mibgħuta lill-Kummissjoni kinux ta' natura interna.

122    Il-Kumissjoni pproduċiet ukoll ittra li hija bagħtet lil Dalmine, fil-11 ta’ Mejju 1999, li permezz tagħha hija infurmatha bid-deċiżjoni adottata mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA fil-25 ta’ Novembru 1994 fejn il-Kummissjoni ġiet mitluba tagħmel investigazzjonijiet fuq it-territorju Komunitarju, skond l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll Nru 23 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll bid-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni adottat, sabiex effettivament tagħmel l-investigazzjonijiet, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament nru 17.

123    B’risposta għal mistoqsija oħra tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-dokumenti li hija rċeviet mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienu mdaħħla fil-fajl amministrattiv u jidhru fil-paġni 1 sa 350 ta' l-istess fajl taħt it-titlu "dokumenti interni, kunfidenzjali". Issa, huwa stabbilit li Dalmine, bħad-destinatarji l-oħra tad-DO, kellha aċċess għall-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni bejn il-11 ta’ Frar u l-20 ta' April 1999. Minn dan isegwi li hija setgħet tikkonstata li kien hemm 350 paġna ta’ dokumenti interni li għalihom il-Kummissjoni kienet irrifjutatilha l-aċċess, u n-nuqqas min-naħa tagħha li titlob verifika dwar in-natura interna tagħhom, ma jistax għalhekk jiġi attribwit għall-fatt li hija ma kinitx taf dwar l-eżistenza tagħhom.

124    F’dan ir-rigward, il-fatt li dawn id-dokumenti huma dokumenti ta’ l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA li sussegwentement intbgħatu lil Kummissjoni, u mhux dokumenti interni tal-Kummissjoni kif Dalmine setgħet tassumi qabel irċeviet l-ittra tal-11 ta’ Mejju 1999 huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ l-eżami ta' dan il-motiv. Fil-fatt, mill-kliem użat fin-nota tal-qiegħ tal-paġna Nru 19 tal-komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl jirriżulta li d-dokumenti interni rċevuti mingħand awtoritajiet pubbliċi oħra kemm dawk Komunitarji kif ukoll dawk mhux Komunitarji għandhom jibbenefikaw mill-istess protezzjoni bħad-dokumenti interni tal-Kummissjoni.

125    Għandu jiġi osservat, f'kull każ, li l-Qorti tal-Prim'Istanza talbet lill- Kummissjoni, fil-kuntest ta’ miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tipprovdi lista li tindika l-kontenut tal-paġni 1 sa 350 tal-fajl amminstrattiv tagħha. Minn din il-lista jirriżulta li d-dokumenti kollha in kwistjoni huma, mingħajr ebda dubju, dokumenti interni, b'tali mod li, f'kull każ, in-nuqqas ta’ verifika min-naħa ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ ma setax jaffettwa l-kapaċità ta’ Dalmine li tiddefendi ruħha, u lanqas, għaldaqstant, jikser d-drittijiet tagħha tad-difiża tagħha.

126    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-ilment ta’ Dalmine fejn hija ssostni li kien impossibli għaliha li tidentifika d-dokumenti inkriminanti miksuba mill-investigazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li Dalmine kellha aċċess għal-fajl amministrattiv kollu. Peress li l-legalità ta' l-investigazzjonijiet ma tistax aktar tiġi kkontestata (ara l-punti 103 sa 114 aktar 'il fuq), id-diffikultà preżenti invokata minn Dalmine, anke jekk tiġi meqjusa vera, ma setgħetx taffettwa d-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, apparti l-kwistjoni tal-legalità tal-kisba tad-dokumenti in kwistjoni, Dalmine ma indikatx b'liema mod setgħu d-drittijiet tagħha jiġu affettwati mill-metodu ta’ kif inksibu d-dokumenti.

127    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-motivi li jirrigwardaw il-mertu.

 Fuq il-motivi superfluwi tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

128    Dalmine tikkontesta l-għażla tal-Kummissjoni li ssemmi, fid-deċiżjoni kkontestata, ċerti fatti li, għalkemm m'għandhomx x'jaqsmu mal-ksur ikkonstatat, jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għaliha. Hija tfakkar li l-konstatazzjonijiet li jikkonċernaw l-akkordji li jirrigwardaw is-swieq li jinsabu barra mill-Komunità kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet (premessi 54 sa 61, 70 sa 77, 121 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) ma ġewx ikkunsidrati bħala ksur fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-motivi huma għalhekk superfluwi għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata. Dalmine tibża' li dawn il-konstatazzjonijiet jistgħu eventwalment iservu ta' bażi għal azzjonijiet għad-danni minn impriżi terzi.

129    Dalmine tosserva li, fir-risposta tagħha għad-DO u waqt is-seduta, hija talbet lill-Kummissjoni sabiex fid-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda riferenza għal elementi fattwali oħra barra minn dawk li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat. Din it-talba kienet intiża sabiex tipproteġiha kontra pretensjonijiet ta’ terzi. Il-Kummissjoni ma rrispondietx għal din it-talba.

130    In sostenn ta' dawn l-ilmenti, Dalmine invokat ir-rispett tas-sigriet professjonali protett mill-Artikolu 287 KE kif ukoll mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17, li jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu tas-"segretezza professjonali" (ara l-konklużjonijiet ta' l-avukat ġenerali Lenz fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, 1966, 1977).

131    Dalmine tenfasizza wkoll, li l-Kummissjoni hija obbligata tippubblika biss il-"kontenut prinċipali tad-deċiżjoni" u "għandha tikkunsidra l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom" (l-Artikolu 21(2) tar-Regolament nru 17). Fil-fehma tagħha, l-"kontenut prinċipali" ta' deċiżjoni li tirrigwarda l-kompetizzjoni jinvolvi, apparti d-dispożittiv, il-motivi prinċipali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu esklużi l-allegazzjonijiet li huma irrilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. Dalmine titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tannulla l-konstatazzjonijiet li mhumiex rilevanti, u sabiex tislet il-konsegwenzi xierqa fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

132    Il-Kummissjoni tippreċiża li, meta hija ddepożitat ir-risposta tagħha, hija kienet għadha qiegħda teżamina t-talbiet għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti fatti li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-pubblikazzjoni sussegwenti tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dalmine kellha għalhekk il-fakultà li titlob li ċerti siltiet ta’ l-imsemmija deċiżjoni ma jiġux ippubblikati.

133    Il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata fiha xi informazzoni li jekk tiġi ppubblikata tista’ tesponi lil Dalmine għal azzjonijiet għad-danni minn terzi. Il-fatt li ċerti prattiċi ma kinux meqjusa bħala elementi kostituttivi tal-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE ma jistax ikun ta' preġudizzju għar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

134    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma teżistix regola tad-dritt li tippermetti lid-destinatarju ta’ deċiżjoni li jikkontesta, fil-kuntest ta' rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni, sakemm dawn il-motivi ma jipproduċux effetti ġuridiċi obbligatorji ta' natura tali li jaffettwaw l-interessi tagħha (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punti 77 u 80 sa 85). Bħala prinċipju, il-motivi ta’ deċiżjoni mhumiex ta' natura tali li jipproduċu effetti bħall dawn. F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx b'liema mod il-motivi kkontestati huma ta’ natura tali li jipproduċu effetti li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika tagħha.

135    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li dal il-motiv ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq il-ksur kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (il-klabb Ewropa-Ġappun)

136    Dalmine ma tikkontestax l-eżistenza ta' ftehim bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ssostni li l-imsemmi ftehim ma kienx jikkonċerna s-swieq domestiċi Kommunitarji u li għalhekk ma jaqax taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, hija tqajjem żewġ tipi ta' motivi.

 Fuq l-argumenti li jirrigwardaw l-analiżi tas-suq rilevanti u tal-komportament tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata f'dan is-suq

–       L-argumenti tal-partijiet

137    Dalmine issostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 253 KE u li din id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball fil-mod kif ġie applikat l-Artikolu 81 KE. B'mod partikolari, peress li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza b'mod dettaljat is-suq rilevanti, hija ma kinitx f'pożizzjoni li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE kinux sodisfatti, b’tali mod li hija kisret din id-dispożizzjoni.

138    Dalmine tikkritika l-konstatazzjonijiet li jirrigwardaw l-eżistenza tal-ħarsien reċiproku tas-swieq nazzjonali rispettivi tal-produtturi tat-tubi mingħajr saldatura. Hija tfakkar li l-ksur ikkonstatat jikkonċerna biss żewġ tipi ta’ prodotti: it-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Il-Kummissjoni ma semmietx il-fatti li jirrigwardaw dawn il-prodotti bil-għan li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, li jirrigwardaw l-eżistenza ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għall-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, kinux sodisfatti. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq fatti li jirrigwardaw numru ħafna aktar wiesa ta' prodotti (ara, per eżempju, l-annessi 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għalhekk waslet għall-konklużjoni li l-produtturi nazzjonali tat-tubi ta’ l-azzar kienu jgawdu minn pożizzjoni dominanti fuq is-suq nazzjonali tagħhom.

139    Dalmine issostni li l-Kummissjoni kienet tasal għal konklużjoni totalment differenti kieku hija limitat ruħha għal eżami tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq tal-prodotti rilevanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet tbigħ biss kwantità insinjifikanti ta' tubi standard OCTG fis-suq Taljan, u dan b'kuntrast ma' dak li tista' tissuġġerixxi t-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-produtturi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu jbiegħu kwantitajiet ħafna akbar ta' dan il-prodott. Ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li l-fenomenu tad-dominanza allegata mill-Kummissjoni jirrigwarda biss il-bejgħ tat-tubi "premium" lill-kumpanniji taż-żejt nazzjonali.

140    Ir-rikorrenti tfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 78 aktar 'il fuq, d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Biasizzo mhumiex affidabbli bħala elementi ta' prova inkriminanti. Aktar minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet setgħu jirrigwardaw biss il-bejgħ tat-tubi OCTG, u dan peress li l-pajpijiet għat-trasport ma kinux jagħmlu parti mill-attività kummerċjali tagħha matul il-perijodu li fih kien seħħ il-ksur. Safejn il-maġġoranza tal-bejgħ tat-tubi OCTG lill-kumpannija Agip kien jirrigwarda prodotti "premium", dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonċernaw biss proporzjoni żgħira mill-bejgħ ta’ wieħed mill-prodotti in kwistjoni. Barra minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet huma in kuntradizzjoni ma' l-informazzjoni li tinsab fl-annessi tad-deċiżjoni kkontestata.

141    F'dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport fis-suq Taljan, Dalmine tqis li hija kienet tgawdi minn pożizzjoni pjuttost b’saħħitha meta mqabbla ma' dik tal-kompetituri l-oħra tagħha li huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, il-pajpijiet tal-qies għat-trasport jirrappreżentaw biss porzjoni żgħira mill-pajpijiet għat-trasport mibjugħin fis-suq Taljan. Barra minn hekk, Dalmine tfakkar li matul il-perijodu in kwistjoni hija biegħet kwantitajiet kunsiderevoli ta’ pajpijiet tal-qies għat-trasport fus-suq Britanniku u f’proporzjonijiet iżgħar fis-suq Ġermaniż u Franċiż. Aktar minn hekk, hija takkuża li l-Kummissjoni li injorat il-fatt li, għal ċerti użi, it-tubi ta’ l-azzar ssaldjati jistgħu jiġu sostitwiti mal-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport provenjenti minn pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun naqqsu kunsiderevolment il-piż ekonomiku ta’ Dalmine fuq is-suq Taljan ta' dawn il-prodotti.

142    Il-Kummissjoni tirribatti billi tgħid li hija evalwat l-effett ta' l-akkordju in kwistjoni fuq livell Komunitarju.

143    It-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li t-tqassim tas-swieq nazzjonali kien osservat f'dak li jirrigwarda l-prodotti rilevanti. Dawn il-fatti huma kkonfermati mid-dikjarazzjonijiet li Vallourec u tad-diriġenti ta’ Dalmine għamlu quddiem il-prosekutur ta’ Bergamo. F'dak li jirrigwarda dawn ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet tar-rikorrentri dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Biasizzo.

144    F'dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tas-suq Taljan, il-Kummissjoni tfakkar li l-bejgħ annwu tat-tubi standard OCTG u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport li Dalmine effettwat bejn l-1990 u l-1995 laħaq medja ta’ 13 506 tunellata fis-sena (risposta ta’ Dalmine għal mistoqsija magħmula mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17). Matul l-istess perijodu, it-total ta' bejgħ f'dan is-suq effettwat mit-tmien impriżi li ħadu sehem fil-ftehim laħaq l-ammont ta' 14 869 tunellata (ara l-anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, meta tgħodd flimkien il-volum ta’ tubi standard bil-kamin OCTG ikkonsenjati fl-Italja, jiġifieri 1 514 tunellata, mal-volum ta’ pajpijiet tal-qies għat-trasport li wkoll ġew ikkonsenjati fl-Italja, jiġifieri 13 355 tunellata). Minn dan isegwi li Dalmine, matul il-perijodu in kwistjoni, kellha sehem ta’ 91% tas-suq Taljan tal-prodotti rilevanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

145    F'ir-rigward ta' l-allegata vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 253 KE, skond ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni, partikolarment tal-kontenut ta' l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta' l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħa jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86 u tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63). Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet tagħha, tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest ta' dawn id-deċiżjonijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T-111/96, Ġabra p. II-2937, punt 131).

146    Għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, li lmenti magħmula kontra motivi superfluwi ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda mill-ewwel bħala irrilevanti, peress li dawn ma jistgħu bl-ebda mod jannullaw dak l-att (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni, C-122/01 P, Ġabra p. I-4261, punt 17; ara wkoll il-punt 134 aktar 'il fuq).

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tipprova l-eżistenza ta’ l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni sabiex tistabbilixxi ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, meta hija tkun ipprovat l-eżistenza ta’ ftehim, jew ta’ prattika miftehma, li jkollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punti 30 et seq, u tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 277).

148    Għandu jiġi osservat li, f' dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq l-għan antikompetittiv tal-ftehim għat-tqassim tas-swieq, inklużi s-suq Ġermaniż, Britanniku, Franċiż u Taljan, sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija tinvoka elementi ta’ prova dokumentarji għal dan il-għan (ara, b'mod partikolari, l-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 111 aktar 'il fuq, punti 173 sa 337).

149    Minn dan isegwi li l-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-effetti ta’ l-imsemmi ftehim, hija motiv alternattiv, u għaldaqstant superfluwa fil-kuntest ġenerali tal-parti tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tagħha. Għalhekk, anke li kieku Dalmine tista' tistabbilixxi n-natura insuffiċjenti ta’ din il-motivazzjoni alternattiva, xorta waħda ma jkunx hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jekk l-għan antikompetittiv jiġi pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt fil-każ preżenti (ara l-punt 152 aktar 'il quddiem). B'konsegwenza ta’ dan, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward huwa irrilevanti u għandu għalhekk jiġi miċħud.

150    Barra minn hekk, peress li Dalmine tallega li l-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux ksur ta' l-Artikolu 81 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti sollevati in sostenn ta’ dan l-ilment jirrigwarda essenzjalment l-allegat nuqqas ta’ effetti prattiċi tal-ftehim sanzjonat, minħabba li dan il-ftehim jirrigwarda speċifikament it-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport .

151    Għalhekk, għal darba oħra, peress li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tipprova l-eżistenza ta’ effett negattiv fuq il-kompetizzjoni sabiex tistabbilixxi ksur ta' l-Artikolu 81 KE, meta hija tkun ipprovat l-eżistenza ta’ l-ftehim li jkollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara l-punt 147 aktar 'il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata) u li l-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq l-għan antikompetittiv tal-ftehim għat-tqassim tas-swieq, l-argumenti ta’ Dalmine li jirrigwardaw l-effetti ta’ l-akkordju mhumiex rilevanti f'dan il-kuntest.

152    Madankollu, Dalmine ikkontestat ukoll il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Biasizzo, fejn osservat b'mod partikolari li l-awtur tagħhom kien prinċipalment inkarigat mill-bejgħ tat-tubi OCTG u mhux tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha fuq serje ta’ provi li jirrigwardaw l-għan tal-ftehm illegali, li r-rilevanza tagħhom mhijiex ikkontestata minn Dalmine, partikolarment fuq id-dikjarazzjonijiet qosra iżda espliċiti tas-Sur Verluca, u mhux biss fuq l-element li l-valur probatorju tiegħu huwa kkontestat minn Dalmine. B'hekk, anke li kieku dawn il-kritiki huma fondati, ma jistgħux iwasslu, waħidhom, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

153    F'kull każ, għandu jiġi mfakkar li d-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo hija kkorroborata minn dikjarazzjonijiet oħra, magħmula minn kollegi tas-Sur Biasizzo, li jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni u invokati minnha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, iżda li mhumiex iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, mid-dikjarazzjoni tas-Sur Jachia tal-5 ta' Ġunju 1995, riprodotta fil-paġna 8220 ter S6 tal-fajl tal-Kummissjoni, jirriżulta li kien jeżisti ftehim "għall-ħarsien taż-żoni li kienu ta' l-operaturi differenti" u minn dik tas-Sur Ciocca tat-8 ta' Ġunju 1995, riprodotta fil-paġna 8220 ter S3 tal-fajl tal-Kummissjoni, jirriżulta li "hemm akkordju bejn il-produtturi tat-tubi li jopera fuq skala mondjali".

154    Barra minn hekk, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi solvuta l-kwistjoni bejn il-partijiet fir-rigward tal-perijodu preċiż li fih is-Sur Biasizzo kien responsabbli għall-bejgħ taż-żewġ prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata, huwa stabbilit, f'dan il-każ, li huwa kien responabbli għall-bejgħ tat-tubi OCTG magħmulin minn Dalmine matul parti kbira tal-perijodu li fih seħħ il-ksur, kif ukoll għall-bejgħ tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport għal, minn ta' l-anqas, diversi xhur matul dak il-perijodu, b’tali mod li huwa kellu konoxxenza diretta tal-fatti li kien iddeskriva.

155    Jeħtieġ li jiġi konkluż, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo hija affidabli, b’mod partikolari peress li hija tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ftehim għat-tqassim tas-swieq domestiċi deskritti minn dan ta' l-aħħar (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 111 aktar 'il fuq, punti 309 et seq).

156    Fl-aħħar nett, safejn Dalmine tikkuntesta l-fatt li l-ftehim għat-tqassim tas-swieq, ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kellu effettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi mfakkar li, sabiex deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma tkun tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandhom, abbażi ta' numru ta' elementi ta’ fatt u tad-dritt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-395/94, Ġabra p. II-875, punti 79 u 90). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni mhijiex obbligata turi l-eżistenza reali ta’ tali effett fuq il-kummerċ (ara s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 90), iżda hemm bżonn li dik l-influwenza attwali jew potenzjali ma tkunx insinjifikanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. II-8089, punt 48.

157    Ftehim li jkollu bħala għan it-tqassim tas-swieq nazzjonali tal-Komunità, bħal dak sanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu neċessarjament bħala effett potenzjali, li jsir reali f'każ li l-akkordju jiġi implementat, li jnaqqas il-volum ta’ kummerċ intrakomunitarju. Għaldaqastant, jidher b’mod ċar li din il-kundizzjoni kienet sodisfatta fil-każ tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

158    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-motivi u l-argumenti kollha ta' Dalmine li jirrigwardaw l-analiżi tas-swieq kkonċernati bil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Dalmine fil-ksur.

–       L-argumenti tal-partijiet

159    Dalmine issostni li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex effett sostanzjali fuq il-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-pożizzjoni modesta tagħha fis-suq Taljan tat-tubi standard OCTG u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport, ir-rikorrenti tallega li hija ma setax ikollha r-rwol ta' produttur ewlieni tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura. Barra minn hekk, hija tindika li hija ma kinitx osservat id-dispożizzjonijiet ta' l-akkordju in kwistjoni u li hija kienet ikkunsidrata mill-produtturi l-oħra bħala indixxiplinata. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq u tan-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjoni intiż li jassigura l-osservanza ta' l-akkordju, l-istess akkordju ma setax jippreġudika l-interessi tal-kompetituri jew tal-klijenti tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Dalmine tikkritika lill-Kummissjoni talli ma kkunsidratx dawn iċ-ċirkustanzi u talli ma ddistingwietx is-sitwazzjoni tagħha minn dik ta' impriżi oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

160    Skond il-Kummissjoni, it-teżi ta’ Dalmine hija infondata. Sabiex jiġi stabbilit jekk impriża kisritx l-Artikolu 81(1) KE, l-unika kwistjoni rilevanti hija dwar jekk il-komportament tagħhom fis-suq huwiex riżultat ta’ xi ftehim.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

161    Għandu jerġa' jiġi osservat li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-għan restrittiv tal-ftehim għat-tqassim tas-swieq li fih ipparteċipat Dalmine, b’tali mod li l-eventwali nuqqas ta’ provi fuq l-effetti antikompetittivi tal-komportament individwali ta’ Dalmine ma jeffettwax il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat kontriha fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara f'dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punti 1085 sa 1088, kif ukoll il-punt 147 aktar 'il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitatat). Barra minn hekk, il-Kummissjoni invokat, prinċipalment, provi dokumentarji, partikolarment fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tistabbilixxi l-fatt li Dalmine pparteċipat fl-imsemmi ksur (ara wkoll il-punt 152 aktar 'il fuq).

162    F'dak li jirrigwarda l-fatt li Dalmine tippretendi li hija kienet qiegħda tippreżerva l-libertà tagħha li taġixxi fil-prattika, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta impriża tipparteċipa f’laqgħat bejn impriżi li jkollhom għan antikompetittiv, u hija ma tiddistakkax ruħha pubblikament mill-kontenut ta' dawn il-laqgħat, u għalhekk tagħti x’jifhmu lill-parteċipanti l-oħra li hija qiegħda tipparteċipa fl-akkordju li jirriżulta mil-laqgħat imsemmijin u li hija ser tikkonforma ruħha miegħu, jista’ jiġi kkunsidrat li hija tkun qiegħda tipparteċipa fl-akkordju in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra. p. II-1711, punt 232; ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra. p. II-907, punt 98; tas-6 ta' April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra. p. II-791, punti 85 u 86, u Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 1353).

163    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li dan il-motiv ma jistax jiġi milqugħ. Konsegwentement, it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ksur kontemplat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq il-klawżoli tal-kuntratt ta' fornitura konkluż bejn Corus u Dalmine

–       L-argumenti tal-partijiet

164    Dalmine tiċħad l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw in-natura illegali ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt ta' fornitura konkluż ma' Corus. Fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni donnha indikat li, għalkemm il-kuntratti ta' fornitura ta’ Corus ma kinux miżuri ta' implementazzjoni tar-Regoli Fundamentali dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali, konklużi fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom huma f'kull każ ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE.

165    L-ewwel nett, hija tikkontesta l-evalwazzjoni ġuridika li saret fuq il-klawżoli li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ merkanzija mibjugħa lil Corus.

166    Fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li "meta ddefinew il-kwantitajiet [ta' tubi lixxi] li għandhom jiġu kkonsenjati lil [Corus] f'perċentwali minflok fi kwantitajiet fissi, Vallourec, [Mannesmann] u Dalmine kienu qegħdin jintrabtu, għall-benefiċċju ta' kompetitur, li jikkonsenjaw kwantitajiet mhux magħrufa minn qabel", fatt li r-rikorrenti tikkontesta.

167    Dalmine tesponi li, peress li l-bżonnijiet ta’ Corus kienu jvarjaw b’mod imprevedibbli skond l-iżvilupp fid-domanda, Corus ma setgħetx tieħu r-riskju li tintrabat li, għal perijodu ta' ħames snin, takkwista kwantità annwa fissa ta' tubi lixxi.

168    Barra minn hekk, Dalmine tiċħad li hija intrabtet li tforni lil Corus kwantità indeterminata ta’ tubi lixxi. L-Artikolu 4 tal-kuntratt tal-fornitura kien jipprovdi fil-fatt kif dawn il-kwantitajiet kienu stabbiliti mill-kontraenti. Din il-klawżola fil-fatt tipprovdi:

"Għal kull domanda partikolari fix-xahar, [Corus] għandha tikkonferma kull xahar it-tunnellaġġ mitlub tliet xhur minn qabel (per eżempju, hija għandha tikkonferma fi tmiem Jannar it-tunnellaġġ ta' April) [Corus] għandha tippreċiża dakinhar id-dettalji ta’ l-ordni ta’ tunnellaġġ mensili xahrejn minn qabel (per eżempju, hija għandha tikkonferma fl-aħħar ta' Frar id-dettalji ta’ l-ordni ta' April). It-tibdil fid-dettalji ta’ l-ordni jiġu aċċettati minn Dalmine sa 10 t'ijiem qabel ix-xahar ta’ produzzjoni. Tibdil ulterjuri ma jkunx jista' jsir wara l-iskadenza ta' dan it-terminu ħlief bi ftehim bil-miktub bejn il-partijiet."

169    Din il-klawżola tipprovdi ukoll:

"Għandhom isiru laqgħat formali fuq il-kollaborazzjoni operazzjonali u teknika kull xahar bejn [Corus] u Dalmine b'tali mod li tiġi assigurata fornitura regolari, u biex jiġi stabbilit programm provviżorju ta’ kunsinni (almenu tliet xhur minn qabel)."

170    Dalmine tiċħad għalhekk li hija rrinunzjat milli tapprofitta minn eventwali żieda fid-domanda għat-tubi bil-kamin in kambju ta' l-allokazzjoni ta’ kwota ta’ forniment ta' tubi lixxi lil Corus.

171    L-ewwel nett, is-suq tat-tubi bil-kamin huwa magħluq għal Dalmine minħabba li, minn naħa, it-teknika tal-kamini VAM hija kkontrollata minn Vallourec u li, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni tagħha tat-tubi standard bil-kamin hija minima. Għalhekk, Dalmine issostni li wieħed ma jistax jakkużaha li hija ma kinitx qiegħda tikkompeti ma' Corus fis-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin premium, suq li fl-aħħar mill-aħħar hija ma kinitx preżenti fih.

172    It-tieni nett, Dalmine tiċħad l-allegazzjoni msemmija fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li hija ma kinitx timpenja ruħha, flimkien ma’ Mannesmann, li tikkonsenja kwantitajiet indeterminati ta’ tubi lixxi lil Corus li kieku hija ma kellhiex ukoll il-garanzija li din ta' l-aħħar ma kinitx ser tapprofitta minn din is-sitwazzjoni sabiex iżżid is-sehem tagħha fis-suq tat-tubi bil-kamin. Skond id-deċiżjoni kkontestata, din il-garanzija ngħatat fil-forma ta’ fakultà ta' rexissjoni mogħtija lir-rikorrenti fil-każ ta’ telf kwantifikabbli [ara l-Artikolu 9(ċ), tal-kuntratt ta' fornitura konkluż bejn Dalmine u Corus]. Dalmine ma taqbilx ma' din l-interpretazzjoni. Il-klawżola ta’ rexissjoni ma tikkonċernax l-ipoteżi ta’ telf dovut minħabba l-impossibbiltà li wieħed japprofitta direttament minn żieda fid-domanda. Għall-kuntrarju, hija tikkontempla l-ipoteżi fejn it-telf huwa marbut ma' tnaqqis (fit-tul) fid-domanda għal dawn il-prodotti, u konsegwentement, tal-konsum tat-tubi lixxi minn Corus.

173    It-tieni nett, Dalmine tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-prezz kuntrattwali. Skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 153), Corus kienet obbligata tibgħat lil Mannesmann u lil Dalmine il-prezzijiet kif ukoll il-kwantitajiet ta' tubi bil-kamin mibjugħa, anke jekk dawn kienu kunfidenzjali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkritika l-fatt li l-prezz tat-tubi lixxi kien jiddependi fuq il-prezz li bih kien jerġa' jinbiegħ minn Corus wara li tagħmlilhom il-kamin.

174    Din l-analiżi hija infondata u insuffiċjentement immotivata. Dwar l-allegat skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali, Dalmine tippreċiża li Corus ma kinitx tibgħatilha l-prezz tal-bejgħ tat-tubi bil-kamin li hija kienet tbigħ. Huwa veru li dan il-prezz kien wieħed mill-figuri kkunsidrati fil-formula matematika għall-kalkolu tal-prezz imħallas minn Corus għat-tubi lixxi. Madankollu, hija Corus li kienet responsabbli għall-kalkolu u Dalmine kienet tkun taf biss il-prezz finali. F'każ ta' nuqqas ta' qbil fuq il-prezz hekk ikkalkulat, Dalmine tfakkar li hija setgħet tirrikorri għand terza persuna li kienet indipendenti. Dan il-mekkaniżmu ppermetta għalhekk li tiġi mħarsa n-natura kunfidenzjali tal-prezzijiet ta' Corus.

175    Il-Kummissjoni tiddefendi l-analiżi tagħha li l-mekkaniżmu kuntrattwali għall-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ merkanzija mibjugħa kien ta' natura restrittiva fuq il-kompetizzjoni.

176    Fir-rigward tal-validità tal-klawżola li tirrigwarda l-kalkolu tal-prezz kuntrattwali, il-Kummissjoni tenfasizza li l-formula adottata kienet tassoġġetta l-prezzijiet tat-tubi lixxi għal dawk tat-tubi bil-kamin. Għaldaqstant, Vallourec, Mannesmann u Dalmine ma kellhomx interess li jikkompetu ma' Corus fuq il-prezzijiet tat-tubi bil-kamin fir-Renju Unit.

177    Il-Kummissjoni hija konvinta li l-formula għall-kalkolu tal-prezz tat-tubi lixxi, li hija kkontemplata fl-Artikolu 6 tal-kuntratt ta' fornitura in kwistjoni, kienet tieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li impriżi kompetituri ma kellhomx jibdlu bejniethom..

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

178    Is-suġġett u l-effett tat-tliet kuntratti ta' fornitura jinsabu deskritti mill-Kummissjoni fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata :

"Is-suġġett ta’ dawn il-kuntratti kien il-fornitura tat-tubi lixxi tall-produttur ewlieni ta’ l-OCTG fil-baħar tat-Tramuntana u l-iskop tagħhom kien li jinżamm produttur nazzjonali fir-Renju Unit sabiex, li fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun, jinżamm’ r-rispett tar-'Regoli Fundamentali'. Dawn il-kuntratti kellhom bħala suġġett u effett prinċipali it-tqassim,bejn [Mannesmann], Vallourec u Dalmine, tal-ħtiġijiet kollha tal-kompetitur tagħhom [Corus] (Vallourec mill-1994). Dawn il-kuntratti kienu jassoġġettaw il-prezz tax-xiri tat-tubi lixxi għall-prezz tat-tubi li [Corus] kienet tagħmlilhom il-kamin. Kienu jinvolvu wkoll limitazzjoni fuq il-libertà li Corus (Vallourec minn Frar 1994) tforni ruħha u kienu jobbligaw lil din ta' l-aħħar li tinforma lill-kompetituri tagħha bil-prezzijiet tal-bejgħ u kif ukoll bil-kwantitajiet mibjugħa. Barra minn hekk, [Mannesmann], Vallourec (sa Frar 1994) u Dalmine kienu ntrabtu li jikkonsenjaw lill-kompetitur ([Corus], iktar tard Vallourec minn Marzu 1994) kwantitajiet mhux magħrufa bil-quddiem".

179    It-termini tal-kuntratti ta' fornitura mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, partikolarment dak li ġie konkluż minn Dalmine ma' Corus fl-4 ta' Diċembru 1991, jikkonfermaw, essenzjalment, il-fatti msemmija fil-premessa 111, kif ukoll fil-premessi 78 sa 82 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata. Ikkunsidrati flimkien, dawn il-kuntratti jqassmu, ta' l-anqas mid-9 ta' Awwissu 1993, il-ħtiġijiet ta' Corus għat-tubi lixxi bejn it-tliet produtturi Ewropej l-oħra (40% għal Vallourec, 30% għal Dalmine, u 30% għal Mannesmann). Barra minn hekk, kull kuntratt kien jipprovdi għall-iffissar tal-prezzijiet imħallsa minn Corus għat-tubi lixxi skond formula matematika li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz ta' Corus għat-tubi bil-kamin tagħha.

180    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li s-suġġett u/jew, minn ta' l-anqas, l-effett tal-kuntratti ta' fornitura kien li jissostitwixxi l-allokazzjoni miftehma tal-profitti li jirriżultaw mill-bejgħ tat-tubi bil-kamin li seta' jsir fis-suq Britanniku mar-riskji tal-kompetizzjoni, minn ta' l-inqas f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-erba' produtturi Ewropej (ara, b'analoġija, fir-rigward tal-prattiċi miftiehma, is-sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 3150).

181    Permezz tal-kuntratti ta' fornitura, Corus rabtet lit-tliet kompetituri Komunitarji tagħha b'tali mod li kull kompetizzjoni effettiva min-naħa tagħhom fuq is-suq domestiku tagħha, kif ukoll kull prospettiva ta' kompetizzjoni ġew eleiminati, u għal dan Corus issagrifikat il-libertà għall-forniment tagħha. Fil-fatt, it-tliet kompetituri kienu jaraw tnaqqis fil-bejgħ tat-tubi lixxi tagħhom meta l-bejgħ tat-tubi bil-kamin ta' Corus kien jitbaxxa. Barra minn hekk, il-marġni ta' profitt magħmul fuq il-bejgħ tat-tubi lixxi li t-tliet fornituri ntrabtu li jagħmlu kien jitbaxxa meta l-prezz ta' Corus għat-tubi bil-kamin kien jitbaxxa, u seta' wkoll jirriżulta f'telf. F'dawn iċ-ċirkustanzi kien prattikament inkonċepibbli li dawn it-tliet produtturi jippruvaw joffru kompetizzjoni effettiva lil Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

182    Min-naħa l-oħra, bili aċċettaw li jikkonkludu dawn il-kuntratti, kull wieħed mit-tliet kompetituri Komunitarji ta' Corus kien assigura parteċipazzjoni indiretta fis-suq domestiku ta' Corus kif ukoll parti mill-profitti li kienu jirriżultaw. Biex jieħdu dawn il-vantaġġi, huma rrinunzjaw, fil-fatt, għall-possibbiltà li jbiegħu t-tubi bil-kamin fis-suq Britanniku kif ukoll, minn ta' l-anqas b'effett mill-firma tat-tielet kuntratt, fid-9 ta' Awwissu 1993, li alloka r-rimanenti 30% lil Mannesmann, għall-possibbiltà li jfornu parti akbar mit-tubi lixxi mixtrijin minn Corus minn dik li ġiet allokata lil kull wieħed minnhom minn qabel.

183    Aktar minn hekk, il-kompetituri ta' Corus aċċettaw l-obbligu oneruż, u għaldaqstant mhux komuni kummerċjalment, li jfornu lill-istess Corus bi kwantitajiet ta' tubi li ma kinux definiti minn qabel ħlief għar-riferenza għall-bejgħ tat-tubi bil-kamin magħmul minn Corus. Dan l-obbligu saħħaħ l-interdipendenza bejn dawk il-produtturi u Corus, peress li dawk kienu jiddependu, bħala fornituri marbutin b'kuntratt, fuq il-politika kummerċjali mħaddma minn Corus. L-argument ta’ Dalmine li l-kwantitajiet ta’ tubi li kellhom jiġi kkonsenjati kienu ffissati tliet xhur minn qabel, u dan skond is-sistema preskritta fl-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ fornitura tagħha li ġie konkluż ma’ Corus, huwa irrilevanti peress li dik id-dispożizzjoni ma kinitx tippermetti lil Dalmine li tillimita l-kwantitajiet ta' tubi lixxi li hija kellha tikkonsenja, u dan peress li dawn kienu jiddependu esklużivament fuq il-bżonnijiet ta’ Corus.

184    Anke kellu jiġi meqjus li l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet fl-ewwel inċiż tal-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-possibbiltà li jiġi rexxiss il-kuntratt, hija infondata, dan il-fatt m'għandu l-ebda impatt fuq in-natura antikompetittiva tal-kuntratti konklużi minn Corus u t-tliet produtturi l-oħra Komunitarji, fosthom, b'mod partikolari, Dalmine. Għaldaqstant, mhemmx bżonn li tiġi deċiża din il-kwistjoni aċċessorja ta' natura fattwali fil-kuntest ta' din il-proċedura.

185    Għandu jiġi kkonstatat li, li kieku l-kuntratti ta' fornitura ma kinux eżistew, il-produtturi Ewropej ikkonċernati, eskluża Corus, kienu normalment ikollhom, fin-nuqqas tar-Regoli Fundamentali, interess kummerċjali reali jew almenu potenzjali biex jikkompetu b'mod effettiv ma' Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin kif ukoll li jikkompetu bejniethom biex ifornu lil Corus bit-tubi lixxi.

186    Fir-rigwarda ta' l-argumenti ta’ Dalmine li jikkonċernaw l-ostakli prattiċi li kienu jeżistu biex hija tbigħ it-tubi premium OCTG u t-tubi standard OCTG direttament fuq is-suq Britanniku, dawn l-ostakli mhumiex biżżejjed sabiex juru li hija ma setgħet qatt tbigħ dan il-prodott fuq is-suq imsemmi fin-nuqqas tal-kuntratt ta’ fornitura li hija kkonkludiet ma’ Corus u mbagħad ma’ Vallourec. Fil-fatt, anke jekk kellu jiġi meqjus li l-kundizzjonijiet kienu żvolġew b’mod pożittiv fuq is-suq Britanniku tat-tubi OCTG, ma jistax jiġi eskluż li Dalmine setgħet tikseb liċenzja li kienet tippermettilha li tbigħ it-tubi "premium" bil-kamin fuq dan is-suq jew li hija setgħet iżżid il-produzzjoni tagħha tat-tubi standard OCTG bil-għan li tbigħhom fis-suq imsemmi. Minn dan isewgi li, bl-iffirmar tal-kuntratt ta’ fornitura in kwistjoni, hija effettivament aċċettat li tillimita l-politika kummerċjali tagħha, konformament ma' l-analiżi magħmula fil-punti 182 sa 185 aktar 'il fuq.

187    F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li kull kuntratt ta' fornitura ġie konkluż għal terminu inizjali ta' ħames snin. Dan it-terminu relattivament twil jikkonferma u jsaħħaħ in-natura antikompetittiva ta' dawn il-kuntratti, b'mod partikolari peress li Dalmine u ż-żewġ fornituri ta' Corus l-oħrajn irrinunzjaw għall-possibbiltà li jisfruttaw b'mod dirett it-tkabbir futur tas-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin matul dak il-perijodu.

188    Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il-formula għall-iffissar tal-prezz tat-tubi lixxi, prevista f'kull wieħed mit-tliet kuntratti ta' fornitura, kienet timplika skambju illegali ta' informazzjoni kummerċjali (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata) li kellha tibqa' kunfidenzjali minħabba li setgħet tiġi ppreġudikata l-awtonomija tal-politika kummerċjali ta' l-impriżi li jkunu qegħdin jikkompetu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 147 aktar 'il fuq, punt 403, u tal-11 ta' Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629, punti 383 et seq).

189    L-argument ta' Dalmine li jgħid li l-ebda informazzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet imħallsa mill-klijenti ta' Corus ma kienet ġiet żvelata lill-fornituri tagħha, ma jistax jeżonaraha lill-firmatarji tal-kuntratti ta' fornitura fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

190    Huwa minnu li Corus ma kinitx tinforma lill-kontraenti l-oħra bil-prezzijiet li hija kienet tikseb għat-tubi bil-kamin tagħha bħala tali. Konsegwentement, l-affermazzjoni li tidher fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kuntratti ta' fornitura "kienu jobbligaw lil [Corus] biex tipprovdi lill-kompetituri tagħha bil-prezzijiet tal-bejgħ", tkabbar wisq il-portata ta' l-obbligi kuntrattwali f'dan ir-rigward. Madankollu, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata u quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ġustament osservat li l-prezz tat-tubi bil-kamin kienu matematikament relatati mal-prezz imħallas għat-tubi lixxi, b'tali mod li t-tliet fornituri kkonċernati kienu jirċievu indikazzjonijiet preċiżi fuq id-direzzjoni, iż-żmien u l-portata ta' kull varjazzjoni fil-prezzijiet tat-tubi bil-kamin mibjugħa minn Corus.

191    Għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni lill-kompetituri mhux biss tikser l-Artikolu 81(1) KE, iżda li, aktar minn hekk, in-natura ta' din il-vjolazzjoni hija essenzjalment l-istess, kemm jekk kienu l-prezzijiet tat-tubi bil-kamin innifishom jew biss informazzjoni dwar il-varjazzjoni tagħhom li kienu ġew komunikati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ineżattezza osservata fil-punt preċedenti hija insinjifikanti fil-kuntest aktar wiesa' tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, m'għandha l-ebda impatt fuq il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur imsemmi.

192    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, l-ilmenti kollha li jirrigwardaw it-termini tal-kuntratt ta’ fornitura konkluż bejn Dalmine u Corus għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ akkordju, u l-parteċipazzjoni ta’ Dalmine f'dan l-akkordju

–       L-argumenti tal-partijiet

193    Dalmine tiċħad li l-kuntratti ta’ fornitura konklużi ma' Corus huma r-riżultat ta' akkordju. Hija tesponi li kkonkludiet, u aktar tard ġeddet, kuntratt ta’ fornitura ma’ Corus bl-iskop biss li tkabbar il-bejgħ tat-tubi lixxi fis-suq Britanniku. Dan kien obbjettiv kummerċjali leġittimu li l-Kummissjoni ppreferiet tinjora, u minflok limtat ruħha li teżamina l-pożizzjoni ta’ Corus fuq is-suq in kwistjoni (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

194    Dalmine ma taqbilx ma’ l-interpretazzjoni tad-dokumenti ċċitati fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni tinsinwa li l-kuntratti ta’ fornitura ta’ Corus kellhom l-għan li jżommu l-prezzijiet fis-suq Britanniku f’livell artifiċjalment għoli. Id-dokumenti li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni huma preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratti ta' fornitura u jirrigwardaw biss ipoteżijiet. Fir-realtà, mid-dokumenti in kwistjoni jirriżulta sempliċement li Vallourec kienet tqis, fl-1990, li meta jingħata trattament preferenzjali lill-produtturi Ewropej fis-suq Britanniku, ikun possibbli li l-prezzijiet jinżammu f'livell għoli. Bl-istess mod, dawn id-dokumenti juru li Corus ma kinitx teskludi l-possibbiltà li tixtri mingħand il-kumpannija UTM, ta' Siderca u ta' Tubos de Acero de México SA (ara n-nota intitolata "Laqgħa ta' l-24.7.90 ma' British Steel").

195    Dalmine tikkontesta wkoll l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-perijodi ta' konsenja. It-terminu ta’ bejn ħames u sitt ġimgħat mitluba minn Corus, seta' jiġi osservat biss minn impriżi Ewropej, u dan kemm minħabba t-traspost tal-prodotti in kwistjoni kif ukoll taż-żmien neċessarju għall-produzzjoni wara li tidħol ordni definittiva. Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li Corus kienet timponilha li għandha taċċetta bidliet fl-ordnijiet sa għaxart'ijiem qabel ix-xahar tal-produzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntradittorju għall-Kummissjoni li tikkunsidra li l-perijodi ta' konsenja ma kinux kruċjali u, barra minn hekk, li takkuża lill-produtturi li ntrabtu sabiex jissupplixxu kwantitajiet indeterminati ta’ merkanzija.

196    Sussegwentement, Dalmine tikkontesta l-forza probatorja ta’ dawn l-elementi ta’ prova, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-premessi 78 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq qari żbaljat tad-dokumenti in kwistjoni. Aktar milli jistabbilixxu l-verità tal-fatti allegati mill-Kummissjoni, id-dokumenti interni ta’ Vallourec invokati mill-Kummissjoni, juru biss l-ipoteżijiet li jirrigwardaw il-konsegwenzi ta' l-għeluq minn Corus ta' l-impjant tal-produzzjoni tagħha fi Clydesdale. Xejn ma jwassal biex minn dawn id-dokumenti tiġi dedotta l-eżistenza ta' xi ftehim għat-tqassim tas-suq Britanniku.

197    Dalmine issostni li l-ipoteżi ta’ akkordju hija kontestata bil-fatt li Mannesmann ikkonkludiet kuntratt ta’ fornitura ma’ Corus tliet snin wara d-diskussjonijiet miżmuma fl-1990 bejn l-istess Corus u Vallourec, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża t-teżi tagħha ta’ l-eżistenza ta’ l-ftehim illegali.

198    Dalmine tiċħad li hija pparteċipat fi ftehim mal-produtturi l-oħra Ewropej għat-tqassim tas-suq Britanniku, dejjem jekk dan il-ftehim kien jeżisti. Hija tfakkar li, skond id-deċiżjoni kkontestata, Vallourec u Corus, bejn l-1990 u l-1991 ftehmu sabiex l-istess Corus tirriżerva l-forniment tagħha lill-produtturi Komunitarji (ara l-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, dawn id-diskussjonijiet ma kinux jinvolvu lir-rikorrenti u l-Kummissjoni ma setgħatx, għaldaqstant, takkużaha li pparteċipat f'dak il-ftehim. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħatx takkużaha li kkonkludiet kuntratt ta' fornitura ma' Corus fl-4 ta’ Diċembru 1991.

199    Dalmine tenfasizza li l-elementi ta’ prova invokati in sostenn tat-teżi tal-Kummissjoni jikkonċernaw biss lil Vallourec u lil Corus (ara l-premessi 78, 91, 110, 146 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Dalmine issostni li hija ma tistax tiddefendi ruħha b'mod effettiv kontra l-elementi bħal dawn li jirrigwardaw esklużivament lill-terzi.

200    Sussegwentement, Dalmine tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li aktar 'il quddiem hija aderiet mal-ftehim konkluż bejn Vallourec u Corus, fejn l-istess Corus ikkontemplat li tirtira mis-suq u li ċċedi l-attivitajiet tagħha tal-produzzjoni tat-tubi mingħajr saldatura. L-elementi invokati fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għal-laqgha bejn Corus, Mannesmann, Vallourec u Dalmine, li seħħet fid-29 ta' Jannar 1993. Dawn id-diskussjonijiet ippreċedew il-konklużjoni tal-kuntratt ta' fornitura bejn Mannesmann u Corus fid-9 ta' Awwissu 1993. Minn dan il-fatt Dalmine tinferixxi li ma kien jeżisti l-ebda ftehim bejn il-produtturi Ewropej fid-29 ta' Jannar 1993. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lir-rikorrenti talli din ippermettiet l-akkwist minn Vallourec ta’ l attivitaijiet ta’ Corus. Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma kellhiex x'taqsam assolutament ma' din l-operazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tindika li l-interess tagħha kien li żżomm żbokk fis-suq Britanniku u li, minn din il-perspettiva, hija kienet tixtieq tkompli tbigħ it-tubi lixxi fuq is-suq Britanniku wara l-akkwist minn Vallourec ta’ l-attivitajiet ta’ Corus.

201    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeduċiet l-eżistenza ta' akkordju mid-deċiżjoni ta' Vallourec li ġġedded, wara l-akkwist ta’ l-attivitajiet ta’ produzzjoni tat-tubi mingħajr saldatura ta' Corus, il-kuntratti ta’ fornitura preċedentement konklużi ma' Mannesmann u Dalmine, ħaġa li Dalmine tiċħad. Ir-rikorrenti tenfasizza fil-fatt li din kienet deċiżjoni ta’ Vallourec li fuqha hija ma kellhiex influwenza u li l-partijiet intrabtu liberament skond l-interessi kummerċjali proprji tagħhom.

202    Fl-aħħar nett Dalmine tafferma li l-effetti fuq is-suq tal-kuntratt ta’ fornitura li hija kkonkludiet ma' Corus huma insinjifikanti. Mill-madwar 20 400 tunnellata ta' tubi lixxi li hija biegħet fis-suq Britanniku, 20% biss kienu nħadmu f'tubi bil-kamin standard OCTG (ara l-anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn ta’ l-aħħar irrappreżentaw biss 3% tal-konsum Britanniku, 1.4 % tal-konsum Komunitarju u 0.08% tal-konsum mondjali.

203    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, l-ebda interess leġittimu ta' Corus ma kien jeżiġi l-konklużjoni tal-kuntratti in kwistjoni.

204    Il-Kummissjoni tafferma li dawn il-kuntratti ta’ fornitura kienu jiffurmaw parti mir-Regoli Fundamentali, intiżi għall-ħarsien tas-swieq nazzjonali, kif miftiehem fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Meta, fl-1990, Corus abbandunat parzjalment il-produzzjoni ta’ ċerti tubi mingħajr saldatura, kien hemm riskju li l-klawżola għall-ħarsien tar-Renju Unit issir ineffikaċi. Corus u Vallourec semmew din il-problema f'Lulju 1990, waqt in-negozjati tagħhom għat-tiġdid tal-kuntratt li permezz tiegħu Vallourec kienet tat lil Corus licenzja għall-użu tat-teknika VAM threading.

205    Il-Kummissjoni ssostni li hija ġabet il-prova, skond ma jitlob id-dritt, ta' l-eżistenza ta’ akkordju bejn dawn iż-żewġ impriżi. F'dan ir-rigward, hija tirreferi għan-nota intitolata "Laqgħa ta' l-24.7.90 ma’ British Steel" ta’ Vallourec imsemmija b'mod partikolari fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata. In-nota ta’ Vallourec intitolata "Réflexions stratégiques", imsemmija fl-istess premessa, tikkorrobora wkoll it-teżi tal-Kummissjoni.

206    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument ibbażat fuq iż-żmien li ddekorra bejn, minn naħa, id-diskussjonijiet ta' l-1990 bejn Vallourec u Corus u, min-naħa l-oħra, l-iffirmar tal-kuntratt bejn l-istess Corus u Mannesmann, fid-9 ta' Awwissu 1993. Hija tosserva li xejn ma jippermetti, fil-każ preżenti, li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ akkordju qabel l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ fornitura minn Mannesmann. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’kull każ, il-projbizzjoni preskritta fl-Artikolu 81(1) KE hija applikabbli għal kull ftehim, u dan irrispettivament mill-forma tiegħu. hija tfakkar li hija pprovat ampjament l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tal-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

207    Barra minn hekk, mill-elementi ta’ prova invokati fil-premessi 65, 67, 84 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b'mod ċar li d-diskussjonijiet li saru bejn Vallourec u Corus fl-1990, li jirrigwardaw il-konsegwenzi ta' l-irtirar progressiv ta' l-istess Corus mis-suq u l-għeluq tal-fabbrika tagħha fi Clydesdale, kienu intimament marbuta mal-ftehim dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali.

208    Dalmine, li ħadet sehem fil-ftehim dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali, kienet iddikjarat li l-problemi li nħolqu mir-ristrutturazzjoni ta’ Corus kellhom jiġu riżolti fuq livell Ewropew, u qieset li kien opportun li tikkonkludi kuntratt ta’ fornitura ma' Corus fl-istess żmien bħal dawk konklużi minn Vallourec u minn Mannesmann. Dalmine kienet manifestament konxja tal-fatt li l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ fornitura kien ser jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-ftehim dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali u għall-koordinazzjoni ta’ l-attività tagħha flimkien ma’ dik tal-kompetituri diretti tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

209    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kien ibbażat fuq ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jinsabu fil-kuntratti ta' fornitura ta' Corus innifishom, il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kuntratti, magħmulin aktar 'il fuq fil-kuntest ta' l-argumenti preċedenti, huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tiegħu.

210    Fil-fatt, irrispettivament mill-grad attwali tal-konċertazzjoni li kienet teżisti bejn l-erba' produtturi Ewropej, għandu jiġi kkonstatat li kull wieħed minnhom ikkonkluda wieħed mill-kuntratti ta' fornitura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li jaqa' taħt il-ksur ta' l-Artikolu 81 KE kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata jindika li l-kuntratti ta' fornitura ġew konklużi "fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1", jirriżulta ċar mit-termini tal-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa l-fatt li ġew konklużi dawk il-kuntratti li jikkostitwixxi, fih innifsu, il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2.

211    Għalhekk, anke li kieku Mannesmann irnexxielha tipprova li l-konklużjoni tal-kuntratt ta' fornitura tagħha ma' Corus kien oġġettivament konformi ma' l-interess kummerċjali tagħha, dan il-fatt bl-ebda mod ma jannulla t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li dak il-ftehim kien illegali. Fil-fatt, il-prattiċi antikompetittivi huma normalment fl-interess kummerċjali individwali ta' l-imprizi, ta' l-anqas għal żmien qasir. Fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, mhuwiex meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-kwistjoni bejn il-partijiet dwar l-importanza tal-perijodi ta' konsenja għall-Corus, peress li l-argument imressaq minn Dalmine f'dan ir-rigward huwa intiż li juri li kien kummerċjalment loġiku għal Corus li jkollha tliet fornituri Ewropej.

212    Peress li l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ipprovata għas-suffiċjenza tad-dritt, mhuwiex strettament neċessarju li jiġi eżaminat ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konċertazzjoni bejn l-erba' produtturi Ewropej. Bl-istess mod, mhuwiex meħtieġ li jiġu analizzati, għall-finijiet ta' dan il-motiv,, l-argumenti kollha mressqin minn Dalmine fir-rigward tas-sensiela ta' indizji esterni għall-kuntratti ta' fornitura invokat mill-Kummissjoni biex turi r-realtà ta' dik il-konċertazzjoni.

213    Madankollu, safejn il-grad ta' konċertazzjoni bejn l-erba' produtturi Komunitarji fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa rilevanti għall-eżami ta' wħud mill-motivi l-oħra mressqin fil-każ preżenti, dan għandu jiġi eżaminat.

214    Għandu jiġi osservat, f'dan il-kuntest, li komportamenti li jaqgħu taħt pjan globali u li jkollhom għan antikompetittiv komuni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt ftehim wieħed (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 42 aktar 'il fuq, punt 4027). Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni turi li xi impriża, filwaqt li hija pparteċipat f'akkordji, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi tagħmel dan, hija kienet qiegħda tintegra fi ftehim wieħed, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju in kwistjoni jista' jikkostitwixxi l-espressjoni ta' l-adeżjoni tagħha ma' dan il-ftehim (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Siment, iċċitata aktar 'il quddiem, punti 4068 u 4109).

215    F'dan ir-rigward, id-dokument "Réflexions contrat VAM" ("Riflessjonijiet fuq il-kuntratt VAM"), iddatat 23 ta' Marzu 1990, huwa partikolarment rilevanti. Fis-sezzjoni intitolata "Xenarju II", is-Sur Verluca, direttur ta' Vallourec, jsemmi l-possibbiltà li "l-Ġappuniżi jiġu persważi sabiex ma jintervjenux fuq is-suq [Britanniku] u li l-problema tiġi solvuta bejn l-Ewropej". Huwa jkompli billi jgħid : "f'dak il-każ, it-tubi lixxi jkunu qegħdin jinqasmu bejn [Mannesmann], [Vallourec] u Dalmine". Fil-paragrafu sussegwenti, huwa josserva li "probabbilment ikun hemm interess li l-bejgħ ta' [Vallourec] ikun marbut kemm mal-prezz kif ukoll mal-volum ta' VAM mibjugħ minn [Corus]".

216    Peress li din l-aħħar proposta tirrifletti preċiżament it-termini essenzjali tal-kuntratt konkluż bejn Vallourec u Corus sittax-il xahar wara, huwa ċar li dik l-istrateġija kienet effettivament imħaddna minn Vallourec u li dak l-imsemmi kuntratt kien ġie ffirmat biex jimplementaha.

217    Aktar minn hekk, il-fatt li kuntratt prattikament identiku ġie mbagħad iffirmat bejn Corus, minn naħa, u kull wieħed mill-membri Ewropej tal-klabb Ewropa-Ġappun, min-naħa l-oħra, jiġifieri Dalmine u, aktar tard, Mannesmann, b'tali mod li, b'effett minn Awwissu 1993, l-ħtiġijiet ta' Corus ta' t-tubi lixxi kienu effettivament mqassma bejn it-tliet membri l-oħra tal-klabb Ewropa-Ġappun, preċiżament kif kien ikkontemplat mis-Sur Verluca, jikkonferma li dawn it-tliet kuntratti ġew konklużi bil-għan li tiġi segwita l-istrateġija komuni proposta fil-kuntest tal-konċertazzjoni tagħhom fi ħdan il-klabb imsemmi.

218    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fil-premessa 91, li tipprovdi dan li ġej:

"Fil-21 ta' Jannar 1993, [Corus] bagħtet lil Vallourec (u x'aktarx lil Mannesmann u Dalmine ukoll) abbozz ta' proposti għal ftehim fuq ir-ristrutturazzjoni tas-settur tat-tubi mingħajr saldatura, li kellhom jiġu diskussi f'laqgħa f'Heathrow, fid-29 ta' Jannar 1993, bejn Mannesmann/Vallourec/Dalmine/[Corus] ([p]aġna 4628 [tal-fajl tal-Kummissjoni, jiġifieri l-ewwel paġna tad-dokument intitolat 'Abbozz ta' proposti għal ftehim dwar ir-ristrutturazzjoni konċernanti t-tubi mingħajr saldatura]). F'dak id-dokument, hemm miktub : '([Corus] indikat l-intenzjoni tagħha li eventwalment tirtira mis-suq tat-tubi mingħajr saldatura. Hija tixtieq tagħmel dan b'mod organizzat u kkontrollat, bil-għan li tevita interruzzjonijiet fil-fornitura tat-tubi lill-klijenti tagħha u li tgħin lill-produtturi li jakkwistaw in-negozju biex iżommu l-ordnijiet [...] Matul is-sitt xhur ta' wara seħħew diversi diskussjonijiet bejn [Corus] u l-produtturi l-oħra li kienu interessati jixtru l-assi ta' [Corus], u [Corus] tħoss li hemm konsensus dwar il-linja ta' azzjoni deskritta f'dak id-dokument]'. Waħda mill-proposti kienet li jiġu trasferiti lil Vallourec l-attivitajiet [relatati mal-pajpijiet] OCTG fejn fl-istess waqt jinżammu fis-seħħ il-kuntratti ta' fornitura ta' tubi lixxi bejn [Corus] u Vallourec, [Mannesmann] u Dalmine, mingħajr tibdil fil-proporzjonijiet. F'dak l-istess jum, inżammet laqgħa bejn [Mannesmann] u [Corus] fejn [Mannesmann] '[aċċettat li Vallourec tieħu l-kmand f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur OCTG]' ([p]aġna 4626 [tal-fajl tal-Kummissjoni, jiġifieri l-unika paġna f'faks mibgħut fit-22 ta' Jannar 1993 mis-sur Davis ta' Corus lis-sur Patrier ta' Vallourec]). Id-dokument ta' Dalmine intitolat ['Sistema għat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fl-Ewropa u l-iżvilupp tas-suq' ('Seamless steel tube system in Europe and market evolution') u riprodott f'paġna 2051 tal-fajl tal-Kummissjoni ([p]aġna 2053 [tal-fajl tal-Kummissjoni])], ta' Mejju-Awwissu 1993 kien jgħid li s-soluzzjoni utli għall-problema ta’ [Corus] għad-dinja kollha tista' tinstab biss f’kuntest Ewropew; il-fatt li Vallourec kienet ser takkwista l-impjant ta' [Corus] kien ukoll ammess minn Dalmine."

219    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li fin-nota "Réflexions stratégiques", iċċitata fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, Vallourec ikkontemplat espliċitament il-possibbiltà li Dalmine u Mannesmann jiftehmu magħha biex ifornu tubi luxxi lil Corus. Aktar minn hekk, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-dokument "(g) Ġappuniż", partikolarment fuq il-kalendarju li jidher fir-raba' paġna ta' l-istess (paġna 4912 tal-fajl tal-Kummissjoni), biex tosserva li l-produtturi Ewropej kienu jżommu xi laqgħat preparatorji qabel ma jiltaqgħu mal-produtturi Ġappunizi, bil-għan li jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom u joħorġu bi proposti komuni fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun.

220    Mill-provi dokumentarji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u msemmijin aktar 'il fuq, jirriżulta li l-erba' produtturi Komunitarji effettivament iltaqgħu biex jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun qabel il-laqgħat inter-kontinentali ta' dan ta' l-aħħar, minn ta' l-anqas fl-1993. Ġie stabbilit ukoll li l-għeluq ta' l-impjant tal-kamin li Corus kellha f'Clydesdale u t-teħid tiegħu minn Vallourec, kif ukoll il-fornitura tat-tubi lixxi lil dik l-impriża minn Dalmine u Mannesmann, kienu s-suġġett tad-diskussjonijiet li saru waqt dawk il-laqgħat. Għaldaqstant, huwa inkonċepibbli li Dalmine setgħet ma tkunx taf dwar il-kontenut ta' l-istrateġija elaborata minn Vallourec u l-fatt li l-kuntratt ta' fornitura tagħha ma' Corus kien jaqa' taħt kuntest antikompetittiv aktar wiesa' li kien jaffettwa kemm is-suq tat-tubi bil-kamin standard kif ukoll dak tat-tubi lixxi.

221    Fir-rigward ta' l-argument ta' Dalmine li t-tielet kuntratt ta' fornitura, bejnha u bejn Corus, ġie konkluż ħafna aktar tard mit-tnejn l-oħra, b'tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi minnu l-eżistenza ta' ksur wieħed li jinvolvi l-erba' produtturi Ewropej, għandu jiġi osservat li l-assenza tal-kuntratt ta' fornitura bejn Mannesmann u Corus qabel l-1993 ma jistax jannulla t-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-obbjettiv ikkontemplat mit-tliet produtturi l-oħra, jiġifieri Corus, Vallourec u Dalmine, meta huma ffirmaw iż-żewġ kuntratti l-oħra fl-1991. Fil-fatt, għalkemm l-istrateġija tat-tqassim tal-fornituri tat-tubi lixxi ġiet implementata kompletament biss b'effett minn meta Corus kellha tliet fornituri, l-iffirmar ta' dawk iż-żewġ kuntratti li kienu jkopru 70% mill-ħtiġijiet tagħha ta' t-tubi lixxi kien jikkostitwixxi implementazzjoni parzjali iżda importanti ta' dak il-proġett.

222    Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-riferenza, li hemm fid-dokument intitolat "Abbozz ta' proposti għal ftehim ta' ristrutturazzjoni fir-rigward tat-tubi mingħajr saldatura", datat 21 ta' Jannar 1993, għall-fatt li Mannesmann kienet diġà tforni lil Corus bit-tubi lixxi, aktar milli huwa impossibbli li jiġi rikonċiljat ma' l-iffirmar tal-kuntratt ta' fornitura minn Corus u Mannesmann f'Awwissu 1993, kif Dalmine, issaħħaħ l-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm kien biss għall-prudenza li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront ta' Mannesmann biss b'effett mid-9 ta' Awwissu 1993 peress li l-firma tal-kuntratt ta' fornitura tagħha ma' Corus f'dik id-data kienet prova ċerta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jirriżulta mir-riferenza msemmija aktar 'il fuq li, fir-realtà, Mannesmann bdiet tforni lil Corus bit-tubi lixxi b'effett minn Jannar 1993.

223    Għalhekk, mill-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Vallourec stabbiliet l-istrateġija tal-ħarsien tas-suq tar-Renju Unit u kkonkludiet kuntratt ta' fornitura ma' Corus li seta', partikolarment, iwassal għall-ewwel fażi ta' l-implementazzjoni tagħha. Sussegwentement, Dalmine u Mannesmann ingħaqdu magħhom, fatt li huwa kkonfermat mill-kuntratt ta' fornitura li dawk iż-żewġ impriżi kkonkludew ma' Corus.

224    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti ta' fornitura kienu jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u kienu jistabbilixxu għalhekk l-eżistenza ta' l-imsemmi ksur għas-suffiċjenza tad-dritt. Jeħtieġ ukoll li jiġi osservat, safejn jista' jkun rilevanti, li l-elementi ta' prova addizzjonali msemmija mill-Kummissjoni jikkonfermaw il-korrettezza tat-teżi tagħha li l-kuntratti kienu jiffurmaw parti minn politika komuni aktar wiesgħa li kienet taffettwa s-suq tat-tubi bil-kamin standard OCTG.

225    Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-argument li l-effetti antikompetittivi tal-kuntratt konkluż bejn Dalmine u Corus ma kinux sostanzjali, huwa bizzejjed li jiġi osservat li dan il-fatt, anke jekk jiġi meqjus bħala stabbilit, m'għandu l-ebda impatt fuq l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-għan antikompetittiv tal-kuntratt, u ta’ l-istrateġija li kien qiegħed jgħin biex jimplementa, ġiet ipprovata.

226    Konsegwentement, il-motivi li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ akkordju u l- parteċipazzjoni ta’ Dalmine f'dan l-akkordju huma miċħuda.

 Fuq il-motivi li jirrigwardaw is-suq rilevanti u r-rabta li teżisti mal-ksur kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

–       L-argumenti tal-partijiet

227    Dalmine issostni li l-kuntratti ta’ fornitura ta’ Corus kienu jikkonċernaw prodotti li ma’ kinux jaqgħu taħt is-suq rilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx, fil-każ ta’ dawn il-kuntratti, tikkonkludi validament dwar l-eżistenza ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

228    Hija tippreċiża li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kuntratti ta’ fornitura ta’ Corus kienu jiffurmaw parti mill-ftehim dwar il-ħarsien tas-swieq li ġie ddikjarat illegali fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Loġikament, tali evalwazzjoni timplika li dawn il-kuntratti jaffettwaw il-kompetizzjoni fl-istess suq ta’ prodotti bħall-ftehim kkontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Dalmine tafferma li dan mhuwiex il-każ: il-kuntratti ta’ fornitura kienu jikkonċernaw prodotti differenti minn dawk kontemplati fil-ftehim kkontemplat fl-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għal madwar 80% minnhom, dawn kienu jirrigwardaw tubi lixxi li kellhom jiġu ttrasformati f'tubi premium OCTG, filwaqt li l-ftehim konkluż fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun kien jikkonċerna biss it-tubi standard OCTG. Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa għaldaqstant żbaljat u d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed.

229    Dalmine issostni li l-kuntratti ta’ fornitura konklużi ma’ Corus ma’ kinux mezz ta’ eżekuzzjoni tal-ksur kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tallega li l-allegat ftehim konkluż bejn Vallourec u Corus ma setax ikollu bħala suġġett il-projbizzjoni ta' l-aċċess tal-produtturi Ġappuniżi, peress li l-istess produtturi Ġappuniżi kienu jgawdu diġà minn sehem importanti mis-suq tar-Renju Unit. Aktar minn hekk, il-provi invokati mill-Kummissjoni juru li Vallourec ma’ kinitx konvinta li l-għeluq tal- fabbrika ta’ Clydesdale seta' iżżid il-kompetizzjoni tal-produtturi Ġappunizi f’dan is-suq.

230    Dalmine tosserva li, sa mill-1991, Corus kienet tixtri t-tubi lixxi mingħand produtturi barranin. Għaldaqstant, ma kinitx għadha tqum il-kwistjoni ta’ produzzjoni "nazzjonali" fir-Renju Unit, kif ikkontemplata mill-parti tar-Regoli Fundamentali li tikkonċerna l-protezzjoni tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun. Għalhekk, fit-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, ikun żbaljat li l-bejgħ tat-tubi lixxi magħmul minn Vallourec, Mannesmann u Dalmine lil Corus jiġi mniżżel fil-parti tal-"produttur nazzjonali".

231    Sussidjarjament, Dalmine issostni li, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tqis li l-kuntratt ta’ fornitura tagħha ma’ Corus jista' jiġi marbut mal-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kull vizzju li jista' jaffettwa l-motivi li fuqhom tistrieħ il-konstatazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 jkun jaffettwa wkoll il-validità ta' l-Artikolu 1.

232    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-premessi 146 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, hija esponiet ampjament il-mekkaniżmu li bih il-kuntratti ta’ fornitura kienu jikkontemplaw li jimplementaw ir-Regoli Fundamentali li jirrigwardaw il-ħarsien tas-swieq nazzjonali deċiżi fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun.

233    Fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet ta’ Dalmine ibbażati fuq il-livell tal-prezzijiet fir-Renju Unit, il-Kummissjoni terġa ssostni li dan kien għoli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

234    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ żewġ ksur distinti li jaffettwaw żewg swieq tal-prodotti relatati, fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament. Għalhekk, mhuwiex illegali fih innifsu l-fatt li s-suq rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa dak tat-tubi lixxi, filwaqt li s-suq rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa dak tat-tubi bil-kamin standard OCTG, u dan skond id-definizzjonijiet tas-swieq in kwistjoni li jinsabu fil-premessa 29 ta' l-istess deċiżjoni.

235    F’dan ir-rigward, l-ebda regola tad-dritt Komunitarju ma’ tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkonstata l-eżistenza ta’ żewġ ksur distinti ta’ l-Artikolu 81(1) KE f'deċiżjoni waħda. Fil-fatt, is-sitwazzjonijiet ekonomiċi analizzati jistgħu jkunu kumplessi, b’tali mod li żewġ swieq awtonomi iżda konnessi jistgħu jkunu affettwati minn żewġ ksur li jkun loġiku li jiġu sanzjonati f'deċiżjoni waħda peress li dawn ta' l-aħħar huma, huma wkoll, distinti iżda konnessi ma' xulxin.

236    Għaldaqstant, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ddeskriviet sitwazzjoni fejn ftehimijiet bejn il-produtturi Ewropej li jirrigwardaw is-suq Britanniku tat-tubi lixxi kienu kkonċepiti, minn ta' l-anqas parzjalment,, bil-għan li jiġi protett is-suq downstream Britanniku mill-importazzjonijiet Ġappuniżi tat-tubi bil-kamin standard OCTG. Il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu konjizzjoni b’mod xieraq taċ-ċirkustanzi kollha li hija skopriet matul l-investigazzjoni tagħha mingħajr ma tindirizza d-diversi prattiċi antikompetittivi eżistenti fiż-żewġ swieq konnessi (ara, b'analoġija, għalkemm taħt appell, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T-5/02, Ġabra p. II-4381, punti 142 sa 147 u 154 sa 162).

237    Fir-rigward tal-kritika ta’ Dalmine dwar ir-rabta li teżisti bejn iż-żewġ ksur sanzjonati, din ma jista jkollha l-ebda impatt fuq il-validità ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-ksur ikkonstatat f'dan l-Artikolu huwa pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt abbażi, biss, tat-termini tal-kuntratti ta’ fornitura (ara l-punti 178 sa 192 aktar 'il fuq). Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati safejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rabta li teżisti bejn iż-żewġ ksur sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u invokat l-istess rabta wkoll, fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha dwar l-ammont tal-multa, fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata.

238    Mit-termini tal-premessa 111, iċċitata in extenso fil-punt 178 aktar 'il fuq, jirriżulta li wieħed mill-għanijiet ta' l-akkordju deskritt fiha kien effettivament il-protezzjoni tas-suq Britanniku tat-tubi standard OCTG fil-kuntest tar-Regoli Fundamentali, iżda li l-istess akkordju kellu, barra minn hekk, suġġett u effetti antikompetittivi distinti f'dak li jirrigwarda s-suq Britanniku tat-tubi lixxi. Għandu jiġi kkunsidrat, għalhekk, li l-Kummissjoni mmotivat għas-suffiċjenza tad-dritt ir-raġunament tagħha dwar ir-rabta li teżisti bejn iż-żewġ ksur ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata.

239    F'dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Dalmine li jgħidu li Corus ma kinitx aktar produttur nazzjonali tat-tubi bil-kamin standard OCTG minħabba li hija kienet tixtri t-tubi lixxi mingħand produtturi Ewropej oħra, min-noti ta’ Vallourec jirriżulta li l-awtur tagħhom, is-Sur Verluca, kien aktar ottimist dwar il-possibbiltà li l-produtturi Ġappuniżi josservaw ir-Regoli Fundamentali fil-każ fejn Corus taċċetta li tixtri tubi lixxi ta’ oriġni Komunitarja aktar milli fil-każ fejn l-istess Corus timporta t-tubi lixxi provenjenti minn kontinenti oħra. Għalhekk, peress li Corus iddeċidiet li tagħlaq il-fabbrika tagħha tal-qtugħ tal-kamini ta' Clydesdale, is-soluzzjoni rrakkomandata għall-ħarsien tas-suq Britanniku, jiġifieri t-trasformazzjoni tat-tubi lixxi ta’ oriġni Britannika f’tubi bil-kamin, ġiet skartata, iżda dan ma kienx ifisser li t-tentattivi kollha għaż-żamma tal-ħarsien tas-suq Britanniku fil-konfront tal-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala impossibbli kif tissopponi Dalmine.

240    Min-naħa l-oħra, mil-fajl jirriżulta li, skond Vallourec, kien meħtieġ li tinstab soluzzjoni oħra li tippermetti li l-istatus quo jinżamm bl-aħjar mod. Il-fornitura ta’ Corus b’tubi lixxi provenjenti esklużivament mill-Komunità hija s-soluzzjoni li Vallourec kienet issuġġeriet sabiex jintlaħaq dan l-għan. Il-kwistjoni dwar jekk din kinitx effikaċi hija irrilevanti, peress li mill-elementi ta’ prova jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tal-produtturi Ewropej, huma u jiffirmaw il-kuntratti ta’ fornitura, kien li jinżamm l-istatus nazzjonali tas-suq Britanniku fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi (ara l-punti 213 et seq aktar 'il fuq).

241    Għal dawn l-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Dalmine li jgħid li jkun żbaljat li l-bejgħ tat-tubi lixxi magħmulin minn Vallourec, Mannesmann u Dalmine lil Corus jittieħed in kunsiderazzjoni fil-parti tal-"produttur nazzjonali" tat-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan it-teħid in kunsiderazzjoni jikkorrispondi ma' l-assimilazzjoni tat-tubi lixxi provenjenti mill-Ewropa u mgħoddijin bil-kamin minn Corus, u mbagħad minn TISL (sussidjarja ta' Vallourec) mat-tubi bil-kamin ta' oriġini Britannika.

242    Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif tirriżulta mill-premessa 111 ta' l-istess deċiżjoni, mhijiex annullata mil-fatt li parti biss mit-tubi lixxi kontemplati mill-kuntratti ta' fornitura kienet mibdula f'tubi standard OCTG, peress li l-parti l-oħra kienet intiża għall-produzzjoni ta' tubi bil-kamin premium OCTG. Fil-fatt, anke jekk jiġi stabbilit li parti minn dawn it-tubi lixxi kienet mibdula f’tubi standard OCTG, l-eżistenza ta' rabta bejn iż-żewġ ksur hija pprovata, u għaldaqstant, l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1.

243    Skond Dalmine stess, 20% tat-tubi lixxi, kkonsenjati fil-kuntest tal-kuntratt ta’ fonitura konkluż bejn Corus u Dalmine, kienu intiżi sabiex jiġu mibdula f'tubi standard bil-kamin. It-termini ta' dan il-kuntratt, kif ukoll dawk tal-kuntratti konklużi minn Corus ma’ Vallourec u Mannesmann, jikkonfermaw fil-fatt, kull wieħed fl-Artikolu 6(b) tiegħu, li l-bejgħ tat-tubi standard OCTG ("buttress threaded casing") u tat-tubi premium OCTG ("VAM") kienu ġew meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz li Corus kellha tħallas għat-tubi lixxi; sistema ta’ kalkolu li tagħmel sens biss jekk parti mit-tubi lixxi hekk ikkonsenjati kellha tiġi mibdula f’tubi standard OCTG.

244    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, safejn jista' jkun rilevanti, li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-ewwel frażi tal-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kuntratti ta’ fornitura, li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tagħha, kienu biss mezz għall-implementazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tagħha, hija eċċessiva, minħabba li din l-implementazzjoni kienet wieħed mill-għanijiet tat-tieni ksur fost diversi għanijiet u effetti antikompetittivi konnessi iżda distinti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenza tagħha JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 111 aktar 'il fuq (punti 569 et seq), iddeċidiet li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkonstestata għall-finijiet ta’ l-iffissar ta' l-ammont tal-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej minkejja l-fatt li s-suġġett u l-effetti tal-ksur imsemmi kien imur lil hinn mill-kontribuzzjoni tagħhom għall-kontinwazzjoni tal-ftehim Ewropa-Ġappun (ara, b'mod partikolari, il-punt 571 tas-sentenza msemmija).

245    Għalkemm l-inugwaljanza fit-trattament osservata fil-punt preċedenti ġġustifikat finalment it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi, l-iżball fl-analiżi li hemm wara dak it-trattament ma jiġġustifikax l-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ta' l-Artikolu 1, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

246    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-motivi li jirrigwardaw is-suq rilevanti u r-rabta li teżisti bejn iż-żewġ ksur ikkonstatati fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda. Konsegwentement, it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tintlaqa'.

 Fuq it-talba għall-annullament tal-multajew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha

247    Filwaqt li tirreferi għall-motivi invokati preċedentement, Dalmine titlob l-annullament ta' l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li jimponilha multa ta' EUR 10.8 miljun, u l-annullament tal-premessi 156 sa 175 ta' din ta' l-aħħar.. Sussidjarjament, hija titlob it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa li ġiet imposta lilha. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li din ma applikatx korrettement il-kriterji li jirrigwardaw l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, partikolarment il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, aktar 'il quddiem il-"linji gwida għall-kalkolu tal-multi") u l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

1.     Fuq il-gravità tal-ksur

248    Dalmine tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-gravità tal-ksur imwettaq.

 Fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti u fuq l-effetti tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

249    Dalmine tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx pjenament in kunsiderazzjoni l-effetti tal-ksur sabiex tkun tista’ tevalwa l-gravità tiegħu, kif jirrekjedu l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi (punt 1 A). Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni eżaminat dawn l-effetti mingħajr ma’ limitat ruħha għas-suq rilevanti kif hija kienet obbligata li tagħmel.

250    Fil-fatt, Dalmine tfakkar li s-suq tal-prodotti rilevanti huwa dak tat-tubi standard OCTG u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Fuq il-livell ġeografiku, il-Kummissjoni stabbiliet li s-suq ta’ l-ewwel tip ta' prodotti huwa mondjali u dak tat-tieni huwa "minn ta' l-anqas Ewropew" (premessi 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni sussegwentement injorat din id-definizzjoni tas-suq rilevanti u evalwat il-portata tal-ksur billi kkunsidrat biss il-bejgħ ta’ prodotti rilevanti fuq is-suq Komunitarju.

251    Fil-każ tat-tubi standard OCTG, il-Kummissjoni kellha tirreferi għas-suq mondjali. Hija kellha, għalhekk, tasal għall-konklużjoni li l-bejgħ magħmul mid- destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kien jirrappreżenta globalment 13.5% tas-suq rilevanti, filwaqt li l-bejgħ magħmul fuq is-suq Ewropew kien jirrappreżenta 0.75% tas-suq imsemmi.

252    Fir-rigward tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport, il-limitazzjoni ġeografika tas-suq rilevanti għall-Ewropa ma’ tistax, skond ir-rikorrenti, tiġġustifika analiżi limitata għat-territorju tal-Komunità biss. Il-Kummissjoni kellha tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha l-effetti ta' l-akkordju, li kien jikkostitwixxi l-ksur sanzjonat, fuq iż-żoni offshore tan-Norveġja.

253    Barra minn hekk, Dalmine takkuża lill-Kummissjoni li din ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-konsum tal-prodotti rilevanti fil-Komunità (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, fir-rigward taż-żewġ tipi ta' prodotti kkonċernati, is-suq ġeografiku rilevanti huwa aktar wiesa' mit-territorju tal-Komunità.

254    Fl-aħħar nett, Dalmine tindika li fl-Italja, jiġifieri s-suq nazzjonali tagħha, il-ftehim dwar l-osservanza tar-Regoli Fundamentali li jirrigwardaw il-ħarsien tas-swieq nazzjonali, konkluż fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun, kellu biss impatt insinjifikanti fuq il-bejgħ tat-tubi OCTG in ġenerali. Fir-rigward tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà taghħom mat-tubi ssaldjati, mhuwiex possibbli li jiġi verifikat l-impatt reali tal-ftehim in kwistjoni.

255    B’risposta għal dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni tesponi li hija ffissat l-ammont tal-multa skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17. L-ammont bażiku kien ġie stabbilit skond il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur.

256    Il-Kummissjoni tfakkar li t-tubi li kienu s-suġġett tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkostitwixxu biss parti mit-tubi mingħajr saldatura ddestinati għall-industrija taż-żejt u tal-gass. It-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport mibjugħa fil-Komunità mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkostitwixxu 19% mill-konsum Komunitarju tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura, filwaqt li aktar minn 50% tal-konsum Komunitarju kien kopert mit-tubi OCTG u mill-pajpijiet għat-trasport li ma kinux ikkontemplati mill-ftehim u li aktar minn 21% ta’ dan il-konsum kien kopert mill-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi barra l-Ġappun.

257    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li hija b'mod ċar ammettiet l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq. Hija ssostni wkoll li l-analiżi tagħha tiffoka fuq is-suq Komunitarju, mingħajr ma dan jikkuntradixxi d-definizzjoni ġeografika tas-suq tat-tubi OCTG (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

258    Għandu jiġi osservat l-ewwel nett li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ timponi multi ta’ bejn minimu ta' EUR 1 000 u massimu ta' EUR 1 000 000, u dan l-aħħar ammont jista’ jiġi miżjud sa 10% tal-fatturat li kull impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur tkun għamlet fis-sena tan-negozju preċedenti. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li, għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multa f’dawn il-limiti, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur.

259    Issa, la r-Regolament Nru 17, la l-ġurisprudenza, u lanqas il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jipprovdu li l-multi għandhom jiġu ffissat direttament skond id-daqs tas-suq affettwat peress li dan il-fattur huwa biss wieħed fost elementi rilevanti oħra. Fil-fatt, skond ir-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-ġurisprudenza, il-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu tkun proporzjonata mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-gravità tiegħu (ara f'dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 240, u, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 120 tas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825), huwa meħtieġ li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta' ksur, jittieħdu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skond it-tip ta’ ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan ta' l-aħħar (ara, ukoll, b'analoġija, is-sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il quddiem, punt 127).

260    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Kummissjoni ma invokatx espressament il-linji gwida fid-deċiżjoni kkontestata, hija stabbiliet, madankollu, l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi billi applikat il-metodu ta’ kalkolu li hemm stabbilit fil-linji gwida.

261    Issa, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59, u b’analoġija, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 259 aktar 'il fuq, punt 127), għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistax tinjora ir-regoli li hija stess stabbiliet għaliha nnifisha (ara s-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 162 aktar 'il fuq, punt 53, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-Kummissjoni għandha effettivament tikkunsidra t-termini tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi meta tiffissa l-ammont tal-multi, partikolarment ta' l-elementi obbligatorji li jinsabu fihom. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet f’dan ir-rigward bl-ebda mod ma jippreġudikaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti Komunitarja..

262    Għandu jiġi osservat li, skond il-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, “l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista' jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat”. Issa, fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li hija ħadet in kunsiderazzjoni dawn it-tliet kriterji sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur.

263    Madankollu, il-Kummissjoni, fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha essenzjalment fuq in-natura tal-komportament illegali ta’ l-impriżi kollha sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li l-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa “gravi ħafna”. F’dan ir-rigward hija invokat, in-natura serjament antikompetittiva u noċiva għal funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-ftehim issanzjonat dwar it-tqassim tas-swieq, in-natura intenzjonali ta’ l-illegalità u n-natura sigrieta u istituzzjonalizzata tas-sistema implementata sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fl-istess premessa 161, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li “l-erba’ Stati Membri in kwistjoni jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-konsum tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet mingħajr saldatura fil-Komunità u, għalhekk, suq ġeografiku wiesa’".

264    Min-naħa l-oħra, fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li “l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq ġie limitat” peress li ż-żewġ prodotti speċifiċi milqutin minn dan ta' l-aħħar, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport, jirrappreżentaw biss 19% tal-konsum Komunitarju tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet mingħajr saldatura u li t-tubi ssaldjati setgħu jkopru parti mid-domanda għat-tubi mingħajr saldatura minħabba l-progress teknoloġiku.

265    Għalhekk, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li kklassifikat dan il-ksur bħala “gravi ħafna”, abbażi tal-fatturi elenkati fil-premessa 161, osservat il-kwantità relattivament baxxa tal-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fl-erba’ Stati Membri kkonċernati (EUR 73 miljun fis-sena). Din ir-referenza għad-daqs tas-suq affettwat tikkorrispondi ma' l-evalwazzjoni ta’ l-impatt limitat li l-ksur kellu fuq is-suq li hemm fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li timponi ammont skond il-gravità ta' EUR 10 miljun biss. Issa, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprovdu, in prinċipju, multa “ogħla minn [EUR] 20 miljun ” għall-ksur li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ ksur gravi ħafna.

266    Għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu użat mill-Kummissjoni, espost hawn fuq, huwiex illegali fid-dawl ta' l-argumenti li Dalmine tressaq fil-konfront tagħha.

267    F'dak li jirrigwarda l-argumenti ta' Dalmine dwar is-swieq rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriflettu d-definizzjoni tas-swieq ġeografiċi in kwistjoni hekk kif għandhom normalment jeżistu kieku ma jkunx hemm ftehim illegali li jkollu bħala suġġett jew riżultat li jqassmuhom artifiċjalment. Sussegwentement, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, meħuda fl-intier tagħha, partikolarment mill-premessi 53 sa 77 tagħha, li l-komportament tal-produtturi Ġappuniżi u Ewropej fuq kull suq nazzjonali jew, f'ċerti każijiet, fuq is-suq ta' ċertu reġjun tad-dinja kien regolat minn regoli speċifiċi li kienu jvarjaw minn suq għall-ieħor u li kienu jirriżultaw min-negozjati kummerċjali fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun.

268    Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti l-argumenti ta’ Dalmine li jirrigwardaw il-perċentwali ridotti tas-swieq mondjali u Ewropej tat-tubi OCTG standard u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport, irrappreżentati mill-bejgħ ta’ dawk il-prodotti magħmul mit-tmien destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Effettivament, huwa l-fatt li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkonstestata kellu l-għan, kif ukoll, minn ta' l-anqas sa ċertu punt, l-effett, li jeskludi kull waħda mill-imsemmija destinatarji mis-swieq nazzjonali ta’ l-impriżi l-oħra, fosthom is-suq ta’ l-ikbar erba’ Stati Membri tal-Komunità Ewropea, f’termini ta’ konsum ta’ tubi ta' l-azzar, li għamlu l-ksur "gravi ħafna" skond l-l-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

269    F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Dalmine li jirrigwarda l-kwantità ridotta ta’ bejgħ ta’ tubi standard OCTG u l-importanza tat-tubi ssaldjati sabiex jikkompetu mal-pajpijiet tal-qies għat-trasport fs-suq domestiku tagħha huwa irrilevanti, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tat-tqassim tas-swieq tirriżulta mill-impenn li bih hija ntrabtet li ma tbigħx il-prodotti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata fi swieq oħra. Għalhekk, anke jekk jiġi meqjus li ċ-ċirkustanzi li hija invokat jiġu stabbiliti għas-suffiċjenza tad-dritt, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jannullaw il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Dalmine.

270    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-fatt, invokat minn Dalmine, li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna biss żewġ prodotti speċifiċi, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport u mhux it-tubi OCTG u pajpijiet għat-trasport kollha, issemma espliċitament mill-Kummissjoni fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata bħala fattur li kien jillimita l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (ara l-punt 264 aktar 'il fuq). Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fl-istess premessa 160, tirreferi għall-kompetizzjoni dejjem tikber ikkawżata mit-tubi ssaldjati (ara wkoll il-punt 263 aktar 'il fuq). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet diġà ħadet in kunsiderazzjoni dawn l-elementi fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata.

271    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis, imsemmi fil-punt 265 aktar 'il fuq, ta’ l-ammont iffissat, skond il-gravità, għal 50% tas-somma minima li normalment tiġi kkonstatata fil-każijiet ta’ ksur “gravi ħafna” jirrifletti b'mod xieraq l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq in kwistjoni.

272    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-multi għandhom bħala għan li jiskoraġġixxu ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 1 A, ir-raba’ paragrafu, tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi). Għalhekk, fid-dawl tad-daqs sostanzjali ta’ l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, osservat fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll il-punt 281 et seq hawn isfel), tnaqqis sostanzjali li jkun akbar mill-ammont iffissat skond il-gravità seta’ jneħħi l-effett skoraġġanti tal-multi.

 Fuq l-analiżi tal-komportament individwali ta’ l-impriżi u n-nuqqas ta' distinzjoni bejn l-impriżi skond id-daqs tagħhom

 L-argumenti tal-partijiet

273    Dalmine tikkontesta li l-Kummissjoni injorat il-komportament individwali u d-daqs ta’ kull impriża in kwistjoni. Issa, skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra l-ammont tal-multi skond dawn il-fatturi.

274    F’dan ir-rigward, Dalmine tiddikjara li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet biss marġinali. It-tubi standard OCTG kienu jirrappreżentaw biss 7.3% tal-bejgħ kollu tagħha bejn l-1990 u l-1995. Fir-rigward tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport, peress li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-impatt tal-bejgħ tat-tubi ssaldjati fuq is-swieq tat-tubi mingħajr saldatura, hija ma setgħetx tasal għal konklużjoni definittiva. Barra minn hekk, Dalmine ma applikatx fedelment il-ftehimijiet antikompetittivi li bihom hija ġiet akkużata, u żammet, pjuttost, ċerta awtonomija fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun peress li hija kompliet tbigħ it-tubi OCTG u l-pajpijiet għat-trasport fl-Ewropa u f’postijiet oħra.

275    Aktar minn hekk, Dalmine tikkritika lill-Kummissjoni talli din iffissat l-ammont tal-multa mingħajr ma’ kkunsidrat id-daqs u l-fatturat ta' kull impriża fis-suq in kwistjoni. Issa, l’ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità jeżiġu li l-impriżi ma’ jitpoġġewx fl-istess keffa, iżda li l-komportamenti tagħhom jiġu sanzjonati skond ir-rwol individwali tagħhom u ta' l-impatt li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ikollha fuq is-suq.

276    Dalmine issostni li hija kienet issanzjonata inġustament peress li, fost id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet waħda mill-iżgħar impriżi. Hija tikkritika r-rifjut kontinwu tal-Kummissjoni li, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, tafferma li : "[l]-impriżi kollha kontemplati f'din id-deċiżjoni huma ta' daqs kbir. Għalhekk. abbażi ta dan, m'għandhiex issir distinzjoni bejn l-ammonti tal-multi kkonstatati". Hija tesponi li l-attività tagħha kienet limitata għall-produzzjoni ta’ ċerti tip ta’ tubi mingħajr saldatura. Hija ma setgħetx tiġi mqabbla ma’ kumpanniji li l-attivitajiet tagħhom kienu ħafna aktar vasti u li l-fatturat tagħhom kien ħafna akbar minn tagħha.

277    Il-Kummissjoni tosserva li Dalmine ipparteċipat f'akkordju intiż għall-ħarsien tas-swieq nazzjonali, li jikkostitiwixxi ksur gravi ħafna ta' l-Artikolu 81(1) KE. Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pparteċipat ukoll fil-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li hija setgħet taġixxi b'mod daqsxejn awtonomu mill-membri l-oħra ta' l-akkordju ma’ jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza attenwanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 142). F'kull każ, l-awtonomija li Dalmine tallega li żammet fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun hija rrilevanti u hija kkontradetta mill-pożizzjoni tagħha ta’ kważi-monopolju fis-suq Taljan, mill-parteċipazzjoni attiva tagħha fid-diskussjonijiet dwar it-tkomplija ta' l-attivitajiet ta’ Corus u fl-aħħar nett, mill-kuntratt li hija għamlet ma’ Corus skond ir-Regoli Fundamentali għall-ħarsien tas-swieq nazzjonali miftiehma fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun.

278    Peress li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kkonstatat li t-tmien destinatarji tad-deċiżjoni kienu kollha impriżi ta’ daqs kbir u fid-dawl ta’ l-impatt relattivament ridott tal-ksur fuq is-swieq b'mod globali, l-argumenti ta’ Dalmine mhumiex biżżejjed sabiex juru li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ma applikatx is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

279    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti wkoll abbażi tal-fatt li l-fatturat tar-rikorrenti għas-sena 1998 tala' għal EUR 669 miljun (premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk din hija impriża ta' daqs kbir. L-ebda element ma’ jiġġustifika li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa minħabba l-fatt li hija mhijiex kbira daqs l-impriżi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

280    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li r-referenza għal-limitu ta’ 10% tal-fatturat mondjali hija rilevanti biss għall-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa li tista' tiġi imposta mill-Kummissjoni (ara l-ewwel paragrafu tal-linji gwida għal kalkolu tal-multi kif ukoll is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 259 aktar 'il fuq, punt 119) u ma jfissirx li għandu jkun hemm relazzjoni proporzjonali bejn id-daqs ta' kull impriża u l-ammont tal-multa li tiġi imposta fuqhom.

281    Min-naħa l-oħra, is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li huma applikabbli f'dan il-każ (ara l-punt 272 aktar 'il fuq), jipprovdi l-possibbiltà li “f’ċerti każijiet, l-ammonti stabbiliti għal kull waħda mit-tliet kategoriji [ta’ ksur] jiġu bbilanċjati biex jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali tal-komportament illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”. Skond dan il-paragrafu, dan il-metodu huwa opportun “partikolarment meta jkun hemm żbilanċ kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi li jkunu l-awturi ta' l-istess tip ta' ksur".

282     Madankollu, mill-użu ta’ l-espressjoni “f’ċerti każijiet” u tat-terminu “partikolarment” fil-linji gwida għal kalkolu tal-multi jirriżulta li l-ibbilanċjar skond id-daqs individwali ta’ l-impriżi mhuwiex xi stadju sistematiku fil-kalkolu li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, iżda jaqa’ taħt dik il-flessibbiltà li hija kkonċediet lilha nnifisha f’każijiet fejn dan ikun meħtieġ. Għandha tiġi mfakkra, f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa ta' diskrezzjoni li tippermettilha li tieħu jew ma tiħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi meta hija u tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni li timponi, u dan skond, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra, p. I-1611, punt 54, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punti 32 u 33 ; tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 465; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 68.

283    Fid-dawl tal-kliem użat fis-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għal kalkolu tal-multi, espost hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ jekk twettaqx ibbilanċjar tal-multi skond id-daqs ta’ kull impriża. Għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tistabbilixxi l-ammont tal-multi, li tiżgura ruħha, fil-każijiet fejn il-multi jiġu imposti lil diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu d-differenzi bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom (ara, f'dan is-sens, għalkemm għadhom taħt appell, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-1705, punt 278, u tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 385).

284    Fil-każ preżenti, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu kollha ta' daqs kbir, b’tali mod li ma kienx hemmx lok li, minħabba f’hekk, issir differenzjazzjoni bejn l-ammonti tal-multi li ġew ikkonstatati. Dalmine tikkontesta din l-analiżi u tosserva li hija hija waħda mill-iżgħar impriżi mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-fatturat tagħha fl-1998 kien biss ta’ EUR 667 miljun. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza, f'dak li jirrigwarda l-fatturat globali għall-prodotti kollha, bejn Dalmine u l-ikbar impriża in kwistjoni, jiġifieri Nippon, li fl-1998 kellha fatturat ta’ EUR 13 489 miljun, hija sinjifikattiva.

285    Madankollu, fir-risposta tagħha l-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata minn Dalmine, li din ta' l-aħħar la kienet impriża żgħira u lanqas medja. Fil-fatt, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 96/280/KE, tat-3 ta' April 1996, dwar id-definizzjoni ta' impriżi żgħar u medji (ĠU L 107, p.4), li kienet applikabbli fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tippreċiża, b'mod partikolari, li impriżi bħal dawn għandhom ikunu jimpjegaw anqas minn 250 persuna u jkollhom jew fatturat li fis-sena ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun jew bilanċ li fis-sena li ma jaqbiżx l-EUR 27 miljun. Fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/361/KE, tas-6 ta' Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, p. 36) dawn l-aħħar żewġ livelli ġew riveduti u stabbiliti fl-ammont ta' EUR 50 miljun u EUR 43 miljun rispettivament.

286    Għalkemm il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex ċifri dwar in-numru ta' impjegati u dwar il-bilanċ annwali ta' Dalmine, għandu jiġi kkonstatat li l-fatturat ta' Dalmine fl-1998 kien aktar minn għaxar darbiet ogħla mil-limitu previst fir-rakkomandazzjonijiet suċċessivi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dan il-kriterju. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, abbażi ta' l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-Kummissjoni ma wettqitx ebda żball meta kkonstatat, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu ta' daqs kbir.

287    Barra minn hekk, għandu jigi osservat li l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine fid-deċiżjoni kkontestata: jiġifieri EUR 10.8 miljun, jirrappreżenta biss madwar 1.62% tal-fatturat mondjali tagħha fl-1998, li kien ta' EUR 667 miljun. L-ammont tal-multa tagħha, fl-assenza ta' tnaqqis abbażi tal-kooperazzjoni, kien ikun ta’ EUR 13.5 miljun, jiġifieri anqas minn 2% ta' dan il-fatturat. Għandu jiġi kkonstatat li dawn ic-ċifri huma ħafna anqas mil-limitu ta’ 10% imsemmi aktar 'il fuq.

288    F'dak li jirrigwarda l-argument ta’ Dalmine ibbażat fuq il-fatt li l-impatt tal-komportament tagħha fuq is-suq kien minimu, minħabba li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet biss waħda marġinali, għandu jerġa jiġi mfakkar li l-argumenti ta’ Dalmine fir-rigward ta' l-ammont żgħir ta’ bejgħ tat-tubi standard OCTG u fir-rigward ta' l-importanza tat-tubi ssaldjati in kompetizzjoni mal-pajpijiet tal-qies għat-trasport fis-suq domestiku tagħha stess huwa irrilevanti, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur li jikkonsisti fil-ftehim għat-tqassim tas-swieq tirriżulta mill-impenn li hija ntrabtet bih li ma tbigħx il-prodotti in kwistjoni fuq swieq oħra (ara l-punt 269 aktar 'il fuq). Għalhekk, anke jekk jiġi meqjus li ċ-ċirkustanzi invokati minn Dalmine ġew stabbiliti għas-suffiċjenza tad-dritt, dawn ma’ jannullawx il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Dalmine.

289    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li kull produttur intrabat bl-istess impenn, jiġifieri li ma jbigħx it-tubi standard OCTG u l-pajpijiet għat-trasport fis-suq domestiku ta' kull wieħed mill-membri l-oħra tal-klabb Ewropa-Ġappun. Kif ġie osservat fil-punt 263 aktar 'il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq in-natura antikompetittiva qawwija ta' dan l-impenn sabiex tistabbilixxi n-natura "gravi ħafna" tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

290    Safejn Dalmine hija l-unika membru Taljan tal-klabb Ewropa-Ġappun, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tagħha f'dan il-ftehim kienet biżżejjed sabiex testendi l-kamp ta' applikazzjoni ġeografika tal-ftehim antikompetittiv għat-territorju ta' Stat Membru tal-Komunitajiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni ta' Dalmine fil-ksur kellha impatt sinjifikattiv fuq is-suq Komunitarju. Effettivament, dan il-fatt huwa ħafna aktar rilevanti, għall-finijiet ta’ l-analiżi ta’ l-impatt konkret tal-parteċipazzjoni ta’ Dalmine fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-swieq tal-prodotti kkontemplati fl-imsemmi Artikolu, milli s-sempliċi paragun tal-fatturati globali ta’ kull impriża.

291    F'dak li jirrigwarda l-allegata awtonomija ta’ azzjoni li r-rikorrenti kellha fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun, għandu jiġi osservat li l-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha f'konċertazzjoni mal-kompetituri tagħha għat-tqassim tas-swieq ġiet stabbilita, ma tkunx ġabet ruħha, fuq is-suq, b'mod konkordanti ma' dak miftiehem mal-kompetituri tagħha mhux bilfors jikkostitwixxi fattur li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, waqt l-iffissar ta' l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 277 aktar 'il fuq, punt 142). Fil-fatt, impriża li minkejja l-konċertazzjoni mal-kompetituri tagħha, issegwi politika parzjalment differenti fuq is-suq, tista’ sempliċement tkun qed tipprova tuża l-akkordju għall-benefiċċju tagħha.

292    Għalhekk, t-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni hija obbligata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta' xi ċirkustanza attenwanti minħabba li l-akkordju ma jkunx ġie implementat biss jekk l-impriża li tinvoka dik iċ-ċirkustanza tkun tista' tipprovali hija, b'mod ċar u kunsiderevoli, kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta' dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet il-funzjonament innifsu tiegħu u li hija ma tkunx tat l-impressjoni li aderiet ma' l-akkordju u minħabba f'hekk, tkun ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju in kwistjoni.

293    Kif osservat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha Siment, punt 44 aktar 'il fuq (punt 1389), impriża li ma tiddistakkax ruħha mill-konklużjonijiet ta' laqgħa li għaliha tkun attendiet iżżomm, in prinċipju, "ir-responsabbli sħiħa tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju". Fil-fatt, tkun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multa ħarxa jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw imbagħad minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-imġiba tagħhom tkun ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b'mod li jkun aktar ta' ħsara għall-kompetizzjoni.

294    Bl-istess mod, f'dak li jirrigwarda l-argument li Dalmine kellha rwol passiv fl-akkordju, komportament li jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti skond l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, għandu jiġi osservat li din il-kumpannija ma ċaħdietx li pparteċipat fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun. Issa, fil-kuntest tal-motivi intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fid-deċiżjoni JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 111 aktar 'il fuq, ġie deċiż li l-ħarsien tas-swieq nazzjonali hija waħda mill-kwistjonijiet li ġew diskussi matul dawn il-laqgħat.

295    Fil-każ preżenti, Dalmine lanqas ma ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun kienet aktar sporadika minn dik ta’ membri oħra tal-klabb imsemmi, fatt li, skond il-ġurisprudenza, seta' eventwalment jiġġustifika tnaqqis favur tagħha (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T-317/94, Ġabra p. II-1235, punt 264). Aktar minn hekk, hija la ssostni xi ċirkustanza speċifika u lanqas xi element ta’ prova li jistgħu juru li l-attitudni tagħha matul dawn il-laqgħat kienet purament passiva jew li hija kienet sempliċement issegwi lill-oħrajn. Għall-kuntrarju, kif ġie osservat f’punt 290 aktar 'il fuq, is-suq Taljan kien inkluż fil-ftehim għat-tqassim tas-swieq minħabba l-fatt biss li Dalmine kienet membru tal-klabb Ewropa-Ġappun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma tatx tnaqqis ta' l-ammont tal-multa lil Dalmine skond l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.

296    Ghalhekk, anke jekk kellu jiġi meqjus li huwa stabbilit li, fil-każ preżenti, Dalmine għamlet numru limitat ta’ bejgħ fis-swieq l-oħra Komunitarji koperti bil-ksur, dan il-fatt mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata r-responsabbiltà tagħha fil-ksur in kwistjoni, u dan minħabba li, bil-preżenza tagħha fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun, hija aderiet jew minn ta l-anqas tat l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet aderiet, in prinċipju, mal-kontenut tal-ftehim antikompetittiv miftiehem fi ħdan dan il-klabb. Mill-fajl, partikolarment miċ-ċifri riprodotti fit-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li t-tqassim tas-swieq previst mill-akkordju kien ġie implementat, minn ta' l-anqas sa ċertu punt, u li dan kellu neċessarjament impatt reali fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li kienu jeżistu fis-swieq Komunitarji.

297    Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-Kummissjoni setgħet raġjonevolment tikkunsidra li, għall-multa imposta fuq kull impriża destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, kellu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, jiġi stabbilit l-istess ammont stabbilit abbażi tal-gravità. Għandu jigi osservat, safejn jista' jkun rilevanti, li l-Kummissjoni lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan ir-rigward.

298    Fid-dawl ta’ l-argumenti u ċirkustanzi kollha eżaminati aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tbiddel l-ammont tal-multi minħabba xi differenzi fis-sitwazzjoni jew daqs bejn l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

2.     2.     Fuq it-tul ta' żmien tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

299    Dalmine tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-ksur. Għalkemm il-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun bdew fl-1977, il-perijodu tal-ksur seta' jibda biss b'effett mill-1 ta’ Jannar 1991, u dan minħabba l-ftehim ta’ awto-limitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġappuniżi (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, Dalmine tikkritika lill-Kummissjoni talli din, fid-deċiżjoni kkontestata, ma inkludietx il-fatt li fit-28 ta’ Diċembru 1989, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġappuniż kienu pprorogaw dawn l-akkordji ta’ awto-limitazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 1990.

300    Dalmine issostni, barra minn hekk, li l-perijodu ta’ ksur intemm lejn it-tmiem tas-sena 1994, wara l-ewwel investigazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet f'Diċembru 1994. Hija tiddikjara li sussegwentement hija ma pparteċipatx għal dawn il-laqgħat mal-produtturi Ġappuniżi.

301    F'kull każ, il-vizzji li jaffettwaw il-proċedura amministrattiva jeskludu l-konstatazzjoni ta' ksur fil-konfront tar-rikorrenti wara l-investigazzjonijiet ta’ l-1 u t-2 ta’ Diċembru 1994.

302    Konsegwentement, it-tul ta' żmien tal-ksur imputabbli lil Dalmine għandu jkun imnaqqas minn ta' l-anqas b'erba’ snin, jiġifieri għal perijodu ta' bejn l-1 ta’ Jannar 1991 u t-2 ta’ Diċembru 1994. Skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, dan huwa ksur ta' tul ta' żmien medju, li jista' jagħti lok għal żieda ta’ 10% fis-sena, jiġifieri 30% b'kollox. Għaldaqstant Dalmine titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tirrevedi l-ammont tal-multa li kienet imposta lilha.

303    Il-Kummisjoni tosserva li, skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, hija tista’ żżid l-ammont bażiku tal-multa sa 50% għall-ksur li it-tul ta' żmien tiegħu jkun wieħed ta’ bejn sena u ħames snin (tul ta' żmien imsejjaħ "medju"). F'dak li jirrigwarda l-bidu tal-ksur fil-każ preżenti, hija tillimita ruħha li tiddikjara li hija qisietu li jibda mill-1990, b'dik is-sena inkluża.

304    F'dak li jirrigwarda t-tmiem tal-ksur, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li, fid-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Settembru 1996, is-Sur Verluca ammetta li l-kuntratti ma’ l-impriżi Ġappuniżi kienu ilhom li waqfu għal ftit aktar minn sena (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-investigazzjonijiet saru f’Diċembru ta' l-1994, il-Kummissjoni kienet korretta meta stabbiliet it-tul ta' żmien tal-ksur imwettaq minn Dalmine għal minn ta' l-inqas ħames snin, mill-1990 sa l-1994, inkluż din l-aħħar sena..

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

305    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li hija setgħet tikkunsidra li l-ksur beda jeżisti b'effett mill-1977, iżda hija għażlet li ma tagħmilx dan minħabba l-eżistenza tal-ftehim ta’ awto-limitazzjoni. Għalhekk, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat l-eżistenza tal-ksur bħala li beda biss mill-1990. Għandu jiġi kkonstatat li dak l-aġir jikkostitwixxi konċessjoni min-naħa tal-Kummissjoni favur id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

306    Għandu jiġi osservat li ebda waħda mill-partijiet ma sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li dik il-konċessjoni kellha tiġi kkontestata fil-kawża preżenti. Konsegwentement, l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tal-proċeduri preżenti m'għandux jirrigwarda l-legalità jew jekk dik il-konċessjoni kinitx opportuna, iżda biss il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, peress li semmietha espressament fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, applikathiex korrettament fil-każ preżenti. Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li dak il-ksur ikun ġie mwettaq, peress li hija għandha l-oneru tal-prova fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur, u għaldaqstant, tat-tul ta' żmien tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u tal-31 ta' Marzu 1993, Ahlström Osakeytiö et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Woodpulp II", C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85,Ġabra p. I-1307, punt 127; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T-68/89, T-77/89 u T-78/89, Ġabra p. II-1403, punti 193 sa 195, 198 sa 202, 205 sa 210, 220 sa 232, 249 sa 250 u 322 sa 328, u tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punti 43 u 72).

307    Għalhekk, il-konċessjoni deskritta aktar 'il fuq tagħmel l-allegata terminazzjoni tal-ftehim ta' awto-limitazzjoni l-kriterju determinanti sabiex jiġi evalwat jekk il-ksur kellux jiġi stabbilit b'effett mill-1990. Peress li dan huwa ftehim konkluż fuq livell internazzjonali, bejn il-Gvern Ġappuniż, irrappreżentat mill-Ministeru Internazzjonali tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija, u l-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-istess Kummissjoni kellha żżomm id-dokumentazzjoni li tikkonferma d-data ta' meta ntemm il-ftehim imsemmi, skond il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, hija kellha tkun f’pożizzjoni li tressaq din id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Madankollu, il-Kummissjoni ddikjarat, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija kienet fittxet fl-arkivji tagħha iżda li ma kinitx f'pożizzjoni li tipprovdi dawn id-dokumenti li jattestaw id-data ta' meta ntemm dan il-ftehim.

308    Għalkemm, b’mod ġenerali, il-parti rikorrenti ma tistax tittrasferixxi l-oneru tal-prova fuq il-parti konvenuta billi tagħmel użu mill-fatt li hija ma tkunx f’pożizzjoni li ġġib il-prova, f'dan il-każ, il-kunċett ta' l-oneru tal-prova ma jistax jiġi applikat għall-benefiċċju tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-data tat-terminazzjoni tal-ftehim internazzjonali li hija kkonkludiet. L-inkapaċità mhux spjegata tal-Kummissjoni li tipproduċi l-elementi ta’ prova li jirrigwardaw ċirkustanza li tikkonċernaha direttament iċċaħħad lill-Qorti tal-Prim'Istanza mill-possibbiltà li tiddeċiedi f'għarfien sħieħ tal-fatti li jirrigwardaw id-data tat-tmiem ta' l-imsemmi ftehim. Ikun kontra l-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-konsegwenzi ta’ dik l-inkapaċità tal-Kummissjoni jsofruha l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li, bid-differenza ta’ l-istituzzjoni konvenuta, ma kinux f’pożizzjoni li jġibu l-prova mankanti.

309    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, in via eċċezzjonali, li kienet il-Kummissjoni li kellha ġġib il-prova tad-data tat-tmiem. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ġabitx prova tad-data tat-tmiem tal-ftehim ta’ awto-limitazzjoni, kemm jekk fid-deċiżjoni kkontestata jew inkella quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

310    F'kull każ, ir-rikorrenti Ġappuniżi ġabu elementi ta' prova li jattestaw li l-ftehim ta' awto-limitazzjoni ġie pprorogat sal-31 ta' Diċembru 1990, minn ta' l-anqas fir-rigward tal-Ġappuniżi, fatt li jikkorrobora t-teżi ta' Corus fil-proċeduri preżenti (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 111 aktar 'il fuq, punt 345). Għandu jiġi kkunsidrat li, f'kawżi magħquda fejn il-partijiet kollha kellhom l-okkażjoni li jikkonsultaw il-fajls kollha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' ex officio tikkunsidra elementi ta' prova li jkunu jinsabu fil-fajls tal-kawżi paralleli (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 1990, Nefarma u Bond van Groothandelaren in het Farmaceutische Bedrijf vs Il-Kummissjoni, T-113/89, Ġabra p. II-797, punt 1, u Prodifarma et vs Il-Kummissjoni, T-116/89, Ġabra p. II-843, punt 1). Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija mitluba tagħti deċiżjoni fil-kuntest ta' kawżi magħqudin għall-finijiet tal-fażi orali li għandhom bħala suġġett l-istess deċiżjoni li tikkonstata ksur u li fihom il-partijiet rikorrenti kollha talbu sabiex jiġi rivedut l-ammont tal-multi li huma ġew ikkundannati jħallsu. Għalhekk, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim Istanza ħadet konjizzjoni formali ta' l-elementi ta' prova miġjuba mill-erba' rikorrenti Ġappuniżi.

311    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li Dalmine talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza mhux biss li tannulla d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll li, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mogħtija, skond l-Artikolu 229 KE, mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha biex tieħu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis fit-tul ta' żmien. Din is-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa għandha bħala konsegwenza li l-Qorti tal-Prim'Istanza, meta tirrevedi att ikkontestat billi tbiddel l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni, għandha tikkunsidra l-fatti kollha rilevanti (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 246 aktar 'il fuq, punt 692). F'dawn iċ-ċirkustanzi u peress li r-rikorrenti kollha kkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni stabbiliet li l-infrazzjoni bdiet b'effett mill-1 ta' Jannar 1990, ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Prim'Istanza tanalizza iżolatament is-sitwazzjoni ta' kull parti rikorrenti fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ billi tillimita ruħha biss għall-elementi ta' fatti li huma għażlu li jużaw sabiex isostnu l-kawża tagħhom u mingħajr ma tikkunsidra dawk l-elementi li l-partijiet rikorrenti l-oħra jew il-Kummissjoni setgħu invokaw.

312    Barra minn hekk, la Dalmine u, a fortiori, lanqas il-Kummissjoni ma allegaw li l-ftehim ta' awto-limitazzjoni kien għadu fis-seħħ fl-1991.

313    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet ta' din il-proċedura, li l-ftehim ta' awto-limitazzjoni, konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġappuniżi, baqa' fis-seħħ sat-tmiem tas-sena 1990.

314    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-konċessjoni li l-Kummissjoni tat fid-deċiżjoni kkontestata, it-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi mnaqqas b'sena. Għalhekk l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkonstestata għandu jiġi annullat safejn dan jstabbilixxi l-eżistenza tal-ksur attribwit lil Dalmine għal qabel l-1 ta’ Jannar 1991.

315    F'dak li jirrigwarda d-data tat-tmiem tal-ksur, għandu jiġi osservat li, fis-seduta, b'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sena 1995 ma tteħditx in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi. Dalmine sussegwentement indikat li hija kienet qiegħda taċċetta din l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

316    Għaldaqstant, l-unika kwistjoni bejn il-partijiet f'din il-kawża hija dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonstata l-ksur kontemplat fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata wara d-data ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-1 u t-2 ta' Diċembru 1994. Fil-punt 112 aktar 'il fuq, ġie deċiż li l-argumentazzjoni ta’ Dalmine hija irrilevanti fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li dak il-ksur dam biss madwar tletin ġurnata wara dawn l-investigazzjonijiet. F'kull każ, anke jekk jiġi meqjus li l-argumenti ta’ Dalmine f'dan ir-rigward huma fondati, mhemmx lok li tinbidel il-multa minħabba xi differenza fit-tul ta' żmien li hija daqshekk insinjifikanti.

317    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li t-tul ta' żmien li għandu jiġi adottat fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ta' erba' snin, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 1991 sa l-1 ta' Jannar 1995. Għaldaqstant, l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine għandu jiġi mnaqqas sabiex jirrifletti dan il-fatt.

3.     Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta' ċerti ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

318    Dalmine tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis fil-multa. Huwa minnu li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala ċirkustanzi attenwanti s-sitwazzjoni ta' kriżi ta' l-industrija ta' l-azzar u, abbażi ta' dan, naqqset l-ammont tal-multa b'10%. Madankollu, kien hemm ċirkustanzi oħra li kienu jiġġustifikaw tnaqqis akbar ta' l-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti.

319    Dalmine, b'mod aktar speċifiku, tinvoka ir-rwol minuri u esklużivament passiv tagħha fil-ksur, li dan ma kellux wisq effetti kif ukoll il-waqfien immedjata tal-ksur ma’ l-ewwel investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-1 u fit-2 ta’ Diċembru 1994. Barra minn hekk, hija ssostni li, fid-dawl ta’ l-istruttura tas-suq u tal-kompetizzjoni li kien hemm kemm fis-suq Taljan kif ukoll fis-suq kollu tal-Komunità, hija ma tistax tiġi akkużata li wettqet ksur b'mod intenzjonat.

320    Fin-nuqqas tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-multa imposta hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur. Dalmine issostni li l-ammont bażiku tal-multa huwa ekwivalenti għal 16% tal-bejgħ totali tagħha tal-prodotti in kwistjoni fl-1998 (179.5 miljardi ta’ liri) fis-suq mondjali, għal 38% tal-bejgħ magħmul fis-suq Komunitarju u għal 95% tal-bejgħ magħmul matul il-perijodu tal-ksur fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fir-Renju Unit.

321    Skond il-Kummissjoni l-fatt li l-komportamenti illegali intemmu wara li saru l-ewwel investigazzjonijiet mhijiex ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, hija ssostni li r-rwol sekondarju u l-allegata awtonomija tar-rikorrenti fi ħdan il-kollużjoni mhumiex rilevanti wisq.

322    Fil-fatt, Dalmine ma’ tistax tnaqqas ir-responsabbiltà tagħha bill tinvoka r-responsabbiltà tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Hija qatt ma ddisassoċjat ruħha mill-kollużjoni b’mod apert u ma limitatx ruħha għal rwol passiv. Bil-kontra ta' dan, hija pproponiet li l-kwistjonijiet ikkawżati mill-irtirar mis-suq ta’ Corus jiġu solvuti "fuq livell Ewropew".

323    Il-Kummisjoni ssostni li n-natura intenzjonali tal-ksur attribwit lil Dalmine hija stabbilita. Mhuwiex neċessarju li jiġi pprovat li r-rikorrenti kienet taf li kienet qegħda tikser l-Artikolu 81(1) KE. Bil-kontra ta' dan, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li hija ma setgħetx tinjora l-fatt li l-komportament in kwistjoni kellu bħala suġġett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1989, Belasco et vs Il-Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 41, u ta' l-1 ta' Frar 1978, Miller vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131). Mhuwiex probabbli wisq li impriża bħall Dalmine ma kinitx taf bir-regoli l-aktar bażiċi fis-seħħ fil-qasam tal- projbizzjoni ta’ prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f'dan ir-rigward, il-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

324    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta' 10% ta' l-ammont tal-multa minħabba ċirkustanza attenwanti, jiġifieri s-sitwazzjoni ta' kriżi li kienet għaddejja minnha l-industrija ta' l-azzar fiż-żmien in kwistjoni.

325    Għandu jiġi mfakkar, imbagħad, li l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta hija tiffissa l-ammont tal-multi. Madankollu, fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi mhemmx indikat li l-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra separatament kull ċirkustanza attenwanti elenkata fil-punt 3 ta' l-imsemmija linji gwida. Fil-fatt, il-punt 3, intitolat "[ċ]irkustanzi attenwanti" jipprevedi t-"tnaqqis ta' l-ammont bażiku minħabba ċirkustanzi attenwanti speċifiċi bħal, per eżempju : [...] ". Għandu jiġi kkunsidrat li għalkemm iċ-ċirkustanzi elenkati f'dik il-lista li tidher fil-punt 3 tal-linji gwida huma ċertament fost dawk li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f'każ partikolari, l-istess Kummissjoni mhijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali abbażi ta' dan b'mod awtomatiku, meta l-impriża tipprovdi elementi ta' natura tali li jindikaw il-preżenza ta' waħda minn dawk iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, jekk ikunx xieraq li jingħata tnaqqis tal-multa abbażi ta' ċirkustanzi attenwanti għandu jiġi evalwat minn punto di vista globali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

326    Fil-fatt, f'dan il-kuntest għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi li tgħid li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni li jippermettilha li tieħu jew ma tiħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi meta hija tiffissa l-ammont tal-multi li hija tkun intenzjonata timponi, skond, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara, f'dan is-sens, id-digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 282 aktar 'il fuq, punt 54, u s-sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 282 aktar 'il fuq, punti 32 u 33, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 282 aktar 'il fuq, punt 465; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, punt 282 aktar 'il fuq, punt 68). Għalhekk, fin-nuqqas ta' indikazzjoni ta' natura mandatorja fil-linji gwida fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta' diskrezzjoni sabiex tevalwa b'mod globali l-portata tat-tnaqqis eventwali ta' l-ammont tal-multi abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti.

327    F'kull każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat li fil-punti 280 sa 297 aktar 'il fuq.diġà ingħatat risposta fir-rigward ta' l-argumenti ta’ Dalmine li jirrigwardaw ir-rwol minuri u passiv tagħha fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-rigward ta' l-allegata l-awtonomija ta azzjoni. B-istess mod, l-ilmenti bbażati fuq l-effetti minimi tal-ksur u tan-natura sproporzjonata tal-multa in ġenerali diġà ġew eżaminati fil-punti 258 sa 272 aktar 'il fuq.

328    Fir-rigward ta' l-argument li jirrigwardaw it-tmiem immedjata tal-ksur, għandu jiġi kkunsidrat li t-"tmiem tal-ksur malli l-Kummissjoni tagħmel l-ewwel interventi", imsemmija fil-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, jista' loġikament jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet li jindikaw li l-impriżi in kwistjoni kienu mħeġġa li jwaqqfu l-komportament antikompetittiv bl-interventi in kwistjoni. Fil-fatt, jidher li l-għan ta' dik id-dispożizzjoni huwa li jinkoraġġixxi lill-impriżi biex iwaqqfu immedjatament il-komportament antikompetittiv tagħhom meta l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni f'dak ir-rigward.

329    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta, b'mod partikolari, li t-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa ma jistax jiġi applikat fil-każ fejn il-ksur ikun diġà waqaf qabel id-data ta' l-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew fil-każ fejn deċiżjoni ferma biex il-ksur jieqaf tkun diġà ittieħdet minn dawk l-impriżi qabel dik id-data.

330    Fil-fatt, tnaqqis mogħti f'dawn iċ-ċirkustanzi jakkumula mat-teħid in kunsiderazzjoni, skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, tat-tul ta' żmien tal-ksur fil-kalkolu tal-multi. Dan it-teħid in kunsiderazzjoni għandu preċiżament l-għan li dawk l-impriżi li jiksru r-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni għal perijodu twil ikunu ssanzjonati b'mod aktar sever minn dawk li l-ksur tagħhom ikun ta' tul ta' żmien qasir. Għalhekk, it-tnaqqis tal-multa minħabba li impriża waqqfet il-komportament illegali tagħha qabel l-intervent tal-Kummissjoni jkollu l-effett li jagħti vantaġġ doppju lil dawk li jkunu reponsabbli għall-ksur ta' tul ta' żmien qasir.

331    Għandu jiġi osservat, fil-każ preżenti, li, fis-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 111 aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fid-dawl tal-motivi u ta' l-argumenti magħmula mir-rikorrenti f'dawk il-kawżi, li l-ksur m'għandux jiġi stabbilit fil-konfront tagħhom wara l-1 ta' Lulju 1994, peress li ma kien hemm l-ebda prova li kienet inżammet laqgħa tal-klabb Ewropa-Ġappun fil-ħarifa ta' l-1994 fil-Ġappun skond il-prassi segwita sa dak iż-żmien. Minn din iċ-ċirkustanza jirriżulta li l-ksur kien probabbilment waqaf jew li kien, minn ta' l-anqas, fil-proċess li jieqaf meta l-Kummissjoni għamlet l-investigazzjonijiet ta' l-1 u tat-2 ta' Diċembru 1994.

332    Minn dan isegwi li l-fatt li l-komportamenti illegali li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma komplewx wara d-data ta' l-ewwel spezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma jiġġustifikax tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

333    Fir-rigward ta' l-argumenti ta’ Dalmine li jgħidu li hija ma kkomettietx il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata b'mod intenzjonali, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni stabbiliet li hija aderiet ma' akkordju li s-suġġett tiegħu kien antikompetittiv. Issa, fil-każ ta’ akkordju li l-għan proprju tiegħu huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-parteċipazzjoni ta' impriża f'dan l-akkordju tista' tkun biss ta' natura intenzjonali, irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet ta' natura strutturali involuti. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-impriżi ma jistgħux jiġġustifikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi jsostnu li huma kienu mġiegħla jagħmlu hekk minħabba l-komportament ta’ l-operaturi ekonomiċi l-oħra (ara f'dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 44 aktar 'il fuq, punt 2557). Għalhekk, Dalmine ma tistax tinvoka l-istruttura tas-suq jew il-komportament tal-kompetituri tagħha sabiex teżonera lilha nnifisha fil-każ preżenti.

334    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal aktar 'il fuq u fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni diġà naqqset il-multa fil-każ preżenti sabiex tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti relatata mas-sitwazzjoni ta' kriżi ekonomika eżistenti fi-settur tat-tubi ta' l-azzar (ara l-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ilmenti kollha ta' Dalmine ibbażati fuq in-nuqqas ta' tnaqqis addizzjonali abbażi ta' ċirkustanzi oħra allegatament attenwanti.

4.     4. Fuq il-kooperazzjoni ta’ Dalmine matul il-proċedura amministrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

335    Dalmine issostni li l-Kummissjoni ma osservatx il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali fil-konfront tagħha. Peress li hija tqis li tinsab f'sitwazzjoni paragunabbli ma ta' Vallourec, Dalmine takkuża lill Kummissjoni li ma tagħtiex tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi tal-kollaborazzjoni tagħha waqt l-investigazzjoni.

336    Hija tfakkar partikolarment li, fl-4 ta' April 1997, b'risposta għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni mogħtija waqt l-ewwel investigazzjonijiet ta' din ta' l-aħħar, hija kienet indikat lill-Kummissjoni dan li ġej: "[ir-Regoli Fundamentali] jistgħu jirriflettu l-pożizzjoni tas-settur Komunitarju tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura [...] [D]in il-pożizzjoni żviluppat fuq żewġ binarji : l-implementazzjoni tal-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni [...]; il-kuntatti ma’ l-industrija Ġappuniża, li kellha kapaċità produttiva li kienet ogħla mid-domanda. Dawn il-kuntatti kienu jirrigwardaw l-esportazzjoni tat-tubi (partikolarment dawk intiżi għall-industrija taż-żejt) f’żoni ta' barra mill-KE (ir-Russja u ċ-Ċina) u kienu destinati wkoll sabiex jillimitaw l-esportazzjonijiet tat-tubi lejn il-KE, wara l-għeluq tal-fabbriki ta’ [Corus] u, konsegwantement, li jipproteġu l-industrija Komunitarja tat-tubi mingħajr saldatura" (anness 3 tar-rikors u premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

337    Dawn l-indikazzjonijiet juru l-portata tal-kollaborazzjoni tar-rikorrenti fl-investigazzjoni. L-ebda kunsiderazzjoni oġġettiva ma tippermetti li tiġi stabbilita xi differenza ta' trattament bejn Vallourec u Dalmine f’dan ir-rigward.

338    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet u tirreferi għall-motivi msemmija fil-premessi 172 u 173 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma takkordax tnaqqis addizzjonali tal-multa. Hija tfakkar, fil-fatt, li tali tnaqqis jista' jingħata biss lill-impriżi li, permezz tal-kollaborazzjoni attiva tagħhom, iffaċilitaw il-konstatazzjoni tal-ksur (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 277 aktar 'il fuq, punt 156). Il-kooperazzjoni ta’ Dalmine ma kinitx determinanti fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni, peress li din l-impriża limitat ruħha li ma tikkontestax is-sustanza tal-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni.

339    L-attitudni ta’ Vallourec ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ Dalmine. Vallourec kienet l-unika impriża li pprovdiet elementi sostanzjali fuq l-eżistenza u l-kontenut ta' l-akkordju ssanzjonat. Dawn l-elementi ffaċilitaw kunsiderevolment ix-xogħol tal-Kummissjoni sabiex din tikkonstata l-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

340    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriżi, ma tistax tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali; prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, skond ġurisprudenza stabbilita, jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b'mod identiku, sakemm dak it-trattatament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 237, u l-ġurisprudenza ċċitata).

341    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, sabiex jiġġustifika tnaqqis ta' l-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, il-komportament ta' l-impriża għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-tneħħija tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

342    Fil-każ preżenti, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, magħmulin fil-kwalità tiegħu ta' rappreżentant ta' Vallourec b'risposta għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Kummissjoni, huma l-elementi ta' prova determinanti fil-fajl tal-kawża preżenti.

343    Huwa stabbilit li meta impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f'ċirkustanzi analogi, b'informazzjoni simili li tirrigwarda l-fatti li jkunu ġew imputati lilhom, il-livell ta' kooperazzjoni offrut minnhom għandu jkun meqjusa bħala paragunabbli (ara, b'analoġija, is-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 340 aktar 'il fuq, punti 243 u 245).

344    Madankollu, għalkemm ir-risposti ta' Dalmine kienu ta' ċerta utilità għall-Kummissjoni, dawn jikkonfermaw biss, u dan b'mod anqas preċiż u espliċitu, ċerta mill-informazzjoni diġà pprovduta minn Vallourec permezz tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca.

345    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta minn Dalmine lill-Kummissjoni qabel ma ntbagħtet id-DO mhijiex paragunabbli ma' dik pprovduta minn Vallourec u mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-multa imposta lil Dalmine ta' aktar mill-20% li tnaqqsilha minħabba li hija ma kkontestatx il-fatti. Fil-fatt, għalkemm dan in-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti seta' jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinjifikanti, dan mhux il-każ f'dak li jirrigwarda l-informazzjoni li Dalmine pprovdiet qabel ma ntbagħtet id-DO.

346    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-kalkolu tal-multa

347    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine għandha titnaqqas sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li t-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa stabbilit, f'dan il-każ, għal erba' snin u mhux għal ħames snin.

348    Peress li l-metodu ta' kalkolu ta' l-ammont tal-multa stabbilit fil-linji gwida u li ġie applikat mill-Kummissjoni fil-każ preżenti ma ġiex fih innifsu kkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li dan il-metodu għandu jiġi applikat fid-dawl tal-konklużjoni esposti fil-punt preċedenti.

349    Għalhekk, l-ammont bażiku tal-multa huwa stabbilit għal EUR 10 miljun, miżjud b'10% għal kull sena tal-ksur, jiġifieri 40% b'kollox, li jwassal għaċ-ċifra ta’ EUR 14-il miljun. Dan l-ammont għandu wara dan jitnaqqas b’10% abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti, skond il-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata, u wara b'20% abbażi tal-kkoperazzjoni sabiex jinkiseb ammont definittiv għal Dalmine ta’ EUR 10 080 000 minflok ta' EUR 10 800 000.

 Fuq l-ispejjeż

350    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li f'dan il-każ kull parti tilfet fuq kap wieħed jew aktar, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

Il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) huwa annullat safejn dan jikkonstata l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat f'dan l-Artikolu fil-konfront tar-rikorrenti qabel l-1 ta' Jannar 1991.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2003/382 huwa ffissat għal EUR 10 080 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Forwood

Pirrung

Meij

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Lulju 2004.

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


Werrej

Il-fatti u l-proċedura

1.  Il-proċedura amministrattiva

2.  Il-prodotti in kwistjoni

3.  Il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

4.  Il-fatti essenzjali li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

5.  I-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

6.  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

It-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali matul il-proċedura amministrattiva

Fuq il-legalita’ tal-mistoqsijiet li l-Kummissjoni għamlet matul l-investigazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-elementi ta’ prova invokati

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti elementi ta' prova

Fuq id-dokument kodiċi ta' tqassim

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-proċessi-verbali ta’ l-interrogazzjonijiet tad-Diretturi antiki ta’ Dalmine

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1994

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-aċċess għall-fajl

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq il-motivi li jirrigwardaw il-mertu.

Fuq il-motivi superfluwi tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ksur kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (il-klabb Ewropa-Ġappun)

Fuq l-argumenti li jirrigwardaw l-analiżi tas-suq rilevanti u tal-komportament tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata f'dan is-suq

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Dalmine fil-ksur.

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ksur kontemplat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-klawżoli tal-kuntratt ta' fornitura konkluż bejn Corus u Dalmine

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ akkordju, u l-parteċipazzjoni ta’ Dalmine f#dan l-akkordju

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motivi li jirrigwardaw s-suq rilevanti u r-rabta li teżisti mal-ksur kontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-talba għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha

1.  Fuq il-gravità tal-ksur

Fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti u fuq l-effetti tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-analiżi tal-komportament individwali ta’ l-impriżi u n-nuqqas ta' distinzjoni bejn l-impriżi skond id-daqs tagħhom

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  2. Fuq it-tul ta' żmien tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta' ċerti ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  4. Fuq il-kooperazzjoni ta’ Dalmine matul il-proċedura amministrattiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-kalkolu tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 – Fil-verżjoni maltija din in-nota mhijiex konformi mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.