Language of document : ECLI:EU:T:2004:221

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

8 ta' Lulju 2004 (*)

"Akkordji – Suq ta' tubi u pajpijiet ta' l-azzar mingħajr saldatura – EFTA –Kompetenza tal-Kummissjoni – Ksur – Multi"

Fil-kawżi magħquda T-67/00,T-68/00,T-71/00 u T-78/00,

JFE Engineering Corp., li qabel kienet NKK Corp., stabbilita f'Tokjo (il-Ġappun), inizjalment irrappreżentata minn M. Smith u C. Maguire, solicitors, sussegwentement minn A. Vandencasteele u V. Dehin, avukati, u A.-L. Marmagioli, solicitor, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fil-kawża T-67/00,

Nippon Steel Corp., stabbilita f'Tokjo, irrappreżentata minn J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fil-kawża T-68/00,

JFE Steel Corp., li qabel kienet Kawasaki Steel Corp., stabbilita f'Tokjo, irrappreżentata minn A. Vandencasteele, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fil-kawża T-71/00,

Sumitomo Metal Industries Ltd, stabbilita f'Tokjo, irrappreżentata minn C. Vajda, QC, G. Sproul u F. Weitzman, solicitors, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fil-kawża T-78/00,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Erhart u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn N. Khan, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA, irrappreżentata minn D. Sif Tynes u P. Bjørgan, bħala aġenti,

intervenjenti fil-kawżi T-68/00, T-71/00 u T-78/00,

li għandhom bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta' Diċembru 1999, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 140, p. 1), jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis fl-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-19, 20 u 21 ta' Marzu 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti u l-proċedura

1        Il-kawża preżenti tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta' Diċembru 1999, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 140, p. 1, aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata").

2        Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil tmien impriżi produtturi ta' tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura (aktar 'il quddiem "l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata"). Fost dawn l-impriżi hemm erba' kumpanniji Ewropej (aktar 'il quddiem il-"produtturi Ewropej" jew il-"produtturi Komunitarji"): Mannesmannröhren-Werke AG (aktar 'il quddiem "Mannesmann"), Vallourec SA, Corus UK Ltd (li qabel kienet British Steel plc, imbagħad British Steel Ltd, aktar 'il quddiem "Corus") u Dalmine SpA. L-erba' produtturi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma kumpanniji Ġappuniżi (aktar 'il quddiem "il-produtturi Ġappuniżi" jew "ir-rikorrenti Ġappuniżi"): NKK Corp., Nippon Steel Corp. (aktar 'il quddiem "Nippon"), Kawasaki Steel Corp. u Sumitomo Metal Industries Ltd (aktar 'il quddiem "Sumitomo").

A –  Il-proċedura amministrattiva

3        B'deċiżjoni tas-17 ta' Novembru 1994, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Liberu (EFTA), abbażi ta' l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Nru 94/1/KEFA, KE, tat-13 ta' Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU 1994, L 1, p. 1, aktar 'il quddiem "il-Ftehim ŻEE"), awtorizzat lill-membru tagħha inkarigat mill-kawżi dwar il-kompetizzjoni sabiex jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni fit-territorju tal-Komunità dwar l-eżistenza eventwali ta' prattiċi antikompetittivi dwar it-tubi ta' l-azzar karboniku użati f'operazzjonijiet ta' tħaffir u trasport mill-industrija taż-żejt Norveġiża.

4        B'deċiżjoni mhux ippubblikata tal-25 ta' Novembru 1994 (Każ IV/35/304, aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 1994"), riprodotta fil-paġna 3 tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u adottata fuq il-bażi ġuridika doppja ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962: l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), u tad-deċiżjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tas-17 ta' Novembru 1994, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni. Din l-investigazzjoni kellha teżamina l-prattiċi msemmija fid-deċiżjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tas-17 ta' Novembru 1994, inkwantu dawn il-prattiċi kienu suxxettibbli li jmorru kontra mhux biss l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (aktar 'il quddiem "l-Artikolu 53 ŻEE"), imma wkoll l-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994 lil tmien kumpanniji fosthom Mannesmann, Corus, Vallourec u Sumitomo Deutschland GmbH, kumpannija mill-grupp Sumitomo. Fl-1 u 2 ta' Diċembru 1994, uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri kkonċernati wettqu verifiki għand dawn l-impriżi, abbażi ta' l-imsemmija deċiżjoni.

5        B'deċiżjoni tas-6 ta' Diċembru 1995, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA ikkonstatat li, peress li l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità kien affettwat b'mod sostanzjali bil-każ pendenti quddiemha, dan kien jaqa' taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 56(1)(ċ) tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA ddeċidiet għalhekk li tibgħat dan il-fajl lill-Kummissjoni, u dan b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 23 tal-Ftehim ŻEE. B'effett minn din id-data, il-Kummissjoni tat lill-każ numru ġdid (IV/E-1/35.860).

6        Bejn Settembru 1996 u Diċembru 1997, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet ulterjuri, bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17, fuq Vallourec, Dalmine u Mannesmann. B'mod partikolari, hija investigat lil Vallourec fis-17 ta' Settembru 1996, investigazzjoni li fl-okkażjoni tagħha l-President ta' Vallourec Oil & Gas, is-Sur Verluca, għamel id-dikjarazzjoni riprodotta fil-paġna 6356 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996"), li fuqha l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet xi talbiet għal informazzjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lill-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll lil ċerti impriżi oħra.

7        Peress li Dalmine u l-kumpanniji Arġentini Siderca SAIC (aktar 'il quddiem "Siderca") u Techint Group kienu rrifjutaw li jibagħtu ċerta informazzjoni mitluba, ġiet indirizzata lilhom id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 1997 [C(1997) 3036, IV/35.860, tubi ta' l-azzar, mhux ippubblikata], adottata taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Siderca u Dalmine ppreżentaw rikors għal annullament fil-konfront ta' l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Ir-rikors għal annullament parzjali mressaq minn Dalmine ġie ddikjarat manifestament inammissibbli b'digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ġunju 1998, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T-596/97, Ġabra. p. II-2383), mentri r-rikors għal annullament imressaq minn Siderca ġie mħassar mil-lista, wara li ġie rtirat mill-istess Siderca, b'digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 1998, Siderca vs Il-Kummissjoni (T-8/98, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

8        Mannesmann irrifjutat ukoll li tipproduċi ċerta informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Minkejja l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998 [C(1998) 1204, IV/35.860, tubi ta' l-azzar, mhux ippubblikata], fil-konfront tagħha, taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, Mannesmann ippersistiet f'dan ir-rifjut. Mannesmann ippreżentat ukoll rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra din id-deċiżjoni. B'sentenza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-112/98, Ġabra p. II-729), il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat parzjalment id-deċiżjoni in kwistjoni u mill-bqija ċaħdet ir-rikors.

9        F'Jannar 1999, il-Kummissjoni ħarġet żewġ dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet, li jikkonċernaw, waħda, it-tubi ta' l-azzar karboniku ssaldjati u l-oħra, it-tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura. Hekk hija qasmet il-każ fi tnejn, il-każ IV/E-1/35.860-A dwar it-tubi ta' l-azzar karboniku issaldjati u l-każ IV/E-1/35.860-B dwar it-tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura.

10      Fil-każ dwar it-tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura, il-Kummissjoni indirizzat id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tagħha (aktar 'il quddiem id-"DO") lit-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll lil Siderca u lill-kumpannija Messikana Tubos de Acero de México SA. Dawn l-impriżi kellhom aċċess għall-fajl li l-Kummissjoni fetħet f'dan il-każ bejn il-11 ta' Frar u l-20 ta' April 1999. Barra minn hekk, b'ittri tal-11 ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni bagħtet kopja tad-deċiżjonijiet ta' Novembru 1994 dwar l-investigazzjonijiet li saru fuq l-impriżi li ma kinux destinatarji u li, minħabba dan il-fatt, ma kinux jafu bihom.

11      Wara li d-destinatarji taż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni semgħet lill-istess destinatarji fid-9 ta' Ġunju 1999 fil-każ tat-tubi ta' l-azzar karboniku issaldjati u fl-10 ta' Ġunju 1999 fil-każ tat-tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura. F'Lulju 1999, il-Kummissjoni informat lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet fil-każ IV/E-1/35.860-A, dwar it-tubi ta' l-azzar karboniku issaldjati, li hija kienet abbandunat il-każ marbut ma' dawn il-prodotti. Mill-banda l-oħra, hija kompliet il-każ IV/E-1/35.860-B.

12      Kien f'dan il-kuntest li, fit-8 ta' Diċembru 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

B –  Il-prodotti in kwistjoni

13      Il-prodotti in kwistjoni fil-każ IV/E-1/35.860-B huma t-tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura użati fl-industrija taż-żejt u tal-gass u jinkludu żewġ kategoriji wiesgħa ta' prodotti.

14      L-ewwel kategorija ta' prodotti tinkludi t-tubi ta' tħaffir, magħrufa bħala "Oil Country Tubular Goods" jew "OCTG". Dawn it-tubi jistgħu jinbiegħu jew mingħajr kamin ("tubi lixxi") jew bil-kamin. Il-kamini jippermettu t-tgħaqqid tat-tubi OCTG. Kamin jista' jsir skond l-istandards preskritti mill-American Petroleum Institute (API) (it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa "it-tubi standard OCTG" aktar 'il quddiem) jew skond teknika speċifika, li ġeneralment ikollha privattiva. F'dan l-aħħar każ, wieħed jitkellem dwar kamin jew, jekk ikun il-każ, dwar "joints" "ta' l-aqwa kwalità" jew "premium" (it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa "it-tubi premium OCTG" aktar 'il quddiem).

15      It-tieni kategorija ta' prodotti hija magħmula mill-pajpijiet għat-trasport ta' żejt u gass (aktar 'il quddiem il-"pajpijiet għat-trasport") ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura, li mbagħad jinqasmu, minn banda, f'dawk li huma manifatturati skond normi standardizzati u, mill-banda l-oħra, f'dawk li huma manifatturati tal-qies għal proġetti speċifiċi (aktar 'il quddiem il-"pajpijiet tal-qies għat-trasport").

C –  Il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fl-ewwel lok, li t-tmien impriżi destinatarji ta' din id-deċiżjoni kienu kkonkludew akkordju li kellu, inter alia, l-għan li jkun hemm ħarsien reċiproku tas-swieq nazzjonali tagħhom (premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Ai termini ta' dan l-akkordju, kull impriża kienet ipprojbita milli tbiegħ tubi standard OCTG u pajpijiet tal-qies għat-trasport fuq is-suq nazzjonali ta' xi parti oħra fl-akkordju. L-akkordju kien ġie konkluż fl-ambitu ta' laqgħat bejn produtturi Komunitarji u dawk Ġappuniżi magħrufa bl-isem "klabb Ewropa-Ġappun". Il-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali kien identifikat bl-espressjoni "Regoli Fundamentali" ("Fundamentals"). Sussidjarjament, il-Kummissjoni rrilevat li r-Regoli Fundamentali kienu effettivament ġew osservati u, għaldaqstant, li l-akkordju kellu effetti antikompetittivi fuq is-suq komuni (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni qieset li dan l-akkordju kien jaqa' taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). B'konsegwenza ta' dan, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta' ksur ta' din id-dispożizzjoni u imponiet xi multi fuq it-tmien impriżi destinatarji.

18      Fir-rigward tad-durata tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-klabb Ewropa-Ġappun kien ilu jiltaqa' mill-1977 (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata), is-sena 1990 kellha titqies bħala l-mument li fih beda l-ksur għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, u dan in vista ta' l-eżistenza, bejn l-1977 u l-1990, ta' akkordji ta' awtolimitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun (aktar 'il quddiem l-"akkordji ta' awtolimitazzjoni") (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond il-Kummissjoni, il-ksur waqaf fl-1995 (premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi imposti fuq it-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna minħabba li l-akkordju in kwistjoni kien jikkontempla l-ħarsien tas-swieq nazzjonali u kien għalhekk jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-banda l-oħra, hija rrilevat li l-bejgħ ta' tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura mill-impriżi destinatarji, fl-erba' Stati Membri kkonċernati, kien jammonta biss għal madwar EUR 73 miljun fis-sena. Konsegwentement, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur għas-somma ta' EUR 10 miljun għal kull waħda mit-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn kienu kollha impriżi kbar, il-Kummissjoni ma ħassitx li hija kellha bżonn, minħabba f'hekk, tagħmel xi distinzjoni bejn l-ammonti ffissati (premessi 162, 163 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Peress li dehrilha li l-ksur kien ta' durata medja, il-Kummissjoni applikat żieda ta' 10% għal kull sena ta' parteċipazzjoni fil-ksur fuq l-ammont li kien stabbilit skond il-gravità, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fid-dawl tal-fatt li s-settur tat-tubi ta' l-azzar għadda minn kriżi li damet ħafna u fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ta' dan is-settur bdiet tiddeterjora mill-1991, il-Kummissjoni naqqset l-imsemmija ammonti bażiċi b'10% minħabba ċirkustanzi attenwanti (premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta' 40% ta' l-ammont tal-multa imposta fuq Vallourec, kif ukoll tnaqqis ta' 20% ta' l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine, u dan skond il-punt D 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-każi dwar akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni") u dan sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ impriżi kienu kkooperaw mal-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva (premessi 170 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      L-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni, li jirriżulta mill-kalkolu espost fiż-żewġ punti preċedenti, huwa indikat fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 33 aktar 'il quddiem).

22      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti konklużi bejn il-produtturi Komunitarji dwar il-bejgħ ta' tubi lixxi fuq is-suq britanniku kienu jikkostitwixxu mġiba illegali (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija ma imponietx multa addizzjonali minħabba dan il-ksur peress li l-imsemmija kuntratti kienu wara kollox jikkostitwixxu biss mezz għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali deċiż fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

D –  Il-fatti essenzjali li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

23      Il-klabb Ewropa-Ġappun kien jiltaqa' madwar darbtejn fis-sena bejn l-1977 u l-1994 (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). B'mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, dawn il-laqgħat seħħew b'mod partikolari fl-14 ta' April 1992 f'Firenze, fit-23 ta' Ottubru 1992 f'Tokjo, fid-19 ta' Mejju 1993 f'Pariġi, fil-5 ta' Novembru 1993 f'Tokjo u fis-16 ta' Marzu 1994 f'Cannes. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li n-nota ta' Vallourec intitolata "Quelques informations à l’occasion du club Europe/Japon" (Xi informazzjoni fuq il-klabb Ewropa-Ġappun) ta' l-4 ta' Novembru 1991, riprodotta fil-paġna 4350 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem in-"Nota ta' Informazzjoni") u dik ta' l-24 ta' Lulju 1990, riprodotta fil-paġna 15586 tal-fajl, intitolata "Il-Laqgħa ta' l-24.07.90 ma' British Steel" (aktar 'il quddiem in-"nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90") jippreċiżaw li kienu nżammu wkoll xi laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun bejn l-1989 u l-1991.

24      Il-ftehim milħuq fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun kien ibbażat fuq tliet taqsimiet; l-ewwel taqsima kienet ir-Regoli Fundamentali dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali (imsemmija fil-punt 16 aktar 'il fuq), liema regoli jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni taqsima kienet l-iffissar tal-prezzijiet għas-sejħiet għal offerti u ta' prezzijiet minimi għas-"swieq speċjali" ("special markets") u t-tielet taqsima kienet it-tqassim tas-swieq mondjali l-oħra, bl-esklużjoni tal-Kanada u ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, permezz ta' kodiċi ta' tqassim ("sharing keys") (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali fuq serje ta' indizji dokumentali elenkati fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq it-tabella li tidher fil-premessa 68 ta' l-istess deċiżjoni. Minn din it-tabella jirriżulta li s-sehem tal-produttur nazzjonali fil-konsenji ta' tubi OCTG u ta' pajpijiet għat-trasport effettwati mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata lejn il-Ġappun u fuq is-suq domestiku ta' kull wieħed mill-erba' produtturi Komunitarji kien kbir ħafna. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, in ġenerali, is-swieq nazzjonali kienu effettivament imħarsa mill-partijiet fl-akkordju. Fir-rigward taż-żewġ taqsimiet l-oħra ta' l-akkordju in kwistjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-elementi ta' prova relatati magħhom fil-premessi 70 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Meta, fl-1990, Corus uriet l-intenzjoni tagħha li twaqqaf l-attivitajiet ta' produzzjoni tagħha ta' tubi lixxi, il-produtturi Komunitarji kienu kkonċernati dwar jekk il-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tar-Regoli Fundamentali deskritti aktar 'il fuq kienx ser jibqa' japplika fir-rigward tas-suq tar-Renju Unit. Kien f'dan il-kuntest li Vallourec u Corus ħarġu bl-idea tar-"Regoli Fundamentali mtejba" ("fundamentals improved"), li kienu intiżi sabiex iżommu f'posthom ir-restrizzjonijiet li kellhom il-produtturi Ġappuniżi sabiex jaċċedu għas-suq Britanniku, u dan minkejja l-irtirar ta' Corus mis-suq. Matul Lulju 1990, fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-liċenza għat-teknika ta' kamini VAM, Vallourec u Corus kienu ftehmu sabiex jirriżervaw il-provvista ta' l-istess Corus b'tubi lixxi għal Vallourec, Mannesmann u Dalmine (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      F'April 1991, Corus għalqet il-fabbrika tagħha ta' Clydesdale (Renju-Unit), li kienet responsabbli għal madwar 90% tal-produzzjoni tagħha ta' tubi lixxi. Corus ikkonkludiet għalhekk kuntratti għall-provvista tat-tubi msemmija, għal durata inizjali ta' ħames snin u prorogabbli taċitament bil-kundizzjoni li jingħata avviż tnax-il xahar qabel, ma' Vallourec (fl-24 ta' Lulju 1991), Dalmine (fl-4 ta' Diċembru 1991) u Mannesmann (fid-9 ta' Awwissu 1993) (aktar 'il quddiem "il-kuntratti għall-fornitura"). Skond dawn it-tliet kuntratti, li huma riprodotti fil-paġni 12867, 12910 u 12948 tal-fajl tal-Kummissjoni, kull waħda mill-impriżi benefiċjarji hija allokata kwota ta' provvista fissa li tammonta għal 40%, 30% u 30% rispettivament tal-bżonnijiet ta' Corus (premessi 79 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata), b'esklużjoni tat-tubi ta' dijametru żgħir.

27      Fl-1993, tliet fatturi wasslu għal eżami mill-ġdid tal-prinċipji tal-funzjonament tal-klabb Ewropa-Ġappun. L-ewwel fattur kien ir-ristrutturazzjoni ta' l-industrija Ewropea ta' l-azzar. Fir-Renju Unit, Corus kienet fil-fatt ikkontemplat li twaqqaf l-aħħar attivitajiet ta' produzzjoni tagħha ta' tubi bil-kamin mingħajr saldatura. Fil-Belġju, il-kumpannija New Tubemeuse (aktar 'il quddiem "NTM"), li l-attività tagħha kienet orjentata prinċipalment għall-esportazzjoni lejn il-Lvant Nofsani u l-Lvant Imbiegħed, kienet ġiet illikwidata fil-31 ta' Diċembru 1993. It-tieni fattur kien l-aċċess tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel għas-suq Komunitarju, aċċess li kien qiegħed jhedded li jqajjem mill-ġdid il-kwistjoni tat-tqassim tas-swieq kif kien miftiehem fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun. It-tielet u l-aħħar fattur kien li, fis-suq dinji tat-tubi intiżi għall-użu fl-estrazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass, it-tubi ssaldjati bbenefikaw minn żieda sinifikattiva minkejja li kien għad baqa' differenzi kbar fir-reġjuni (premessi 83 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Kien f'dan il-kuntest li l-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun iltaqgħu f'Tokjo, fil-5 ta' Novembru 1993, sabiex jippruvaw jilħqu ftehim ġdid dwar it-tqassim tas-swieq mal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel. Il-kontenut ta' l-akkordju milħuq f'din l-okkażjoni huwa rifless f'dokument mibgħut lill-Kummissjoni fit-12 ta' Novembru 1997, minn informatur li ma għandux x'jaqsam ma' din il-proċedura, u riprodott fil-paġna 7320 tal-fajl tal-Kummissjoni, li fih b'mod partikolari "kodiċi ta' tqassim" (aktar 'il quddiem "id-dokument Kodiċi ta' tqassim"). Skond l-informatur, dan id-dokument ġie mingħand aġent kummerċjali ta' waħda mill-parteċipanti fil-laqgħa msemmija. Fir-rigward b'mod partikolari tal-konsegwenzi tar-ristrutturazzjoni ta' l-industrija Ewropea, l-għeluq ta' NTM ippermetta lill-produtturi Komunitarji sabiex jiksbu konċessjonijiet mingħand il-produtturi Ġappuniżi u ta' l-Amerika t'Isfel, li kienu l-benefiċjarji prinċipali ta' l-irtirar ta' NTM mis-swieq ta' l-esportazzjoni (premessi 85 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Min-naħa tagħha, Corus ħadet id-deċiżjoni definittiva li twaqqaf l-aħħar attivitajiet ta' produzzjoni tagħha tat-tubi mingħajr saldatura. Fit-22 ta' Frar 1994, Vallourec ħadet taħt il-kontroll tagħha l-impjanti fejn jinħadem il-kamin u tal-produzzjoni tat-tubi ta' Corus u waqqfet, għal dan il-għan, il-kumpannija Tubular Industries Scotland Ltd (aktar 'il quddiem "TISL"). Fil-31 ta' Marzu 1994, TISL daħlet fil-kuntratti għall-fornitura ta' tubi lixxi li Corus kienet ikkonkludiet ma' Dalmine u Mannesmann. Fl-24 ta' April 1997, il-kuntratt konkluż ma' Mannesmann kien għadu fis-seħħ. Fit-30 ta' Marzu 1999, Dalmine rrexxindiet il-kuntratt ta' fornitura ma' TISL (premessi 90 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni tqis li, b'dawn il-kuntratti, il-produtturi Komunitarji attribwew lilhom infushom kwoti ta' fornitura ta' tubi lixxi għas-suq britanniku, li jirrappreżenta aktar min-nofs tal-konsum tal-Komunità ta' tubi OCTG. Hija kkonkludiet għalhekk li dan kien akkordju projbit mill-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE (ara l-punt 22 aktar 'il fuq).

E –  Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

31      Skond l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tmien impriżi destinatarji ta' din l-istess deċiżjoni "[...] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, billi ħadu sehem [...] f'akkordju li jipprovdi, fost oħrajn, għall-ħarsien tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom tat-tubi standard OCTG [...]u l-[pajpijiet tal-qies għat-trasport] mingħajr saldatura".

32      L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-ksur dam mill-1990 sa l-1995 għall-Mannesmann, Vallourec, Dalmine, Sumitomo, Nippon, Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp. Fir-rigward ta' Corus, huwa indikat li l-ksur dam mill-1990 sa Frar 1994.

33      Id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huma redatti kif ġej:

"Artikolu 2

1.      [Mannesmann], Vallourec […], [Corus] u Dalmine […] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, meta, fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, ikkonkludew kuntratti li wasslu għat-tqassim tal-fornituri ta' tubi lixxi OCTG lil [Corus] (Vallourec [...] mis-sena 1994).

2.      Għal [Corus], il-ksur dam mill-24 ta' Lulju 1991 sa Frar 1994. Għal Vallourec [...], il-ksur dam mill-24 ta' Lulju 1991 sat-30 ta' Marzu 1999. Għal Dalmine [...], il-ksur dam mill-4 ta' Diċembru 1991 sat-30 ta' Marzu 1999. Għal [Mannesmann], il-ksur dam mid-9 ta' Awwissu 1993 sa l-24 ta' April 1997.

[...]

Artikolu 4

Il-multi segwenti qegħdin jiġu imposti fuq l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1, u dan minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi artikolu:

(1)      [Mannesmann]                                     EUR 13 500 000

(2)      Vallourec […]                                     EUR 8 100 000

(3)      [Corus]                                              EUR 12 600 000

(4)      Dalmine […]                                     EUR 10 800 000

(5)      Sumitomo […]                                     EUR 13 500 000

(6)      Nippon […]                                     EUR 13 500 000

(7)      Kawasaki Steel Corp. […]                   EUR 13 500 000

(8)      NKK Corp. […]                            EUR 13 500 000

[...]"

F –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

34      Permezz ta' seba' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bejn it-28 ta' Frar u t-3 ta' April 2000, Mannesmann, Corus, Dalmine, NKK Corp., Nippon, Kawasaki u Sumitomo ressqu azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata.

35      Permezz ta' tliet digrieti tat-23 ta' April 2002, ġie ammess l-intervent ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kawżi T-68/00, T-71/00 u T-78/00.

36      B'digriet tat-18 ta' Ġunju 2002, ġie deċiż, wara li nstemgħu l-partijiet, li s-seba' kawżi jingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u li jingħaqdu wkoll l-erba' kawżi fejn ir-rikorrenti huma kumpanniji Ġappuniżi (T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00) għall-finijiet tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Wara li ngħaqdu l-kawżi, ir-rikorrenti kollha fis-seba' kawżi setgħu jikkonsultaw il-fajls kollha relatati ma' din il-proċeduri fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ittieħdu wkoll xi miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura.

37      Wara r-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Waqt is-seduti tad-19, 20 u 21 ta' Marzu 2003, instemgħu t-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim'Istanza, inklużi dawk ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA bħala intervenjenti fil-kawżi T-68/00, T-71/00 u T-78/00.

 It-talbiet tal-partijiet

38      Fil-kawża T-67/00, NKK Corp. titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu tikkonċernaha;

–        tannulla l-multa li ġiet imposta lilha;

–        sussidjarjament, f'każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata in toto jew in parte, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż inkorsi minnha fil-proċedura preżenti;

–        tordna kwalunkwe miżura oħra li tista' tirriżulta neċessarja sabiex tagħti effett lis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

39      Fil-kawża T-68/00, Nippon titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu tikkonċernaha;

–        tannulla jew ta' l-inqas tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż.

40      Fil-kawża T-71/00, Kawasaki Steel Corp. titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż tal-proċedura.

41      Fil-kawża T-78/00, Sumitomo titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dawn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dan jimponilha multa ta' EUR 13.5 miljun, u tiffissa multa sostanzjalment iżgħar;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż.

42      F'kull waħda mill-erba' kawżi, il-Kummissjojni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-impatt tal-konċentrazzjoni bejn Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp.

43      Permezz ta' ittri separati tad-9 ta' Mejju 2003, NKK Corp. u Kawasaki Steel Corp. informaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li, fl-ambitu ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni li taffettwa ż-żewġ gruppi li tagħhom huma jifformaw parti, huma biddlu isimhom għal JFE Steel Corp. Fid-dawl tad-dokumenti annessi ma' l-ittri tagħhom sabiex juru dan it-tibdil fl-isem, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza talab lil dawn iż-żewġ rikorrenti u kif ukoll lill-Kummissjoni sabiex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-imsemmija operazzjoni ta' konċentrazzjoni. Ir-risposti ngħataw permezz ta' ittri ta' kull waħda mir-rikorrenti datati 11 ta' Settembru 2003 u tal-Kummissjoni datata 22 ta' Settembru 2003.

44      Minn dawn id-dokumenti u risposti jirriżulta li Kawasaki Steel Corp. biddlet isimha u saret JFE Steel Corp. Mill-banda l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li NKK Corp biddlet isimha sabiex tiġi JFE Engineering Corp. Madankollu, fl-ittri rispettivi tagħhom tal-11 ta' Settembru 2003, dawn iż-żewġ rikorrenti affermaw li d-drittijiet u l-obbligi marbuta ma' l-industrija ta' l-azzar ta' NKK Corp. kienu ġew trasferiti lil JFE Steel Corp.

45      Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-qrati Komunitarji jistgħu ċertament jirrikonoxxu bdil ta' l-isem ta' parti fil-proċeduri.

46      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li azzjoni għall-annullament mibdija mid-destinatarja ta' att tista' titkompla mill-aventi kawża b'titolu universali tagħha, partikolarment fil-każ ta' mewt ta' persuna fiżika jew fil-każ li persuna morali ma tibqax teżisti filwaqt li d-drittijiet u l-obbligi tagħha kollha jiġu trasferiti lil titulari oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Ottubru 1983, Gutmann vs Il-Kummissjoni, 92/82, Ġabra p. 3127, punt 2, u tat-23 ta' April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punti 13 sa 18). Għandu jiġi kkonstatat li, f'sitwazzjoni bħal din, l-aventi kawża b'titolu universali hija neċessarjament sostitwita ipso iure flok il-predeċessur tagħha bħala destinatarja ta' l-att impunjat.

47      Mill-banda l-oħra, il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti la fil-kuntest ta' rikors għal annullament mressaq taħt l-Artikolu 230 KE, u lanqas fl-eżerċizzju tal-kompetenza assoluta tagħha taħt l-Artikolu 229 KE fir-rigward tas-sanzjonijiet, sabiex tirriforma d-deċiżjoni ta' istituzzjoni Komunitarja billi tissostitwixxi d-destinatarja ta' l-istess deċiżjoni b'persuna fiżika jew morali oħra filwaqt li l-imsemmija destinatarja tkun għadha teżisti. Din il-kompetenza tappartjeni a priori lil dik l-istituzzjoni biss li tkun adottat id-deċiżjoni in kwistjoni. B'hekk, ġaladarba l-istituzzjoni kompetenti tadotta deċiżjoni u, għaldaqstant, tkun iddeterminat l-identità tal-persuna li lilha għandha tiġi inidirizzata l-imsemmija deċiżjoni, mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tissostitwixxi persuna oħra flokha.

48      Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll li r-rikors introdott minn persuna bħala destinatarja ta' att sabiex tirreklama d-drittijiet tagħha fil-kuntest ta' talba għal annullament skond l-Artikolu 230 KE u/jew ta' talba għal riforma skond l-Artikolu 229 KE ma jistax jiġi trasferit lil terza persuna li mhijiex id-destinatarja ta' l-att. Fil-fatt, li kieku trasferiment bħal dan kellu jiġi permess, kien ikun hemm diskrepanza bejn il-kwalità li abbażi tagħha jkun tressaq ir-rikors u l-kwalità li abbażi tagħha huwa intenzjonat li jiġi segwit ir-rikors. Barra minn hekk, trasferiment bħal dan jagħti lok għal diskrepanza bejn l-identità tad-destinatarja ta' l-att u dik tal-persuna li tkun qiegħda taġixxi ġudizzjarjament fil-kwalità ta' destinatarja.

49      Jeħtieġ li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm redatta u ppubblikata fil-forma ta' deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala serje ta' deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw, fir-rigward ta' kull waħda mill-impriżi destinatarji, il-vjolazzjoni jew il-vjolazzjonijiet ikkonstatati fir-rigward tagħha u jimponulha, jekk ikun il-każ, multa. Din ir-regola toħroġ minn qari tas-sentenza kollha tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1997, AssiDomän Kraft Products et vs Il-Kummissjoni (T-227/95, Gabra p. II-1185, punt 56) u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija fl-appell, ta' l-14 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C-310/97 P, Gabra p. I-5363, punt 49). Għaldaqstant, f'dan il-każ, NKK Corp. kienet u tibqa' l-unika destinatarja tad-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha peress li Kawasaki Steel Corp. hija d-destinatarja ta' deċiżjoni ġuridikament distinta li tinsab fl-istess att.

50      Fl-aħħar nett, huwa minnu li l-persuna li ssir responsabbli għall-ġestjoni ta' impriża tista', fl-istadju tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, tassumi, permezz ta' dikjarazzjoni f'dan is-sens, ir-responsabbiltà għall-fatti allegati fil-konfront tal-persuna verament responsabbli, anke jekk, fil-prinċipju, hija l-persuna fiżika jew morali li kienet tiġġestixxi l-impriża in kwistjoni fil-mument li fih twettaq il-ksur li għandha tirrispondi għal dan il-ksur (ara f'dan is-sens, anke jekk għadha taħt appell, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Tyhssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punti 57 u 62). Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 46 sa 49 aktar 'il fuq jirriżulta li dikjarazzjoni bħal din ma jistax ikollha l-effett li tbiddel l-identità tad-destinatarja ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni ġaladarba din tkun ittieħdet, u lanqas dik tar-rikorrenti f'azzjoni għal annullament kontra deċiżjoni bħal din ġaladarba din tkun inbdiet.

51      F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tittieħed nota tal-bdil fl-isem ta' Kawasaki Steel Corp. għal JFE Steel Corp. kif ukoll tal-fatt li NKK Corp. sar jisimha JFE Engineering Corp. Madankollu, m'hemmx lok li JFE Engineering Corp. tiġi sostitwita b'JFE Steel Corp. fil-kawża T-67/00, huma x'inhuma l-effetti taħt id-dritt Ġappuniż tal-ftehim ta' għaqda konkluż minn dawn iż-żewġ kumpanniji. Għaldaqstant, JFE Steel Corp. (aktar 'il quddiem "JFE-Kawasaki") tibqa' r-rikorrenti fil-kawża T-71/00, u JFE Engineering Corp (aktar 'il quddiem "JFE-NKK") tibqa' r-rikorrenti fil-kawża T-67/00.

 Fuq id-dritt

A –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha

52      Ir-rikorrenti Ġappuniżi jqajmu tlettax-il motiv distint li uħud minnhom huma komuni għalihom kollha jew għal diversi minnhom.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

53      Dan il-motiv tqajjem mill-erba' rikorrenti Ġappuniżi.

a)     L-argumenti tal-partijiet

54      Preliminarjament, ir-rikorrenti Ġappuniżi jagħmlu xi osservazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-prova ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. Fir-rigward tal-mertu, il-motiv jinqasam fi tliet partijiet.

55      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu, minn banda, li n-nuqqas ta' importazzjonijiet mill-Ġappun fis-swieq Ewropej "terrestri" (aktar 'il quddiem is-"swieq onshore" huwa dovut għal kunsiderazzjonijiet kummerċjali oġġettivi u, mill-banda l-oħra, li l-eżistenza ta' l-allegat akkordju hija inkompatibbli mal-konsenji sinjifikattivi tal-prodotti kkonċernati li huma għamlu fis-suq taż-żona tal-blata kontinentali tal-baħar tat-Tramuntana sfruttat mir-Renju Unit (aktar 'il quddiem, is-"suq offshore tar-Renju Unit" jew is-"suq offshore Britanniku") b'tali mod li l-ksur allegat fil-konfront tar-rikorrenti Ġappuniżi ma setax jipproduċi effetti antikompetittivi fi kwalunkwe każ. Fit-tieni lok, l-elementi ta' prova miġbura mill-Kummissjoni ma jipprovawx la l-eżistenza ta' l-allegat akkordju u lanqas, jekk wieħed jissupponi l-eżistenza tiegħu, il-parteċipazzjoni ta' kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi fl-imsemmi akkordju. Fit-tielet lok, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni ta' l-obbjettivi tal-kuntratti għall-fornitura ta' tubi lixxi konklużi mill-produtturi Ewropej, li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija inkoerenti. Din l-analiżi tikkonferma wkoll in-natura infondata tat-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti Ġappuniżi fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Osservazzjonijiet preliminari

56      Sumitomo u JFE-NKK jsostnu, minn banda, li l-oneru tal-prova ta' l-elementi kollha kostitwenti tal-ksur jaqa' fuq il-Kummissjoni (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, 1914; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, u tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 86). Għaldaqstant, jekk ikun hemm xi dubju, huma l-impriżi akkużati li pparteċipaw fi ksur li jibbenefikaw minnu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni , 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 203, 304, 359 u 363, u ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265; konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf li kien serva ta' Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, II-869, II-954). Konsegwentement, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li hija tallega f'livell li ma jħalli l-ebda dubju raġjonevoli (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Darmon fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1993, Ahlstöm Osakeytiö et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Woodpulp II", C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, I-1445, punt 195). Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed għal rikorrenti li turi li hemm inċertezza fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, p. 1931).

57      Mill-banda l-oħra, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' ksur, ikun meħtieġ, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, li l-Kummissjoni ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni ferma li dan il-ksur ikun twettaq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 127; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T-68/89, T-77/89 u T-78/89, Ġabra p. II-1403, partikolarment il-punti 193 sa 195, 198 sa 202, 205 sa 210, 220 sa 232, 249 sa 250 u 322 sa 328, u tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punti 43 u 72). Dawn il-provi għandhom ikunu tali li jippermettu, b'mod partikolari, li jiġi stabbilit li l-allegat ksur jikkostitwixxi restrizzjoni rilevanti tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE. Dan ir-rekwiżit ma jkunx sodisfatt, inter alia, jekk ikun possibbli li wieħed isib spjegazzjoni plawsibbli li teskludi l-eżistenza ta' vjolazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (sentenza CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 16 et seq; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T-185/96, T-189/96 u T-190/96, Ġabra p. II-93, punt 47, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq).

58      Barra minn hekk, il-provi miġjuba għandhom jissodisfaw il-kriterji ta' preċiżjoni u ta' konkordanza msemmija aktar 'il fuq inkwantu jikkonċernaw kull element tal-ksur ikkonstatat, partikolarment l-identità tal-partijiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur (sentenzi Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 69, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 87; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II-813, punt 121), il-prodotti jew servizzi kkonċernati (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punti 301 sa 304, u s-sentenza SIV et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, punti 175 sa 194 u 324), ir-restrizzjonijiet miftehma bejn il-partijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T-337/94, Ġabra p. II-1571, punti 102 sa 150) u d-durata tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 79, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, punt 188). B'mod aktar speċifiku, fir-rigward tad-durata tal-ksur, ikun meħtieġ li jinġiebu provi diretti jew provi li jkunu suffiċjentement viċini fiż-żmien, jiġifieri provi kontemporanji.

59      JFE-NKK issostni, b'mod partikolari li, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni (T-348/94, Ġabra p. II-1875, punti 160 sa 171), il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq provi konkreti u mhux tikkuntenta ruħha b'sempliċi affermazzjonijiet dwar il-kontenut u l-iskop tal-laqgħat li fihom ikunu pparteċipaw il-partijiet fl-allegat akkordju.

60      Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-fatt li r-rikorrenti Ġappuniżi jqajmu argumenti li jpoġġu l-fatti stabbiliti minnha f'dawl differenti ma jistax iwassalhom sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-argumenti mressqa minn JFE-NKK f'dan ir-rigward, ibbażati b'mod partikolari fuq is-sentenzi CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, u Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq (punti 126 u 127), mhumiex applikabbli ħlief meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun ibbażata unikament fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jkunux jistgħu jiġu spjegati jekk mhux minħabba azzjoni miftiehma bejn l-impriżi. Issa, dan mhuwiex il-każ f' dan il-każ.

61      F'dak li jikkonċerna l-argument li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-ksur li hija tallega f'livell li ma jħalli l-ebda dubju raġjonevoli, il-Kummissjoni tirrileva li dan l-argument mhuwiex fondat. Ikun opportun li jiġi nnotat, b'mod partikolari, li, fis-sentenza Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, l-interpretazzjoni f'dan is-sens tal-kunċett ta' provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti, proposta mill-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu f'din is-sentenza, iċċitati f'punt 56 aktar 'il fuq, ma ġietx aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschaapij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "PVC II" (T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931), il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreferiet tistabbilixxi b'mod globali jekk il-provi invokati f'dik il-kawża kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur in kwistjoni. B'mod aktar speċifiku, fir-rigward tad-durata tal-ksur, il-preċiżjoni u l-konkordanza tal-provi mhumiex rikjesti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur, iżda jservu biss sabiex jiġi stabbilit il-livell safejn l-ammont tal-multa jkun irid jiġi adattat għal din id-durata. Fi kwalunkwe każ, id-data preċiża tal-bidu tal-ksur hija irrilevanti fil-każ preżenti, sakemm hija data qabel l-1990, peress li l-Kummissjoni, għall-finijiet ta' l-iffissar tal-multa, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ksur ħlief minn din id-data.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà bejn l-eżistenza ta' l-allegat akkordju u s-sitwazzjoni eżistenti fuq is-suq offshore Britanniku u fuq is-swieq l-oħra Ewropej

62      Ir-rikorrenti Ġappuniżi sostanzjalment jallegaw li l-eżistenza ta' ostakoli għall-kummerċ tikkostitwixxi spjegazzjoni alternattiva kredibbli għan-nuqqas ta' bejgħ Ġappuniż fuq is-swieq Ewropej għal dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti kkontemplati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, peress li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li dan in-nuqqas ta' bejgħ jista jiġi spjegat biss permezz ta' azzjoni miftiehma bejn il-partijiet fl-allegat akkordju, jeħtieġ li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat skond ir-raġunament adottat fis-sentenzi CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq (punt 16), Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq (punti 126 u 127), u PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq (punt 725).

63      Skond ir-rikorrenti, hemm kontradizzjoni essenzjali bejn l-allegazzjoni li l-produtturi Ġappuniżi kienu parti minn akkordju li permezz tiegħu ntrabtu li jastjenu milli jfornu lis-swieq Ewropej u l-imġiba attwali tagħhom fuq dawn is-swieq. Fil-fatt, bil-kontra ta' dak li tippretendi l-Kummissjoni, minn eżami tax-xeħtiet tal-kummerċ bejn il-Ġappun u l-Ewropa jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi kienu jikkompetu vigorożament mal-produtturi Ewropej fuq is-swieq offshore, b'mod partikolari dawk tar-Renju Unit u tan-Norveġja, liema swieq flimkien jiffurmaw l-uniku suq importanti f'għajnejn il-produtturi Ġappuniżi, u dan għal raġunijiet oġġettivi ta' natura kummerċjali. Barra minn hekk, id-domanda fuq is-suq offshore Britanniku tikkonċerna essenzjalment it-tubi premium OCTG u mhux it-tubi standard OCTG ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata. Minn ta' l-inqas, il-Kummissjoni wettqet żball ta' apprezzament u ta' klassifikazzjoni tal-fatti meta, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li kien hemm ksur kemm fuq is-swieq offshore Ewropej u kif ukoll fuq is-swieq onshore Ewropej.

64      F'dan ir-rigward, Nippon tistaqsi jekk huwiex konċepibbli li l-produtturi Ġappuniżi onoraw akkordju li sar mal-produtturi Ewropej li kien jimpedihom milli jbiegħu l-prodotti tagħhom fuq is-swieq Ewropej, fid-dawl taċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt preċedenti. JFE-Kawasaki u Sumitomo jirrilevaw li, skond it-tabella riprodotta fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq ta' kull produttur nazzjonali fir-rigward tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport fuq is-suq domestiku tiegħu qatt ma laħaq il-100%. Fuq is-suq tar-Renju Unit, b'mod partikolari, l-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti kienet bejn is-16% u t-22%. B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li din is-sitwazzjoni ssib spjegazzjoni fl-istatus partikolari tas-suq tar-Renju Unit, li huwa kkunsidrat mir-Regoli Fundamentali bħala semi-protett (peress li jibbenefika minn protezzjoni limitata), JFE-NKK twieġeb li s-suq Franċiż, li ma kellux l-istess status, ibbenefika minn protezzjoni anqas effikaċi fl-1991 u indaqs fl-1994, kif joħroġ mit-tabella msemmija aktar 'il fuq. Peress li l-produtturi Ġappuniżi ma biegħu ebda prodott minn dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata fuq ċerti swieq Ewropej matul ċerti snin fil-perijodu tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni, JFE-NKK tikkunsidra li din iċ-ċirkustanza tista' ssib spjegazzjoni, b'mod partikolari, fil-varjazzjonijiet fil-bejgħ ta' dawn il-prodotti, u dan peress li l-konsum ta' l-istess prodotti jiddependi ħafna fuq l-attivitajiet fis-setturi taż-żejt u tal-gass.

65      Sumitomo tirrikonoxxi espressament li l-argumenti li hija tressaq fir-rigward ta' l-effetti ta' l-akkordju in kwistjoni huma rilevanti fl-ambitu ta' dan il-motiv biss jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi l-eżistenza tal-ksur abbażi tal-provi dokumentali invokati fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tirrileva, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq l-għan ta' l-akkordju u, sussidjarjament biss, fuq l-effetti tiegħu.

66      Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-punt 1088 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Cement" (T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T 34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra. p. II-491), li ksur ikun partikolarment gravi jekk ikun jikkonsisti fi ftehim intiż li jelimina l-kompetizzjoni f'suq fejn l-istess kompetizzjoni tkun diġà limitata ħafna, JFE-Kawasaki tirrileva li ċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti huma bil-wisq differenti mill-fatti li wasslu għal dik is-sentenza. Fil-kawża preżenti, kienet teżisti kompetizzjoni qawwija ġewwa l-Ewropa, ta' l-inqas fuq il-pjan strutturali, minħabba l-preżenza ta' erba' produtturi Komunitarji kbar, fatt li jimplika li kull kompetizzjoni Ġappuniża potenzjali kienet negliġibbli. Għall-kuntrarju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Cement, iċċitata aktar 'il fuq, kienu jeżistu serje ta' monopolji ġeografiċi magħluqa.

67      JFE-Kawasaki ssostni li, skond il-premessi 61 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha, ir-Regoli Fundamentali ma jikkonċernawx is-suq offshore tar-Renju Unit, u lanqas is-swieq l-oħra offshore Komunitarji. B'mod partikolari, mill-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-Regoli Fundamentali jirregolaw is-sitwazzjoni eżistenti fuq is-swieq domestiċi, fejn is-suq offshore tar-Renju Unit, min-naħa tiegħu, jibbenefika minn status partikolari magħruf bħala "semi-protett" jew bħala "protezzjoni limitata". L-affermazzjoni magħmula fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata li l-partijiet fl-akkordju kellhom jastjenu milli jfornu t-tubi in kwistjoni fuq is-swieq nazzjonali, hija inkompatibbli ma' l-istatus ibridu attribwit lis-suq offshore tar-Renju Unit mill-premessa 62.

68      Il-konsenji ta' tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura provenjenti mill-Ġappun u destinati għas-suq offshore tar-Renju Unit huma kkaratterizzati mid-durata tagħhom u mill-importanza tagħhom. F'dan ir-rigward, Nippon tistrieħ partikolarment fuq it-tabella li tinsab fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha joħroġ li r-rikorrenti Ġappuniżi biegħu kwantitajiet sostanzjali ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fuq is-suq tar-Renju Unit. Il-fatt li dawn iċ-ċifri jikkonċernaw it-tubi kollha ta' l-azzar, u mhux biss dawn ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata, ma jaffettwax ir-rilevanza tagħhom u jirriżulta mill-fatt li dawn il-produtturi fornew il-blata kontinentali tar-Renju Unit b'diversi tipi ta' tubi, jiġifieri t-tubi standard OCTG, il-pajpijiet għat-trasport u t-tubi premium OCTG. Nippon tagħmel referenza wkoll għal-livelli ta' esportazzjonijiet indikati mill-awtoritajiet doganali Ġappuniżi għas-snin 1988 sa 1996 u għall-istatistiċi li ngħataw mill-assoċjazzjoni Ġappuniża ta' l-esportaturi ta' l-industrija ta' l-azzar għas-snin 1977 sa 1987, li jikkonfermaw l-eżistenza ta' kompetizzjoni bħal din. Sumitomo ssostni wkoll li l-bejgħ tat-tubi tagħha fuq is-swieq tal-Komunità Ewropea, partikolarment fis-suq tal-blata kontinentali tar-Renju Unit, kien sinjifikattiv u ġġib provi in sostenn ta' din l-affermazzjoni. Hija tikkontesta, b'mod partikolari, l-użu taċ-ċifra ta' 230 000 tunnellata, imressqa mill-Kummissjoni, għall-bejgħ annwali medju tal-pajpijiet għat-trasport magħmul mill-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun fuq is-swieq Komunitarji kkontemplati. Il-bejgħ magħmul mill-membri kollha tal-klabb jammonta għal 71 000 tunnellata ta' pajpijiet għat-trasport fis-sena. JFE-NKK tirreferi, min-naħa tagħha, għaċ-ċifri dettaljati li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, b'risposta għal talba għal aktar informazzjoni mill-istess Kummissjoni, u li minnhom jirriżulta li hija bl-ebda mod ma astjeniet milli tbiegħ it-tubi tagħha fuq is-swieq Ewropej matul il-perijodu tal-ksur ikkonstatat. JFE-Kawasaki ssostni li, għalkemm il-bejgħ tagħha fuq is-swieq Ewropej kollha baqgħu minimi, hija kienet madankollu għamlet sforzi kbar sabiex tagħmilhom, partikolarment fuq is-suq offshore tar-Renju Unit.

69      Barra minn hekk, l-eżistenza ta' kompetizzjoni vigoruża min-naħa tal-produtturi Ġappuniżi, partikolarment fuq is-suq tar-Renju Unit, ġiet stabbilita espressament bl-elementi ta' prova dokumentali miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha tal-produtturi Ewropej. B'mod partikolari, id-dokument, riprodott fil-paġna 4902 tal-fajl tal-Kummissjoni, intitolat "Nota għall-Presidenti" ("Paper for Presidents") jirreferi għall-"aggressività attwali tal-[Ġappuniżi] fir-rigward tat-[tubi] OCTG" u l-ħames noti ta' Vallourec – jiġifieri dik tat-23 ta' Marzu 1990, riprodotta fil-paġna 15622 ta' l-imsemmi fajl, intitolata "Réflexions concernant le renouvellement du contrat VAM" (aktar 'il quddiem in-"nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM"), dik tat-2 ta' Mejju 1990, riprodotta fil-paġna 15610 tal-fajl, intitolata "Réflexions stratégiques concernant les relations de VLR" (aktar 'il quddiem in-"nota Riflessjonijiet strateġiċi"), dik ta' l-1 ta' Ġunju 1990, riprodotta fil-paġna 15591 tal-fajl, intitolata "Renouvellement du contrat VAM BSC" (aktar 'il quddiem in-"nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM BSC"), in-nota tal-laqgħa ta' l-24.7.90 u, fl-aħħar nett, in-nota riprodotta fil-paġna 15596 tal-fajl, mhux datata, intitolata "Entretien BSC" (aktar 'il quddiem in-"nota dwar il-laqgħa ma' BSC) – jikkonfermaw kollha kemm huma li Vallourec kienet tikkunsidra li l-bejgħ tal-produtturi Ġappuniżi fuq is-suq offshore tar-Renju Unit kien inkwetanti ħafna. Bl-istess mod, fax ta' Mannesmann tas-16 ta' Awwissu 1993, riprodotta fil-paġna 2493 tal-fajl tal-Kummissjoni, tirreferi għall-kompetizzjoni Ġappuniża fuq il-prezzijiet li kienet qiegħda tagħmilha inutli għal Mannesmann li tissottometti l-offerta tagħha għal ċerti sejħiet għal offerti.

70      Barra minn hekk, jirriżulta, minn banda, mill-ittra tas-6 ta' Ġunju 1994, indirizzata mill-Kumitat ta' Kollegament ta' l-Industrija tat-Tubi ta' l-Azzar tal-Komunità Ewropea lill-Kummissjoni, riprodotta fil-paġna 5243 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem l-"ittra tal-Kumitat ta' Kollegament tas-6 ta' Ġunju 1994") u, mill-banda l-oħra, mill-minuti ta' l-24 ta' Awwissu 1994 tal-laqgħa ta' l-imsemmi Kumitat ta' Kollegament, riprodotti fil-paġna 5103 tal-fajl tal-Kummissjoni, li l-produtturi Ewropej kienu jikkunsidraw li l-impriżi Ġappuniżi kienu kompetituri aggressivi u li l-bejgħ sostanzjali tagħhom kien jikkostitwixxi theddida għall-pożizzjoni tagħhom fuq is-swieq offshore ta' l-Istati Membri tal-Komunità. Il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Kollegament ta' l-24 ta' Awwissu 1994 juru wkoll li l-ishma mis-suq tal-produtturi Ġappuniżi għolew għal 25% fuq is-swieq offshore tal-Komunità u tal-gżejjer Faroe għall-prodotti OCTG ta' kull tip ta' azzar, u għal 34% fuq is-swieq offshore tal-Komunità u tan-Norveġja għall-prodotti OCTG ta' l-azzar karboniku. Sumitomo tinvoka wkoll, in sostenn tal-pretensjoni tagħha dwar ir-rilevanza ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun, fax ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tubi ta' l-Azzar (li qabel kienet il-Kumitat ta' Kollegament ta' l-Industrija tat-Tubi ta' l-Azzar tal-Komunità Ewropea) tal-5 ta' Ottubru 1994, riprodotta fil-paġna 4723, kif ukoll abbozz ta' ittra mhux datata indirizzata lis-Sur Large, aġent tal-Kummissjoni, riprodott fil-paġna 4725 tal-fajl tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet tal-produtturi Ewropej – partikolarment ir-risposti ta' Dalmine, tad-29 ta' Mejju 1997, għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, riprodotti fil-paġna 15162 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem ir-"risposti ta' Dalmine tad-29 ta' Mejju 1997") u dawk ta' Corus, tat-13 ta' Awwissu 1997, riprodotti fil-paġna 11916 tal-fajl (aktar 'il quddiem ir-"risposti ta' Corus") – jikkonfermaw din it-teżi. Ir-risposti ta' Corus jixhdu partikolarment il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi kienu jimmiraw għas-suq offshore tar-Renju Unit. Nippon tenfasizza li, skond id-dokument "g) Japanese" [aktar 'il quddiem id-dokument "g) Ġappuniż"], riprodott fil-paġna 4909 tal-fajl tal-Kummissjoni u redatt minn waħda mill-impriżi Ewropej, "Nippon [...] b'mod partikolari [saret] dejjem aktar aggressiva fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit."

71      Skond il-produtturi Ġappuniżi, il-fatt li, fuq is-suq offshore tar-Renju Unit, huma biegħu kwantità sostanzjali ta' tubi ta' l-azzar, partikolarment tubi premium OCTG u pajpijiet tal-qies għat-trasport, mingħajr ma biegħu kwantitajiet sinjifikattivi ta' dawn il-prodotti fuq is-swieq onshore ta' l-Istati Membri tal-Komunità, kien perfettament loġiku u kompatibbli ma' l-ineżistenza ta' l-allegat akkordju, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. B'mod partikolari, dawn il-prodotti, inkwantu huma destinati għall-użu offshore, huma ta' kwalità għolja u għoljin ħafna. Barra minn hekk, huwa aktar faċli għall-produtturi barranin, in ġenerali, li jikkompetu mal-produtturi lokali għal prodotti speċjali, bħalma huma t-tubi premium OCTG milli fir-rigward tal-prodotti standard, bħalma huma t-tubi OCTG bil-kamin standard.

72      Barra minn hekk, il-blata kontinentali tal-baħar tat-Tramuntana, partikolarment is-suq offshore tar-Renju Unit, tifforma l-akbar parti tas-suq Ewropew fejn jidħlu t-tubi ta' l-azzar, kif juri d-dokument "g) Ġappuniż". Minn dan isegwi li s-swieq Komunitarji onshore għal dawn il-prodotti huma relattivament limitati. Għaldaqstant, ma jidhirx li huma jirrendu ħafna. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni eżistenti fuq is-suq offshore Britanniku huma bil-wisq differenti minn dawk eżistenti fuq is-swieq onshore tal-Komunità. Fil-fatt, il-bejgħ Ġappuniż fuq dawn is-swieq ta' l-aħħar huwa żvantaġġat minħabba l-effett kumulattiv ta' numru ta' ostakoli kummerċjali li l-parti l-kbira tagħhom ma jeżistux fuq is-suq offshore Britanniku. Il-Kummissjoni ma ħadithomx in kunsiderazzjoni billi naqset milli tagħmel distinzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bejn is-swieq offshore u s-swieq onshore. Issa, Nippon issostni li s-swieq onshore kienu prattikament magħluqa għall-produtturi Ġappuniżi minħabba dawn l-ostakoli, ta' l-anqas meta meħudin flimkien. Dan il-fatt huwa kkonfermat, skond Sumitomo, f'dak li jikkonċerna t-tubi standard OCTG, bl-ittra ta' kumpannija li kienet tixtri dat-tip ta' prodotti u li affermat li xi produtturi Ġappuniżi kienu offrewlha li jbiegħulha minnhom, imma bi prezz li ma kienx attraenti u li ż-żmien meħtieġ sabiex issir il-konsenja kien itwal minn dak mogħti mill-produtturi Ewropej. Skond Sumitomo, ir-referenza għall-fornituri Ġappuniżi fis-sit internet ta' l-istess kumpannija, invokata mill-Kummissjoni, kienet tikkonċerna t-tubi premium OCTG u mhux tubi standard OCTG.

73      F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ostakoli għall-importazzjonijiet ta' tubi mill-Ġappun fil-Komunità Ewropea, ir-rikorrenti Ġappuniżi jikkunsidraw, primarjament, li l-politika kummerċjali tradizzjonali tal-Komunità, li kienet intiża sabiex tipproteġi s-swieq Ewropej permezz, partikolarment, ta' akkordji ta' awtolimitazzjoni konklużi bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Ġappuniż, tikkostitwixxi ostakolu tali. L-għan essenzjali ta' din il-politika kien li jinżammu x-xeħtiet ta' kummerċ eżistenti. F'dan il-każ, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li huma ma esportawx tubi mingħajr saldatura lejn is-swieq onshore tal-Komunità fiż-żmien meta dawn l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu fis-seħħ, jew li huma għamlu dan fi kwantitajiet żgħar ħafna biss, u li konsegwentement din il-politika kienet tiskoraġġihom milli jesportaw il-prodotti tagħhom lejn dawn is-swieq.

74      Fil-prattika, l-ewwel akkordju ta' awtolimitazzjoni li jirrigwarda t-tubi ta' l-azzar intlaħaq f'Marzu 1978. L-aħħar akkordju li ġedded l-obbligi ta' awtolimitazzjoni, milħuq f'Diċembru 1989, baqa' fis-seħħ sa l-aħħar tas-sena 1990. Il-Kummissjoni nnifisha affermat, fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-akkordji skoraġġixxew lill-produtturi Ġappuniżi milli jesportaw it-tubi ta' l-azzar tagħhom fl-Ewropa qabel l-1990. Minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà stess li jkun hemm konverġenża ta' intenzjonijiet suffiċjenti fis-sens tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 262) u Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punt 917), kienet eskluża, fir-rigward tar-rikorrenti Ġappuniżi, matul il-perijodu li fih kienu fis-seħħ l-akkordji ta' awtolimitazzjoni. JFE-NKK iżżid li kienet il-Kummissjoni stess li inkoraġġixxiet lill-produtturi Ġappuniżi sabiex jadottaw il-politika kummerċjali li hija qiegħda takkużahom biha fil-preżent, minkejja li hija ma ġabitx il-prova tad-data li fiha ntemmu l-akkordji ta' awtolimitazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti Ġappuniżi jibbażaw irwieħhom fuq l-akkordji ta' awtolimitazzjoni sabiex jiġġustifikaw it-talbiet tagħhom għal tnaqqis tal-multi (ara l-punti 136 et seq u 511 sa 513 aktar 'il quddiem).

75      Fit-tieni lok, il-produtturi Ġappuniżi ta' tubi ta' l-azzar kienu skoraġġiti milli jesportaw lejn is-swieq onshore tal-Komunità tat-tubi ta' l-azzar karboniku mingħajr saldatura peress li huma kellhom jaffrontaw dazji doganali sostanzjali skond it-tariffa doganali komuni. Bejn l-1977 u 1994, id-dazji doganali imposti fuq l-importazzjoni tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fuq is-swieq onshore tal-Komunità ma kienu qatt anqas minn 9%. L-affermazzjoni magħmula fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni dan il-fattur, ma twassal bl-ebda mod sabiex wieħed jifhem ir-raġuni għalxiex, skond il-Kummissjoni, dan il-fatt ma setax jiġi kkunsidrat bħala ostakolu għall-bejgħ Ġappuniż. Sumitomo ssostni, f'dan ir-rigward, li l-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, fil-kuntest tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati, kienu soġġetti għal dazji doganali iżgħar. Bl-istess mod, matul il-perijodu tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni, diversi ftehim dwar il-kummerċ ħieles konklużi mal-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u orjentali neħhew id-dazji doganali imposti fuq il-prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar provenjenti minn dawn il-pajjiżi. Minn dan isegwi li l-importazzjonijiet provenjenti minn dawn il-pajjiżi terzi kollha kienu privileġġjati meta mqabbla ma' l-importazzjonijiet Ġappuniżi.

76      Fit-tielet lok, l-ispejjeż ta' trasport u, fir-rigward tat-tubi intiżi għall-użu onshore, l-ispejjeż marbuta ma' l-operazzjonijiet ta' tagħbija, tal-ħatt fil-port tad-destinazzjoni fil-Komunità kif ukoll il-vjaġġ bil-baħar jew fuq l-art sad-destinazzjoni finali kienu jaggravaw l-iżvantaġġ kompetittiv tal-produtturi Ġappuniżi tat-tubi ta' l-azzar, partikolarment fuq is-swieq onshore tal-Komunità, meta mqabbla mal-produtturi Ewropej. Barra minn hekk, peress li l-kwantitajiet ta' tubi ordnati fuq is-swieq onshore Ewropej kienu żgħar, l-ispejjeż ta' trasport għal kull tunnellata kkonsenjata kienu aktar għoljin. Barra minn dan, l-ispejjeż ta' trasport huma partikolarment għoljin, f'termini ta' perċentwali tal-prezz fatturat, għall-prodotti standard OCTG kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-valur relattivament baxx ta' l-istess prodotti. Il-produtturi Ġappuniżi jipprovdu f'dan ir-rigward diversi ċifri li skondhom huma stabbiliti abbażi tal-prezzijiet reali miksuba għall-konsenji ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fl-Ewropa. Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jipprovdu li t-tagħbija setgħet tinġabar fi gruppi bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta' trasport, ma jippreġudikawx din it-teżi peress li għandu jiġi rikonoxxut li l-ammont ta' l-ispejjeż jibqa' dejjem skoraġġanti minkejja din il-possibbiltà. Għall-produtturi Ġappuniżi, l-importanza ta' l-ispejjeż tat-trasport kienet ġiet ikkonfermata wkoll bl-ittra tal-Kumitat ta' Kollegament tas-6 ta' Ġunju 1994, u dan minkejja l-fatt li l-għan ikkontemplat f'din l-ittra kien li tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq it-theddida sinjifikattiva li kienu jirrappreżentaw l-importazzjonijiet Ġappuniżi ta' tubi. B'mod indirett, dan il-fatt huwa attestat ukoll mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, partikolarment id-Deċiżjoni 93/247/KEE, tat-12 ta' Novembru 1992, li tiddikjara il-kompatibbiltà ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni (Każ IV/M.222 – Mannesmann/Hoesch) (ĠU 1993, L 114, p. 34, premessa 102). Bl-istess mod, mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 1998 li tiddikjara l-kompatibbiltà ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni (Każ IV/M.1014 – Bristish Steel/Europipe (ĠU C 181, p.3), jirriżulta li d-distanza tikkostitwixxi żvantaġġ sinjifikattiv għall-produtturi li mhumiex tal-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam il-bejgħ fi kwantitajiet żgħar ta' prodotti b'livell baxx ta' speċifikazzjoni.

77      Fuq dan il-punt, JFE-Kawasaki żżid li l-produtturi Ġappuniżi kienu żvantaġġati mhux biss meta mqabbla mal-produtturi Ewropej, iżda wkoll meta mqabbla ma' produtturi oħra ta' pajjiżi terzi. Per eżempju, in-nol ta' tagħbija provenjenti mill-Ġappun b'destinazzjoni lejn l-Italja jew lejn ir-Renju Unit huwa 40% sa 50% ogħla min-nol ta' tagħbija li tkun ġejja mill-Arġentina. Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li mill-Anness 5 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-suq Taljan kien protett mill-importazzjonijiet Ġappuniżi iżda mhux mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, Sumitomo tirrileva li dan l-anness jikkonċerna t-tubi OCTG u l-pajpijiet għat-trasport kollha, b'tali mod li mhuwiex rilevanti għall-apprezzament tas-sitwazzjoni speċifika tal-prodotti kkontemplati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

78      JFE-Kawasaki u JFE-NKK jiċħdu l-apprezzament magħmul mill-Kummissjoni fil-premessa 137 tad-deċiżjoni, fis-sens li l-bejgħ kollu li sar bi prezz ogħla min-nefqa varjabbli kien iġġustifikat meta titqies l-offerta peress li s-suq tat-tubi ta' l-azzar kien f'sitwazzjoni ta' kapaċità strutturali eċċessiva u li bejgħ bħal dan kien għalhekk jippermettilhom li jkopru l-ispejjeż fissi tagħhom. Minn banda, l-ispejjeż ta' trasport kienu partikolarment għoljin għat-tubi ta' l-azzar meta mqabbla mal-prodotti l-oħra ta' l-industrija ta' l-azzar minħabba n-natura voluminuża ta' dawn l-istess tubi. Mill-banda l-oħra, l-apprezzament tal-Kummissjoni jonqos milli jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-produtturi Ġappuniżi għandhom kapaċità produttiva limitata ta' azzar, u li huma għandhom għalhekk interess li jkabbru kemm jista' jkun il-profitti billi jbiegħu kemm jistgħu l-prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar li fuqhom għandhom l-aktar marġni ta' profitt għoli. Il-fatt li huwa possibbli li jiġu koperti l-ispejjeż varjabbli fuq il-bejgħ ta' prodott partikolari m'huwiex biżżejjed għalhekk sabiex jiġi konkluż li huwa fl-interess kummerċjali tal-produtturi Ġappuniżi illi jagħmlu bejgħ bħal dan.

79      Fir-rigward ta' l-apprezzament tal-Kummissjoni fis-sens li l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-prodotti ta' l-azzar huma speċjalizzati, b'tali mod li mhuwiex possibbli li jintużaw għal prodott li fir-rigward tiegħu l-marġni ta' profitt huwa l-aktar għoli, Kawasaki twieġeb li l-ewwel fażi tal-proċess tal-produzzjoni huwa komuni għall-prodotti kollha ta' l-azzar. Issa, huwa fir-rigward ta' din il-fażi li l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha huma limitati. Sumitomo ssostni, barra minn hekk, li l-kapaċità tal-produzzjoni eċċessiva affettwat lill-produtturi Ewropej daqs kemm affettwat lill-produtturi Ġappuniżi. Għaldaqstant, dan il-fatt kien newtrali għaż-żewġ naħat u l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-fatturi l-oħra invokati baqa' eżistenti, anke jekk jiġi preżunt li l-produtturi Ġappuniżi kellhom interess li jbiegħu bi prezzijiet eżattament anqas mill-ispejjeż varjabbli tagħhom.

80      Fir-raba' lok, il-produtturi Ġappuniżi kienu żvantaġġati meta mqabbla mal-kompetituri Ewropej tagħha f'dak li għandu x'jaqsam maż-żmien meħtieġ sabiex issir il-konsenja. Fil-fatt, sabiex it-tubi ta' l-azzar manifatturati fil-Ġappun jiġu kkonsenjati fl-Ewropa jkun meħtieġ bejn erba' u sitt ġimgħat. Għalkemm il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żmien meħtieġ sabiex issir il-konsenja mhuwiex ta' ostakolu għall-importazzjonijiet Ġappuniżi tat-tubi premium OCTG, liema tubi huma użati partikolarment fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit fi proġetti speċifiċi, din il-konstatazzjoni ma tapplikax għat-tubi standard OCTG. Fil-fatt, utent ta' tubi premium OCTG ikollu jidħol għal spiża kbira jekk ibiddel it-tip ta' premium joint wara li jkun diġà għażel joint jew oħra ta' dan it-tip proposti mid-diversi produtturi diversi, b'tali mod li l-impatt taż-żmien meħtieġ sabiex issir il-konsenja jkun anqas f'dan is-suq. Fis-suq tat-tubi standard OCTG, mill-banda l-oħra, il-fatt li l-konsenja tat-tubi tkun tista' ssir fi żmien iqsar huwa vantaġġ sinjifikattiv. F'dak li jikkonċerna l-pajpijiet tal-qies għat-trasport, it-trattament partikolari li huwa meħtieġ għalihom jikkostrinġi lill-fornitur sabiex jopera f'termini qosra ħafna, b'tali mod li ż-żmien meħtieġ sabiex issir il-konsenja jkollu importanza ħafna aktar sinjifikattiva fir-rigward tagħhom. Fl-aħħar nett, peress li l-prodotti OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport jinbiegħu direttament lill-utenti, huwa impossibbli li jiġi evitat dan l-ostakolu billi l-bejgħ isir b'mod indirett permezz ta' grossisti.

81      Fil-ħames lok, is-suq domestiku ta' kull wieħed mill-erba' Stati Membri tal-Komunità li fihom seta' jsir il-bejgħ onshore l-aktar importanti – jiġifieri l-Ġermanja, Franza, l-Italja, u r-Renju unit – kien iddominat minn produttur nazzjonali. Din is-sitwazzjoni ma kinitx neċessarjament il-konsegwenza ta' akkordju ta' tqassim tas-swieq peress li ċerti fatturi oġġettivi, partikolarment ekonomiċi, kienu jiffavorixxu lill-produtturi nazzjonali. Il-pożizzjoni ta' dawn il-produtturi nazzjonali kienet issaħħet partikolarment bil-politika ta' xiri tal-klijenti prinċipali tagħhom fuq dan l-istess suq, jiġifieri l-impriżi nazzjonali tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-gass, liema impriżi kienu ta' spiss impriżi pubbliċi. Il-Kummissjoni ammettiet l-eżistenza ta' din is-sitwazzjoni fid-Deċiżjoni 93/247 tagħha .

82      Bħala eżempju, Corus (li qabel kienet British Steel), fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni, kellha relazzjonijiet privileġġjati mal-kumpanniji British Gas u BP (li qabel kienet British Petroleum), kif jixhed, fir-rigward ta' din ta' l-aħħar, id-dokument intitolat "Minutes of technical liaison meeting by BP engineering/British Steel" ("Minuti tal-laqgħa ta' kollegament tekniku ta' BP engineering/British Steel"), riprodott fil-paġna 681 tal-fajl tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, id-depożizzjonijiet magħmula mill-impjegati ta' Dalmine, riprodotti fil-paġna 8220 b 4 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "id-depożizzjonijiet ta' l-impjegati ta' Dalmine"), jattestaw, minn banda, li dawn kienu jxaħħmu lill-impjegati ta' Agip, li kienet l-aktar impriża taż-żejt u tal-gass importanti fl-Italja, bil-għan li jassiguraw li l-ordnijiet għal tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura ta' din l-impriża ma jingħatawx lil produtturi oħra u, mill-banda l-oħra, li Agip kienet tfittex, ġeneralment, li tagħti preferenza lill-produtturi Taljani. Bl-istess mod, id-dokument intitolat "Meeting Distrigaz" (Laqgħa ma' Distrigaz), riprodott fil-paġna 2298 tal-fajl tal-Kummissjoni, jikkonferma l-eżistenza tax-xewqa tal-kumpannija Distrigaz li ma tagħmilx ordnijiet mingħand produtturi li mhumiex Komunitarji. B'mod aktar ġenerali, id-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/531/KEE, tas-17 ta' Settembru 1990, dwar il-proċedura għall-għoti ta' kuntratti fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 297, p.1), tikkonferma, fil-premessi ħdax u tnax tagħħa, li s-swieq pubbliċi fis-setturi ta' l-estrazzjoni, tat-trasport, u tad-distribuzzjoni tal-gass u taż-żejt kienu magħluqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 29 tagħha, li jirregola s-sitwazzjoni tal-produtturi minn pajjiżi terzi għall-futur, ma jagħtix lill-produtturi msemmija aċċess ugwali għas-swieq pubbliċi Ewropej, kuntrarjament għal dak li jidher li tindika d-deċiżjoni kkontestata. Skond JFE-NKK, il-produtturi Ġappuniżi ma bbenefikawx b'mod sħiħ mir-regoli previsti mid-Direttiva 90/531 peress li l-ftehim dwar is-swieq pubbliċi (anness mad-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 80/271/KEE, ta' l-10 ta' Diċembru 1979, dwar il-konklużjoni tal-ftehim multilaterali li rriżultaw min-negozjati kummerċjali ta' l-1973-1979, ĠU 1980, L 71, p. 1) ma japplikax għas-setturi ta' l-esplorazzjoni, ta' l-estrazzjoni jew tat-trasport taż-żejt u/jew tal-gass.

83      Fis-sitt lok, l-impriżi Ewropej kienu ressqu xi ilmenti kontra d-dumping mal-Kummissjoni bil-għan li jeskludu lill-produtturi li mhumiex tal-Komunità mis-swieq Komunitarji. B'hekk, mill-1977 sa l-1998, inbdew seba' proċedimenti kontra produtturi li mhumiex Komunitarji ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura, li waħda minnhom biss ingħalqet mingħajr ma ġie assunt xi obbligu u mingħajr impożizzjoni ta' xi dazju. Għalkemm huwa veru li ebda wieħed mill-proċedimenti ta' kontra d-dumping in kwistjoni ma kien jikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mill-Ġappun, dan il-fatt bl-ebda mod m'huwa anormali għal dak li għandu x'jaqsam mas-suq offshore tar-Renju Unit, peress li l-blat kontinentali ta' l-Istati Membri kienu jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ta' kontra d-dumping li kienet applikabbli fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni. Mill-banda l-oħra, il-possibbiltà li jinbeda proċediment tali kienet tħalli effett skoraġġanti sostanzjali fuq l-esportaturi Ġappuniżi f'dak li jikkonċerna s-swieq onshore, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sempliċi bidu ta' proċediment ta' kontra d-dumping kien jimplika oneru sostanzjali għall-produtturi Ġappuniżi, minħabba l-miżuri ta' investigazzjoni li kienet tieħu l-Kummissjoni. Il-fondatezza ta' dan l-argument hija kkonfermata bil-fatt li min-Nota għall-Presidenti jirriżulta li l-impriżi Ewropej kienu qegħdin jikkontemplaw li jheddu lill-impriżi Ġappuniżi b'ilmenti ta' kontra d-dumping. Il-produtturi Ewropej għamlu wkoll pressjoni fuq il-Kummissjoni bil-għan li t-territorju doganali Komunitarju jiġi estiż għas-swieq offshore ta' l-Istati Membri, kif tixhed, b'mod partikolari, l-ittra tal-Kumitat ta' Kollegament tas-6 ta' Ġunju 1994.

84      Fis-seba' lok, l-ispiża relattiva għall-osservanza kostanti tar-regoli nazzjonali differenti ta' l-Istati Membri tal-Komunità u tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' liċenzji, li kienu diversi ħafna, kienet tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv ieħor għall-kummerċ. Sostanzjalment, l-istandard "API" huwa biss standard bażiku u b'hekk, ikun meħtieġ li jiġu osservati wkoll ir-regoli nazzjonali, u anke regoli supplimentari imposti minn ċerti klijenti speċifiċi. Fil-Ġermanja, per eżempju, ikun meħtieġ ċertifikat, skond Nippon, sabiex tkun iggarantita l-kwalità kemm tat-teknika tal-produzzjoni kif ukoll tal-kontroll tal-prodott u tal-kwalifiċi ta' l-impjegati. Il-proċedura għall-għoti ta' dawn iċ-ċertifikati teħtieġ il-preżentata ta' fajls voluminużi bil-lingwa Ġermaniża u l-ħlas ta' miżata li tista' tilħaq l-45,000 Mark Ġermaniż kull sentejn jew tliet snin. Fid-Deċiżjoni 93/247 tagħha, il-Kummissjoni irrikonoxxiet li l-eżistenza ta' regoli nazzjonali bħal dawn tikkostitwixxi ostakolu sostanzjali għall-kummerċ ġewwa l-Komunità ta' tubi ta' l-azzar. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll partikolarment għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Ġappun. Dan l-apprezzament oġġettiv, li ġie kkonstatat fid-Deċiżjoni 93/247, ma jistax jiġi skartat fil-każ preżenti minħabba r-raġuni, invokata mill-Kummissjoni, li l-istess apprezzament jinjora l-eżistenza tal-ksur fil-mument li fih hija ħadet din id-deċiżjoni. Fir-rigward ta' l-eżiġenzi partikolari ta' ċerti kumpanniji taż-żejt, JFE-Kawasaki tirrileva li l-kumpannija Franċiża Total u l-kumpannija Taljana Agip jirrikjedu spezzjoni "off-line" tat-tubi ta' l-azzar kollha li jkunu kkonsenjati lilhom. L-osservanza ta' dan l-obbligu ta' spezzjoni jinvolvi spiża ta' aktar minn 100 Dollaru Amerikan għal kull elf tunnellata.

85      Fit-tmien lok, JFE-NKK, Nippon u JFE-Kawasaki jsostnu, fir-repliki tagħhom, li Corus ibbenefikat mill-politika tal-Gvern tar-Renju Unit intiża sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-fornituri Britanniċi fuq il-blata kontinentali ta' dan l-Istat. Il-Gvern Britanniku implementa din il-politika billi ħoloq Uffiċċju għall-fornitura tas-suq offshore (Offshore Supplies Office, aktar 'il quddiem l-"OSO"). Bil-pressjoni li għamel fuq l-operaturi ekonomiċi li joperaw fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit, l-OSO irnexxilu jżid is-sehem mis-suq tal-fornituri Britanniċi minn 25% għal 30% fl-1972 (skond rapport ippubblikat fl-1997 mill-Ministeru tal-Kummerċ u ta' l-Industrija Britannika, magħruf bħala DTI, u li jinsab fl-Anness 4 tar-replika fil-kawża T-67/00, aktar 'il quddiem ir-"rapport tad-DTI"), għal 75% fl-1984 u għal 87% fl-1987 (skond il-Bulletin tal-Komunitajiet Ewropej – Suppliment Nru 6/1988, punt 115). F'dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun inutli għal Corus li tikkonkludi ftehim mal-produtturi Ġappuniżi sabiex tassigura l-protezzjoni relattiva għas-suq offshore, peress li hija kienet diġà tibbenefika minn protezzjoni qawwija grazzi għall-interventi ta' l-OSO. B'hekk, il-kunċett innifsu tar-Regoli Fundamentali, b'mod partikolari dak tar-Regoli Fundamentali mtejba, jikkonċerna l-pożizzjoni privileġġjata ta' Corus fuq is-suq offshore tar-Renju Unit minħabba din il-politika ta' preferenza nazzjonali, liema pożizzjoni kienu bbenefikaw minnha wkoll il-produtturi Ewropej l-oħra, inkwantu dawn fornew tubi lixxi lil Corus wara l-għeluq tal-fabbrika tagħha ta' Clydesdale. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata hija, fuq dan il-punt, ivvizzjata minn żball manifest inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni r-rwol li kellu l-OSO fuq is-suq offshore tar-Renju Unit. Din is-sistema ta' preferenza Britannika kienet ġiet applikata sa Lulju 1993, fejn imbagħad ġiet issostitwita bis-sistema ta' preferenza Komunitarja prevista mid-Direttiva 90/531. JFE-NKK issostni li hija ma kinitx taf b'dawn il-fatti u li kien biss wara li ddepożitat ir-rikors tagħha fil-kawża T-67/00 li hija kisbet id-dokumenti annessi mar-replika tagħha, li jattestaw dawn il-fatti.

86      Dawn it-tliet rikorrenti jikkunsidraw ukoll li ċerti elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni jagħmlu referenza għall-politika implementata mill-OSO u b'hekk jikkonfermaw l-allegazzjonijiet tagħhom fuq dan il-punt. Huma jippreċiżaw, minn banda, li n-nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM BSC fiha l-affermazzjoni li "m'għandux jingħata aċċess lill-[Ġappuniżi] billi jingħatalhom element Britanniku", u li l-awtur tan-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 jiddikjara dan li ġej: "Ma jistax jiġi eskluż li fl-[19]93, l-OSO ser jagħti lill-produtturi Ewropej it-3% preferenza li l-istess Uffiċċju jagħti fil-preżent lill-produtturi Britanniċi". Ir-referenzi magħmula fin-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 għar-rinforzament tal-Komunità Ewropea u għall-estensjoni eventwali tal-preferenza tat-3% għall-produtturi Ewropej jirrigwardaw id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/531 li tipprovdi għal preferenza Komunitarja sakemm il-prezzijiet tal-produtturi Komunitarji ma jeċċedux dawn tal-produtturi ta' pajjiżi terzi b'aktar minn 3%.

87      Il-fatt li prattikament l-ebda produttur Ewropew ma kkonsenja tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fil-Ġappun, kif turi t-tabella li tinsab fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa spjegabbli wkoll għal raġunijiet ta' politika kummerċjali. Minn dan isegwi li kull akkordju ta' tqassim dwar dan is-suq kien nieqes minn kull ġustifikazzjoni kummerċjali.

88      Mill-banda l-oħra, mill-ittra tal-Kumitat ta' Kollegament tas-6 ta' Ġunju 1994 jirriżulta b'mod partikolari li s-swieq pubbliċi Ġappuniżi fis-settur tat-tubi ta' l-azzar baqgħu magħluqin kompletament għall-produtturi Ewropej, li s-suq tat-tubi Ġappuniż kien iddominat minn konsorzji kbar li kienu konnessi mill-qrib mal-produtturi tat-tubi, li l-ispejjeż tat-trasport u l-ispejjeż tal-bejgħ fil-Ġappun kienu għoljin wisq għall-produtturi Ewropej u li l-attività ta' l-esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt u tal-gass, kif ukoll, konsegwentement, is-settur tat-tubi OCTG kienu, fi kwalunkwe każ, limitati wisq. Barra minn hekk, skond il-fax tas-16 ta' Novembru 1994, mibgħut mill-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tubi ta' l-Azzar lill-Kummissjoni, il-produtturi barranin ta' tubi ta' l-azzar li kienu jixtiequ jbiegħu l-prodott tagħhom fil-Ġappun, kienu obbligati li jimlew formola dettaljata ħafna sabiex jikkonformaw mar-regoli Ġappuniżi.

89      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata essenzjalment fuq l-għan restrittiv fir-rigward tal-kompetizzjoni ta' l-akkordju. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha ma kienx meħtieġ li tiġi pprovata wkoll l-eżistenza ta' effetti konkreti fuq is-swieq Komunitarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jekk jitqies li l-ostakoli għall-kummerċ elenkati mir-rikorrenti Ġappuniżi jistgħu jispjegaw għalxiex dawn ir-rikorrenti ma biegħux il-prodotti kkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata fuq dawn is-swieq Komunitarji, jibqa' l-fatt li l-Kummissjoni ġabet il-prova ta' l-eżistenza ta' akkordju li l-għan tiegħu kien li jillimita l-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, inkwantu ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti huma rilevanti, l-effett tagħhom huwa li jirrinfurzaw il-gravità ta' l-akkordju u mhux li jnaqqsuha, kif jidher li qegħdin jippretendu r-rikorrenti. Il-Kummissjoni tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, li fiha ġie deċiż li analiżi ekonomika intiża li turi l-eżistenza ta' ostakoli oġġettivi għall-kummerċ ma tistax tħassar ir-realtà irrevokabbli tal-provi dokumentali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet speċifikat, barra minn hekk, li, li kieku l-analiżi ekonomika proposta mir-rikorrenti kellha tirriżulta eżatta, din il-konklużjoni jkollha, b'mod definittiv, l-effett li tenfasizza l-gravità tal-ksur imwettaq, peress li, bil-konklużjoni ta' l-akkordju in kwistjoni, l-impriżi jkunu ppruvaw jeliminaw il-ftit kompetizzjoni effettiva li kienet teżisti fuq is-suq in kwistjoni (punti 1087 u 1088 tas-sentenza).

90      Fir-rigward ta' l-argument ta' JFE-Kawasaki li t-termini tad-deċiżjoni kkontestata jeskludu s-suq offshore tar-Renju Unit mill-akkordju ta' tqassim tas-swieq, il-Kummissjoni twieġeb li l-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar ħafna li dan is-suq kien kopert minn dan l-akkordju inkwantu huwa kien "semi-protett".

91      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni jidhrilha li, fi kwalunkwe każ, hija pprovat suffiċjentement skond il-liġi li l-akkordju deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellu effetti konkret fuq is-swieq tal-Komunità. B'mod partikolari, it-tabella li tinsab fil-premessa 68 ta' din id-deċiżjoni tikkonferma li l-akkordju kien, fil-parti l-kbira tiegħu, applikat effettivament fuq is-swieq Ewropej. L-eżistenza ta' ċerta kompetizzjoni da parti tal-produtturi Ġappuniżi fuq is-suq offshore tar-Renju Unit ma setgħetx twassal sabiex jiġi eliminat il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dan is-suq kien biss semi-protett.

92      Fir-rigward ta' l-argument li minn ċerti dokumenti użati mill-Kummissjoni, partikolarment min-Nota għall-Presidenti u min-nota dwar il-laqgħa ma' BSC, jirriżulta li l-produtturi Ewropej kienu jibżgħu mill-kompetizzjoni Ġappuniża fuq is-suq offshore tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tqis li din il-biża' kienet tirriżulta mill-fatt li l-istat semi-protett ta' dan is-suq kien iservi ta' sors ta' tensjoni partikolari fil-kuntest ta' l-akkordju. Konsegwentement, dan l-argument ma joħloqx dubju dwar l-eżistenza ta' l-akkordju.

93      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta' sistema ta' preferenzi Britannika għall-prodotti użati fl-industrija taż-żejt fuq is-swieq tal-blata kontinentali tar-Renju Unit, imqajjem għall-ewwel darba minn JFE-NKK, Nippon u JFE-Kawasaki fir-repliki tagħhom, jikkostitwixxi argument ġdid. Dan huwa għalhekk inammissibli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Sussidjarjament, dan l-argument huwa bbażat fuq elementi ta' prova annessi mar-replika, li huma inammissibbli skond l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li Nippon u JFE-Kawasaki ma ppruvawx jiġġustifikaw it-tardività tal-preżentata ta' dawn l-elementi ta' prova. F'dak li jikkonċerna JFE-NKK, li sempliċement sostniet li hija ma kinitx taf b'dawn l-elementi ta' prova fil-mument li hija ppreżentat ir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li dan l-argument huwa inverosimili.

94      Għal dak li jikkonċerna JFE-NKK, il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li dan l-argument ġdid huwa inammissibbli skond l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

95      Fi kwalunkwe każ, l-argument ġdid imsemmi aktar 'il fuq mhuwiex fondat.

96      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ostakoli għall-kummerċ invokati mir-rikorrenti Ġappuniżi qatt ma kkostitwixxew ostakolu assolut għall-importazzjoni ta' tubi Ġappuniżi fil-Komunità. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-ebda wieħed mill-allegati ostakoli għall-kummerċ invokati mir-rikorrenti Ġappuniżi ma impedixxa produtturi oħra ta' pajjiżi terzi, partikolarment dawk ta' l-Amerika t'Isfel, milli jesportaw il-prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata lejn is-swieq onshore Komunitarji.

97      Fl-aħħar nett, l-allegat nuqqas ta' konsenji ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura magħmulin mill-produtturi Komunitarji lejn il-Ġappun ma jikkostitwixxix element essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni ma tirrigwardax direttament ir-restrizzjonijiet għall-kummerċ lejn il-Ġappun. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-ittra tal-Kumitat ta' Kollegament tas-6 ta' Ġunju 1994 u l-fax ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tubi ta' l-Azzar tas-16 ta' Novembru 1994, invokati mir-rikorrenti Ġappuniżi in sostenn tat-teżi tagħhom dwar in-natura magħluqa tas-suq Ġappuniż, jikkonċernaw żmien li fih hija ma kinitx taf bl-eżistenza ta' l-akkordju illegali. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-ispjegazzjonijiet mogħtija f'dawn id-dokumenti mill-produtturi Ewropej kienu jservu essenzjalment sabiex jaħbu l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, ir-raġunijiet li għalihom il-partijiet ikkonkludew l-akkordju huma irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu.

 Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' valur probatorju ta' l-elementi ta' prova

98      Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni ma jurux l-eżistenza ta' konverġenża ta' intenzjonijiet li tista' tikkostitwixxi l-akkordju illegali ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, fi kwalunkwe każ, ma jistabbilixxux il-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi f'dan il-ksur. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li prattikament l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jsemmihom, u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tinvokahom kontra tagħhom. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi annullat għar-raġuni li huwa jistrieħ fuq analiżi li ma ġietx ipprovata suffiċjentement skond il-liġi u li jikser, minħabba f'hekk, l-Artikolu 81(1) KE. F'dan ir-rigward, JFE-NKK u Nippon isostnu li hemm żball manifest ta' apprezzament.

99      Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, il-kompetituri Ewropej tagħhom, fid-dokumenti invokati mill-Kummissjoni, sempliċement jirreferu għas-sitwazzjoni li rriżultat mill-fatt li l-ostakoli għall-kummerċ impedixxew lill-produtturi Ġappuniżi milli jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-swieq Ewropej. Barra minn hekk, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li l-provi dwar il-pajpijiet tal-qies għat-trasport huma partikolarment limitati u li għalhekk għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, ta' l-inqas f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawn il-prodotti. JFE-NKK tirrileva, barra minn hekk, li r-riorganizzazzjoni ta' l-allegat klabb Ewropa-Ġappun, li ħadet il-forma tar-Regoli Fundamentali mtejba wara laqgħa miżmuma f'Tokjo fil-5 ta' Novembru 1993 (premessi 83 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata), ma tissemmiex fid-diversi dokumenti invokati mill-Kummissjoni. Hija tirreferi partikolarment għan-Nota għall-Presidenti, għad-dokument "g) Ġappuniż" u għad-dokument Kodiċi ta' tqassim.

100    JFE-NKK issostni li fi kwalunke każ il-Kummissjoni analizzat b'mod żbaljat id-dokumenti li jirreferu għar-Regoli Fundamentali u għar-Regoli Fundamentali mtejba, partikolarment dawk li ġew mingħand Dalmine. Fil-fatt, l-elementi ta' prova li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni jistgħu jissuġġerixxu li dawn ir-regoli huma relatati mar-razjonalizzazzjoni meħtieġa ta' l-industrija tal-Komunità u mhux ma' xi akkordju illegali. F'dan ir-rigward, JFE-NKK tinvoka, b'mod partikolari, id-dokument ta' Dalmine ta' Mejju-Awwissu 1993, intitolat "Seamless Steel tube System in Europe and Market Evolution" ("Sistema għat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fl-Ewropa u l-iżvilupp tas-suq") u riprodott fil-paġna 2051 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "id-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar") li jippreċiża: "Soluzzjoni għall-problema ta' [Corus] li tkun utli għal kulħadd ma tistax tinstab ħlief f'kuntest Ewropew, fatt dan li jimplika akkwisti u għeluq ta' fabbriki skond pjan ta' razjonalizzazzjoni. Aħna naraw dan il-proċess jiżviluppa fi stadji fundamentali [...]" Kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-argumenti tal-Kummissjoni, il-laqgħa li nżammet fis-6 ta' Ottubru 1992 kienet tirrigwarda, kif juru l-minuti ta' l-istess laqgħa, riprodotti fil-paġna 15178 tal-fajl tal-Kummissjoni, mhux biss is-swieq ta' l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant iżda wkoll, in parti, ir-razjonalizzazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità. Barra minn hekk, din il-politika ta' razjonalizzazzjoni kienet ġiet sostnuta mill-Kummissjoni. JFE-NKK issostni għalhekk li mhuwiex raġjonevoli li l-Kummissjoni tikkontesta, fil-preżent, dan il-komportament ta' l-impriżi li huma kienu adottaw sabiex isegwu l-pariri tagħha stess. Barra minn hekk, JFE-NKK issostni li l-ebda wieħed mid-dokumenti invokati mill-Kummissjoni ma jistabbilixxi xi tip ta' konnessjoni bejn l-għeluq tal-kumpannija Belġjana NTM, imsemmi, partikolarment, fil-premessi 88 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata, u s-sitwazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi.

101    Barra minn hekk, JFE-NKK issostni li l-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni ma jattestawx id-definizzjoni tas-suq adottata sabiex jiġi stabbilit il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li d-definizzjoni adegwata tas-suq in kwistjoni hija kundizzjoni essenzjali għal kull deċiżjoni li tirrigwarda l-effetti antikompetittivi ta' akkordju partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenza SIV et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq), dan in-nuqqas ta' provi huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

102    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 hija vaga wisq u bl-ebda mod ma tistabbilixxi l-eżistenza ta' l-akkordju ritenut mill-Kummissjoni. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni, li hija estremament suċċinta, tindika sustanzjalment li s-swieq domestiċi kienu jgawdu minn ċerta protezzjoni, mingħajr ma tippreċiża n-natura u l-portata preċiża ta' din il-protezzjoni. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 ma tikkonfermax li l-espressjoni "Regoli Fundamentali" kienet tikkonċerna l-ħarsien tas-swieq nazzjonali fis-sens ta' projbizzjoni fuq kull produttur milli jbiegħ it-tubi ta' l-azzar fuq is-swieq nazzjonali tal-kompetituri tiegħu li kienu parti mill-akkordju. JFE-Kawasaki ssostni, f'dan ir-rigward, li s-Sur Verluca, f'din id-dikjarazzjoni, sempliċement ikkummenta fuq dokument wieħed biss, jiġifieri n-Nota ta' Informazzjoni li ma tipprovdi ebda kjarifika fuq il-funzjonament ta' l-akkordju.

103    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 ma tikkonfermax li r-Renju Unit kien wieħed mis-swieq nazzjonali fejn il-provvista kienet limitata minħabba n-nuqqas tal-produtturi l-oħra li kienu parti fl-akkordju, milli jikkonsenjaw tubi fuq dawn is-swieq. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tikklassifika s-suq tar-Renju Unit bħala semi-protett, fis-sens li kompetitur kien ikollu jagħmel kuntatt mal-produttur lokali tal-pajpijiet u tat-tubi qabel ma jippreżenta l-offerta tiegħu, u tippreċiża li din ir-regola kienet ġiet ftit jew wisq osservata. Nippon tiċħad espressament li hija kienet għamlet kuntatt ma' Corus qabel ma ppreżentat l-offerta tagħha fuq is-suq in kwistjoni u ssostni li l-Kummissjoni ma ġabitx provi li jistgħu juru l-kuntrarju. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li l-argument tal-Kummissjoni li l-istatus semi-protett tas-suq offshore Britanniku huwa kompatibbli ma' l-eżistenza ta' bejgħ Ġappuniż fuq dan is-suq, ma jispjegax bi preċiżjoni adegwata liema obbligi kienu ġew assunti, fil-fehma tagħha, mill-produtturi Ġappuniżi fir-rigward ta' dan is-suq.

104    Fir-rigward ta' l-apprezzament tal-Kummissjoni li d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 għandha valur probatorju partikolari u tista', jekk ikun meħtieġ, tkun biżżejjed waħidha sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-ksur, Sumitomo u JFE-NKK jirrilevaw li l-punt 1838 tas-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, invokat mill-Kummissjoni, jirrigwarda biss l-elementi ta' prova kontemporanji. Barra minn hekk, mis-sentenza Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 58 aktar 'il fuq, jirriżulta, fl-ewwel lok, li l-ammissjoni da parti ta' impriża ma tistax tikkostitwixxi prova li tista' tiġi użata kontra impriża oħra, sakemm din l-ammissjoni ma tkunx ġiet sostnuta b'elementi ta' prova oħra (punt 91) u, fit-tieni lok, li fiċ-ċirkustanzi fejn tali ammissjoni tistrieħ fuq il-konvinzjoni ta' dak li jkun għamilha, huwa meħtieġ li din il-persuna turi l-bażi ta' din il-konvinzjoni, taħt piena għall-Kummissjoni li ma tkunx tista' tuża din l-ammissjoni kontra terza persuna (punt 131). Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni li mhuwiex f'loku li jiġi eżaminat kull element ta' prova separatament huwa inkompatibbli mal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza Enso-Gutziet vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 58 aktar 'il fuq, b'mod partikolari fil-punti 102 u 151 sa 153.

105    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 m'hijiex ikkorroborata b'elementi ta' prova oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment f'dak li jikkonċerna s-sensiela ta' prodotti kkontemplati fl-Artikolu 1 taghħa, is-sens u l-portata tar-Regoli Fundamentali u d-durata tal-ksur.

106    Il-prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata u mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport biss, ma jaqblux ma' dawk imsemmija f'dokumenti oħra invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta' din id-dikjarazzjoni, partikolarment dawk provenjenti minn Vallourec, il-kumpannija li kienet timpjega lis-Sur Verluca fiż-żmien in kwistjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, dawn id-dokumenti l-oħra huma nieqsa minn valur probatorju fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

107    B'mod partikolari, in-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM, in-nota Riflessjonijiet strateġiċi, in-nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM BSC, in-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 u n-nota dwar il-laqgħa ma' BSC kollha jikkonċernaw it-tubi bil-kamin magħmul permezz tal-premium joint magħrufa bħala "VAM" u mhux it-tubi standard OCTG.

108    Barra minn hekk, il-fatt li n-nota Riflessjonijiet strateġiċi tagħmel referenza għas-"Suq P", jiġifieri s-suq tat-tubi premium OCTG, kif ukoll il-fatt li f'din in-nota s-Sur Verluca jispjega espressament li l-analiżi tiegħu ma tirrigwardax il-kamini ta' joints standard, magħrufa bħala Buttress, (paġna 15619 tal-fajl tal-Kummissjoni), jikkonfermaw it-teżi tar-rikorrenti Ġappuniżi. Bl-istess mod, ir-referenzi fin-nota dwar il-laqgħa ma' BSC għall-kumpannija Hunting u għall-joints l-oħra jirrigwardaw it-tubi premium OCTG, u mhux it-tubi standard OCTG, kif tippretendi l-Kummissjoni. Fil-fatt, l-awtur ta' din in-nota jsemmi l-bżonn li tiġi "nnewtralizzata Fox", li hija premium joint li tagħha għandha privattiva JFE-Kawasaki. In-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM tagħmel referenza għat-tubi lixxi u għat-tubi premium OCTG li l-kamin tagħhom jinħadem lokalment, partikolarment it-tubi b'joints Fox. In-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 tikkonċerna wkoll il-prodotti ta' l-azzar inossidabbli li huma esklużi espressament mill-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ai termini tal-premessa 28 tagħha, ikun xi jkun il-kamin tagħhom.

109    Finalment, l-ebda waħda minn dawn in-noti ma tikkonċerna l-pajpijiet għat-trasport. Fi kwalunkwe każ, dawn in-noti fihom sempliċi riflessjonijiet u spekulazzjonijiet personali ta' l-impjegati ta' Vallourec u jagħmlu referenza għar-Regoli Fundamentali mingħajr ma jidentifikawhom speċifikament. Dawn l-elementi għalhekk bl-ebda mod ma jistabbilixxu l-eżistenza ta' konverġenza ta' l-intenzjonijiet tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma jikkorroboraw id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996.

110    Il-Kummissjoni tinvoka wkoll in-nota interna ta' Vallourec tas-27 ta' Jannar 1994, riprodotta fil-paġna 4822 tal-fajl tal-Kummissjoni, intitolata "Compte rendu de l’entretien avec JF à Bruxelles le 25/1" (Minuti tal-laqgħa ma' JF fi Brussell fil-25/1; aktar 'il quddiem "Minuti tal-laqgħa ma' JF") Dan id-dokument huwa irrilevanti, peress li huwa jikkontempla biss il-kamini trapezojdali u t-tubi VLR b'kamin NTM, u mhux il-prodotti kkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata.

111    Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat in-Nota għall-Presidenti u d-dokument "g) Ġappuniż" mentri kien impossibbli li tiġi identifikata s-sensiela eżatta ta' prodotti kkontemplati minnhom. Fil-fatt, dawn l-elementi ta' prova fihom kemm referenzi għal prodotti differenti minn dawk ikkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata u fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, bħalma huma t-tubi inossidabbli OCTG u t-tubi ssaldjati, u kif ukoll referenzi li jimplikaw sensiela ta' prodotti li uħud minnhom huma kkontemplati u oħrajn mhumiex. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta biċ-ċar li l-analiżi magħmula fihom tikkonċerna essenzjalment is-suq tat-tubi premium OCTG u mhux dak tal-prodotti in kwistjoni fil-kawża preżenti. L-argument tal-Kummissjoni, espost fil-punt 10 tar-risposta tagħha fil-kawża T-68/00, li n-Nota għall-Presidenti tistrieħ fuq il-premessa li t-tubi standard OCTG biss, u mhux it-tubi premium OCTG, kienu koperti mill-akkordju eżistenti fid-data meta ġie redatt dan id-dokument jikkonferma li l-aggressjoni Ġappuniża, li għaliha jagħmel referenza dan id-dokument, tirrigwarda neċessarjament it-tubi standard OCTG.

112    Fir-rigward tad-dokument Kodiċi ta' tqassim, dan jirrigwarda sensiela ta' prodotti ħafna aktar limitata minn dik ikkontemplata fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996. Fil-fatt, f'dan id-dokument tinsab, b'mod partikolari, l-espressjoni "sejħa għal offerti ġenerali għal tubi mingħajr saldatura API" ("SMLS API OPEN TENDER"). Dan id-dokument, għalhekk, jittratta biss is-swieq tat-tubi standard OCTG li kienu s-suġġett ta' sejħiet għal offerti ġenerali. Ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw f'dan ir-rigward li, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, ma kien hemm l-ebda sejħa għal offerti importanti fl-Ewropa għall-prodotti li kienet tikkontempla din id-dikjarazzjoni. Is-suq li kien ikkontemplat mid-dokument Kodiċi ta' tqassim kien għalhekk ineżistenti. Ir-rikorrenti Ġappuniżi jikkonfermaw li din l-affermazzjoni tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet li kienu eżistenti fuq is-suq Ewropew f'dan iż-żmien u minnha l-istess rikorrenti jiddeduċu li l-kodiċi ta' tqassim propost ma kien jagħmel l-ebda sens fir-rigward ta' l-Ewropa, peress li kien jirrigwarda suq ineżistenti. Sumitomo hija tal-fehma li l-awtur tad-dokument Kodiċi ta' tqassim kien bilfors għamel xi żball, peress li ma seta' jkun hemm ebda spjegazzjoni koerenti u razzjonali għal dan id-dokument. Barra minn hekk, qatt ma kienet saret sejħa għal offerti pubblika għat-tubi OCTG fil-Ġappun matul il-perijodu ta' ksur ritenut fid-deċiżjoni kkontestata.

113    Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, huwa ċar li d-dokument Kodiċi ta' tqassim bl-ebda mod ma jikkonċerna l-pajpijiet għat-trasport. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet indikat li l-abbrevjazzjoni "API" kienet tirreferi għat-tubi standard OCTG u li hija ma setgħetx tibdel l-interpretazzjoni tagħha tal-portata ta' din ir-referenza fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża. Barra minn hekk, l-akronimi C/S u T/B li jidhru fid-dokument Kodiċi ta' tqassim innifsu jikkonfermaw din it-teżi. Fl-aħħar nett, jeżistu, fir-realtà, normi API għat-tubi OCTG u għall-pajpijiet għat-trasport kollha, b'tali mod li, mill-argument tal-Kummissjoni, għandu jiġi dedott li dan id-dokument jikkonċerna wkoll il-prodotti li mhumiex ikkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata.

114    Fir-rigward tal-valur probatorju ta' l-elementi ta' prova dokumentali fir-rigward ta' l-eżistenza stess ta' ksur, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw l-ewwel nett li, fin-nota Riflessjonijiet strateġiċi, is-Sur Verluca rrakkomanda soluzzjoni li kienet tinvolvi l-għoti ta' prijorità lill-grupp VAM u li kienet tipprevedi li l-produtturi Ġappuniżi kellhom ikomplu jikkompetu liberament fis-suq tat-tubi VAM fir-Renju Unit. Barra minn hekk, din in-nota tirrigwarda żmien li fih l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu fis-seħħ u li matulu l-eżistenza ta' sistema ta' tqassim tas-swieq ma kinitx illegali. Minn dan isegwi, skond Sumitomo, li jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tilqa' l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi fir-rigward tad-durata ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni (ara l-punti 139 et seq aktar 'il quddieml), il-valur probatorju tad-dokumenti kollha datati 1990 jonqos, partikolarment tad-diversi noti ta' Vallourec. Fil-fatt, dawn l-elementi ma jistgħux jiġu kkunsidrati ħlief bħala dokumenti preparatorji għal akkordju, u mhux bħala provi ta' akkordju eżistenti fil-mument tar-redazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-referenza għas-"sistema attwali" fin-nota dwar il-laqgħa ma' BSC tikkonċerna espliċitament il-Lvant Imbiegħed, l-Amerika t'Isfel u l-Lvant Nofsani u r-referenza, f'dan l-istess dokument, għal politika ta' prezzijiet fissi għall-"kummerċ fil-baħar tat-Tramuntana" ("aff North Sea") li l-produtturi Ġappuniżi kienu aċċettaw li jirrispettaw dak iż-żmien, każ b'każ, hija in kontradizzjoni mal-projbizzjoni magħmula lill-produtturi Ġappuniżi li jbiegħu l-prodotti in kwistjoni deskritta fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996. JFE-NKK tirrileva, f'dan ir-rigward, li s-Sur Verluca huwa l-awtur tan-nota dwar il-laqgħa ma' BSC.

115    Barra minn hekk, in-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM tirreferi għall-possibbiltà li l-"Ġappuniżi [jiġu pperswaduti] sabiex ma jintervjenux fuq is-suq tar-Renju Unit u li l-problema tiġi riżolta bejn l-Ewropej", li turi manifestament li ma kien hemm ebda ftehim dwar is-suq tar-Renju Unit f'Marzu 1990. Bl-istess mod, inkwantu n-nota tal-Laqgħa ta' l-24.07.90 tuża t-temp tal-kondizzjonal sabiex tesprimi l-possibbiltà li jiġu adottati r-Regoli Fundamentali mtejba li "jipprojbixxu l-aċċess għar-Renju Unit lill-Ġappuniżi", wieħed għandu jiddeduċi li l-akkordju kien għadu ma jeżistix f'Lulju 1990.

116    Fir-rigward tad-dokument "g) Ġappuniż" u n-nota għall-Presidenti, dawn huma biss dokumenti preparatorji, redatti x'aktarx minn xi impjegat ta' Corus fid-dawl ta' xi laqgħa tal-produtturi Ewropej li kellha tinżamm qabel dik tal-klabb Ewropa-Ġappun f'Tokjo fil-5 ta' Novembru 1993. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti m'għandhom l-ebda valur probatorju fir-rigward ta' l-attitudni tal-produtturi Ġappuniżi u inqas u inqas fir-rigward ta' l-allegata parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordkju kkonstatat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi kienu kompetituri aggressivi fuq is-suq offshore tar-Renju Unit u li l-produtturi Komunitarji ppruvaw, l-aktar l-aktar, li jilħqu ftehim mal-produtturi Ġappuniżi li l-kontenut tiegħu ma kienx ċar. Nippon tenfasizza li d-dokument "g) Ġappuniż" jagħmel referenza espressa għall-aggressività tagħha fuq is-suq offshore tar-Renju Unit.

117    Barra minn hekk, is-sistema ta' limitazzjoni tal-bejgħ Ġappuniż allegatament prevista fin-Nota għall-Presidenti u fid-dokument "g) Ġappuniż" hija inkompatibbli ma' l-interpretazzjoni tar-Regoli Fundamentali li tinsab fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 u li tgħid li l-produtturi Ġappuniżi kellhom l-obbligu li jikkuntattjaw lil Corus qabel ma jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fuq is-suq tar-Renju Unit. JFE-NKK tirrileva li d-deskrizzjoni tar-Regoli Fundamentali li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata la taqbel ma' l-elementi ta' prova mressqa mill-Kummissjoni, u lanqas ma' l-interpretazzjoni ta' l-istess elementi ppreżentata fir-risposta tagħha fil-kawża T-67/00. Kontradizzjoni bħal din għandha neċessarjament twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u dan skond il-ġurisprudenza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza SIV et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq).

118    Barra minn hekk, in-Nota għall-Presidenti tagħmel referenza għall-obbligu tal-produtturi Ġappuniżi li jillimitaw "uħud mill-konsenji tagħhom" fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit, mentri l-punti 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għal tqassim tas-swieq mingħajr ebda distinzjoni. Għal darb'oħra, din il-kontradizzjoni, skond JFE-NKK, hija biżżejjed sabiex twassal għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tad-dokument "g) Ġappuniż", jirriżulta mill-istess dokument li l-produtturi Ġappuniżi kienu tal-fehma, fi kwalunkwe każ, li l-bejgħ magħmul taħt kuntratt kien eskluż minn kull akkordju, fatt dan li jnaqqas, barra minn hekk, il-valur probatorju tad-dokument Kodiċi ta' tqassim, li jirrigwarda biss is-settur kuntrattwali f'dak li għandhom x'jaqsmu s-swieq Ewropej. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni, li jsostni li dawn id-dokumenti jitilqu mill-premessa li kien diġà jeżisti akkordju li jobbliga lill-produtturi Ġappuniżi sabiex ma jbiegħux il-prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata fuq is-swieq territorjali tal-Komunità, ma jistax juri l-eżistenza ta' akkordju f'dan is-sens, ta' l-inqas mhux bil-preċiżjoni u ċertezza mitluba mill-ġurisprudenza.

119    Fir-rigward tan-nota intitolata "Licence VAM à Siderca" (Liċenzja VAM lil Siderca) ta' l-20 ta' Ġunju 1994, riprodotta fil-paġna 15809 tal-fajl tal-Kummissjoni, li minnha jirriżulta, b'mod partikolari, li Mannesmann kellha b'mod globali, tirrispetta s-suq tar-Renju Unit, din in-nota bl-ebda mod ma tikkonferma, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, li huma kienu aċċettaw li ma jbiegħux it-tubi tagħhom fuq is-swieq Ewropej.

120    F'dak li għandu x'jaqsam mad-dokument Kodiċi ta' tqassim, JFE-Kawasaki ssostni li dan id-dokument huwa inammissibbli bħala element ta' prova peress li m'għandux data u peress li l-Kummissjoni la żvelat l-identità ta' l-awtur tiegħu u lanqas dik tal-persuna li bagħtitulha, u għaldaqstant isegwi li huwa impossibbli għar-rikorrenti li jkunu jafu l-kuntest li fih sar u r-raġunijiet għalxiex intbagħat lill-Kummissjoni. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta' ksur fil-konfront ta' impriżi abbażi ta' dokument li mhuwiex identifikat. L-argument imressaq mill-Kummissjoni fil-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata li d-dokument Kodiċi ta' tqassim huwa ammissibbli u affidabbli minħabba li huwa kkorroborat minn elementi ta' prova oħra, mhuwiex fondat, peress li dan id-dokument huwa kontradett, fir-realtà, minn elementi ta' prova oħra li jidhru fil-fajl, partikolarment fuq punti ta' fatti essenzjali, kif tirrileva l-Kummissjoni stess fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel. JFE-Kawasaki tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq (punt 72), li tipprovdi li l-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta' akkordju jew ta' prattika miftehma b'mod suffiċjentement preċiż u konkordanti.

121    Fi kwalunkwe każ, JFE-Kawasaki taqbel mar-rikorrenti Ġappuniżi l-oħra sabiex tafferma li, anke jekk jitqies bħala amissibbli, id-dokument Kodiċi ta' tqassim mhuwiex element ta' prova affidabbli, minħabba l-fatt li mhuwiex identifikat b'mod adegwat. Il-fatt li dan id-dokument mhuwiex l-uniku indizju li fuqu tistrieħ il-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur ma jfissirx li l-Kummissjoni hija eżentata milli tistabbilixxi l-kredibbiltà ta' dan l-element ta' prova. Barra minn hekk, id-dokument Kodiċi ta' tqassim jikkontradixxi l-affermazzjoni tas-Sur Verluca li tinsab fid-dokument intitolat "Vérification auprès de Vallourec" (tat-18 ta' Diċembru 1997, riprodott fil-paġna 7317 tal-fajl tal-Kummissjoni, fil-punt 1.3; aktar 'il quddiem id-dokument "Investigazzjoni għand Vallourec") fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel irrispondewx favorevolment għall-attitudni tal-produtturi Ewropej fl-aħħar tas-sena 1993, kwistjoni li terġa' tqajjem diskussjoni dwar l-affidabbiltà ta' dawn iż-żewġ elementi ta' prova. Barra minn hekk, skond ir-risposta mogħtija mid-direttur ta' Mannesmann, is-Sur Becher, datata t-22 ta' April 1997 u riprodotta fil-paġna 10989A tal-fajl tal-Kummissjoni, għal mistoqsija dwar in-natura tar-Regoli Fundamentali matul l-investigazzjoni magħmula fuq il-post fil-21 ta' April 1997 (aktar 'il quddiem "ir-risposta tas-Sur Becher"), il-kunċett ta' kodiċi ta' tqassim jikkonċerna biss is-swieq tal-pajjiżi terzi. Dan l-aħħar fatt huwa kkonfermat fil-premessi 101 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata.

122    Barra minn hekk, id-dokument Kodiċi ta' tqassim ma jirriflettix ftehim sod, peress li Vallourec kienet indikat fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec li dan kien sempliċi tentattiv sabiex jinbidlu l-kodiċi ta' tqassim u li d-dokument innifsu kien jipprovdi għal laqgħa ġdida bejn il-produtturi Ewropej sabiex jiġu eżaminati l-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-kodiċi ta' tqassim li kienu proposti fih.

123    Barra minn hekk, mid-dokument Kodiċi ta' tqassim jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi kienu esprimew riżerva dwar din il-proposta, peress li kkunsidraw li l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi ta' tqassim kellu jitwessa' sabiex ikopri t-tubi ERW OCTG, li huma tubi ta' l-azzar ssaldjati. Fid-dawl tad-dokument Kodiċi ta' tqassim, il-Kummissjoni kellha għalhekk titratta lill-produtturi Ġappuniżi bl-istess mod bħall-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, li fir-rigward tagħhom hija kienet irtirat l-oġġezzjonijiet tagħha minħabba li huma kienu wkoll esprimew riżervi fir-rigward tal-kodiċi ta' tqassim propost, inkwantu dan kien jikkonċerna s-suq Ewropew, u minħabba li huma kienu għamlu xi bejgħ ta' tubi ta' l-azzar fl-Ewropa. Il-Kummissjoni ma tistax tafferma li d-differenza fit-trattament bejn il-produtturi Ġappuniżi u dawk ta' l-Amerika t'Isfel tista' tiġi spjegata abbażi ta' l-importanza tal-bejgħ magħmul minn dawn ta' l-aħħar fuq is-swieq Ewropej, peress li hija ma pproduċietx, in sostenn ta' din l-affermazzjoni, ċifri li jippermettu paragun validu tal-bejgħ in kwistjoni. Id-differenza fit-trattament huwa għalhekk inġustifikat, u l-fatt li l-Kummissjoni rtirat l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel idgħajjef l-asserzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata f'dak li għandhom x'jaqsmu r-rikorrenti Ġappuniżi.

124    Il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi biegħu tubi fuq ċerti swieq Ewropej għandu jkun biżżejjed sabiex juri a fortiori li d-dokument Kodiċi ta' tqassim ma jirriflettix l-eżistenza ta' ftehim li huma kienu ffirmaw. Fil-fatt, skond dan id-dokument, dawn ma kellhomx ibiegħu tubi fuq is-suq Ewropew, mingħajr l-ebda riżerva fir-rigward tal-portata ta' din il-projbizzjoni. Barra minn hekk, ir-riżerva magħmula mill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel xejnet kull valur ekonomiku li l-kodiċi ta' tqassim propost kellu f'għajnejn il-produtturi Ewropej u l-adozzjoni suċċessiva tiegħu f'dawn iċ-ċirkustanzi kienet għalhekk irrazzjonali u, konsegwentement, inverosimili.

125    F'dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca ta' l-14 ta' Ottubru 1996, riprodotta fil-paġna 6354 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni tas-Sur Verluca ta' l-14 ta' Ottubru 1996"), ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li din id-dikjarazzjoni ma tikkostitwixxix il-prova tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju invokat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-parti rilevanti ta' din id-dikjarazzjoni sempliċiment tikkonferma li r-rikorrenti Ġappuniżi kienu jipparteċipaw regolarment fil-laqgħat organizzati fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun, liema laqgħat kienu jirrigwardaw, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, swieq li mhumiex is-swieq domestiċi tal-produtturi Ewropej u Ġappuniżi. Ir-rikorrenti Ġappuniżi jfakkru li, fil-fehma tagħhom, il-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun ma kinux jikkonċernaw ħlief il-bejgħ fuq is-swieq ta' pajjiżi terzi, bħalma huma ċ-Ċina u r-Russja. M'hemm l-ebda element ta' prova li juri li minn dawn il-laqgħat kien ġie konkluż l-akkordju illegali allegat mill-Kummissjoni. Fir-replika tagħha, Sumitomo ssostni li d-dokument Investigazzjoni għand Vallourec, li fih id-dikjarazzjoni magħmula mis-Sur Verluca fit-18 ta' Diċembru 1997, kif ukoll id-dikjarazzjoni tas-Sur Jachia, impjegat ta' Dalmine, magħmula lill-Prosekutur Pubbliku ta' Bergamo, tal-5 ta' Ġunju 1995, riprodotta fil-paġna 8220(c)(6) tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni tas-Sur Jachia"), jeskludu mill-akkordju l-pajpijiet tal-qies għat-trasport, peress li huma jirreferu għall-prodotti standard. Teżisti għalhekk kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Diċembru 1996 u l-affermazzjonijiet tiegħu li jinsabu fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec fir-rigward tal-prodotti kkontemplati mir-Regoli Fundamentali.

126    Barra minn hekk, JFE-Kawasaki tirrileva li, fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec, is-Sur Verluca iddikjara li, "bħala regola ġenerali, is-swieq offshore l-oħra, apparti dak tar-Renju Unit, ma kinux ikkunsidrati bħala swieq domestiċi". Għaldaqstant, l-eżistenza tal-ksur f'dak li jikkonċerna s-swieq offshore ma ġietx ipprovata.

127    Id-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo, ex impjegat ta' Dalmine, magħmula lill-Prosekutur Pubbliku ta' Bergamo fl-1 ta' Ġunju 1995, riprodotta fil-paġna 8220(c)(10) tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "id-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo") lanqas ma timplika li r-rikorrenti Ġappuniżi kienu kkonkludew l-akkordju kkonstatat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm f'din id-dikjarazzjoni s-Sur Biasizzo għamel referenza għal ftehim li ma kienx vinkolanti (gentleman's agreement) fis-sens li l-produtturi barranin kellhom, meta ssir sejħa għal offerti, jipproponu prezzijiet aktar għoljin, bi 8% sa 10%, minn dawk proposti mill-produttur nazzjonali, fid-depożizzjoni sussegwenti intitolata "Commento alle mie deposizioni" (aktar 'il quddiem id-dokument Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi") riprodotta fil-paġna 8220(c)(14) tal-fajl tal-Kummissjoni, huwa elenka l-vantaġġi ekonomiċi oġġettivi kollha li minnhom kien jibbenefika produttur lokali ta' tubi ta' l-azzar fuq is-suq nazzjonali tiegħu meta mqabbel ma' produtturi barranin, mingħajr ma saret aktar referenza għal ftehim internazzjonali [anness 15 tad-DO, p. 8220(c)(16)]. Barra minn hekk, din ir-referenza għas-sejħiet għal offerti hija inkompatibbli ma' l-affermazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 fejn qal li ma kienx hemm sejħiet għal offerti importanti fuq is-swieq Ewropej.

128    Hemm allura kontradizzjoni kbira bejn id-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo u d-dokument Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi. Fi kwalunkwe każ, dawn iż-żewġ dokumenti ma jispeċifikawx liema kienu l-prodotti kkonċernati mill-akkordju li għalih jagħmlu referenza, u lanqas id-durata tiegħu. Huwa għalhekk anqas verosimili li d-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo u d-dokument Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi jirreferu għall-prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata peress li s-suq Taljan tat-tubi ta' l-azzar, fiż-żmien in kwistjoni, kien jirrigwarda, prinċipalment, prodotti oħra, jiġifieri t-tubi premium OCTG u l-pajpijiet għat-trasport 'trade'. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tas-Sur Biasizzo fir-rigward ta' l-ishma mis-suq storiċi kienu jikkonċernaw is-swieq ta' pajjiżi terzi, li mhumiex ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni u l-kummentarji tas-Sur Biasizzo mhumiex ta' min joqgħod fuqhom. Fil-fatt, dawn saru taħt pressjoni, f'kuntest fejn l-awtur tagħhom kellu interess li jispjega għal-liema raġunijiet, barra mill-prattiċi diżonesti li kienu s-suġġett ta' l-investigazzjoni miftuħa fir-rigward tagħha, Dalmine kienet rebħet il-kuntratti pubbliċi kollha ta' Agip. Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, is-Sur Biasizzo kien responsabbli għall-bejgħ tat-tubi OCTG biss u mhux għall-bejgħ tal-pajpijiet għat-trasport matul il-perijodu bejn il-bidu tas-sena 1992 u t-tmiem ta' l-ewwel nofs tas-sena 1993.

129    Fi kwalunkwe każ, Nippon u JFE-Kawasaki jikkunsidraw li d-definizzjoni tar-Regoli Fundamentali adottata fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fil-premessi 61 u 101, tipprovdi li l-partijiet fl-akkordju kienu formalment ipprojbiti milli jbiegħu l-prodotti tagħhom fuq is-swieq tal-kompetituri tagħhom, hija inkompatibbli mad-definizzjoni li toħroġ mid-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo li tipprovdi li l-partijiet setgħu joffru l-prodotti tagħhom bi prezzijiet aktar għoljin minn dawk tal-produttur nazzjonali.

130    Fir-rigward tar-risposta mogħtija minn Dalmine, fl-4 ta' April 1997, għal mistoqsija magħmula mill-uffiċjali tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni fuq il-post, riprodotta fil-paġna 15099 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "ir-risposta ta' Dalmine ta' l-4 ta' April 1997"), għalkemm Dalmine semmiet kuntatti mill-qrib ma' l-industrija Ġappuniża, dawn il-kuntatti kienu jirrigwardaw is-swieq barra mill-Komunità Ewropea, bħal dak tar-Russja. Barra minn hekk, dan id-dokument jafferma li l-kunċett ta' Regoli Fundamentali jista' jirrifletti l-pożizzjoni tas-settur Komunitarju tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura wara s-snin 1986/1987 u jirreferi għall-importazzjonijiet bla kontroll ta' tubi provenjenti minn żoni ġeografiċi oħra fl-istess żmien. Fi kwalunkwe każ, minn dan id-dokument jirriżulta li l-persuni li kienu jmexxu lil Dalmine fid-data ta' din id-dikjarazzjoni ma kinux jafu b'dak li kien ġara qabel Frar 1996 u li din il-kumpannija ma kellha l-ebda element ta' prova fil-fajls tagħha li juri l-eżistenza ta' laqgħat mal-produtturi Ġappuniżi u Ewropej. Dawn il-fatti kienu ġew ikkonfermati minn Dalmine fir-risposta tagħha, tad-29 ta' Mejju 1997, għal ittra li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha ai termini ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, riprodotta fil-paġna 15162 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "ir-risposta ta' Dalmine tad-29 ta' Mejju 1997). Barra minn hekk, ir-risposta ta' Dalmine tad-29 ta' Mejju 1997 tikkontradixxi d-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo u d-dokument Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi, inkwantu minn dawn id-dokumenti jirriżulta, minn banda, li fid-diskussjonijiet miżmuma fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun kienu diskussi biss is-swieq li mhumiex Komunitarji u, mill-banda l-oħra, li l-esportazzjonijiet ta' tubi lejn il-Komunità Ewropea kienu limitati, imma mhux projbiti. Sumitomo tirrileva, f'dan ir-rigward, li r-risposta ta' Dalmine tad-29 ta' Mejju 1997 tistrieħ fuq dak li jiftakar is-Sur R. li jindika s-sors preċiż ta' dawn il-memorji, jiġifieri l-konversazzjonijiet li huwa kellu mas-Sur Biasizzo, li kien preżenti għal-laqgħat in kwistjoni.

131    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li, skond id-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar, li jinsab fil-fajl tal-Kummissjoni imma li ma jissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Regoli Fundamentali kienu jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn produtturi Ewropej. Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, dan id-dokument mhuwiex sempliċement eżami tal-konsegwenzi ta' l-irtirar ta' Corus mis-suq tat-tubi mingħajr saldatura.

132    Fir-rigward tar-risposta tas-Sur Becher, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li dan ma kellux għarfien personali, skond kif iddikjara hu stess, taċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa kkummenta, fatt dan li l-Kummissjoni intenzjonalment naqset milli ssemmi meta kkwotat id-dikjarazzjoni fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata. Ix-xhieda tiegħu għalhekk m'għandhiex xi valur probatorju kbir u hija wkoll inammissibbli skond JFE-NKK (sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, u l-konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf li kien serva ta' Avukat Ġenerali fl-imsemmija sentenza, iċċitati f'punt 56 aktar 'il fuq, p. 955 sa 957). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra din ir-risposta bħala element ta' prova affidabbli inkwantu hija tikkonferma l-eżistenza ta' akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi filwaqt li tikkunsidraha bħala inaffidabbli fejn l-istess risposta teskludi l-eżistenza ta' akkordju intiż għall-ħarsien tas-suq domestiku ta' kull produttur Ewropew mill-produtturi Ewropej l-oħra. Inkwantu r-risposta tas-Sur Becher tiċħad l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej, din ir-risposta hija kontraddetta mid-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar, li s-Sur Becher jikklassifika bħala żbaljat. Bl-istess mod, din ir-risposta hija inkompatibbli f'dan ir-rigward mad-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tad-17 ta' Settembru 1996 u mar-rispoista ta' Dalmine tad-29 ta' Mejju 1997.

133    Fir-rigward tar-risposta mogħtija minn Corus fil-31 ta' Ottubru 1997, għal talba għal aktar informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, riprodotta fil-paġna 11932 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "ir-risposta ta' Corus"), fejn tgħid li s-swieq domestiċi kienu riżervati għall-produtturi lokali, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li, f'ittra tat-30 ta' Marzu 1999 lill-Kummissjoni (anness C.5 mar-rikors fil-kawża T-68/00, aktar 'il quddiem "l-ittra tat-30 ta' Marzu 1999"), Corus indikat biċ-ċar li l-ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet tagħha ma kellha tiġi interpretata fis-sens li hija kienet qiegħda timplika l-eżistenza ta' akkordju bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi. B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-ittra tat-30 ta' Marzu 1999 kienet titratta l-proċediment rigward it-tubi ssaldjati, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li d-dikjarazzjoni kkjarifikata f'din l-ittra kienet ġiet ifformulata minn Corus f'termini identiċi fl-ambitu tal-proċedimenti relattivi għat-tubi mingħajr saldatura. Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li l-pożizzjoni ta' Corus hija paradossali, Nippon issostni li, għall-kuntrarju, hija l-Kummissjoni li qiegħda tipprova tistrieħ fuq interpretazzjoni ta' l-affermazzjonijiet ta' Corus li l-istess Corus eskludiet. JFE-Kawasaki u Sumitomo jirrilevaw li, fi kwalunkwe każ, l-allegata ammissjoni ta' Corus hija vaga u ambigwa. Sumitomo tenfasizza, barra minn hekk, li l-uniċi prodotti msemmija fir-risposta ta' Corus huma t-tubi OCTG. Hija ssostni, bħalma tagħmel JFE-NKK, li r-risposta ta' Corus kienet tirrigwarda biss is-swieq ta' pajjiżi terzi.

134    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, il-produtturi Ewropej kellhom interess evidenti sabiex "jillimitaw id-danni", partikolarment meta ammettew l-eżistenza ta' akkordju mal-produtturi Ġappuniżi bil-għan li jiżvijaw l-attenzjoni tal-Kummissjoni mill-veru sinifikat tar-Regoli Fundamentali, li kienu jikkontemplaw it-tqassim tas-swieq Ewropej bejn il-produtturi Ewropej, ksur dan li huwa ħafna aktar gravi minn dak li ġie ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li kien jinvolvi multi ħafna ikbar għal dawn il-produtturi Ewropej li kieku dawn ammettewh. Din it-teżi tinsab ikkorroborata bil-fatt li l-istrateġija adottata minn Vallourec, jiġifieri li tinforma lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta' akkordju mal-produtturi Ġappuniżi, għenitha sabiex tibbenefika minn tnaqqis ta' 40% mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fl-assenza ta' din il-kooperazzjoni u sabiex tevita li l-Kummissjoni timponilha multa addizzjonali relatata mal-ksur konċernanti t-tubi lixxi kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, Dalmine ibbenefikat minn tnaqqis ta' 20% mill-multa tagħha. Huwa f'dan il-kuntest li jeħtieġ li jiġu evalwati l-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca. Wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll il-fatt li Vallourec ma ressqitx rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata u li Dalmine ma kkontestatx il-fatti li fuqhom hija bbażata. Barra minn hekk, Sumitomo tirrileva li d-dikjarazzjonijiet invokati kollha, partikolarment dawk tas-Sinjuri Verluca, Becher u Biasizzo, saru wara li seħħu l-fatti in kwistjoni u żżid tgħid li jeħtieġ li tingħata prevalenza, f'każ ta' xi kontradizzjoni, lill-provi li jinsabu fid-dokumenti kontemporanji għall-ksur, partikolarment id-dokument Kodiċi ta' tqassim, fil-konfront ta' dawk li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet imsemmija.

135    Nippon issostni li, kuntrarjament għal dak li hemm indikat fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, hija rrispondiet espressament, kemm fir-risposta miktuba għad-DO u kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Kummissjoni, għall-allegazzjoni li d-dokumenti ċċitati fil-premessi 62 sa 67 u 100 jixhdu l-eżistenza u l-kontenut ta' l-akkordju kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u tqajjem dubju dwar il-valur probatorju ta' kull wieħed minn dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, Nippon tikkontesta l-affermazzjoni, li tinsab fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi Ġappuniżi rrikonoxxew li ma setgħux jagħtu dettalji dwar il-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun peress li f'risposta għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta hija kienet ippreċiżat li kienu saru xi laqgħat bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi liema laqgħat iżda kellhom l-għan li jikkoordinaw il-bejgħ fuq is-suq Russu u dak Ċiniż.

136    F'dak li għandu x'jaqsam mad-durata tal-ksur, id-dati indikati fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 mhumiex ċerti. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma pprovatx id-durata tal-ksur suffiċjentement skond il-liġi.

137    Fir-rigward tad-data ta' l-1977, is-sena li minnha bdew l-'échanges' skond is-Sur Verluca, ir-rikorrenti Ġappuniżi jqajmu żewġ oġġezzjonijiet prinċipali.

138    Fl-ewwel lok, huma jirrilevaw li t-terminu Franċiż "échanges" huwa vag wisq u li ġie tradott fl-Ingliż fin-nota fil-qiegħ ta' paġna 10 tad-deċiżjoni kkontestata bit-terminu "trade", liema traduzzjoni hija inkompatibbli ma' l-apprezzament magħmul mill-Kummissjoni fil-premessa 108 ta' din id-deċiżjoni, li jitkellem dwar laqgħat bejn il-partijiet f'akkordju illegali.

139    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li, għal dak li għandu x'jaqsam mal-perijodu ta' qabel l-1990, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu jostakolaw lill-produtturi Ġappuniżi milli jbiegħu l-prodotti tagħhom fuq is-swieq tal-Komunità Ewropea. Madankollu, mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 bl-ebda mod ma jirriżulta li l-akkordju illegali bejn produtturi Ġappuniżi u Ewropej kien ħa post l-akkordji ta' awtolimitazzjoni konklużi fuq livell governattiv fl-1990 jew fl-1991. Minn dan, ir-rikorrenti Ġappuniżi jiddeduċu li d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 ma tikkorroborax l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-data li fiha beda l-ksur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ħelsitx lillha nnifisha mill-obbligu li ġġib provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti fir-rigward tad-durata tal-ksur (sentenza CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, punt 20).

140    Barra minn hekk, anke jekk jiġi pprovat suffiċjentement skond il-liġi li l-laqgħat bejn il-produtturi, li allegatament jikkostitwixxu l-ksur, bdew mill-1977, il-Kummissjoni għamlet żball meta kkalkulat id-durata tal-ksur, peress li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni KE-Ġappun skadew fil-31 ta' Diċembru 1990 u mhux fil-31 ta' Diċembru 1989. Dan il-fatt jinsab attestat mill-elementi ta' prova annessi mar-rikorsi tar-rikorrenti Ġappuniżi, partikolarment minn estratt minn white paper dwar il-kummerċ internazzjonali ppubblikata mill-Ministeru tal-Kummerċ u ta' l-Industrija Ġappuniż (aktar 'il quddiem il-"MITI") fil-25 ta' Ġunju 1991, li minnha jirriżulta, fil-fehma tagħhom, li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni baqgħu fis-seħħ matul is-sena 1990. Il-leġiżlazzjoni Ġappuniża tagħti lill-MITI l-poter li jobbliga lill-produtturi Ġappuniżi ta' tubi ta' l-azzar sabiex josservaw it-termini ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni. Fl-eżerċizzju ta' dawn il-poteri, il-MITI stieden sitt kumpanniji Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti Ġappuniżi, sabiex jikkonkludu akkordju ta' awtolimitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet, sussegwentement ratifikati mill-MITI. In sostenn tal-pożizzjoni tagħhom, ir-rikorrenti Ġappuniżi pproduċew id-dokumentazzjoni dettaljata ppreparata min-naħa Ġappuniża u relattiva għall-proroga ta' dan l-akkordju bil-għan li jkopri s-sena 1990, jiġifieri l-akkordju ta' proroga, approvat mill-MITI fit-28 ta' Diċembru 1989, u l-ittra ta' notifika lill-MITI li tispjega r-raġunijiet li għalihom kellha ssir din il-proroga. Barra minn hekk, Nippon ipproduċiet proposta għal riżoluzzjoni provenjenti mill-kumitat ta' ġestjoni tagħha kif ukoll l-att li bih l-imsemmi kumitat approva l-proroga ta' l-akkordju bejn il-produtturi Ġappuniżi sal-31 ta' Diċembru 1990.

141    Fir-repliki tagħhom, Nippon u JFE-Kawasaki jistgħaġbu kif il-Kummissjoni ma indikatx biċ-ċar, fir-risposta tagħha, id-data li fiha l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma baqgħux fis-seħħ, meta hija stess kienet parti fil-ftehim intergovernattiv li kien il-bażi tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'huwiex kredibbli li l-Kummissjoni ma kellhiex għarfien ta' l-akkordju konkluż bejn il-produtturi Ġappuniżi. Nippon tistieden lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex titlob lill-Kummissjoni tispeċifika d-data ta' skadenza definittiva ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni. Barra minn hekk, iż-żewġ rikorrenti msemmija aktar 'il fuq u JFE-NKK jsostnu li tibdil bħalma huwa l-iskadenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni mal-Ġappun kien jissemma mill-Kummissjoni fir-Rapport Ġenerali tagħha Nru XXIV dwar l-attivitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-1990, li kieku dan ġara verament f'dik is-sena. Dan ir-rapport jindika, għall-kuntrarju, li r-reġim ta' importazzjoni tal-prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar baqa' intatt meta mqabbel mas-sena 1989 (paragrafu 840 tar-rapport).

142    F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li l-Kummissjoni ma kinitx tikkonstata l-eżistenza tal-ksur għas-sena 1990 li kieku hija ma wettqitx l-iżball ta' fatt invokat mir-rikorrenti.

143    F'dak li jirrigwarda d-data tat-terminazzjoni tal-ksur, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li r-referenza magħmula mill-Kummissjoni għas-sena 1995 hija bbażata esklużivament fuq l-affermazzjoni impreċiża li tinsab fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, skond liema dikjarazzjoni " il-laqgħat waqfu ftit aktar minn sena ilu". F'dan ir-rigward, id-dokument Kodiċi ta' tqassim jikkontempla perijodu li kien jiskadi f'Marzu 1994 u m'hemm l-ebda prova li wara din id-data saru xi laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun. Jeħtieġ għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-ksur, fi kwalunkwe każ, ma damx aktar mill-ewwel nofs tas-sena 1994. Sumitomo u Nippon isostnu, f'dan ir-rigward, li d-dokument Kodiċi ta' tqassim iġib biss prova ta' ksur li dam sena, mill-1993 sa Marzu 1994. Ir-referenza għall-fatt li l-akkordju eżista qabel l-1 ta' April 1995, li tinsab fid-dikjarazzjoni tas-Sur Becher, dokument invokat mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi d-durata tal-ksur fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, hija irrilevanti f'dan ir-rigward, peress li din id-data hija sempliċiment id-data li fiha l-awtur ta' din id-dikjarazzjoni laħaq direttur ġenerali ta' Mannesmann. Inkwantu mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ksur ikkonstatat f'dan l-artikolu kompla matul is-sena 1995, dan huwa inkompatibbli ma' l-elementi ta' prova invokati. Huwa meħtieġ għalhekk, ta' l-inqas, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata inkwantu tikkonstata l-eżistenza ta' ksur għall-perjodi li fir-rigward tagħhom il-provi mressqa huma insuffiċjenti.

144    Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li t-tattika tar-rikorrenti Ġappuniżi, li tifred kull element ta' prova mill-kuntest tiegħu u li tissoġġettah għal analiżi ġuridika kumplessa, ma taħdimx għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-elementi materjali kollha li, meta jiġu analizzati fil-kuntest effettiv tagħhom, jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Sarrió vs Il-Kummissjoni, T-334/94, Ġabra p. II-1439, punt 103). Il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, sabiex jiġi apprezzat il-valur probatorju ta' dokument, jeħtieġ, minn banda, li tiġi vverifikata l-kredibbilità tal-kontenut tiegħu, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni, partikolarment, l-oriġni tad-dokument, iċ-ċirkustanzi marbuta mal-preparazzjoni tiegħu u d-destinatarju tiegħu, u mill-banda l-oħra, li jiġi mistoqsi jekk, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u jekk huwiex kredibbli (punt 1838 tas-sentenza).

145    Fil-każ preżenti, l-argument li r-Regoli Fundamentali, li għalihom jirreferu d-diversi elementi ta' prova, jiddeskrivu stat ta' fatt aktar milli akkordju dwar it-tqassim tas-swieq huwa inverosimili. Dawn id-dokumenti lanqas ma jikkorroboraw l-argument li r-Regoli Fundamentali kienu jirregolaw biss ir-relazzjonijiet bejn produtturi Ewropej. Il-Kummissjoni tispeċifika, barra minn hekk, li fid-deċiżjoni kkontestata hija ma nsietx l-aspett intra-Komunitarju ta' l-akkordju u li d-deskrizzjoni tal-ksur li tinsab fil-motivi ta' l-istess deċiżjoni u fl- Artikolu 1 tagħha ma tfissirx biss li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx id-dritt li jbiegħu l-prodotti tagħhom fl-Ewropa, imma wkoll li l-ebda produttur Ewropew ma kellu d-dritt li jbiegħ il-prodotti tiegħu fuq is-swieq domestiċi tal-produtturi Ewropej l-oħra.

146    B'mod partikolari, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta' JFE-NKK li l-kunċett tar-Regoli Fundamentali u r-Regoli Fundamentali mtejba kienu jirrigwardaw ir-razzjonalizzazzjoni meħtieġa ta' l-industrija tal-Komunità, u mhux akkordju illegali kwalunkwe. Id-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar u, b'mod partikolari, il-laqgħa tas-6 ta' Ottubru 1992 li tissemma f'dan id-dokument jikkonċernaw proċess ta' razzjonalizzazzjoni ffinanzjat mill-għajnuniet ta' l-Istat li l-Kummissjoni approvat ai termini ta' l-Artikolu 87 KE.

147    F'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, il-Kummissjoni tikkunsidra li din għandha tingħata importanza partikolari, peress li l-awtur tagħha kien president tal-kumpannija Vallourec Oil & Gas u kellu konoxxenza diretta ta' l-attivitajiet tal-klabb Ewropa-Ġappun. Fil-fatt, huwa kien ipparteċipa f'diversi laqgħat biennali tal-klabb imsemmi, li għalihom jirreferu d-dikjarazzjonijiet tiegħu (ara l-punt 23 aktar 'il fuq). Il-Kummissjoni tinvoka l-prinċipju li in materja ta' l-amministrazzjoni tal-provi, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-depożitant stess għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom valur probatorju. Hija ssostni li, fil-każ preżenti, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 kienet tmur kontra l-interessi ta' Vallourec, li huwa kien jirrappreżenta, peress li l-Kummissjoni kienet fetħet investigazzjoni kontra l-imsemmija kumpannija.

148    Fir-rigward ta' l-argument li d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 mhijiex ikkorroborata minn ebda element ta' prova f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspetti speċifiċi tal-ksur, partikolarment fir-rigward tad-definizzjoni tar-Regoli Fundamentali, il-Kummissjoni tirrileva li, skond is-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punt 1838), l-ebda prinċipju ta' dritt Komunitarju ma jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq dokument wieħed meta tiġi biex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1)KE.

149    Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 hija kkorroborata mill-elementi ta' prova l-oħra li jinsabu fil-fajl, b'mod partikolari mid-dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 161 et seq aktar 'il quddiem). Għalkemm il-parti l-kbira ta' dawn l-elementi ta' prova dokumentali ma jiddefinixxux ir-Regoli Fundamentali bħala tali u ma jispeċifikawx il-portata tagħhom, dan ġara minħabba li s-sens li għandu jingħata lil dawn ir-regoli kien kjarament magħruf sewwa kemm mill-awturi ta' dawn id-dokumenti u kif ukoll mid-destinatarji tagħhom.

150    B'mod aktar partikolari, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li t-terminu "échanges", li jinsab fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, ma jirreferix għal laqgħat u ssostni li t-traduzzjoni ta' dan it-terminu li tinsab fin-nota fil-qiegħ tal-paġna 10 tal-verżjoni Ingliża tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata.

151    Għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tad-dokument Kodiċi ta' tqassim bħala element ta' prova, il-Kummissjoni ssostni li, skond il-ġurisprudenza, il-kunċett ta' inammissibbiltà tal-provi huwa limitat ħafna fid-dritt Komunitarju. Kif irrileva l-Imħallef Vesterdorf fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, iċċitati f'punt 56 aktar 'il fuq, il-prinċipju li jipprevali huwa dak ta' l-amministrazzjoni libera tal-provi.

152    Fir-rigward tal-portata tad-dokument Kodiċi ta' tqassim, jeħtieġ li jiġi mfakkar, b'mod partikolari, li l-abbrevjazzjoni "API" tista' tirreferi kemm għat-tubi standard OCTG kif ukoll għall-pajpijiet għat-trasport, peress li l-istandards API jeżistu għal kull wieħed minn dawn il-prodotti (ara l-anness mar-risposta fil-kawża T-78/00). B'risposta għall-argument ibbażat fuq il-fatt li, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, is-suq ikkontemplat mid-dokument Kodiċi ta' tqassim kien ineżistenti, il-Kummissjoni ssostni li, jekk dan kien il-każ, ma kien hemm ebda raġuni li l-Ewropa tiġi inkluża fil-kodiċi ta' tqassim propost, ħaġa li, fil-fatt, saret.

153    Għal dak li jikkonċerna n-Nota għall-Presidenti, il-Kummissjoni ssostni, b'mod partikolari, li din in-nota kienet ġiet redatta minn Corus, imma Mannesmann kellha tippreżentaha lill-presidenti, kif tixhed in-nota miktuba bl-idejn fl-ewwel paġna tagħha fis-sens li hija kienet ser tissemma fil-preżentazzjoni ta' "HN" (Hans Nolte de Mannesmann), u li l-kontenut tagħha kien approvat minn Vallourec, b'tali mod li dan id-dokument jesprimi l-opinjoni kollettiva ta' dawn it-tliet produtturi Ewropej.

154    B'risposta għall-argument ibbażat fuq it-trattament aktar favorevoli mogħti lill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, il-Kummissjoni tirrileva li jeżistu provi diretti tal-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi fil-ksur, minbarra d-dokument Kodiċi ta' tqassim, provenjenti, partikolarment, mid-dikjarazzjonijet tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 u ta' l-14 ta' Ottubru 1996, li m'huwiex il-każ fir-rigward tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel.

155    Għal dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni tas-Sur Biasizzo, il-Kummissjoni tikkontesta t-teżi tar-rikorrenti Ġappuniżi li s-Sur Biasizzo kien irtira l-affermazzjonijiet tiegħu dwar l-eżistenza ta' akkordju internazzjonali dwar it-tqassim tas-swieq fid-dokument tiegħu intitolat Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi, u tiċċita, partikolarment, estratti minn dan id-dokument li fihom is-Sur Biasizzo irrefera għall-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni stretta mal-produtturi l-oħra kollha u li jinstabu regoli ġodda u modi ġodda ta' komportament.

156    Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-risposta ta' Dalmine ta' l-4 ta' April 1997 fiha ċerti rivelazzjonijiet fuq l-akkordju in kwistjoni, imma li, mill-bqija, din ir-risposta hija tentattiv sabiex jiġu llimitati l-konsegwenzi u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, ma tistax iddgħajjef id-dikjarazzjoniijiet ċari u espliċiti ta' l-ex impjegati ta' din il-kumpannija. Fir-rigward tad-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar, il-fatt li dan id-dokument jirreferi biss għas-swieq Ewropej, b'differenza mill-elementi l-oħra ta' prova, partikolarment id-dikjarazzjonijiet tas-Sinjuri Verluca u Biasizzo, huwa spjegat bil-fatt li, kif jindika t-titolu tiegħu, id-dokument huwa intiż sabiex jiddeskrivi biss is-sitwazzjoni tal-produtturi Ewropej.

157    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 fir-rigward tad-durata ta' l-akkordju, il-Kummissjoni ssostni li d-durata preċiża ta' l-istess akkordju hija rilevanti biss inkwantu taffettwa l-ammont tal-multa. Rigward il-perijodu li jibda mill-1977 sal-bidu ta' l-1990, hija tfakkar li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni dan il-perijodu għall-finijiet ta' l-iffissar tal-multa, imma li mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 jirriżulta kjarament li l-akkordju kien applikat matul il-perijodu kollu msemmi.

158    Għal dak li jikkonċerna d-data tal-bidu tal-ksur ikkonstatat mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispeċifika li hija ma rrikonoxxietx li ma kienx hemm ksur bejn l-1977 u l-1989 minħabba l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni. Hija kienet sempliċement iddikjarat li l-ksur imwettaq bejn l-1977 u t-tmiem ta' l-1989 me kienx ser jittieħed in kunsiderazzjoni.

159    B'risposta għall-argument ibbażat fuq il-fatt li, skond ir-Rapport Ġenerali Nru XXIV dwar l-attivitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-1990, ir-reġim ta' importazzjoni tal-prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar kien baqa' intatt meta mqabbel ma' dak tas-sena 1989, il-Kummisssjoni tirrileva, b'mod partikolari, li għalkemm ir-Rapport XXV għas-sena 1991 kien redatt bl-istess mod fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ma sostnewx li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni baqgħu fis-seħħ matul is-sena 1991.

160    Barra minn hekk, ir-rikorsi u d-dokumentazzjoni li hemm annessa magħhom jindikaw biss li r-rikorrenti kienu kkonkludew ma' l-awtoritajiet Ġappuniżi akkordju ta' limitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet tagħhom sa tmiem is-sena 1990. Ir-rikorrenti Ġappuniżi bl-ebda mod ma urew li dan l-akkordju kien proroga ta' akkordji ta' awtolimitazzjoni konklużi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġappuniż fuq livell internazzjonali. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, fittxet fl-arkivji tagħha iżda ma sabet ebda ħjiel ta' l-allegat tiġdid ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni sas-sena 1990.

161    Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi dwar id-data tal-bidu tal-ksur jistrieħu fuq il-premessa li l-akkordju ta' awtolimitazzjoni kien jipprojbihom milli jesportaw it-tubi tagħhom lejn il-Komunità. Il-Kummissjoni tikkontesta l-eżattezza ta' din il-premessa, minħabba li dan l-akkordju kien jipprevedi sensiela ta' kwoti għall-benefiċċju tal-produtturi Ġappuniżi.

162    Fir-rigward tad-data li fiha ntemm il-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, l-akkordju kien intemm ftit aktar minn sena qabel. Il-Kummissjoni tirrileva li l-affermazzjoni magħmula fid-dikjarazzjoni tas-Sur Becher li l-akkordju kien jeżisti qabel l-1 ta' April 1995, taqbel ma' dak li qal is-Sur Verluca. Peress li l-parti mill-multa li tikkorrispondi mad-durata ta' l-akkordju kienet ikkalkulata abbażi tal-konstatazzjoni li l-akkordju kien fis-seħħ mill-1990 sa l-1994, b'dawn is-sentejn inklużi, l-indikazzjoni mogħtija mis-Sur Verluca hija ħafna aktar milli suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita d-durata tal-ksur ikkonstatat. Il-fatt li d-dokument Kodiċi ta' tqassim ma jippermettix li jiġi stabbilit il-kontenut tal-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun ħlief sa Marzu 1994 bl-ebda mod ma jipprova li l-akkordju kien effettivament intemm f'dik id-data.

 Fuq it-tielet parti ta' l-ewwel motiv, ibbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-apprezzament tal-portata tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

163    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, it-teżi esposta mill-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkunsidra li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 kellu l-għan li jippreżerva l-istatus protett mogħti lis-suq Britanniku mir-Regoli Fundamentali, permezz tar-Regoli Fundamentali mtejba, hija intrinsikament inverosimili. Huma jsostnu li Corus ma kinitx ser tirtira mis-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin standard OCTG u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport minħabba l-waqfien tal-produzzjoni tat-tubi lixxi tagħħa fi Clydesdale. Din kompliet infatti l-attività tagħha fuq dan is-suq fejn kienet baqgħet tbiegħ xi prodotti, minkejja li hija ma kinitx ikkonkludiet kuntratti għall-fornitura ta' tubi lixxi ma' Vallourec, Dalmine u Mannesmann. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrimettu ruħhom għall-argumenti tagħhom li l-preżenza ta' Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin OCTG u tal-pajpjiet għat-trasport qatt ma kienet ta' ostakolu għalihom sabiex jikkompetu vigorożament fuq il-parti offshore ta' dan is-suq. JFE-NKK issostni f'dan ir-rigward li, skond it-teżi tal-Kummissjoni, kien meħtieġ li jinstab produttur Britanniku li jimmanifattura t-tubi lixxi tiegħu u li imbagħad jagħmel il-kamin huwa stess sabiex jissostitwixxi lil Corus fuq is-suq tar-Renju Unit, fatt dan li ma ġarax. B'hekk, il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma setax jeżisti wara s-sena 1990 minħabba li Corus kienet waqqfet il-produzzjoni tat-tubi lixxi tagħha matul dik l-istes sena.

164    Sumitomo ssostni, barra minn hekk, li m'huwiex leġittimu li jiġi kkunsidrat li t-tieni ksur, ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kien jikkostitwixxi sempliċi mezz għall-implementazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni, li fih il-produtturi Ġappuniżi kienu allegatament ipparteċipaw, sakemm it-twettiq ta' dan it-tieni ksur ma kienx il-konsegwenza inevitabbli u neċessarja ta' l-ewwel ksur. L-elementi ta' prova mressqa mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma jiġġustifikaw din il-konklużjoni u lanqas ma juru li l-produtturi Ġappuniżi kienu jafu b'dan l-akkordju awtonomu. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dokument Kodiċi ta' tqassim m'għandu ebda valur probatorju inkwantu jikkonċerna r-ristrutturazzjoni ta' l-industrija Ewropea. Barra minn hekk, peress li min-noti ta' Vallourec, li ġew analizzati aktar 'il fuq, partikolarment min-nota tagħha Riflessjonijiet strateġiċi, jirriżulta li l-akkordji bejn il-produtturi Ewropej konċernanti t-tubi lixxi kienu ġew konklużi minn Vallourec fil-kuntest tat-teknoloġija tagħha ta' kamin premium, magħrufa bħala VAM, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li dawn l-akkordji kienu jirreferu għat-tubi standard OCTG u għall-pajpijiet tal-qies għat-trasport.

165    Fir-repliki tagħhom, Nippon, JFE-Kawasaki u JFE-NKK jallegaw li r-referenza fin-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 għar-rinforzament tal-KEE, li kellu jwassal għar-Regoli Fundamentali mtejba, kienet tirreferi għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/531 fl-1990. Fil-każ tas-suq Britanniku, din id-direttiva kellu jkollha l-effett li tissostitwixxi s-sistema ta' preferenza nazzjonali implementata mill-OSO b'sistema ta' preferenza Komunitarja li tippermetti li l-produtturi Komunitarji jirbħu l-kuntratti bil-kundizzjoni li l-prezzijiet tagħhom ma jeċċedux dawk tal-produtturi ta' pajjiżi terzi b'aktar minn 3%, sitwazzjoni li minnha ħarġet ir-referenza fin-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 għall-possibbiltà li "fl-[19]93, l-OSO ser jagħti lill-produtturi Ewropej it-3% preferenza li l-istess Uffiċċju [kien] jagħti [f'dak iż-żmien] lill-produtturi Britanniċi". Wara l-għeluq tal-fabbrika ta' Clydesdale, Corus kellha għalhekk bżonn li tforni ruħha b'tubi lixxi mingħand produtturi Ewropej sabiex tkompli tibbenefika mit-trattament preferenzjali, li minn dak iż-żmien kien Komunitarju. Dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jiġi spjegat għalxiex hija għażlet dan is-sors għall-fornitura tat-tubi lixxi. Bl-istess mod, Vallourec, li kienet organizzat din is-sistema ġdida għall-fornitura ta' Corus, kellha kull interess li żżomm il-pożizzjoni ta' Corus fuq is-suq offshore tar-Renju Unit tat-tubi premium OCTG, li minnha Vallourec kienet tibbenefika, bħala titulari tal-liċenza tat-teknoloġija VAM użata minn Corus.

166    F'dan ir-rigward, jirriżulta min-nota Riflessjonijiet strateġiċi li Vallourec kienet ikkontemplat li thedded lil Corus bir-revoka tal-liċenza VAM, sabiex tevita li din il-kumpannija tixtri tubi lixxi mingħand Nippon u mingħand JFE-Kawasaki. Il-kuntratti bilaterali ta' fornitura ta' tubi lixxi konklużi bejn Vallourec u l-produtturi l-oħra ta' tubi lixxi, minn banda, u Corus, mill-banda l-oħra, kienu r-riżultat għalhekk ta' l-interess kummerċjali tal-produtturi Ewropej sabiex iżidu l-bejgħ tagħhom ta' tubi lixxi. Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, m'hemm ebda raġuni sabiex wieħed jassumi li dan it-tqassim tas-suq tat-tubi lixxi bejn l-Ewropej kellu bżonn jiġi rinforzat permezz ta' akkordju mal-produtturi Ġappuniżi.

167    Fi kwalunkwe każ, huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi l-kuntratti għall-fornitura ta' tubi lixxi konklużi minn Corus ma' kull wieħed mit-tliet produtturi Ewropej l-oħra, liema kuntratti ntemmu bejn l-1997 u l-1999, bħala elementi ta' implementazzjoni tal-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dan il-ksur eżista biss sa mhux aktar mill-1995.

168    Huwa wkoll rilevanti, f'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti Ġappuniżi, riprodott aktar 'il fuq, li jgħid li l-Kummissjoni analizzat b'mod żbaljat id-dokumenti li jirreferu għar-Regoli Fundamentali u b'mod partikolari, fil-kuntest preżenti, għar-Regoli Fundamentali mtejba.

169    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti Ġappuniżi għandhom ukoll interess ġuridiku sabiex jikkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li b'konsegwenza ta' din il-pożizzjoni l-Kummissjoni imponiet l-istess multa għall-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, minkejja l-fatt li dawn ta' l-ewwel kienu pparteċipaw f'żewġ ksur, mentri l-oħrajn fi ksur wieħed biss.

170    Skond il-Kummissjoni, min-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 jirriżulta b'mod ċar li l-produtturi Ewropej ħassew li kellhom jieħdu xi miżuri sabiex jevitaw li l-għeluq tal-fabbrika ta' Corus fi Clydesdale jkollha l-konsegwenza li s-suq Britanniku ma jibqax suq domestiku protett fis-sens tar-Regoli Fundamentali. Ir-raġunament tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa għalhekk li l-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni, kien twettaq sabiex Corus tibqa' produttur "domestiku" fis-sens ta' l-akkordju, kif deskritt fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata.

171    Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti Ġappuniżi m'għandhom ebda interess ġuridiku jikkontestaw il-konstatazzjonijiet relattivi għall-ksur attribwit lil impriżi oħra bl-Artikolu 2. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta' dawn fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 mhijiex meħtieġa sabiex dan il-ksur ikun serva ta' rinforz, bil-mod deskritt fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ksur ikkonstatat fir-rigward tagħhom fl-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni. Huwa għalhekk irrilevanti li Sumitomo setgħet ma kinitx taf bl-eżistenza ta' l-akkordji kkontemplati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif hija tallega, u li dan il-ksur seta' intemm aktar tard minn dak ikkonstatat fl–Artikolu 1.

172    Fl-aħħar nett, anke jekk jitqies li r-rikorrenti Ġappuniżi setgħu ġustament jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tranżizzjoni mir-Regoli Fundamentali għar-Regoli Fundamentali mtejba, dan il-punt bl-ebda mod ma jippreġudika l-konstatazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali. L-argument li r-referenzi għar-Regoli Fundamentali mtejba jirrigwardaw id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/531 hija inverosimili fid-dawl ta' l-assjem ta' l-elementi ta' prova dokumentali invokati fid-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari n-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

173    Preliminarjament, inkwantu jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, jeħtieg li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tipprova l-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-elementi ta' prova li juru, għas-suffiċjenza tad-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitiwixxu l-ksur (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 58 u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 86).

174    Barra minn hekk, fl-ambitu ta' rikors għal annullament imressaq skond l-Artikolu 230 KE, il-ġudikatura Komunitarja għandha sempliċement tistħarreġ il-legalità ta' l-att ikkontestat.

175    Għalhekk, ir-rwol tal-ġudikant li jkollu quddiemu azzjoni għall-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti f'evalwazzjoni ta' jekk il-provi u l-elementi l-oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur allegat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punt 891).

176    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax, in sostenn tad-deċiżjoni kkontestata, tressaq elementi ġodda ta' prova inkriminanti li ma jkunux ġew ikkonstatati fl-istess deċiżjoni. Madankollu, inkwantu l-partijiet rikorrenti qegħdin jippruvaw jistabbilixxu, abbażi tad-dokumenti l-oħra li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li t-teżi tal-Kummissjoni hija fattwalment żbaljata, il-Kummissjoni għandha dritt tirribatti l-argumenti tagħhom b'referenza għad-dokumenti in kwistjoni.

177    Barra minn hekk, jekk il-ġudikant ikollu xi dubju, dan għandu jibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza United Brands vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 265). Il-ġudikant ma jistax għalhekk jikkonkludi li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur in kwistjoni għas-suffiċjenza tad-dritt jekk huwa jkollu xi dubju fuq il-kwistjoni, partikolarment fl-ambitu ta' rikors għal annullament imressaq fil-konfront ta' deċiżjoni li timponi multa.

178    Fil-fatt, f'din is-sitwazzjoni, huwa meħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), li jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, affermata wkoll fil-preambolu ta' l-Att Uniku Ewropew u fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU C 364, p. 1), huma protetti fl-ordni ġuridiku Komunitarju. In vista tan-natura tal-ksur in kwistjoni kif ukoll tan-natura u tas-severità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, il-prinċipju tal- preżunzjoni ta’ l-innoċenza japplika partikolarment għall-proċeduri relattivi għall-vjolazzjonijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi suxxettibbli li jwasslu għall-impożizzjoni ta' multi jew ta' penalitajiet ta' pagamenti perijodiċi (ara, f'dan is-sens, partikolarment, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Öztürk tal-21 ta' Frar 1984, serje A Nru 73, u Lutz tal-25 ta' Awwissu 1987, serje A Nru 123-A; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 175 u 176).

179    Għalhekk, kif jirrilevaw ġustament ir-rikorrenti Ġappuniżi, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex tikkorrobora l-konvinzjoni ferma li l-ksur kien twettaq (ara f'dan is-sens, is-sentenzi CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, punt 20, u Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 127; is-sentenza SIV et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, punti 193 sa 195, 198 sa 202, 205 sa 210, 220 sa 232, 249 sa 250 u 322 sa 328, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq, punti 43 u 72).

180    Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li kull prova miġjuba mill-Kummissjoni m'għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta' kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-kumpless ta' indizji invokati mill-istituzzjoni, meta apprezzat b'mod globali, jissodisfa dan ir-rekwiżit (ara, f'dan is-sens, is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punti 768 sa 778, b'mod partikolari, il-punt 777, ikkonfermata fuq il-punt rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C 244/99 P, C 245/99 P, C 247/99 P, C 250/99 P sa C 252/99 P u C 254/99 P, Ġabra. p. I-8375, punti 513 sa 523).

181    Huwa opportun li jiġi mfakkar, barra minn hekk, li, skond ġurisprudenza kostanti, mit-test stess ta' l-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-akkordji bejn l-impriżi huma pprojbiti meta dawn ikollhom għan antikompetittiv, u dan irrispettivament mill-effett tagħhom (ara, partikolarment, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 123). Issa, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq il-fatt li l-għan ta' l-akkordju ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kien li jillimita l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija rreferiet, partikolarment fil-premessi 62 sa 67 ta' l-istess deċiżjoni, għal diversi elementi ta' prova dokumentali li jistabbilixxu, fil-fehma tagħha, kemm l-eżistenza ta' dan l-akkordju kif ukoll l-għan restrittiv tiegħu.

182    Dan il-fatt għandu potenzjalment konsegwenzi importanti fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-motiv preżenti, li hija bbażata in sustanza fuq il-fatt li l-ksur ippenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata m'għandux effetti antikompetittivi (ara l-ewwel sentenza tal-punt 55, aktar 'il fuq).

183    Fl-ewwel lok, ma jistax ma jiġix ikkonstatat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti Ġappuniżi dwar l-ineżistenza ta' effetti ta' l-akkordju in kwistjoni, anke titqies bħala fondata, ma tistax in prinċipju twassal, waħidha, għall-annullament ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Jannar 1990, Sandoz Prodotti Farmaceutici vs Il-Kummissjoni, C-277/87, Ġabra p. I-45 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punt 30).

184    Fir-rigward tal-każ speċifiku ta' akkordji li, bħal dak ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-każ preżenti, huma intiżi għall-ħarsien tas-swieq domestiċi, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punti 1085 sa 1088), iddeċidiet, minn banda, li dawn għandhom, minnhom infushom, l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u jaqgħu taħt il-kategorija ta' akkordji li huma espressament ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE u, mill-banda l-oħra, li dan l-għan, li fil-każ in kwistjoni, ġie stabbilit b'mod inkontestabbli bi provi dokumentali, ma jistax ikun iġġustifikat b'analiżi tal-kuntest ekonomiku ta' l-imġiba antikompetittiva in kwistjoni.

185    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li ma tagħmilx differenza, inkwantu jirrigwarda l-eżistenza tal-ksur, jekk il-konklużjoni ta' l-akkordju bi skop antikompetittiv ikkonstatat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tagħha kienet jew ma kinitx fl-interess kummerċjali tar-rikorrenti Ġappuniżi jekk jiġi stabbilit, abbażi ta' l-elementi ta' prova li jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni, li huma kienu effettivament ikkonkludew l-imsemmi akkordju.

186    Fit-tieni lok, ma jistax ma jiġix irrilevat li l-argumentazzjoni bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti Ġappuniżi pprovaw l-eżistenza ta' ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawsibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li teżisti vjolazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (sentenzi CRAM u Rheinzhink vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'57 aktar 'il fuq, punt 16; Woodpulp II, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punti 126 u 127, u PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punt 725) hija irrilevanti f' dan il-każ. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza li fuqha hija bbażata din l-argumentazzjoni tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni, meta tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta' ksur, tistrieħ unikament fuq l-imġiba ta' l-impriżi in kwistjoni fuq is-suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punti 727 u 728).

187    Issa, kif għadu kemm ġie rrilevat, il-Kummissjoni invokat elementi ta' prova dokumentali in sostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta' akkordju antikompetittiv. Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti Ġappuniżi ma tistax tkun rilevanti fil-każ preżenti ħlief fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni ma jkunx irnexxielha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur abbażi tal- provi dokumentali li hija tinvoka. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jispetta lir-rikorrenti li jkunu qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex mhux biss jippreżentaw alternattiva plawsibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, imma wkoll sabiex iqajmu l-insuffiċjenza tal-provi kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punt 728).

188    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel żewġ partijiet tal-motiv preżenti, inkwantu l-ewwel parti hija sussidjarja għat-tieni parti fir-rigward tal-forza probatorja tal-provi dokumentali. It-tielet parti tal-motiv, imbagħad, ser tiġi trattata separatament.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta' valur probatorju ta' l-elementi ta' provi u, sussidjarjament, fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà bejn l-eżistenza ta' l-akkordju allegat u s-sitwazzjoni eżistenti fuq is-suq offshore Britanniku u fuq is-swieq l-oħra

–       Id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca

189    Huwa opportun li jiġi rrilevat mill-ewwel li l-Kummissjoni tistrieħ ħafna, kemm fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b'mod partikolari, il-premessa 131) kif ukoll fin-noti ppreżentati fil-kawżi preżenti, fuq id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, kif miżjuda bid-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996 u bid-dokument intitolat "Investigazzjoni għand Vallourec" (aktar 'il quddiem, meta kkunsidrati flimkien, id-"dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca"). Fil-fatt, l-importanza tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca tinstab fil-fatt li dawn huma l-uniċi elementi ta' prova li jistabbilixxu l-aspetti kollha tal-ksur, partikolarment id-durata tiegħu u l-prodotti kkonċernati.

190    Mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 jirriżulta li s-swieq domestiċi tal-parteċipanti fl-akkordju, imsejjaħ bit-terminu "Fundamentals", "kienu jibbenefikaw minn protezzjoni", ħlief għas-suq offshore tar-Renju Unit li kien "semi-protett", inkwantu "kompetitur kellu jikkuntattja lill-produttur lokali ta' tubi għall-industrija taż-żejt [Corus] qabel ma jippreżenta l-offerta [tiegħu]" (ara l-premessi 53 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-prodotti milqutin b'dan l-akkordju kienu, skond id-dikjarazzjoni tas-17 ta' Settembru 1996, "it-tubi bil-kamin standard (it-tubi bil-kamin premium ma kinux inklużi) u [l-pajpijiet tal-qies għat-trasport]" (ara l-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-durata ta' l-akkordju kienet ukoll ippreċiżata fl-imsemmija dikjarazzjoni, inkwantu s-Sur Verluca jafferma li "dawn il-laqgħat bdew wara l-waqgħa tas-suq ta' l-1977" (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dawn il-laqgħat "waqfu ftit aktar minn sena ilu" (premessa 96 tad-deċizjoni kkontestata). Fir-rigward tal-modalitajiet prattiċi ta' l-akkordju, is-Sur Verluca jiddeskrivi sistema ta' laqgħat miżmuma, bħala prinċipju, darbtejn fis-sena (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li s-Sur Verluca spjega, fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996, li l-"parteċipanti tas-soltu" fil-laqgħat kienu "għall-Ewropa: [Corus] (sakemm waqqfet il-produzzjoni tagħha ta' l-OCTG), Dalmine, Mannesmann u Vallourec; għall-Ġappun: [JFE-NKK], [JFE]-Kawasaki, [Nippon], u [Sumitomo]". Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, is-Sur Verluca pprovda, mhux fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta' Settemebru 1996, kif tafferma l-Kummissjoni, imma fl-Anness 2 mad-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996, lista ta' ħames laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun, li nżammu fl-14 ta' April 1992, f'Firenze, fit-23 ta' Ottubru 1992 f'Tokjo, fid-19 ta' Mejju 1993 f'Pariġi, fil-5 ta' Novembru 1993 f'Tokjo u fis-16 ta' Marzu 1994 f'Cannes.

192    F'dan ir-rigward, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tipprevalixxi ruħha minn dikjarazzjonijiet ta' impriżi inkriminati sabiex tużahom kontra impriża oħra (sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punti 109 u 512). Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta' mġiba li tmur kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jaqa' fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta' sorveljanza ta' l-applikazzjoni tajba ta' dawn id-dispożizzjonijiet li ngħatatilha mit-Trattat KE (sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punt 512).

193    Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi kkjarifikat mill-ewwel is-sens tat-terminu "échanges" użat fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996. Kif tirrileva l-Kummissjoni, huwa ċar li t-traduzzjoni ta' dan it-terminu bil-kelma Ingliża "trade" fin-nota fil-qiegħ tal-paġna 10 tal-verżjoni Ingliża tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u li dan it-terminu jindika fir-realtà li kien hemm xi kuntatti bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej ta' tubi ta' l-azzar. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta invokat is-sentenza li fiha kien jinsab dan it-terminu, iċċitata fil-punt 190 aktar 'il fuq, fl-ambitu tad-deskrizzjoni tagħha ta' l-akkordju li bih ġew akkużati l-produtturi Ġappuniżi u Ewropej.

194    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat imbagħad li r-rikorrenti Ġappuniżi ma jiċħdux li kienu nżammu xi laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi Ġappuniżi u Ewropej ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura (ara l-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, JFE-NKK, JFE-Kawasaki u Sumitomo ma jiċħdux li huma pparteċipaw għal dawn il-laqgħat, iżda jaffermaw li l-unika informazzjoni li huma għandhom fir-rigward tal-laqgħat imsemmija hija dik li jiftakru l-impjegati tagħhom, liema memorji ftit huma affidabbli minħabba ż-żmien li għadda minn meta saru dawn il-laqgħat.

195    Fir-rigward ta' Nippon, hija tafferma li, safejn taf hi, l-ebda impjegat minn tagħha li għandha fil-preżent ma kien attenda għal dawn il-laqgħat, iżda tispjega li hija ma tistax teskludi li xi ex impjegati minn tagħha kienu attendew. Madankollu, dettall li ngħata fir-risposta ta' Nippon ta' l-4 ta' Diċembru 1997 għall-mistoqsijiet supplimentari magħmula mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li s-Sur [X], li kien responsabbli għall-esportazzjonijiet ta' tubi ta' l-azzar, kien mar f'Cannes fuq xogħol, mill-14 sas-17 ta' Marzu 1994, jikkorrobora t-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' Nippon fil-laqgħat in kwistjoni, peress li waħda mil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun li rrefera għaliha s-Sur Verluca kienet saret f'Cannes fis-16 ta' Marzu 1994 (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). F'din l-istess risposta, Nippon tafferma li hija ma tistax tispjega l-iskop ta' dan il-vjaġġ u lanqas ta' vjaġġi oħra ta' l-impjegati tagħha f'Firenze, peress li hija ma kellhiex klijenti f'dawn iż-żewġ ibliet.

196    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-rikorrenti Ġappuniżi identifikati mis-Sur Verluca fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996, (ara l-punt 191 aktar 'il fuq), inkluża Nippon, kienu effettivament ipparteċipaw fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun deskritti minnu.

197    Madankollu, l-erba' rikorrenti Ġappuniżi jiċħdu li kien ġie konkluż akkordju dwar it-tqassim tas-swieq Ġappuniżi u Ewropej f'dawn il-laqgħat. B'mod partikolari, JFE-NKK, JFE-Kawasaki u Sumitomo jikkontendu li dawn il-laqgħat kienu jirrigwardaw essenzjalment affarijiet ġenerali jew relattivi għas-swieq ta' pajjiżi terzi bħar-Russja u ċ-Ċina.

198    F'dan l-istadju, in-nuqqas ta' qbil bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti Ġappuniżi jikkonċerna l-kwistjoni jekk f'dawn il-laqgħat bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej kienx ġie konkluż xi akkordju illegali għall-ħarsien reċiproku tas-swieq domestiċi f'dak li għandhom x'jaqsmu ż-żewġ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport.

199    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca huma wisq vagi sabiex jikkostitwixxu elementi ta' prova, anke jekk dgħajfin, ta' l-eżistenza ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq ikkonstatat mill-Kummissjoni. B'mod partikolari, huma jirrilevaw li d-deskrizzjoni mogħtija mis-Sur Verluca tas-sistema ta' protezzjoni parzjali tas-suq offshore tar-Renju Unit, fis-sens li "[i]r-Renju Unit (offshore) kien ikkunsidrat bħala semi-protett, jiġifieri li kompetitur kellu jikkuntattja lill-produttur lokali ta' tubi għall-industrija taż-żejt qabel ma jippreżenta l-offerta tiegħu [u li d]in ir-regola kienet ftit jew wisq osservata", hija nieqsa mill-preċiżjoni u ma tikkorrispondix mar-realtà, peress li mhijiex ikkorroborata minn ebda dokument ieħor invokat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, hemm kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tad-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, li s-suq offshore tar-Renju Unit kien biss semi-protett, u l-premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata li jiddeskrivu sistema ta' tqassim tas-swieq vera u proprja.

200    Huwa biżzżejjed li jiġi kkonstatat, fir-rigward ta' dan l-ilment, li l-imsemmija premessi 101 u 102 jiddeskrivu l-iskop antikompetittiv tar-Rregoli Fundamentali b'mod ġenerali, fl-ambitu ta' l-apprezzament ġuridiku magħmul mill-Kummissjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u għandhom jinqraw fid-dawl tal-premessa 62, li, fil-kuntest ta' deskrizzjoni detalljata tal-funzjonament tar-Regoli Fundamentali in vista tal-provi dokumentali miġbura, kienet diġà uriet il-fatt li s-suq offshore tar-Renju Unit kellu status partikolari. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti Ġappuniżi f'dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

201    Fir-rigward ta' l-argument li l-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun qatt ma kienu rrigwardaw is-swieq tal-Komunità, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, jekk, skond is-Sur Verluca, l-"avvenimenti l-kbar li jaffettwaw is-suq tal-prodotti taż-żejt (VRA Amerikan, skonvolġimenti politiċi fil-USSR, żvilupp taċ-Ċina...)" kienu diskussi matul dawn il-laqgħat, dan ma jimpedixxix li "l-applikazzjoni tar-Regoli Fundamentali iċċitati aktar 'il fuq" kienet "ikkonstatat(a)" matul dawn il-laqgħat ukoll. Għalhekk, mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 jirriżulta li l-applikazzjoni tar-Regoli Fundamentali, li timplika partikolarment il-ħarsien ta' l-erba' swieq domestiċi tal-produtturi komunitarji mir-rikorrenti Ġappuniżi, hija wieħed mis-suġġetti diskussi matul dawn il-laqgħat.

202    Jeħtieġ li jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha r-rwol li tippenalizza l-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u li l-akkordji li jinvolvu t-"tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta' fonti ta' provvista" huma espressament imsemmija fl-Artikolu 81(1)(ċ) KE bħala projbiti a tenur ta' din id-dispożizzjoni. Huwa biżżejjed għalhekk għall-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-akkordju bejn impriżi li jista' jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri kellu l-għan jew ir-riżultat li jqassam is-swieq Komunitarji ta' prodott wieħed jew aktar bejniethom sabiex dan l-akkordju jkun jikkostitwixxi ksur.

203    Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li, fil-prattika, il-Kummissjoni hija ta' spiss obbligata tipprova l-eżistenza ta' ksur f'ċirkustanzi ftit adattati għal dan il-kompitu, inkwantu jistgħu jkunu għaddew diversi snin miż-żmien tal-fatti li jkunu jikkostitwixxu l-ksur u diversi mill-impriżi li jkunu s-suġġett ta' l-investigazzjoni ma jkunux ikkooperaw b'mod attiv magħha. Għalkemm il-Kummissjoni hija neċessarjament meħtieġa tipprova li kien ġie konkluż akkordju illegali dwar it-tqassim tas-swieq (ara l-punti 177 u 178 aktar 'il fuq), ikun wisq eċċessiv li wieħed jeżiġi, barra minn hekk, li hija ġġib il-prova tal-mekkaniżmu speċifiku li bih dan l-għan kellu jintlaħaq (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, T-310/94, Ġabra p. II.1043, punt 124). Fil-fatt, ikun wisq faċli għal impriża li tkun ħatja ta' ksur li tevita l-piena jekk hija tkun tista' ġġib argument dwar in-natura vaga ta' l-informazzjoni prodotta fir-rigward tal-funzjonament ta' akkordju illegali f'sitwazzjoni fejn l-eżistenza ta' l-akkordju u l-iskop antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu pprovati b'mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu rwieħhom utilment f'sitwazzjoni bħal din sakemm ikollhom il-possibbiltà li jeżaminaw l-elementi ta' prova kollha miġjuba kontrihom mill-Kummissjoni.

204    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punt 1838), sabiex issostni l-fatt li hija tista, f'każ ta' bżonn, tistrieħ fuq prova waħda sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-valur probatorju ta' l-istess prova u li din il-prova tattesta l-eżistenza tal-ksur b'mod ċert. Skond il-Kummissjoni, huwa possibbli li din ir-regola tiġi applikata għad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami.

205    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti Ġappuniżi, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca mhux biss huma affidabbli, imma għandhom ukoll valur probatorju partikolarment għoli minħabba li dawn kienu saru għan-nom ta' Vallourec. Issa, ir-risposti mogħtija għan-nom ta' impriża, bħala tali, għandhom aktar kredibbiltà minn dik li jista' jkollha r-risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, tkun xi tkun l-esperjenza jew l-opinjoni personali ta' dan ta' l-aħħar (ara, anke jekk tinsab taħt appell, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 45).

206    Bl-istess mod, in-natura intenzjonata u serja tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca hija msaħħa bil-fatt li huwa kellu, bħala president ta' Vallourec Oil & Gas, l-obbligu professjonali li jaġixxi fl-interess ta' din il-kumpannija. Huwa ma setgħax, għaldaqstant, jikkonfessa l-eżistenza ta' ksur b'mod leġġer mingħajr ma jiżen il-konsegwenzi ta' dan il-pass, u m'hemm xejn fil-fajl li jagħti x'jifhem li huwa naqas mill-obbligu tiegħu f'dan ir-rigward.

207    Fi kwalunkwe każ, is-Sur Verluca kien xhud dirett tal-fatti li huwa espona. Fil-fatt, il-Kummissjoni affermat, partikolarment fil-punt 28 tar-risposta tagħha fil-kawża T-67/00, mingħajr ma ġiet kontradetta f'dan ir-rigward, li s-Sur Verluca, fil-kwalità tiegħu ta' president ta' Vallourec Oil & Gas, kien ipparteċipa huwa stess għal-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun.

208    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-Sur Verluca rrisponda b'dikjarazzjoni bil-miktub għall-mistoqsijiet orali ta' l-aġenti tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni tas-17 ta' Settembru 1996, li kienu staqsewh sabiex jikkummenta dwar id-dokumenti redatti, fil-parti l-kbira tagħhom, minnu stess u sekwestrati mill-Kummissjoni preċedentement, jiġifieri waqt l-investigazzjoni effettwata fl-1 u fit-2 ta' Diċembru 1994. Sussegwentament, is-Sur Verluca kkonferma u ssupplimenta l-informazzjoni ġja mogħtija fid-dikjarazzjoni ta' l-14 ta' Ottubru 1996 kif ukoll, għal darba oħra bil-miktub, waqt l-investigazzjoni sussegwenti magħmula fit-18 ta' Diċembru 1997. Id-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996 kienet ingħatat b'risposta għal talba għall-informazzjoni li huwa jikkonferma li rċieva fit-30 ta' Settembru 1996, u ntbagħtet lill-Kummissjoni b'kopja lil avukat, is-Sur Winckler ta' l-uffiċċju Cleary, Gottlieb, Steen & Hamilton.

209    Barra minn hekk, fil-mument ta' l-investigazzjoni tas-17 ta' Settembru 1996, is-Sur Verluca kien ilu jaf għal aktar minn 18-il xahar li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha dokumenti ppreparati minnu relattivi għal xi kuntatti ma' kompetituri, partikolarment ma' Corus. Huwa kellu għalhekk l-okkażjoni li jirrifletti fuq ir-risposta li huwa kien ser jagħti fil-każ li l-Kummissjoni tistaqsih xi mistoqsijiet fuq dan is-suġġett. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996, is-Sur Verluca ibbenefika minn perijodu ta' ġimgħatejn sabiex jippreparaha.

210    Mill-assjem ta' dawn il-fatti jirriżulta li s-Sur Verluca għamel id-dikjarazzjonijiet tiegħu b'mod intenzjonat u wara riflessjoni twila. Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li dawn huma aktar u aktar affidabbli.

211    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li d-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala elementi ta' prova partikolarment kredibbli. Issa, fil-każ preżenti, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca kienu kjarament kontra l-interessi ta' Vallourec, li huwa kien jirrappreżenta, peress li l-Kummissjoni kienet bdiet investigazzjoni fir-rigward ta' l-istess Vallourec.

212    B'mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna li tiġi mistoqsija sabiex tikkummenta fuq xi dokumenti, kif għamlu l-aġenti tal-Kummissjoni lis-Sur Verluca, tikkonfessa li hija kkommettiet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta' fatti li jmorru oltre dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b'mod dirett mid-dokumenti in kwistjoni jimplika a priori, fin-nuqqas ta' fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità.

213    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jikkontestaw din il-loġika inkwantu jippretendu, b'mod partikolari, li, fil-każ in eżami, l-impjegati tal-produtturi Ewropej li għamlu dikjarazzjonijiet fil-kwalità tagħhom ta' rappreżentanti ta' l-istess kellhom kull interess li "jillimitaw id-danni", partikolarment meta ammettew l-eżistenza ta' akkordju mal-produtturi Ġappuniżi bil-għan li jiżvijaw l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-veru sinifikat tar-Regoli Fundamentali, li kienu jikkonċernaw tqassim tas-swieq Ewropej bejn produtturi Ewropej, ksur dan li huwa ħafna aktar gravi.

214    Madankollu, il-fatt li l-produtturi Ewropej ammettew l-eżistenza ta' akkordju għat-tqassim tas-swieq mal-produtturi Ġappuniżi ma serviex neċessarjament sabiex jaħbi l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq Ewropej bejniethom. Barra minn hekk, mhuwiex verosimili li Vallourec, permezz tas-Sur Verluca, ammettiet l-eżistenza ta' ksur, filwaqt li ħbiet l-eżistenza ta' ksur simili, ibbażat, fl-aħħar mill-aħħar, fuq ċerti fatti li hija kkonfessat, iżda differenti fuq il-livell ġeografiku minn dak li kien ġie mistqarr. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li persuna li taġixxi b'dan il-mod tesponi ruħha għal riskju gravi, fl-eventwalità li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-fatti reali, li tkun għenet lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur imwettaq minnha mingħajr madankollu ma tibbenefika minn tnaqqis sostanzjali tal-multa fil-konfront ta' dan il-ksur minħabba din il-kooperazzjoni.

215    Għaldaqstant, it-teżi avvanzata, f'dan ir-rigward, mir-rikorrenti Ġappuniżi mhijiex konvinċenti u ma tistax tegħleb l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca. Fir-rigward ta' l-argument ta' JFE-Kawasaki bbażat fuq il-fatt li s-Sur Verluca kkummenta dwar dokument wieħed biss fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 1996, jiġifieri n-Nota ta' Informazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni, li wara kollox ma tagħmilx referenza għall-imsemmija nota, tirreferi espliċitament għall-eżistenza ta' akkordju ġenerali dwar it-tqassim tas-swieq għal żewġ tipi ta' prodotti speċifiċi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemm ebda raġuni sabiex jiġi ritenut li fid-dikjarazzjoni tiegħu, is-Sur Verluca kkummenta dwar dokument wieħed biss u, għalhekk li tiġi newtralizzata l-portata ta' din id-dikjarazzjoni.

216    F'dak li jikkonċerna d-dokument ‘Investigazzjoni għand Vallourec', JFE-Kawasaki ssostni li s-Sur Verluca kien afferma fl-istess dokument li s-swieq offshore l-oħra kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-swieq minbarra dak tar-Renju Unit, ma kinux ikkunsidrati bħala swieq domestiċi fis-sens tar-Regoli Fundamentali. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li s-Sur Verluca għamel l-affermazzjoni in kwistjoni b'risposta għall-mistoqsija segwenti, magħmula mill-Kummissjoni: "X'kien l-istatus tad-diversi swieq offshore (l-Olanda, id-Danimarka, ir-Renju Unit, in-Norveġja, iċ-Ċina) [?]" F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li din l-affermazzjoni tfisser biss li s-suq Olandiż, Daniż, Norveġiż u Ċiniż ma kinux swieq domestiċi u li hija totalment irrilevanti f'dak li jikkonċerna l-istatus tas-suq offshore Ġermaniż, Franċiż u Taljan.

217    Inkwantu jirrigwarda l-argumentazzjoni ta' Sumitomo bbażata fuq ir-referenza, fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec, għall-fatt li l-kodiċi ta' tqassim kien japplika għall-"prodotti standard biss", b'tali mod li l-pajpijiet għat-trasport, prodotti li mhumiex standard, ma kinux affettwati, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, b'din l-affermazzjoni, is-Sur Verluca kien qiegħed jirrispondi speċifikament għal mistoqsija rigwardanti l-Minuti tal-laqgħa ma' JF. Issa, mill-qari ta' dawn il-minuti jirriżulta li dawn jirrigwardaw esklussivament it-tubi OCTG u mhux il-pajpijiet għat-trasport, fatt dan li jagħti lil wieħed x'jifhem li l-ispjegazzjonijiet tas-Sur Verluca jikkonċernaw biss it-tubi OCTG.

218    Fi kwalunkwe każ, li kieku wieħed kellu jaċċetta li din l-affermazzjoni tas-Sur Verluca tikkonċerna mhux biss it-tubi OCTG, li għalihom huwa kien diġà spjega fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 1996 li kienu biss il-prodotti standard li kienu kkontemplati fil-ksur, iżda wkoll il-pajpijiet għat-trasport, mill-imsemmija dikjarazzjoni jirriżulta li l-ħarsien tas-swieq domestiċi tal-produtturi membri tal-klabb Ewropa-Ġappun u s-sistema ta' kodiċi ta' tqassim applikabbli għas-swieq ta' pajjiżi terzi kienu żewġ aspetti distinti tar-Regoli Fundamentali. Għaldaqstant, din il-preċiżazzjoni, li tikkonċerna esklużivament is-swieq ta' pajjiżi terzi, ma tannullax it-teżi essenzjali tal-Kummissjoni li mhux biss it-tubi standard OCTG iżda anke l-pajpijiet tal-qies għat-trasport kienu s-suġġett tat-tqassim tas-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li s-Sur Verluca qatt ma mar lura mill-affermazzjoni tiegħu li l-pajpijiet għat-trasport kienu koperti mill-akkordju illegali.

219    Barra minn hekk, huwa opportun li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, id-dikjarazzjoni ta' impriża akkużata li pparteċipat f'akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti ta' l-eżistenza tal-ksur imwettaq minn dawn ta' l-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn elementi ta' prova oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 58 aktar 'il fuq, punt 91). Għalhekk, jeħtieġ li jiġi konkluż li, minkejja n-natura affidabbli tagħhom, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca għandhom jiġu kkorroborati minn elementi ta' prova oħra sabiex jipprovaw l-eżistenza tal-ksur ippenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

220    Madankollu, huwa opportun li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, il-livell ta' korroborazzjoni meħtieġ fil-każ preżenti, kemm f'termini ta' preċiżjoni kif ukoll f'termini ta' intensità, huwa inqas minn dak li kien ikun meħtieġ li kieku d-dikjarazzjonijiet ma kinux partikolarment kredibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, li kieku kellu jiġi deċiż li numru ta' indizji konkordanti kienu tali li jikkorroboraw l-eżistenza u ċerti aspetti speċifiċi ta' l-akkordju tat-tqassim tas-swieq imsemmija mis-Sur Verluca u kkontemplati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar jistgħu, waħidhom, ikunu suffiċjenti, f'dan il-każ, sabiex jattestaw aspetti oħra tad-deċiżjoni kkontesata, u dan in konformità mar-regola misluta mis-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punt 1838), u invokata mill-Kummissjoni (ara l-punt 204 aktar 'il fuq). Barra minn hekk, sakemm dokument ma jikkontradixxix manifestament id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca dwar l-eżistenza jew il-kontenut essenzjali ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq, huwa biżżejjed li dan id-dokument, sabiex ikollu ċertu valur bħala element ta' korroborazzjoni fl-ambitu tal-kumpless tal-provi inkriminanti, jattesta xi elementi sinjifikattivi ta' l-akkordju li huwa jkun iddeskriva (ara l-punt 180 aktar 'il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġu evalwati suċċessivament l-elementi ta' prova l-oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fil-premessi 62 sa 67 u 100 ta' l-istess deċiżjoni, kif ukoll ċerti dokumenti oħra li jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni inkwantu kienu saru xi kummenti fuqhom mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fl-ambitu ta' l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-affidabbiltà ta' l-elementi invokati espressament fid-deċiżjoni kkontestata.

–       In-Noti ta' Vallourec

222    Fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-nota dwar il-laqgħa ma' BSC, li mhijiex datata imma li tmur lura għall-Ġunju 1990, u tagħmel referenza għal żewġ noti oħra, jiġifieri n-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 iffirmata mis-Sur Verluca u dik ta' l-1 ta' Ġunju 1990, intitolata "Renouvellement du contrat VAM BSC" (in-nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM BSC). Il-Kummissjoni tikkwota, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, it-test segwenti min-nota dwar il-laqgħa ma' BSC:

"L-analiżi [ta' Vallourec] hija li m'għandux jingħata aċċess lill-[Ġappuniżi] billi jingħatalhom element Britanniku. Għandna nosservaw ir-Regoli Fundamentali sa l-aħħar, bl-ewwel pass ikun li niktbu permezz tal-President tal-Klabb lill-Presidenti tal-Ġappuniżi sabiex ninfurmawhom bil-preżenza tas-shoshas [(kumpanniji kbar Ġappuniżi]) fir-Renju Unit. Huwa pjuttost ambizzjuż li wieħed jimmaġina li [Corus] tista' torganizza kodiċi ta' tqassim fil-PJ Ġappuniż meta SMI ilha tisħaq fuq dan il-punt għal xhur sħaħ."

223    It-test segwenti min-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 jidher fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata u jikkonċerna l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni:

"[Mannesmann] hija l-unika produttriċi Ewropea li tbeżża' lill-Ġappuniżi u li tista' għalhekk timponi l-osservanza tar-Regoli Fundamentali mtejba. [Mannesmann] għandha interess li tiddefendi r-Regoli Fundamentali fuq ir-Renju Unit peress li wara l-għeluq ta' Clydesdale hija kienet tforni parti [mit-tubi lixxi]."

224    Skond estratt ieħor mill-istess nota, iċċitat fl-istess premessa:

"[Corus] u [Vallourec] jaqblu li t-tisħiħ tal-KEE huwa vijabbli u għandu jwassal għal 'Regoli Fundamentali mtejba' li jkunu jipprojbixxu lill-Ġappuniżi milli jkollhom aċċess għar-Renju Unit anke wara li tingħalaq Clydesdale. [Philip Varley ta' Corus] żied jgħid li l-osservanza 100% tar-Regoli Fundamentali fir-Renju Unit hija impossibbli iżda jekk l-eċċezzjonijiet ma jeċċedux il-15,000 tunnellata fis-sena, is-sitwazzjoni tkun supportabbli. [Corus] issemmi madankollu l-possibbiltà li jinxtraw [tubi lixxi] mingħand UTM, SIDERCA u TAMSA (produtturi ta' l-Amerika t'Isfel) sabiex tiġi evitata kompetizzjoni qawwija min-naħa tagħhom."

225    Fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 80), il-Kummissjoni kkwotat ukoll l-estratt segwenti min-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM:

"[...] jekk [...] nistgħu nipperswadu lill-Ġappuniżi sabiex ma jidħlux fis-suq tar-Renju Unit, u li l-problema tiġi riżolta bejn l-Ewropej. F'dan il-każ it-tubi lixxi jinqasmu effettivament bejn [Mannesmann], [Vallourec] u Dalmine. F'dan ix-xenarju II, ikun probabbilment fl-interess tagħna li nikkollegaw il-bejgħ ta' [Vallourec] kemm mal-prezz u kemm mal-volum ta' VAM mibjugħ minn [Corus]."

226    Fl-istess premessa, il-Kummissjoni tikkwota wkoll sentenza misluta min-nota Riflessjonijiet strateġiċi, li tiddeskrivi l-kundizzjonijiet ikkontemplati fl-ambitu tax-xenarju kkontemplat fil-kwotazzjoni preċedenti:

"[Mannesmann]/Dalmine/[Vallourec] għandhom jipperswadu lil [Corus] sabiex tixtri t-tubi lixxi tagħha bi prijorità mingħand l-Ewropej li jqassmu din il-provvista skond regoli stretti."

227    Barra minn hekk, skond estratt ieħor min-nota Riflessjonijiet strateġiċi, iċċitatata mill-Kummissjoni fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-aspetti tar-Regoli Fundamentali li jaffettwaw is-swieq tal-pajjiżi terzi (premessa 73), "[s]abiex jiġi assigurat li l-Ġappuniżi ma jmissux is-suq tar-Renju Unit, jista' jagħti l-każ li l-Ewropej ikollhom jagħtu xi ħaga bħala tpattija (il-Lvant Imbiegħed, il-Lvant Nofsani, reviżjoni tal-perċentwali mondjali...)".

228    Dawn l-estratti min-noti ta' Vallourec jikkorroboraw b'mod nett u inekwivoku l-affermazzjoni kontenuta fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali. Kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, jirriżulta b'mod ċar minn dawn in-noti li r-regoli kienu ben stabbiliti, u kienu jinftehmu kemm mill-impjegati ta' Vallourec, li kienu l-awturi tagħhom u kemm mid-destinatarji, mingħajr ħafna aktar dettalji.

229    Barra minn hekk, għalkemm in-noti ta' Vallourec ma jiddeskrivux b'mod espliċitu n-natura tar-Regoli Fundamentali, mill-istess noti jirriżulta b'mod ċar li l-produtturi Ġappuniżi kellhom "josservaw" dawn ir-regoli u li l-"biża'" imnissla minn Mannesmann kienet mezz li setgħet isservi sabiex jiġi assigurat din l-"osservanza", b'mod partikolari "fuq ir-Renju Unit". Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, skond in-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90, il-verżjoni l-ġdida tar-Regoli Fundamentali ikkontemplata minn Vallourec u Corus, imsejħa "Regoli Fundamentali mtejba" ("Fundamentals Improved"), "[kienet tipprojbixxi] lill-Ġappuniżi milli jkollhom aċċess għar-Renju Unit anke wara li tingħalaq [il-fabbrika ta' Corus fi] Clydesdale".

230    F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa opportun li jiġi kkunsidrat li dawn in-noti jikkorroboraw id-deskrizzjoni tar-Regoli Fundamentali, kontenuta fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, fis-sens li dawn ir-regoli kienu jimplikaw, bħala prinċipju, il-protezzjoni, fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi, tas-swieq domestiċi ta' l-erba' produtturi Ewropej in kwistjoni. Huma jikkorroboraw, barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward tal-fatt li s-suq offshore tar-Renju Unit kien kopert minn dawn ir-regoli ta' protezzjoni iżda li dan is-suq kien igawdi minn status partikolari. Fil-fatt, minn dawn in-noti joħroġ li l-produtturi Ewropej kienu anzjużi li jżommu din il-protezzjoni tas-suq offshore tar-Renju Unit billi jsaħħuh kemm jista' jkun, minkejja l-fatt li Corus, bħala produttur domestiku fis-suq, ma kinitx ser tibqa' tipproduċi tubi lixxi, u kienet ser tillimita ruħha għall-qtugħ ta' kamini f'tubi mixtrija minn produtturi oħra.

231    Ir-rikorrenti Ġappuniżi ġustament jirrilevaw li n-noti ta' Vallourec fihom biss riflessjonijiet interni ta' din il-kumpannija u, uħud minnhom, osservazzjonijiet dwar id-diskussjonijiet miżmuma bejn din il-kumpannija u Corus. Għalkemm dan il-fatt iwassal inevitabbilment għal tnaqqis fil-valur probatorju ta' dawn in-noti fir-rigward tar-rikorrenti Ġappuniżi, dan ma jistax jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tinvokahom bħala elementi ta' prova inkriminanti sabiex tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet espliċiti tas-Sur Verluca, speċjalment fl-ambitu tal-kumpless aktar wiesa' ta' elementi ta' prova konkordanti. Fil-fatt, il-fatt li l-impjegati ta' Vallourec kienu jemmnu li r-Regoli Fundamentali kienu effikaċi sabiex jipproteġu s-swieq domestiċi Ewropej kontra l-produtturi Ġappuniżi jikkostitwixxi fih innifsu indikazzjoni ta' kemm din il-protezzjoni kienet teżisti fil-verità.

232    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jressqu argument speċifiku fir-rigward tan-noti Riflessjonijiet strateġiċi u Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM. Huma jirrilevaw li t-tisħiħ tal-parti tar-Regoli Fundamentali li tirrigwarda l-ħarsien tas-swieq domestiċi Ewropej mill-produtturi Ġappuniżi mhuwiex wieħed mit-tliet xenarji kkunsidrati li s-Sur Verluca, li kien l-awtur ta' dawn iż-żewġ noti, adotta bħala proposta fil-konklużjoni ta' l-istess noti.

233    Madankollu, mill-formulazzjoni ta' dawn iż-żewġ noti wieħed jista' jiddeduċi li l-awtur tagħhom kien jippreferi din is-soluzzjoni u kien ċaħadha biss kontra qalbu, minħabba li ma setgħetx tiġi implementata. B'mod partikolari, skond in-nota Riflessjonijiet strateġiċi, is-"soluzzjoni l-aktar vantaġġjuża għal [Vallourec]" kienet tistrieħ fuq l-ipoteżi li "l-Ewropej jipperswadu lill-Ġappuniżi sabiex jirrispettaw ir-Renju Unit fir-rigward ta' Buttress u Premium". L-unika raġuni għalxiex is-Sur Verluca jiċħad din is-soluzzjoni fl-imsemmija nota hija li huwa "ma [j]aħsibx, sfortunatament, li din is-soluzzjoni [...] tista' taħdem". Għalhekk, peress li din is-soluzzjoni, li kienet tikkonsisti fiż-żamma fis-seħħ tar-Regoli Fundamentali u eventwalment fit-tisħiħ tagħhom, kienet ġiet implementata, iċ-ċaħda provviżorja tagħha mis-Sur Verluca f'dawn in-noti hija ħafna anqas sinjifikattiva mill-fatt li huwa ppreferiha mis-soluzzjonijiet l-oħra kkontemplati.

234    Il-korrettezza ta' din l-analiżi hija kkonfermata wkoll mill-fatt li t-tqassim bejn Vallourec, Mannesmann, u Dalmine tal-fornituri ta' tubi lixxi lil Corus previst mis-Sur Verluca f'dawn iż-żewġ noti, fl-ambitu tax-xenarju in kwistjoni (ara l-punt 226 aktar 'il fuq), kien ġie implementat sussegwentament, ta' l-anqas mid-9 ta' Awwissu 1993, minħabba l-iffirmar suċċessiv ta' tliet kuntratti għall-fornitura msemmija fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 26 aktar 'il fuq). Barra minn hekk, il-proposta magħmula mis-Sur Verluca (ara l-punt 225 aktar 'il fuq u l-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata) li tinvolvi l-kollegament tal-bejgħ ta' tubi lixxi minn Vallourec lil Corus mal-prezz u mal-volum tat-tubi premium OCTG, bil-kamin maqtugħ skond il-metodu VAM, mibjugħa minn Corus, taqbel effettivament mat-termini tal-kuntratti konklużi sussegwentament, prodotti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, partikolarment fil-kawża T-44/00, u li fuqhom ir-rikorrenti Ġappuniżi setgħu taw l-opinjoni tagħhom waqt is-seduta konġunta (ara wkoll il-premessi 79, 81 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

235    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, l-assjem tar-riflessjonijiet kontenuti fin-noti ta' Vallourec iċċitati mill-Kummissjoni jirrigwardaw kważi esklużivament is-sitwazzjoni eżistenti fuq is-suq offshore tar-Renju Unit tat-tubi premium OCTG. Issa, il-prodotti kkonċernati mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huma t-tubi standard OCTG ("API") u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport u mhux it-tubi premium OCTG. Bl-istess mod in-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 tagħmel referenza għall-prodotti ta' l-azzar inossidabbli.

236    F'dak li jikkonċerna t-tubi standard OCTG, huwa paċifiku li dawn it-tubi huma spiss imsemmija "Buttress" fl-industriji ta' l-azzar u taż-żejt. Jeħtieġ għalhekk li jiġi rrilevat li r-referenza, fin-nota Riflessjonijiet strateġiċi, għall-ħarsien mill-produtturi Ġappuniżi tas-suq offshore tar-Renju Unit fir-rigward tal-"Buttress" tirrigwarda neċessarjament dawn il-prodotti (ara l-punt 233 aktar 'il fuq). Barra minn hekk, in-nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM BSC tirreferi għall-fatt li Corus "ser tieħu aktar ħsieb tas-sehem tagħha fil-VAM milli fil-Buttress".

237    Il-fatt, irrilevat mir-rikorrenti Ġappuniżi, li n-noti ta' Vallourec fihom ukoll diversi referenzi għat-tubi premium OCTG ma jannullax l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-każ preżenti għal dak li jikkonċerna t-tubi standard OCTG. Fl-ewwel lok, ir-referenzi għat-tubi premium OCTG bl-ebda mod ma jwasslu sabiex jiġi konkluż li l-kuntatti bejn Vallourec u Corus kienu jirrigwardaw esklużivament it-tubi premium OCTG. Fit-tieni lok, il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat ksur fir-rigward ta' żewġ prodotti speċifiċi ma jistax jiġi kkritikat minħabba li ċerti provi li hija għandha fil-pussess tagħha jindikaw li l-akkordju ppenalizzat kien ikopri wkoll prodotti oħra.

238    Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-fatt li fin-noti ta' Vallourec m'hemmx definizzjoni preċiża u konkordanti tal-prodotti kkonċernati mir-Regoli Fundamentali bilfors inaqqas mill-valur probatorju tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li, inkwantu dawn isaħħu ċerti affermazzjonijiet essenzjali tas-Sur Verluca, il-Kummisjoni kienet intitolata tinvokahom sabiex tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet essenzjali tas-Sur Verluca. Infatti, il-fatt li dokument jirriferi biss għal uħud mill- fatti msemmija f'elementi ta' prova oħra mhuwiex biżżejjed sabiex jobbliga lill-Kummissjoni twarrab dan id-dokument mill-kumpless tal-provi inkriminanti (ara l-punti 180 u 220 aktar 'il fuq).

239    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw, barra minn hekk, li s-swieq Komunitarji apparti dak offshore tar-Renju Unit bl-ebda mod ma jissemmew fin-noti ta' Vallourec. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li n-noti in kwistjoni jiffukaw fuq il-problemi li kienu jistgħu jqumu fuq is-suq Britanniku minħabba t-twaqqif tal-produzzjoni ta' tubi lixxi mill-produttur Britanniku Corus, fatt dan li jispjega n-nuqqas ta' referenzi speċifiċi għal swieq oħra li ma kinux affettwati direttament b'dan l-avveniment antiċipat.

240    Barra minn hekk, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li, skond in-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM u nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90, l-esklużjoni tal-produtturi Ġappuniżi mis-suq Britanniku kienet miżura proposta għall-futur, u għaldaqstant ma kien jeżisti ebda akkordju mal-produtturi Ġappuniżi fil-mument li fih ġew redatti, jiġifieri fl-1990 (ara l-punt 115 aktar 'il fuq). Madankollu, min-noti ta' Vallourec, meta jinqraw fl-assjem tagħhom, partikolarment mill-estratt min-nota dwar il-laqgħa ma' BSC iċċitat fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li s-sens tar-Regoli Fundamentali kienu diġà mifhum mill-impjegati ta' Vallourec fl-1990 u li l-"problema" msemmija fin-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM li kellha tiġi riżolta "bejn l-Ewropej" kienet dik taż-żamma ta' l-istatus domestiku tas-suq tar-Renju Unit fl-ambitu tar-Regoli Fundamentali wara l-waqfien tal-produzzjoni ta' tubi lixxi minn Corus (ara l-punt 283 aktar 'il quddiem). Għalhekk, f'din l-ipoteżi, il-verżjoni mtejba tar-Regoli Fundamentali "[t]ipprojbixx[i] lill-Ġappuniżi milli jkollhom aċċess għar-Renju Unit", kif tirrileva n-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90, kemm għall-futur kif ukoll għall-passat (ara l-punti 223 u 229 aktar 'il fuq).

241    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema ta' protezzjoni tas-suq offshore tar-Renju Unit, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li d-deskrizzjoni mogħtija mis-Sur Verluca f'dan ir-rigward, fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 1996, li tgħid li kompetitur kellu jikkuntattja lil Corus qabel ma joffri l-prodotti koperti mir-Regoli Fundamentali fuq is-suq, la taqbel ma' l-elementi ta' prova mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mar-realtà. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, issostni li n-nota dwar il-laqgħa ma' BSC tikkonferma l-korrettezza ta' din id-deskrizzjoni.

242    Huwa opportun li f'dan ir-rigward jiġi rrilevat li, fin-nota dwar il-laqgħa ma' BSC, impjegat ta' Vallourec, x'aktarx is-Sur Verluca stess, afferma dan li ġej: "[I]l-ħbieb tagħna ta' BSC [Corus] […] jistrieħu fuq id-diskussjonijiet ta' Kyoto u Marbella u jikkunsidraw li jekk il-[Ġappuniżi] huma lesti llum li josservaw politika tal-prezzijiet għan-[negozju fil-baħar tat-Tramuntana] każ b'każ, għada, meta [l-fabbrika ta'] Clydesadale tingħalaq, dawn ser jiġġennu." Għandu jiġi rikonoxxut li din il-kwotazzjoni ma tikkorroborax id-deskrizzjoni magħmula mis-Sur Verluca, minħabba li ma tikkonfermax il-fatt li kien hemm xi kuntatti bejn Corus u l-membri l-oħra tal-klabb Ewropa-Ġappun fir-rigward tal-konsenji speċifiċi fuq is-suq offshore tar-Renju Unit. Madankollu, din il-kwotazzjoni tattesta b'mod inekwivoku li, fil-mument tar-redazzjoni ta' l-imsemmija nota fl-1990, il-produtturi Ġappuniżi kienu aċċettaw xi restrizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni fuq is-suq offshore tar-Renju Unit. Barra minn hekk, it-termini "każ b'każ" jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn il-kuntatti kienu effettivament saru fir-rigward ta' negozju speċifiku, b'tali mod li n-nota dwar il-laqgħa ma' BSC ċertament ma tmurx kontra d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996.

243    Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi mfakkar li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li ġie konkluż akkordju b'għan antikompetittiv bejn impriżi sabiex hija tkun tista' tikkonkludi li jeżisti ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE (ara l-punt 203 aktar 'il fuq). Għaldaqstant, il-fatt li l-elementi ta' prova mressqa fil-każ preżenti jiġu ssupplimentati sabiex tintwera l-eżistenza ta' akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni da parti tal-produtturi Ġappuniżi fuq is-suq offshore tar-Renju Unit huwa biżżejjed sabiex tiġi kkorroborata t-teżi tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda dan is-suq, anke jekk dawn id-dokumenti ma jippermettux li jinftiehem b'ċertezza u bi preċiżjoni l-funzjonament ta' dan l-aspett tar-Regoli Fundamentali.

244    Għalhekk, jeħtieg li jiġi konkluż li n-noti ta' Vallourec, meħudin flimkien, huma tali li jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u, għaldaqstant, li jikkonfermaw il-veraċità ta' l-istess dikjarazzjonijiet.

–       Id-dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993

245    Fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel referenza wkoll għal żewġ dokumenti li jġibu d-data tas-sena 1993, jiġifieri n-nota għall-Presidenti u d-dokument "g) Ġappuniż" (aktar il quddiem, meħudin flimkien, id-"dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993"). Il-Kummissjoni ma tikkwotax estratti minn dawn id-dokumenti fl-imsemmija premessa tad-deċiżjoni kkontestata, iżda tagħti riassunt qasir tal-kontenut tagħhom fil-premessa 83, fir-rigward ta' ċerti fatturi li allegatament affettwaw ħażin il-funzjonament tar-Regoli Fundamentali, u fil-premessa 84, fir-rigward tas-soluzzjonijiet proposti sabiex jinsab rimedju għalihom. Il-Kummissjoni tistrieħ għalhekk fuq dawn id-dokumenti, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkonferma l-eżistenza u l-portata tar-Regoli Fundamentali u, b'mod partikolari, bil-għan li tispjega l-evoluzzjoni ta' dawn ir-regoli, fl-1993, għal "Regoli Fundamentali mtejba" fil-mument meta Corus kienet qiegħda tipprepara l-irtirar definittiv tagħha mis-suq tat-tubi OCTG bil-kamin.

246    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jikkontestaw ir-rilevanza ta' dawn id-dokumenti. Huma jirrilevaw, b'mod partikolari, li dawn id-dokumenti jagħmlu referenza għal aggressjoni Ġappuniża u Nippon tenfasizza li d-dokument "g) Ġappuniż", f'dan ir-rigward, jirreferi għaliha b'mod speċjali. Din l-aggressjoni kif ukoll id-deskrizzjoni li hemm fil-bidu tan-Nota għall-Presidenti dwar l-obbligu ta' portata moderata fuq il-produtturi Ġappuniżi li jillimitaw "ċertu bejgħ minn tagħhom" huma inkompatibbli mas-sistema ta' ħarsien tas-swieq domestiċi deskritta fil-premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata.

247    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett, ai termini tan-Nota għall-Presidenti, dan li ġej:

"L-akkordji attwali huma insodisfaċenti għal dak li jikkonċerna ż-żoni offshore tal-KE peress li, għalkemm il-Ġappuniżi aċċettaw li jillimitaw uħud mill-konsenji tagħhom lejn dawn iż-żoni (f'livelli li qatt ma kienu sodisfaċenti mill-punto di vista ta' l-Ewropej u li jkopru biss in-nofs tal-klijenti), l-aggressjoni attwali tagħhom fir-rigward tat-tubi OCTG (mingħajr saldatura u ssaldjati) u l-pajpijiet għat-trasport issaldjati timplika prezzijiet anqas għoljin u sehem mis-suq imnaqqas għall-Ewropej."

("The current agreements are unsatisfactory for the EC offshore areas because, although only the Japanese have agreed to limit some of their deliveries to those areas (at levels which have never been satisfactory to the Europeans and which only cover half of the customers) their current aggression on OCTG (seamless and welded) and welded line pipe means lower prices and reduced share for the Europeans.")

248    Inoltre, skond l-istess dokument:

"Għalkemm il-Ġappuniżi aċċettaw li ma jitolbux li jsiru emendi għall-akkordji tagħna f'każ li l-industrija Ewropea tat-tubi mingħajr saldatura kellha tipproċedi għar-ristrutturazzjoni, m'hemm l-ebda garanzija li huwa jibqgħu b'din l-intenzjoni fil-każ li [Corus] tirtira mis-suq tal-manifattura jew tal-finitura tat-tubi fir-Renju Unit."

("Although the Japanese have agreed not to request changes in our agreements if the EC seamless industry were to restructure, there is no guarantee that they would follow this precept if [Corus] were to exit tubemaking or finishing in the UK.")

249    Barra minn hekk skond id-dokument "g) Ġappuniż", "il-pożizzjoni fundamentali fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit mhijiex ‘ferma'" ("the fundamental position on the UKCS is not ‘firm'") u l-awtur ta' l-imsemmi dokument, impjegat ta' Corus, jistaqsi dwar it-tattiċi l-aktar adattati sabiex "jiġu attakkati l-Ġappuniżi" ("attack the Japanese"), probabbilment fuq is-suq Ċiniż, "bil-għan prinċipali li jiġu sfurzati jitilqu mill-Ewropa" ("with the prime objective of forcing them out of Europe").

250    Dawn iż-żewġ dokumenti, partikolarment l-estratti ċċitati aktar 'il fuq, jikkorroboraw diversi affermazzjonijiet essenzjali magħmulin mis-Sur Verluca fid-dikjarazzjonijiet tiegħu u għalhekk, abbażi tagħhom, jista' jiġi kkunsidrat, fil-prinċipju, li l-Kummissjoni invokathom ġustament sabiex tikkonferma l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali u tar-Regoli Fundamentali mtejba.

251    B'mod partikolari, minn dawn iż-żewġ dokumenti jirriżulta li l-akkordji identifikati bit-terminu "Fundamentali" (Fundamentals), konklużi bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, kienu jeżistu diġà fl-1993 u li dawn l-akkordji kienu insodisfaċenti mill-punto di vista tal-produtturi Ewropej fir-rigward tas-settur offshore tar-Renju Unit, b'mod partikolari inkwantu huma kienu servew biss sabiex illimitaw ċertu bejgħ Ġappuniż fuq dan is-suq. Barra minn hekk, huwa possibbli li minn dawn id-dokumenti jiġi dedott li l-akkordji li għalihom issir referenza kienu dawn ikkostitwiti bir-Regoli Fundamentali deskritti mis-Sur Verluca fid-dikjarazzjonijiet tiegħu u li l-produtturi Ewropej kienu aktar sodisfatti bihom fir-rigward tas-setturi onshore milli fir-rigward tas-settur offshore tar-Renju Unit. Għalhekk, minn dawn id-dokumenti jirriżulta indirettament li s-setturi onshore tas-swieq Ewropej ikkonċernati kellhom jiġu protetti b'mod adegwat.

252    Barra minn hekk, inkwantu l-awtur ta' dawn id-dokumenti jilmenta mill-eżistenza ta' bejgħ Ġappuniż sinjifikattiv fuq is-suq offshore tar-Renju Unit u jipproponi soluzzjonijiet intiżi sabiex jillimitaw dan il-bejgħ fil-futur, dawn l-elementi ta' prova jaqblu mal-preżentazzjoni tar-Regoli Fundamentali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca. Fil-fatt, huma jikkonfermaw mhux biss li l-għan tar-Regoli Fundamentali kien it-tqassim tas-swieq ikkonċernati, iżda wkoll li s-settur offshore tar-Renju Unit kien protett b'mod anqas effikaċi mis-setturi l-oħra kkonċernati b'dan it-tqassim.

253    Madankollu, peress li r-rikorrenti Ġappuniżi jressqu numru ta' lmenti bil-għan li jikkontestaw il-valur probatorju ta' dawn iż-żewġ dokumenti u anke jinferixxu minnhom elementi favur tagħhom, jeħtieġ li jiġu eżaminati dawn l-ilmenti sabiex jiġi evalwat jekk dawn fil-verità jnaqqsux mill-valur probatorju ta' dawn id-dokumenti.

254    F'dan ir-rigward, huwa opportun l-ewwel nett li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi bbażati fuq ir-referenzi għall-"aggressjoni" tagħhom kif ukoll għan-natura limitata ta' l-obbligi tagħhom fuq is-suq offshore tar-Renju Unit. Fil-fatt, dawn ir-referenzi saru f'kuntest fejn l-awtur taż-żewġ dokumenti kien qiegħed jilmenta mill-bejgħ Ġappuniż, partikolarment dak magħmul fuq is-suq offshore tar-Renju Unit, u kien qiegħed jiddeskrivi n-natura insuffiċjenti tal-limitazzjonijiet applikabbli għall-bejgħ Ġappuniż fuq dan l-istess suq. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fis-sistema ġenerali ta' dawn id-dokumenti, ir-referenzi għall-"aggressjoni" tal-produtturi Ġappuniżi jistabbilixxu pjuttost l-qbiż, fil-prattika, tal-limiti miftiehma bejn il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun għas-suq offshore tar-Renju Unit, li kien protett parzjalment biss, aktar milli kompetizzjoni libera u vigoruża min-naħa tal-produtturi Ġappuniżi fuq is-suq imsemmi. Dawn ir-referenzi bl-ebda mod ma jannullaw għalhekk it-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' l-akkordju ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

255    It-tieni nett, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li n-Nota għall-Presidenti u d-dokument "g) Ġappuniż" ma jistgħux ikunu prova ta' l-eżistenza ta' ksur li jikkonċernahom, minħabba li ma fihomx ħlief ir-riflessjonijiet interni ta' l-impjegati ta' Corus. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, inkwantu l-awtur ta' dawn id-dokumenti, bħala impjegat ta' Corus, jiddeskrivi s-sitwazzjoni tas-swieq Ewropej kif ukoll l-iżvilupp probabbli ta' l-istess swieq, m'hemm ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jqis li din l-analiżi ma tirriflettix ir-realtà kif huwa kien ipperċepixxiha fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni. Min-natura dettaljata u mill-kontenut ta' dawn id-dokumenti jirriżulta li l-awtur tagħhom kien neċessarjament involut fl-elaborazzjoni ta' strateġija kummerċjali għat-tubi ta' l-azzar fi ħdan Corus.

256    Għalhekk, id-deskrizzjoni li tidher f'dawn iż-żewġ dokumenti, analizzata aktar 'il fuq, ta' akkordju konkluż bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi bil-għan li jiġi limitat il-bejgħ ta' dawn ta' l-aħħar fuq is-swieq Ewropej hija kredibbli, minkejja n-natura interna ta' dawn id-dokumenti.

257    Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll, li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet kontraddetta mir-rikorrenti Ġappuniżi u Ewropej, li n-Nota għall-Presidenti kienet ġiet redatta minn Corus, imma li Mannesmann kellha tippreżentaha lill-presidenti tal-produtturi Ewropej kif inhuwa attestat fl-indikazzjoni miktuba bl-idejn li tidher fuq l-ewwel paġna tagħha fis-sens li din kellha tiġi inkluża fil-preżentazzjoni "HN" (Hans Nolte de Mannesmann). Minn dan il-fatt jirriżulta effettivament li dan id-dokument jagħti l-analiżi kollettiva ta' mill-anqas żewġ produtturi Ewropej aktar milli ta' wieħed biss, fatt dan li għandu valur partikolarment probatorju.

258    Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, huwa impossibbli li jiġu identifikati bl-eżatt il-prodotti kkontemplati bid-dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993.

259    Huwa minnu li l-estratti tad-dokument "g) Ġappuniż" li jagħmlu referenza għat-tubi bi "13% [ta'] kromju" u "inossidabbli" ("stainless"), kif ukoll dawk tan-noti dwar il-laqgħa ma' BSC u dwar il-laqgħa ta' l-24.07.90 li jużaw dawn it-termini, mhumiex rilevanti f'dan il-każ peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda esklużivament it-tubi u l-pajpijiet ta' l-azzar karboniku (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn l-estratti ma jiddefinixxux b'mod esklużiv il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq u għalhekk mhumiex inkompatibbli ma' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

260    Barra minn hekk, in-Nota għall-Presidenti u d-dokument "g) Ġappuniż" fihom diversi referenzi għat-tubi OCTG in ġenerali u huwa loġiku li wieħed jikkunsidra li dawn ir-referenzi jkopru kemm it-tubi standard OCTG, ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata, u kif ukoll it-tubi premium OCTG. Fil-fatt, in-Nota għall-Presidenti tipproponi limitazzjonijiet fuq il-konsenji ta' "OCTG u ta' pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura u ssaldjati" ("seamless and welded OCTG and linepipe") u d-dokument "g) Ġappuniż" jirreferi għall-fatt li "dwar it-tubi OCTG in ġenerali, il-Ġappuniżi aċċettaw li jillimtaw il-bejgħ tagħhom fuq is-[suq offshore tar-Renju Unit] għall-15% tan-negozju non kuntrattwali" ("[o]n OCTG in general J's have agreed to limit their sales to the UKCS to 15 % of the non contract business"). Barra minn hekk, ir-referenza, fin-Nota għall-Presidenti, għall-aggressjoni Ġappuniża f'dak li jikkonċerna t-"tubi OCTG [mingħajr saldatura u ssaldjati] u l-pajpijiet għat-trasport issaldjati" ("OCTG [seamless and welded] and welded linepipe"), (ara l-punt 247 aktar 'il fuq) tirrigwarda neċessarjament it-tubi standard OCTG, u mhux it-tubi premium OCTG, peress li, fis-sentenza ta' wara, l-awtur jilmenta dwar in-nuqqas ta' kontroll, partikolarment, tal-kwantitajiet ta' tubi premium OCTG ikkonsenjati.

261    Inkwantu ċerti estratti minn dawn id-dokumenti, bħalma huma uħud min-noti ta' Vallourec (ara l-punt 237 aktar 'il fuq kif ukoll ir-referenza għan-nota dwar il-laqgħa ma' BSC fil-punt 259 aktar 'il fuq fuq), jimplikaw li l-akkordju tat-tqassim tas-swieq ippenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kien jolqot, jew seta' jolqot, sensiela ta' prodotti aktar wiesgħa inklużi t-tubi premium OCTG, dan il-fatt bl-ebda mod ma jostakolahom milli jikkorroboraw l-eżistenza tal-ksur aktar limitat kif ippenalizzat. Il-fatt li l-istatus tat-tubi premium OCTG taħt ir-Regoli Fundamentali ma joħroġx b'mod ċar u inekwivoku mid-dokumenti msemmija huwa irrilevanti, minħabba li dawn il-prodotti mhumiex ikkonċernati mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

262    F'dak li jikkonċerna l-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura, għall-kuntrarju, id-dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993 huma aktar ambigwi. Fil-fatt, l-ewwel estratt, li jikkontempla l-konsenji ta' "OCTG u ta' pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura u ssaldjati", jimplika li l-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura kellhom jaqgħu taħt ir-Regoli Fundamentali, mentri l-kwotazzjoni l-oħra li tidher fl-istess punt, li tikkonċerna l-"OCTG [mingħajr saldatura u ssaldjati] u l-pajpijiet għat-trasport ssaldjati", tista' eventwalment tiġi interpretata fis-sens li dawn il-prodotti kienu esklużi mill-akkordji illeċiti. Jeħtieġ li jiġi konkluż li dawn iż-żewġ dokumenti huma ambigwi u huma għalhekk newtrali fir-rigward dwar tal-kwistjoni jekk il-pajpijiet tal-qies għat-trasport mingħajr saldatura kinux koperti mir-Regoli Fundamentali. Id-dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993 ma jistgħux għalhekk jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' dan l-aspett speċifiku tal-ksur, imma lanqas jikkostitwixxu elementi ta' prova li jinkriminawh f'dak li jikkonċerna dawn il-prodotti.

263    Għaldaqstant, għalkemm in-nuqqas ta' kjarezza taż-żewg dokumenti in kwistjoni fir-rigward tal-prodotti kkontemplati mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jnaqqas inkontestabbilment is-saħħa tagħhom bħala elementi ta' prova, mhuwiex il-każ li jiġu skartati fl-intier tagħhom. Jeħtieġ li jiġi mfakkar, mill-ġdid, bħal fil-każ tan-Noti ta' Vallourec (ara l-punt 238 aktar 'il fuq), li l-fatt li dokument ma jirriferix ħlief għal ċerti fatti msemmija f'elementi ta' prova oħra ma jwassalx għall-konsegwenza li l-Kummissjoni ma tkunx tista' tinvokah sabiex tikkorrobora provi oħra.

264    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993 jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca f'diversi aspetti u ġustament jagħmlu parti mill-kumpless ta' provi konkordanti invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Id-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar

265    Dan id-dokument ma ġiex invokat espliċitament mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda, inkwantu r-rikorrenti Ġappuniżi jinvokawh favur tagħhom, jeħtieġ li tingħata risposta għall-argumenti tagħhom.

266    Jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi rrilevat li l-idea li l-industrija Ewropea li kienet tipproduċi t-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura kienet, fiż-żmien in kwistjoni, għaddejja minn ristrutturazzjoni u li l-produtturi Ewropej kienu ftehmu bil-għan li jikkontrollaw din ir-ristrutturazzjoni bl-ebda mod m'hija inkompatibbli mat-teżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-premessi 87 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw li effettivament il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-impatt tar-ristrutturazzjoni ta' l-industrija Ewropea ta' l-azzar.

267    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata u kif ukoll min-noti ta' Vallourec, li ġew eżaminati aktar 'il fuq, jirriżulta li l-produtturi Ewropej eżaminaw ir-ristrutturazzjoni ta' l-industrija Ewropea fil-kuntest speċifiku tar-Regoli Fundamentali, partikolarment fid-dawl tar-riperkussjonijiet li din ir-ristrutturazzjoni seta' jkollha fuq ir-relazzjonijiet tagħhom mal-produtturi Ġappuniżi. B'mod partikolari, il-produtturi Ewropej kienu qegħdin jibżgħu li s-suq tar-Renju Unit, partikolarment is-settur importanti offshore tiegħu, ma jiġix protett bħala suq domestiku mill-produtturi Ġappuniżi wara l-għeluq tal-fabbrika ta' Corus fi Clydesdale (ara l-punti 170, 223 u 242 aktar 'il fuq). Inoltre, fin-Nota għall-Presidenti u fid-dokument "g) Ġappuniż", kien ġie propost li l-produtturi Ewropej iżommu f'moħħhom il-possibbiltà li tingħalaq NTM fl-ambitu tan-negozjati mal-produtturi Ġappuniżi.

268    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar juża t-terminu Ingliż "Fundamentals" fil-kuntest ta' diskussjoni dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' l-industrija Komunitarja bl-ebda mod ma jfisser li l-kunċett tar-Regoli Fundamentali kien jikkonċerna dan il-proċess u mhux l-akkordju tat-tqassim tas-swieq ippenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, minn dan id-dokument – li jesponi li r-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej huma rregolati mir-Regoli Fundamentals, mingħajr ma jsemmi lill-produtturi Ġappuniżi – ma jirriżultax li r-Regoli Fundamentali kienu jikkonċernaw biss lill-Ewropa. Fil-fatt, din l-ommissjoni hija spjegata mill-fatt li d-dokument in kwistjoni, moqri fl-intier tiegħu, għandu, b'mod ċar, l-obbjettiv li jeżamina r-relazzjonijiet bejn il-produtturi Komunitarji. Għaldaqstant, minn dan id-dokument ma jistax jiġi dedott li, kuntrarjament għal dak li afferma s-Sur Verluca fid-dikjarazzjoni tas-17 ta' Settembru 1996, kif ikkorroborata minn elementi oħra, ir-Regoli Fundamentals kienu s-suġġett biss ta' diskussjonijiet intra-Ewropej.

269    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element ġustifikattiv f'dak li jikkonċerna l-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE li bih huma akkużati r-rikorrenti Ġappuniżi.

–       Id-dokument Kodiċi ta' tqassim ("Sharing Key")

270    Fil-premessi 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tistrieħ fuq dokument, li ntbagħtilha fit-12 ta' Novembru 1997 minn persuna estranea għall-proċeduri, partikolarment sabiex tikkorrobora d-deskrizzjoni tagħha ta' l-evoluzzjoni tar-relazzjonijiet fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun li bdew minn tmiem is-sena 1993. Is-sors tad-dokument imsemmi, skond l-informatur, huwa aġent kummerċjali ta' waħda mill-parteċipanti fil-klabb. Skond il-Kummissjoni, dan id-dokument jattesta li l-kuntatti magħmula mal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel kienu parzjalment wasslu għal suċċess u t-tabella li tidher fih tindika t-tqassim tas-swieq imsemmija bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u ta' l-Amerika t'Isfel. B'mod partikolari, dan id-dokument jipprevedi sehem mis-suq ta' 100% għall-produtturi Ewropej fl-Ewropa u sehem mis-suq ta' 100% għall-produtturi Ġappuniżi fil-Ġappun. F'dak li jikkonċerna s-swieq l-oħra, il-produtturi Ewropej għandhom, b'mod partikolari, sehem ta' 0% fil-Lvant Imbiegħed, ta' 20% fil-Lvant Nofsani u ta' 0% fl-Amerika t'Isfel.

271    JFE-Kawasaki tallega li dan id-dokument huwa element ta' prova inammissibbli, minħabba li m'għandux data u minħabba li l-Kummissjoni la żvelat l-identità ta' l-awtur tiegħu u lanqas dik tal-persuna li bagħtitulha, b'mod li huwa impossibbli għar-rikorrenti li jkunu jafu f'liema kuntest kien sar u r-raġunijiet li għalihom kien intbagħat lill-Kummissjoni. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta' ksur fir-rigward ta' impriżi abbażi ta' dokument mhux identifikat.

272    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

273    Il-prinċipju li jipprevali fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-libera amministrazzjoni tal-provi u l-unika kriterju rilevanti għall-apprezzament tal-provi prodotti jirrisjedi fil-kredibbiltà tagħhom (konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vetserdorf li kien serva ta' Avukat Ġenerali fis-sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq). Barra minn hekk, jista' jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tipproteġi l-anonimità ta' l-informaturi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 34) u dan il-fatt m'huwiex biżżejjed sabiex jobbliga lill-Kummissjoni tiskarta xi prova li tkun fil-pussess tagħha. Għaldaqstant, għalkemm l-argumenti ta' JFE-Kawasaki huma rilevanti għall-apprezzament tal-kredibbiltà tad-dokument Kodiċi ta' tqassim, mhuwiex il-lok li din il-prova titqies bħala inammissibbli.

274    F'dan ir-rigward, JFE-Kawasaki taqbel mar-rikorrenti Ġappuniżi l-oħra meta tafferma li, anke kieku kien ammissibli bħala prova, id-dokument Kodiċi ta' tqassim mhuwiex prova inkriminanti kredibbli, minħabba li ma ġiex identifikat b'mod adegwat. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-kredibbiltà ta' dan id-dokument hija bla dubju ta' xejn imnaqqsa minħabba li l-kuntest li fih ġie redatt mhuwiex magħruf u minħabba li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward ma jistgħux jiġu vverifikati (ara l-punt 270 aktar 'il fuq).

275    Madankollu, inkwantu d-dokument Kodiċi ta' tqassim fih informazzjoni speċifika li taqbel ma' dik li tinsab f'dokumenti oħra, huwa opportun li jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi jistgħu jikkorroboraw lil xulxin.

276    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 tagħmel referenza għal kodiċi ta' tqassim "inizjali" applikabbli għal "sejħiet għal offerti internazzjonali" u li tkopri l-kuntratti konklużi bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, b'mod li l-eżistenza ta' tqassim bħal dan fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun hija pprovata b'mod suffiċjenti. Barra minn hekk, mill-Minuti tal-laqgħa ma' JF jirriżulta li Vallourec kellha, sabiex tibqa' "fl-ambitu tas-sistema [...] tibqa' barra mis-suq tal-Lvant Imbiegħed u ta' l-Amerika t'Isfel u tillimita ruħha għal-Lvant Nofsani sal-punt li taqsam 20% tas-suq bejn tlieta". Meta l-Kummissjoni talbet lis-Sur Verluca jikkummenta dwar dawn iż-żewġ dokumenti, dan qal li dawn id-dokumenti jirreferu għal tentattiv, li sar fl-1993, sabiex jiġu emendati l-kodiċi ta' tqassim applikabbli sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-bejgħ tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel kif ukoll il-"pożizzjonijiet akkwiżiti" fuq is-swieq differenti.

277    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jressqu diversi argumenti supplimentari kontra l-użu mill-Kummissjoni tad-dokument Kodiċi ta' tqassim. L-ewwel nett, dan jirrigwarda sensiela ta' prodotti ħafna aktar ristretta minn dik ikkontemplata mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996. Dan id-dokument jirrigwarda biss il-parti mis-suq tat-tubi standard OCTG mingħajr saldatura li kienu s-suġġett tas-sejħiet għal offerti ġenerali. Ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw, f'dan ir-rigward, li l-portata tal-kodiċi ta' tqassim riprodott f'dan id-dokument hija limitata bir-referenza li fih għas-"sejħa għal offerti ġenerali għal tubi mingħajr saldatura API" ("SMLS API OPEN TENDER"), mentri, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, ma kienx hemm sejħiet għal offerti importanti fl-Ewropa għall-prodotti kkontemplati minnu. Is-suq kopert minn dan il-kodiċi ta' tqassim huwa għalhekk ineżistenti skond is-Sur Verluca.

278    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, id-dokument Kodiċi ta' tqassim jirrigwarda biss it-tubi OCTG mingħajr saldatura u mhux il-pajpijiet għat-trasport. Fil-fatt, kif irrilevaw ir-rikorrenti Ġappuniżi fis-seduta, mingħajr ma ġew kontraddetti f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni, l-abbrevjazzjonijiet "C/S" u "T/B" użati darbtejn f'dan id-dokument, li jikkontemplaw, rispettivament, it-tubi użati għall-casing u t-tubi użati għall-kolonna ta' produzzjoni ("tubing"), jirreferu għal żewġ elementi essenzjali ta' tubu OCTG, skond id-deskrizzjoni ta' dan il-prodott li tidher fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, u jirreferu għalhekk neċessarjament u esklużivament għal dan il-prodott.

279    Fir-rigward tar-referenza li hemm fid-dokument Kodiċi ta' tqassim għal "sejħa għal offerti ġenerali għal tubi mingħajr saldatura API" ("SMLS API OPEN TENDER"), jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-affermazzjoni, fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, li tgħid li ma kienx hemm sejħiet għal offerti importanti fl-Ewropa, kienet tidher taħt is-sezzjoni "1.4 Swieq oħra", mentri s-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun jissemmew taħt is-sezzjoni "1.1 Swieq ‘domestiċi'", fejn il-"UK (offshore)" huwa msemmi espressament. Dan il-fatt jimplika a priori li t-terminu "Ewropa" li jidher fl-imsemmija sezzjoni 1.4 jirreferi għas-swieq Ewropej minbarra l-erba' swieq domestiċi koperti bil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-swieq Ġermaniżi, Franċiżi, Taljani u Britanniċi.

280    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li din ir-referenza għall-Ewropa hija vaga u għaldaqstant ambigwa u li, li kieku hija kellha tkopri dawn l-erba' swieq, kuntrarjament għall-interpretazzjoni esposta fil-punt preċedenti, kien ikun meħtieġ li jiġi konkluż li d-dokument Kodiċi ta' tqassim ma jikkorroborax direttament id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti fuq dawn l-erba' swieq. Fil-fatt, inkwantu ma kienx hemm sejħiet għal offerti miftuħa fuq dawn is-swieq, għandu jiġi konkluż li d-dokument Kodiċi ta' tqassim ma jistax jirreferi għalihom, minħabba li huwa jikkontempla t-tubi mingħajr saldatura API li kienu s-suġġett ta' dawn is-sejħiet għal offerti. Għaldaqstant, din l-ambigwità, li mhuwiex possibbli li titneħħa fid-dawl ta' l-elementi fil-fajl u ta' l-argumenti tar-rikorrenti fuq dan is-suġġett, tnaqqas il-valur probatorju tad-dokument Kodiċi ta' tqassim safejn dan jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca.

281    Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, id-dokument Kodiċi ta' tqassim jikkontradixxi l-affermazzjoni tas-Sur Verluca, riprodotta fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec (fil-punt 1.3), fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel rrispondewx favorevolment għall-pożizzjoni tal-produtturi Ewropej fi tmiem is-sena 1993, fatt dan li jqajjem dubju dwar il-kredibbiltà ta' dawn iż-żewġ elementi ta' prova. Fil-fatt, fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, abbażi tad-dokument Kodiċi ta' tqassim, affermat li "l-kuntatti magħmula mal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel kienu parzjalment wasslu għal suċċess" u hija stess irrikonoxxiet li din l-affermazzjoni hija in kontradizzjoni ma' l-affermazzjoni tas-Sur Verluca, riprodotta fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec, li tgħid:

"Il-klabb Ewropa-Ġappun ma kienx jinkludi lill-produtturi Sud-Amerikani [...] saru xi kuntatti esplorattivi fi tmiem l-1993 ma' dawn il-produtturi bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju li jirrifletti l-pożizzjonijiet akkwiżiti (għall-Ewropej madwar 20% fil-Lvant Nofsani). Malajr deher ċar li dawn it-tentattivi ma setgħux jaħdmu."

282    Jeħtieġ li jiġi rrilevat madankollu li, skond id-dokument Kodiċi ta' tqassim, il-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel aċċettaw il-kodiċi ta' tqassim propost "salv għas-suq Ewropew", fejn is-swieq kellhom ikunu eżaminati "każ b'każ" fi spirtu ta' kooperazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet għalhekk, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel ma kinux aċċettaw li s-suq Ewropew ikun riżervat għall-produtturi Ewropej.

283    Mid-diversi noti ta' Vallourec kif ukoll min-Nota għall-Presidenti u mid-dokument "g) Ġappuniż", eżaminati aktar 'il fuq, jirriżulta li, f'għajnejn il-produtturi Ewropej, l-obbjettiv essenzjali tal-kuntatti tagħhom mal-produtturi Ġappuniżi kien il-protezzjoni tas-swieq domestiċi tagħhom, partikolarment iż-żamma ta' l-istatus domestiku tas-suq tar-Renju Unit wara l-għeluq minn Corus tal-fabbrika ta' Clydesdale. Għalkemm il-kontradizzjoni rrilevata fil-punt 281 aktar 'il fuq ċertament iddgħajjef il-valur probatorju tad-dokument Kodiċi ta' tqassim kif ukoll, sa ċertu punt, dak tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, is-sinifikat tagħha hija mnaqqsa ħafna mill-fatt irrilevat fil-bidu ta' dan il-punt. Fil-fatt, anke jekk jitqies li l-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel kienu aċċettaw li japplikaw kodiċi ta' tqassim fuq swieq differenti mis-suq Ewropew, għandu jiġi rrilevat li n-negozjati ma' dawn il-produtturi fallew sostanzjalment mill-punto di vista Ewropea, b'mod li l-apprezzament negattiv tas-Sur Verluca fir-rigward tar-riżultat tagħhom jaqbel effettivament mad-dokument Kodiċi ta' tqassim fuq dan il-punt kruċjali.

284    Jeħtieġ li jiġi konkluż li l-kontradizzjoni bejn l-affermazzjonijiet tas-Sur Verluca f'waħda mid-dikjarazzjonijiet tiegħu u d-dokument Kodiċi ta' tqassim, irrilevata mill-Kummissjoni stess fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tnaqqasx sostanzjalment il-kredibbiltà ta' dawn iż-żewġ elementi ta' prova.

285    Fl-aħħar nett, il-produtturi Ġappuniżi jsostnu li, fid-dokument Kodiċi ta' tqassim, huma għamlu riżerva fir-rigward ta' din il-proposta, fejn ikkunsidraw li l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi kellha tiġi estiża għat-tubi "ERW OCTG", li huma tubi ta' azzar issaldjati. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tittratta lill-produtturi Ġappuniżi bl-istess mod bħall-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, li fir-rigward tagħhom hija kienet irtirat l-oġġezzjonijiet tagħha minħabba li huma kienu wkoll għamlu riżerva fir-rigward tal-kodiċi propost, inkwantu dan kien jolqot is-suq Ewropew, u minħabba li kienu effettwaw bejgħ sostanzjali ta' tubi ta' l-azzar fl-Ewropa. Dan huwa każ għalhekk ta' inugwaljanza inġustifikata fit-trattament u l-irtirar ta' l-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel jannulla għaldaqstant it-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata f'dak li jikkonċerna r-rikorrenti Ġappuniżi.

286    Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec, is-Sur Verluca afferma li l-"klabb Ewropa-Ġappun ma kienx jinkludi lill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel". Peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet straħet prinċipalment fuq id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi fi ksur, hija ma kellhiex għażla oħra ħlief li teskludi lill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni fid-dawl ta' din l-affermazzjoni kategorika. Fil-fatt, dan il-fatt juri li l-produtturi Ġappuniżi u ta' l-Amerika t'Isfel ċertament ma kinux f'sitwazzjoni simili fir-rigward tal-provi eżistenti kontra tagħhom.

287    Fi kwalunkwe każ, huwa opportun li jiġi rrilevat li r-"riżerva" magħmula mill-produtturi Ġappuniżi skond id-dokument Kodiċi ta' tqassim mhijiex ta' l-istess natura bħal dik magħmula mill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel. Fil-fatt, skond id-dokument Kodiċi ta' tqassim, il-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel rrifjutaw l-applikazzjoni awtomatika tal-kodiċi ta' tqassim għas-suq Ewropew, mentri l-produtturi Ġappuniżi pproponew l-inklużjoni tat-tubi "ERW", jiġifieri t-tubi ssaldjati, fil-kodiċi ta' tqassim adottat bil-għan li jirrendu l-akkordju aktar ċar ("to avoid gray area"). Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-riżerva tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel tnaqqar parti kbira mill-forza probatorja tad-dokument Kodiċi ta' tqassim kontrihom fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur fuq is-suq Komunitarju, dan bl-ebda mod ma japplika għall-produtturi Ġappuniżi. Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi kienet oġġettivament differenti minn dik tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel.

288    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li d-dokument Kodiċi ta' tqassim għandu ċertu valur probatorju sabiex jikkorrobora, fl-ambitu ta' kumpless ta' provi konkordanti li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni, uħud mill-affermazzjonijiet essenzjali li jidhru fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq li jaffettwa t-tubi OCTG mingħajr saldatura. Fil-fatt, minn dan l-element ta' prova jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi, minn banda, u l-produtturi Ewropej, mill-banda l-oħra, aċċettaw il-prinċipju li huma ma kellhomx ibiegħu ċerti tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fuq is-suq domestiku tal-produtturi l-oħra fl-ambitu tas-sejħiet għal offerti "miftuħa". Dan id-dokument jikkonferma wkoll l-eżistenza ta' kodiċi ta' tqassim tas-swieq f'diversi reġjuni tad-dinja u jsaħħaħ għalhekk il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca inkwantu dawn jagħmlu wkoll referenza għal dan il-kunċett.

–       Ir-risposti tal-produtturi Ewropej

289    Fil-premessi 63, 65 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka wkoll ir-risposti għat-talbiet tagħha għal aktar informazzjoni mogħtija minn Mannesmann, Dalmine u Corus, rispettivament, bħala elementi ta' prova inkriminanti.

290    B'mod partikolari, skond ir-risposta tat-22 ta' April 1997 tas-Sur Becher, impjegat ta' Mannesmann, ir-Regoli Fundamentali kienu jikkonċernaw it-tubi OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport u kienu jfissru li "l-produtturi Ġappuniżi f'dawn is-setturi ma setgħux jippenetraw fis-swieq Ewropej [in europäische Märkte], u l-produtturi Ewropej ma setgħux, min-naħa tagħhom, jikkonsenjaw prodotti tagħhom fil-Ġappun". Corus, fir-risposta tagħha tal-31 ta' Ottubru 1997, riprodotta fil-paġna 11932 tal-fajl tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-klabb Ewropa-Ġappun, indikat li l-produtturi Ġappuniżi u Ewropej tat-tubi OCTG mingħajr saldatura kienu membri ta' l-istess klabb u li, "[f]il-prattika, is-swieq nazzjonali kienu riżervati l-ewwel għall-produtturi lokali". Fir-risposta tagħha ta' l-4 ta' April 1997, Dalmine ammettiet li hija kellha kuntatti mal-produtturi Ewropej u Ġappuniżi fejn affermat li dawn il-kuntatti "kienu jirrigwardaw l-esportazzjonijiet tat-tubi (partikolarment dawn destinati għall-industrija taż-żejt) f'żoni barra mill-KE (ir-Russja u ċ-Ċina) u kienu wkoll intiżi sabiex jillimitaw l-esportazzjonijiet ta' tubi lejn il-KE wara l-għeluq tal-fabbriki ta' [Corus] u, għaldaqstant, sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja tat-tubi mingħajr saldatura".

291    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, inoltre, li r-risposta ta' Mannesmann tat-22 ta' April 1997 hija ċċitata wkoll fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata fl-ambitu tad-deskrizzjoni tas-swieq tal-pajjiżi terzi. Id-diċitura ta' l-estratt rilevanti hija kif ġej:

"Għas-swieq l-oħra fejn kien hemm sejħiet għal offerti mondjali, il-konsenji rispettivi tal-Ġappuniżi u ta' l-Ewropej kienu stabbiliti minn qabel. F'dak iż-żmien, din il-proċedura kienet identifikata bit-termini 'kodiċi ta' tqassim' (sharing key). Apparentament, dan kien jinvolvi ż-żamma ta' l-ishma storiċi mis-suq tad-diversi produtturi."

292    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, il-produtturi Ewropej kellhom interess evidenti sabiex "jillimitaw id-danni" fir-rigward ta' l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, partikolarment meta ammettew l-eżistenza ta' akkordju mal-produtturi Ġappuniżi bil-għan li jiżvijaw l-attenzjoni tal-Kummissjoni mill-veru sinjifikat tar-Regoli Fundamentali, li kienu jikkontemplaw tqassim tas-swieq Ewropej bejn produtturi Ewropej, ksur dan li huwa ħafna aktar gravi minn dak ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-eżistenza tiegħu, li kieku ġiet ipprovata, kienet tinvolvi multi ħafna akbar għalihom. Għalhekk, inkwantu uħud mir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Kummissjoni jagħmlu referenza għal parteċipazzjoni Ġappuniża fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn mhumiex affidabbli.

293    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-fatt li l-produtturi Ewropej ammettew l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq mal-produtturi Ġappuniżi ma serviex neċessarjament sabiex ħeba l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq Ewropej bejniethom (ara l-punt 214 aktar 'il fuq). Huwa inverosimili li l-produtturi Ewropej ivvintaw xi akkordji illeċiti mal-produtturi Ġappuniżi bil-għan li jaħbu l-eżistenza ta' kartell bejn l-Ewropej, u dan għar-raġunijiet esposti fil-punt 214 aktar 'il fuq. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li, fir-risposta tagħha tad-29 ta' Mejju 1997, riprodotta fil-paġna 15162 tal-fajl tal-Kummissjoni, li tissupplimenta l-informazzjoni pprovduta fir-risposta tagħha ta' l-4 ta' April 1997, Dalmine tirreferi kemm għall-kuntatti mal-produtturi Ġappuniżi kif ukoll għal laqgħat bejn il-produtturi Ewropej biss. Min-naħa tagħha, Corus ma llimitatx l-affermazzjoni tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tas-swieq għar-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej biss (ara l-punt 290 aktar 'il fuq).

294    Għal dak li għandu x'jaqsam mar-risposta pprovduta minn Mannesmann, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li l-awtur tagħha, is-Sur Becher, ma kellu għarfien personalment, skond kif iddikjara huwa stess, dwar il-fatti li fuqhom huwa kien qiegħed jikkummenta, peress li kien biss f'April 1995 li huwa sar direttur ta' Mannesmann. Għalhekk, ix-xhieda tiegħu mhijiex ta' xi valur probatorju kbir u skond JFE-NKK hija saħansitra inammissibbli.

295    F'dan ir-rigward, jeħtieġ, l-ewwel nett, li, fuq il-pjan fattwali jiġi rrilevat li għalkemm is-Sur Becher sar direttur ta' Mannesmann f'April 1995, ir-rappreżentant ta' din is-soċjeta' afferma, waqt is-seduta, li qabel din id-data huwa kien okkupa karigi oħra fi ħdan l-imsemmija kumpannija.

296    It-tieni nett, jeħtieġ li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza ċċitatata fil-punt 205 aktar 'il fuq, li tipprovdi li r-risposti mogħtija għan-nom ta' impriża, bħala tali, għandhom kredibbiltà aktar minn dik li jista' jkollha risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, tkun xi tkun l-esperjenza jew l-opinjoni personali ta' dan ta' l-aħħar (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 205 aktar 'il fuq, punt 45). Mill-punt 45 tas-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, jirriżulta b'mod espliċitu li l-valur probatorju bħala prova inkriminanti tar-risposta in kwistjoni fil-każ preżenti, kontra kumpannija terza, ma kien bl-ebda mod affettwat bil-fatt li l-persuna li kienet iffirmatha għan-nom tal-kumpannija kkonċernata ma kinitx preżenti għal-laqgħa in kwistjoni, u lanqas ma kienet membru tal-persunal tagħha f'dak il-mument.

297    Fil-fatt, meta, bħal f' dan il-każ f'dak li jikkonċerna lill Mannesmann, persuna li ma jkollhiex għarfien dirett tal-fatti rilevanti tagħmel dikjarazzjoni bħala rappreżentant ta' kumpannija, li permezz tagħha tirrikonoxxi l-eżistenza ta' ksur fir-rigward ta' l-istess kumpannija kif ukoll ta' impriżi oħra, hija tistrieħ bilfors fuq informazzjoni pprovduta mill-kumpannija tagħha u, b'mod partikolari, mill-impjegati ta' l-istess kumpannija li jkollhom għarfien dirett tal-prattiċi in kwistjoni. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 211 aktar 'il fuq, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi proprji ta' l-awtur tagħhom għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala probatorji u għaldaqstant jeħtieġ li jingħata piż konsiderevoli lid-dikjarazzjoni tas-Sur Becher fil-każ preżenti.

298    L-argumenti misluta minn JFE-NKK mill-kawża li wasslet għas-sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni u, b'mod aktar partikolari, mill-konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf, li kien serva ta' Avukat Ġenerali fl-istess sentenza, iċċitati f'punt 56 aktar 'il fuq, għandhom jiġu miċħuda. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Imħallef Vesterdorf irrileva li x-xhieda ta' persuni li jkollhom għarfien dirett tal-fatti għandha, bħala prinċipju, valur probatorju partikolarment għoli (Ġabra p. II-956 u II-957).

299    M'hemmx lok li minn dan jiġi dedott li d-dikjarazzjoni magħmula għan-nom ta' kumpannija mid-direttur tagħha, li tinkrimina lill-istess kumpannija kif ukoll lil impriżi oħra, għandha valur probatorju limitat minħabba li huwa m'għandux għarfien dirett tal-fatti. A fortiori, m'hemm l-ebda raġuni għalfejn element ta' prova bħal dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

300    Fil-każ preżenti, kif ukoll fil-kawża li wasslet għas-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 205 aktar 'il fuq, id-dikjarazzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi effettivament l-ammissjoni ta' ksur mill-kumpannija li l-awtur ta' din id-dikjarazzjoni jirrappreżenta.

301    Barra minn hekk, ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra r-risposta ta' Mannesmann bħala element ta' prova affidabbli inkwantu din tikkonferma l-eżistenza ta' akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, filwaqt li tikkunsidraha bħala inaffidabbli inkwantu l-istess risposta tinnega l-eżistenza ta' akkordju intiż għall-ħarsien tas-suq nazzjonali ta' kull produttur Ewropew mill-produtturi Ewropej l-oħra.

302    Huwa minnu li l-fatt li s-Sur Becher innega l-eżistenza ta' komponent intra-Ewropew fir-Regoli Fundamentali fis-sens ta' obbligu għall-ħarsien reċiproku tas-swieq domestiċi bejn il-produtturi Ewropej idgħajjef id-dikjarazzjoni tiegħu, sa ċertu punt, bħala element ta' prova li tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-Sur Becher ikkonferma l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi għat-tubi OCTG u għall-pajpijiet tal-qies għat-trasport b'mod inekwivoku (ara l-punt 290 aktar 'il fuq). B'hekk, id-dikjarazzjoni tiegħu tikkorrobora dawk tas-Sur Verluca għal dak li għandu x'jaqsam dan l-aspett tal-ksur u, għaldaqstant, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti Ġappuniżi kienu parti minn akkordju dwar it-tqassim tas-swieq fejn huma aċċettaw li ma jbiegħux it-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport fuq is-swieq Komunitarji. Il-fatt li d-dikjarazzjoni ta' Mannesmann ma teskludix it-tubi premium OCTG mill-akkordju li hija tiddeskrivi hija irrilevanti għar-raġunijiet esposti fil-punt 261 aktar 'il fuq. Fl-aħħar nett, il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta' Mannesmann huwa, f'dan il-każ, imsaħħaħ aktar bil-fatt li hija tikkorrobora wkoll id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza ta' kodiċi ta' tqassim dwar l-għoti tas-sejħiet għal offerti internazzjonali fuq is-swieq ta' pajjiżi terzi (ara l-punt 291 aktar 'il fuq).

303    Ir-rikorrenti jirrilevaw li Dalmine, fir-risposti tagħha lill-Kummissjoni ta' l-4 ta' April 1997 u tad-29 ta' Mejju 1997, enfasizzat li d-diskussjonijiet tagħha mal-produtturi Ġappuniżi kienu jirrigwardaw essenzjalment is-swieq ta' pajjiżi terzi, bħalma huma s-suq Russu u Ċiniż. Jeħtieġ li jiġi osservat mill-ewwel li, skond it-termini ta' l-estratt meħud mir-risposta ta' l-4 ta' April iċċitat aktar 'il fuq, dawn id-diskussjonijiet kienu ttrattaw ukoll il-protezzjoni tas-swieq Komunitarji (ara l-punt 290 aktar 'il fuq). Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-affermazzjonijiet invokati f'dan ir-rigward mir-rikorrenti Ġappuniżi għandhom piż limitat ħafna preċiżament minħabba r-raġuni mogħtija mir-rikorrenti Ġappuniżi stess (ara l-punt 292 aktar 'il fuq), jiġifieri li Dalmine riedet "[t]illimita d-danni". Tenut kont tal-fatt li għaliha kien impossibbli li tinnega l-fatt li hija kellha kuntatti mal-produtturi Ġappuniżi kif ukoll mal-produtturi l-oħra Ewropej, Dalmine ittentat tippreżenta l-kuntatti tagħha b'mod li tiġi eskluża jew imminimizzata, safejn possibbli, in-natura illegali tagħhom fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

304    B'hekk, iż-żewġ risposti ta' Dalmine, partikolarment l-estratt mir-risposta ta' l-4 ta' April 1997 iċċitat fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 290 aktar 'il fuq), jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward tar-realtà tal-kuntatti bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi dwar it-tqassim ta' ċerti swieq ġeografiċi bejniethom, partikolarment billi jiimpedixxu l-bejgħ tat-tubi Ġappuniżi fuq is-swieq Komunitarji.

305    Fir-rigward tar-risposta mogħtija minn Corus fil-31 ta' Ottubru 1997, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li, f'ittra tat-30 ta' Marzu 1999, Corus indikat b'mod ċar li l-ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet tagħha ma kellha tiġi interpretata fis-sens li timplika l-eżistenza ta' akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi. B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-ittra tat-30 ta' Marzu 1999 kienet tirrigwarda l-proċedura dwar it-tubi ssaldjati, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li d-dikjarazzjoni hekk ikkjarifikata kienet ingħatat minn Corus fl-istess termini eżatti bħal dik mogħtija fl-ambitu tal-proċedura dwar it-tubi mingħajr saldatura.

306    Huwa minnu li n-nuqqas, fl-ambitu tal-proċedura dwar it-tubi mingħajr saldatura (Każ IV/E-1/35.860-B), ta' ittra analoga għal dik mibgħuta fl-ambitu tal-proċedura dwar it-tubi ssaldjati (Każ IV/E-1/35.860-A) huwa stramb ħafna, fatt dan li jagħti l-impressjoni li dan kien biss ommissjoni aktar milli teħid ta' pożizzjoni intenzjonalment differenti f'każ meta mqabbel mal-każ l-ieħor.

307    Madankollu, l-affermazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999 fis-sens li r-risposta tal-31 ta' Ottubru 1997 ma tirreferix għall-eżistenza ta' akkordju u mhijiex ikkunsidrata bħala li tista' tiġi interpretata bħala ammissjoni f'dan ir-rigward, huma insuffiċjenti, fi kwalunkwe każ, sabiex jispjegaw is-sens ta' din ir-risposta. Fin-nuqqas ta' spjegazzjoni konvinċenti ħafna tat-tifsira li għandha tingħata lit-termini "[f]il-prattika, is-swieq nazzjonali kienu riżervati fl-ewwel lok għall-produtturi lokali" u tenut kont tal-fatt li dawn it-termini huma mniżżlin f'paragrafu li jirrigwarda s-suġġett tal-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun, din l-affermazzjoni tikkostitwixxi element ta' prova rilevanti ħafna.

308    B'hekk, il-fatt, jekk jitqies bħala korrett, li Corus riedet, f'ittra mibgħuta lill-Kummissjoni aktar minn sena wara, tillimita l-portata ta' l-affermazzjoni tagħha dwar it-tqassim tas-swieq ftit li xejn inaqqas mill-valur probatorju ta' l-istess affermazzjoni. Jeħtieġ għalhekk li jiġi kkunsidrat li r-risposta ta' Corus tikkorrobora wkoll id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq għat-tubi OCTG fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun.

–       Id-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo

309    Il-Kummissjoni tinvoka wkoll, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, depożizzjoni ta' l-1 ta' Ġunju 1995 mogħtija minn ex impjegat ta' Dalmine, is-Sur Biasizzo, quddiem il-Prosekutur Pubbliku ta' Bergamo (l-Italja), fl-ambitu ta' investigazzjoni dwar korruzzjoni. Minn din id-depożizzjoni jirriżulta li kienu jeżistu "klabbs tal-produtturi (cartels)" li kienu jiltaqgħu darbtejn fis-sena: darba fl-Ewropa, u darba fil-Ġappun. Skond is-Sur Biasizzo, kull produttur kellu d-dritt li jirbaħ is-sejħiet għal offerti kollha fis-suq domestiku tiegħu u kien ġie miftiehem li l-produtturi l-oħra jipproponu dejjem prezzijiet aktar għoljin minn dawk tal-produttur nazzjonali, bi 8 sa 10%, regola din li kienet applikata rigorożament.

310    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, din id-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo mhijiex affidabbli, inkwantu ngħatat taħt kostrinġiment, f'kuntest fejn l-awtur tagħha kellu interess li jispjega għalxiex Dalmine kienet tirbaħ il-kuntratti pubbliċi kollha ta' Agip billi jirreferi għal raġunijiet differenti mill-prattiċi diżonesti li kienu s-suġġett ta' l-investigazzjoni miftuħa fir-rigward tiegħu.

311    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-depożizzjoni tiegħu, is-Sur Biasizzo afferma li kien hu stess li kien ippropona l-prattika li jingħataw pagamenti indebiti lill-impjegati ta' Agip. Barra minn hekk, ir-rwol ta' dawn il-pagamenti, skond is-Sur Biasizzo, kien li jiġu ffaċilitati l-fażijiet sussegwenti ta' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ġaladarba Dalmine tkun diġà rebħitu, skond l-akkordju illeċitu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tad-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo huwa inkompatibbli ma' l-ispjegazzjoni li huwa kien qiegħed jipprova jaħbi l-parteċipazzjoni tiegħu fi prattiċi illeċiti billi jattribwixxi l-poter ta' Dalmine fuq is-suq Taljan għal akkordju ineżistenti. L-argumentazzjoni tar-rikorrenti Ġappuniżi f'dan ir-rigward għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

312    Barra minn hekk, il-fatt li dawn id-depożizzjonijiet ingħataw quddiem il-Prosekutur Pubbliku ta' Bergamo fl-ambitu ta' investigazzjoni ġudizzjarja jsaħħaħ, aktar milli jnaqqas, il-valur probatorju tagħhom, u dan kuntrarjament għal dak li jaffermaw ir-rikorrenti Ġappuniżi. Fil-fatt, għalkemm depożizzjoni magħmula quddiem prosekutur ċertament m'għandhiex l-istess valur bħal xhieda mogħtija taħt ġurament quddiem qorti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-kostrinġiment, li jirriżulta mill-poteri ta' investigazzjoni li għandu prosekutur, u l-konsegwenzi negattivi li jistgħu joħorġu taħt id-dritt penali għal depożitant li jkun gideb fl-ambitu ta' investigazzjoni huma ċirkustanzi li jrendu din id-depożiżżjoni aktar affidabbli minn sempliċi dikjarazzjoni.

313    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, ir-referenza għas-sejħiet għal offerti fuq is-suq Taljan, magħmula fid-depożiżżjoni tas-Sur Biasizzo, hija inkompatibbli ma l-affermazzjoni magħmula fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 li tgħid li ma kienx hemm sejħiet għal offerti kbar fuq is-swieq Ewropej.

314    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-affermazzjoni, fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, li tgħid li ma kienx hemm sejħiet għal offerti kbar fl-Ewropa kienet tidher taħt is-sezzjoni 1.4 ta' l-istess dikjarazzjoni intitolata "Swieq oħra") ("OPEN TENDERS") u taħt il-kategorija "Sejħiet għal offerti ġenerali għal tubi mingħajr saldatura API", mentri s-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun jaqgħu taħt is-sezzjoni 1.1 intitolata "Swieq domestiċi", fatt dan li jimplika a priori li t-terminu "Ewropa" li jinsab fl-imsemmija sezzjoni 1.4 jirreferi għas-swieq Ewropej minbarra l-erba' swieq domestiċi koperti bil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 279 u 280 aktar 'il fuq).

315    Barra minn hekk, is-Sur Biasizzo ddeskriva s-sitwazzjoni eżistenti fuq is-suq Taljan biss u huwa għalhekk possibbli li ssir distinzjoni bejn is-sejħiet għal offerti internazzjonali kbar (is-"sejħiet għal offerti kbar"), li ma kinux jikkonċernaw is-swieq Ewropej skond is-Sur Verluca, inkluż, jekk ikun il-każ, is-swieq domestiċi ta' l-erba' produtturi Ewropej, u dawk organizzati minn Agip fuq is-suq Taljan. L-ewwel sentenza tas-sezzjoni 1.4 tad-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, li tgħid, "[i]n-negozji l-kbar li kienu s-suġġett tas-sejħiet għal offerti internazzjonali ("OPEN TENDERS") kienu mqassma abbażi ta' kodiċi ta' tqassim", tikkorrobora wkoll din it-teżi inkwantu tenfasizza l-portata sostanzjali u n-natura internazzjonali tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni f'din is-sezzjoni tad-dikjarazzjoni.

316    Ċertament, ir-referenza għas-sejħiet għal offerti fuq is-suq Taljan tnaqqas, sa ċertu punt, il-valur probatorju tad-depożiżżjoni tas-Sur Biasizzo għall-finijiet tal-korroborazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca. Għandu jiġi kkonstatat li, l-aktar l-aktar, id-deskrizzjoni mogħtija mis-Sur Biasizzo tal-mod ta' tqassim tal-kuntratti fuq is-suq Taljan mhijiex riprodotta fid-dikjarazzjonijiet imsemmija u li, fl-agħar ipoteżi, din id-deskrizzjoni tikkontradihom.

317    Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar, mill-ġdid, li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tipprova b'liema mekkaniżmu speċifiku kellu jsir it-tqassim tas-swieq meta l-iskop antikompetittiv ta' l-akkordju illegali jkun ġie stabbilit b'mod adegwat (ara l-punt 203 aktar 'il fuq). Għalhekk, fil-każ preżenti, in-nuqqas ta' konkordanza totali bejn id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u d-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo fir-rigward tal-mod ta' applikazzjoni tar-Regoli Fundamentali fuq is-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun ma tagħmilx ħlief tnaqqas, b'mod limitat, il-valur probatorju ta' dawn l-elementi ta' prova, peress li d-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspetti sinjifikattivi l-oħra ta' l-akkordju kkontestat (ara wkoll il-punt 334 aktar 'il quddiem).

318    Barra minn hekk, ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li, f'depożizzjoni sussegwenti intitolata "Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi", is-Sur Biasizzo elenka l-vantaġġi ekonomiċi oġġettivi kollha li minnhom kien jibbenefika produttur lokali ta' tubi ta' l-azzar fuq is-suq nazzjonali tiegħu meta mqabbel mal-produtturi barranin u ma għamilx aktar referenza għal akkordju internazzjonali.

319    Jeħtieġ li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li, skond ġurisprudenza kostanti, mid-diċitura stess ta' l-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-akkordji bejn impriżi huma pprojbiti meta dawn ikollhom għan antikompetittiv, u dan indipendentament mill-effett tagħhom (ara l-punt 181 aktar 'il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-fatt li s-Sur Biasizzo elenka l-vantaġġi ekonomiċi oġġettivi li minnhom jibbenefika produttur lokali ta' tubi ta' l-azzar fuq is-suq nazzjonali tiegħu m'huwiex element favur tiegħu fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti u għalhekk ma jnaqqasx il-valur probatorju tad-depożizzjoni inizjali tiegħu.

320    Fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta' referenza ġdida espliċita, fid-dokument 'Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi', għall-eżistenza ta' akkordju internazzjonali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan il-fatt huwa wkoll irrilevanti peress li s-Sur Biasizzo bl-ebda mod ma rtira dak li kien qal fuq dan is-suġġett fid-depożizzjoni inizjali tiegħu. Għall-kuntrarju, is-Sur Biasizzo rrefera mill-ġdid għall-eżistenza ta' akkordju bħal dan fid-dokument 'Kummenti dwar id-depożizzjonijiet tiegħi', peress li huwa kkonferma li l-pożizzjoni b'saħħitha ta' Dalmine fuq is-suq Taljan kienet dovuta, fost fatturi oħra, għall-"influwenza eżerċitata minn kull produttur, fuq is-suq proprju tiegħu, fuq il-produtturi l-oħra" ("l'influenza che ogni produttore ha, per le sue aree di mercato, nei confronti degli altri produttori"). Is-Sur Biasizzo, f'dan ir-rigward, irrefera wkoll għad-deskrizzjoni mogħtija fid-depożizzjoni inizjali tiegħu, fejn irrileva li "[i]s-sistema kollha [kienet i]bbażata fuq ir-rispett ta' ekwilibriju stabbilit fuq l-ishma mis-suq storiċi [...] kif għidt diversi drabi fid-dikjarazzjoni tiegħi" ("Tutto il sistema è basato sul rispetto di equilibri consolidati da quote storiche […] come già ho detto più volte nel corso del mio memoriale").

321    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti Ġappuniżi ikkontestaw il-kredibbiltà tad-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din hija kkorroborata minn depożizzjonijiet oħra magħmula mill-kollegi tas-Sur Biasizzo, li jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni u li ġew invokati mill-istess Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, iżda li mhumiex iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, mid-depożizzjoni tas-Sur Jachia tal-5 ta' Ġunju 1995, riprodotta fil-paġna 8220 ter 6 tal-fajl tal-Kummissjoni, jirriżulta li kien jeżisti akkordju "sabiex jiġu rrispettati ż-żoni appartenenti lill-operaturi differenti" u mid-dikjarazzjoni tas-Sur Ciocca tat-8 ta' Ġunnju 1995, riprodotta fil-paġna 8220 ter 3 tal-fajl tal-Kummissjoni, jirriżulta li kien hemm "ftehim bejn il-produtturi ta' tubi fuq skala mondjali". Bl-istess mod, mir-risposta ta' Dalmine tad-29 ta' Mejju 1997 jirriżulta li s-Sur Biasizzo kien attenda, ta' l-inqas darba waħda, għal laqgħa mal-produtturi Ġappuniżi fil-Ġappun, b'mod li huwa kellu għarfien dirett ta' l-eżistenza u tat-termini ta' l-akkordju ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

322    Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, iż-żewġ dikjarazzjonijiet tas-Sur Biasizzo ma jippreċiżawx liema kienu l-prodotti koperti mill-akkordju li għalih huwa jagħmel referenza.

323    Jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-ġdid, f'dan ir-rigward, li kull waħda mill-provi miġjuba mill-Kummissjoni m'għandhiex neċessarjament tikkorrispondi bi preċiżjoni u konkordanza mad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' kull element tal-ksur (ara l-punt 180 aktar 'il fuq). Fil-fatt, huwa biżżejjed li prova tattesta l-elementi sinjifikattivi ta' l-akkordju deskritt mis-Sur Verluca sabiex ikollha ċertu valur bħala element ta' korroborazzjoni fl-ambitu tal-kumpless ta' provi inkriminanti (ara l-punt 220 aktar 'il fuq). Fi kwalunkwe każ, mingħajr m'huwa meħtieġ li jiġi riżolt in-nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-perijodu preċiż li matulu s-Sur Biasizzo kien responsabbli għall-bejgħ taż-żewġ tipi ta' prodotti kkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata, huwa paċifiku fil-każ preżenti li huwa kien responsabbli għall-bejgħ minn Dalmine tat-tubi OCTG matul il-parti l-kbira tal-perijodu tal-ksur ikkonstatat, kif ukoll tal-bejgħ tal-pajpijiet għat-trasport għal, minn ta' l-inqas, diversi xhur matul dan il-perijodu, b'mod li huwa kellu għarfien dirett tal-fatti li huwa ddeskriva.

324    Jeħtieġ li jiġi konkluż, f'dan ir-rigward, li d-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq domestiċi deskritt mis-Sur Verluca. Aktar speċifikament, dan l-element ta' prova jikkonferma li s-swieq domestiċi ta' kull produttur kellhom jiġu rrispettati mill-membri l-oħra tal-klabb u li dan il-prinċipju kien ġie stabbilit fl-okkażjoni tal-laqgħat li kienu jinżammu darbtejn fis-sena, darba fl-Ewropa u darba fil-Ġappun, u li għalihom ir-rikorrenti Ġappuniżi kienu bagħtu r-rappreżentanti tagħhom (ara l-punti 192 sa 196 aktar 'il fuq).

325    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, inoltre, li fir-risposta tagħha tas-7 ta' Novembru 1997 għal talba għal informazzjoni, riprodotta fil-paġna 14451 tal-fajl tal-Kummissjoni, imsemmija fin-nota fil-qiegħ tal-paġna 41 tad-deċiżjoni kkontestata, JFE-NKK irrikonoxxiet li l-produtturi Ewropej kienu talbuha sabiex tirrispetta s-swieq domestiċi tagħhom fl-okkażjoni tal-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun ("We recall that other (European) mills requested that JFE respect their home markets"). Madankollu, JFE-NKK tinnega li hija rrispondiet favorevolment għal din it-talba ("However we were neither bound by nor did we respect such requests").

326    Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li din ir-risposta ta' JFE-NKK tikkonferma li d-diskussjonijiet li saru waqt il-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun irrigwardaw mhux biss is-swieq tal-pajjiżi terzi, iżda wkoll is-swieq Komunitarji, skond id-deskizzjoni ta' l-istess laqgħat li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca.

327    Jeħtieġ li jiġi mfakkar, barra minn hekk, li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, meta impriża tipparteċipa, anke jekk ma tieħux parti attiva fihom, f'laqgħat bejn impriżi li jkollhom għan antikompetittiv u ma tbiegħedx ruħha pubblikament mill-kontenut tagħhom, b'tali mod li tagħti l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija qiegħda tipparteċipa fl-akkordju li jirriżulta mil-laqgħat imsemmija u li hija ser tikkonforma ruħha miegħu, jista' jiġi kkunsidrat li hija tkun qiegħda tipparteċipa fl-akkordju in kwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra. p. II-1711, punt 232; ta' l-10 ta' Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra. p. II-907, punt 98; tas-6 ta' April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra. p. II-791, punti 85 u 86, u Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punt 1353).

328    Il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 327 aktar 'il fuq mhijiex direttament applikabbli għas-sitwazzjoni ta' JFE-NKK, peress li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati, l-eżistenza tal-ksur fir-rigward ta' l-impriżi l-oħra kienet ġiet ipprovata u l-unika kwistjoni li kien għad fadal kienet dik tal-parteċipazzjoni passiva ta' l-impriża f'dak il-ksur.

329    Madankollu, il-prinċipju li impriża li tipparteċipa f'laqgħat li jkollhom għan antikompetittiv tagħti l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija qiegħda tipparteċipa fl-akkordju li jirriżulta mil-laqgħat imsemmija u li hija ser tikkonforma ruħha miegħu, sakemm hija ma tbiegħedx ruħha pubblikament mill-kontenut ta' l-istess laqgħat, u tipparteċipa minħabba f'hekk fil-ksur, jista' japplika f'dan il-każ. Il-parteċipazzjoni ta' JFE-NKK f'dawn il-laqgħat hija pprovata aktar u aktar f'dan il-każ fejn hija ammettiet li fil-kuntest ta' dawn il-laqgħat kienet saritilha domanda speċifika sabiex hija tirrispetta s-swieq Komunitarji. B'hekk, ir-risposta ta' JFE-NKK tikkostitwixxi element ta' prova b'piż partikolarment probatorju li jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward tal-fatt li din il-kumpannija pparteċipat f'akkordju ma' l-erba' produtturi Ewropej.

330    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, barra minn hekk, li t-tliet produtturi Ġappuniżi l-oħra pparteċipaw fl-istess laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun bħal JFE-NKK. Issa, huwa inkonċepibbli, in vista tal-mod ta' funzjonament u ta' l-obbjettivi tal-klabb Ewropa-Ġappun, kif attestati mid-dokumenti eżaminati aktar 'il fuq, li l-produtturi Ewropej staqsew lil JFE-NKK biss, u mhux ukoll lill-produtturi l-oħra Ġappuniżi li kienu membri tal-klabb, sabiex din tirrispetta s-swieq domestiċi tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-risposta ta' JFE-NKK tikkonferma wkoll il-parteċipazzjoni tat-tliet produtturi Ġappuniżi l-oħra fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

331    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-kumpless ta' provi invokat mill-Kummissjoni huwa ampjament suffiċjenti sabiex jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward tal-fatt li l-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun deskritt minnu, effettivament ikkonkludew akkordju dwar it-tqassim tas-swieq fir-rigward ta' ċerti tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura, fejn kull produttur kellu b'mod partikolari jastjeni milli jbiegħ il-prodotti konċernati fuq is-suq domestiku ta' kull wieħed mill-membri l-oħra tal-klabb.

332    Mill-parti l-kbira ta' l-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi kumpless ta' provi ma jirriżultax b'mod ċar liema kienu t-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura li kienu kkontemplati b'dan it-tqassim, però minnhom joħroġ b'mod inekwivoku li, fost il-prodotti kkontemplati, kien hemm it-tubi standard OCTG. Fil-fatt, ir-referenzi speċifiċi għal dawn il-prodotti fin-noti Riflessjonijiet strateġiċi u Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM, fid-dokument Kodiċi ta' tqassim u fir-risposta ta' Mannesmann, kif ukoll dawk għat-tubi OCTG in ġenerali, bla dettall ieħor, f'dokumenti oħra invokati mill-Kummissjoni jikkorroboraw b'mod adegwat u ċar id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward tal-fatt li r-Regoli Fundamentali kienu jikkonċernaw dawn il-prodotti.

333    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-pajpijiet tal-qies għat-trasport, prova waħda, jiġifieri r-risposta ta' Mannesmann mogħtija permezz tas-Sur Becher, tikkorrobora b'mod inekwivoku l-affermazzjoni tas-Sur Verluca li l-akkordju illeċitu kien jikkonċerna wkoll il-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Madankollu, in vista tal-piż partikolarment probatorju ta' din ir-risposta, fatt irrilevat fil-punti 294 sa 302 aktar 'il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li din hija biżżejjed sabiex tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, li diġà huma kredibbli ħafna fihom infushom (ara l-punti 205 sa 207 aktar 'il fuq) fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

334    Fi kwalunkwe każ, diġà ġie deċiż li, jekk il-kumpless ta' provi konkordanti, invokati mill-Kummissjoni, jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza u ċerti aspetti speċifiċi ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq invokati mis-Sur Verluca u kkonstatati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca jistgħu jkunu biżżejjed waħidhom, f'dan il-każ, sabiex jattestaw l-aspetti l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, skond ir-regola misluta mis-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punt 1838), u invokata mill-Kummissjoni (ara l-punti 204 u 220 aktar 'il fuq). Issa, fil-punti 330 u 332 aktar 'il fuq, diġà ġie kkonstatat li l-kumpless ta' provi invokati mill-Kummissjoni huwa biżżejjed sabiex jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca f'diversi aspetti, u partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mat-tubi standard OCTG.

335    F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li s-Sur Verluca kjarament qal il-verità fid-dikjarazzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant, li dawn id-dikjarazzjonijiet huma suffiċjenti, bħala elementi ta' prova, sabiex jipprovaw li l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun kien ikopri mhux biss it-tubi standard OCTG, kif jattestaw diversi elementi ta' prova oħra, iżda wkoll il-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Fil-fatt, m'hemm ebda raġuni għalxiex wieħed jissupponi li s-Sur Verluca, li kellu għarfien dirett tal-fatti, għamel affermazzjonijiet skorretti fir-rigward tal-pajpijiet għat-trasport, meta elementi ta' prova oħra jikkorroboraw l-affermazzjonijiet tiegħu dwar l-eżistenza ta' l-akkordju u l-applikazzjoni tiegħu għat-tubi standard OCTG.

336    Fl-aħħar nett, anke kieku r-rikorrenti Ġappuniżi setgħu qajmu xi dubju fir-rigward tal-prodotti speċifiċi koperti mill-akkordju ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fatt dan li ma ġiex ipprovat, jeħtieġ li jiġi rrilevat li jekk l-imsemmija deċiżjoni, meħuda fit-totalità tagħha, turi li l-ksur ikkonstatat kien jirrigwarda tip wieħed partikolari ta' prodotti u tirreferi għall-elementi ta' prova in sostenn ta' din il-konklużjoni, il-fatt li din l-istess deċiżjoni ma fihiex pronunzja preċiża u eżawrjenti tat-tipi kollha ta' prodotti koperti mill-ksur ma jistax, waħdu, ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tagħha (ara, b'analoġija, fil-kuntest ta' motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni, is-sentenza Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 203 aktar 'il fuq, punt 214). Kieku dan ma kienx il-każ, impriża tkun tista' tevita kull penali minkejja l-fatt li l-Kummissjoni tkun ipprovat b'ċertezza li hija kienet wettqet ksur f'ċirkustanzi fejn l-identità tal-prodotti speċifiċi, li jkunu inklużi fost sensiela ta' prodotti simili mibjugħa mill-impriża in kwistjoni, ma tkunx ġiet ipprovata.

337    F'dan ir-rigward, il-ġurisprudenza dwar id-definizzjoni adegwata tas-suq, invokata minn JFE-NKK (ara l-punt 101 aktar 'il fuq u s-sentenza SIV et vs Il-Kummussjoni, iċċitata f'punt 57 aktar 'il fuq), hija irrilevanti, peress li tirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tikkonstata ksur abbażi ta' l-effetti antikompetittivi tal-komportament ta' l-impriżi in kwistjoni, mentri fil-każ preżenti l-għan antikompetittiv ta' l-akkordju illegali huwa pprovat abbażi ta' provi dokumentali.

–       Id-durata tal-ksur

338    Għal dak li għandu x'jaqsam mad-durata tal-ksur, jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-Kummissjoni, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li hija setgħet tikkunsidra li l-ksur beda mill-1977, iżda hija għażlet li ma tagħmilx dan minħabba l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni. Għalhekk, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li l-ksur beda mill-1990.

339    Minn dan isegwi li r-rikorrenti Ġappuniżi huma żbaljati meta jsostnu li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat l-eżistenza ta' ksur biss mis-sena 1990 minħabba li hija kkunsidrat li l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu jimpedixxu lir-rikorrenti Ġappuniżi milli jesportaw it-tubi ta' l-azzar tagħhom lejn il-Komunità. Madankollu, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri li hija kkonstatat li l-ksur beda mis-sena 1977 iżda ma ħaditx dan in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-iffissar tal-multa ħlief mis-sena 1990, lanqas taqbel mat-termini tad-deċiżjoni msemmija, u partikolarment ma' l-Artikolu 1 ta' l-istess.

340    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li, fil-kawżi preżenti, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkonstata l-eżistenza ta' ksur qabel l-1990. Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha, tirrileva li l-fatt li hija ma kkonstatatx l-eżistenza ta' ksur għall-perijodu li matulu kienu fis-seħħ l-akkordji ta' awtolimitazzjoni jikkostitwixxi konċessjoni favur id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata li hija ma kinitx obbligata li tagħti, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza hija mhijiex issostni li din il-konċessjoni għandha tiġi kkontestata fl-ambitu tal-proċedura preżenti.

341    Minn dan isegwi li l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandux jirrigwarda l-legalità ta' din il-konċessjoni jew jekk kinitx opportuna, iżda biss il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni, wara li tatha espressament fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, applikathiex korrettament fil-kawża preżenti. Jeħtieġ li jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex tiġġustifika l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq, peress li l-oneru tal-prova fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur u, għaldaqstant, tad-durata tiegħu, jaqa' fuqha (ara l-punti 177 sa 179 aktar 'il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

342    Għalhekk, peress li dawn huma akkordji konklużi fuq livell internazzjonali, bejn il-Gvern Ġappuniż, irrappreżentat mill-Ministru ta' l-Industrija u tal-Kummerċ Barranin, u l-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-istess Kummissjoni kellha tikkonserva d-dokumentazzjoni li tikkonferma d-data li fiha ntemmu l-akkordji msemmija, skond il-prinċipju ta' l-amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, hija kellha tkun f'pożizzjoni li tipproduċi din id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Madankollu, il-Kummissjoni affermat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kienet fittxet fl-arkivji tagħha, imma li hija ma setgħetx tipproduċi dokumenti li jattestaw id-data tat-terminazzjoni ta' dawn l-akkordji.

343    Għalkemm, b'mod ġenerali, il-parti rikorrenti ma tistax tittrasferixxi l-piż tal-prova fuq il-parti konvenuta billi tipprevalixxi ruħha mill-fatt li hija ma tkunx f'pożizzjoni li ġġib il-prova, il-kunċett tal-piż tal-prova ma jistax jiġi applikat għall-benefiċċju tal-Kummissjoni fil-każ preżenti f'dak li għandu x'jaqsam mad-data tat-terminazzjoni ta' l-akkordji internazzjonali li hija kkonkludiet. L-inkapaċità inspjegabbli tal-Kummissjoni sabiex tipproduċi elementi ta' prova dwar ċirkustanza li tikkonċernaha direttament tneħħi lill-Qorti tal-Prim'Istanza l-possibbiltà li tiddeċiedi l-kawża b'għarfien sħiħ tal-fatti fir-rigward tad-data tat-terminazzjoni ta' l-akkordji msemmija. Ikun kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-konsegwenzi ta' din l-inkapaċità tal-Kummissjoni jsofruhom l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li, għad-differenza ta' l-istituzzjoni konvenuta, ma kinux f'pożizzjoni li jġibu l-prova mankanti.

344    F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, b'mod eċċezzjonali, li kienet il-Kummissjoni li kellha ġġib il-prova ta' din it-terminazzjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova tad-data li fiha ntemmu l-akkordji ta' awtolimitazzjoni, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

345    Fi kwalunkwe każ, għalkemm ir-rikorrenti Ġappuniżi ma ġabux il-prova li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni komplew jeżistu fuq il-livell internazzjonali, kollha kemm huma ressqu elementi ta' prova rilevanti ħafna dwar il-perċezzjoni Ġappuniża ta' l-istatus ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni matul is-sena 1990. Fost dawn l-elementi hemm, b'mod partikolari, talba magħmula fit-22 ta' Diċembru 1989 minn sitt produtturi Ġappuniżi ta' tubi ta' l-azzar, fosthom l-erba' rikorrenti Ġappuniżi, fejn talbu l-awtorizzazzjoni li jipprorogaw, sal-31 ta' Diċembru 1990, l-akkordju intern li kien jillimita l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità Ewropea u, fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-MITI, tat-28 ta' Diċembru 1989, li tapprova din il-proroga. Dawn id-dokumenti jwasslu lil wieħed sabiex jikkonkludi b'ċertezza li r-rikorrenti Ġappuniżi, kif ukoll l-awtoritajiet Ġappuniżi kompetenti, kienu jikkunsidraw li l-akkordju internazzjonali ta' awtolimitazzjoni konkluż mal-Komunitajiet Ewropej kien għadu applikabbli matul is-sena 1990.

346    F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-proċedura preżenti, abbażi ta' l-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tenut kont ta' l-oneru tal-prova li jinkombi fuq il-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ksur, li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni konklużi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġappuniżi baqgħu fis-seħħ matul is-sena 1990. Fid-dawl ta' din il-konstatazzjoni ta' fatt u fid-dawl tal-konċessjoni magħmula mill-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni kkontestata, id-durata tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha titnaqqas b'sena.

347    Inkwantu jirrigwarda d-data li fiha waqaf il-ksur, il-Kummissjoni tistrieħ, fil-premessi 96 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, li tgħid li l-laqgħat waqfu "ftit aktar minn sena ilu", sabiex tikkonstata li l-ksur dam sal-1995. Madankollu, mill-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa, jirriżulta li l-ksur ma ġiex ikkonstatat ħlief għal perijodu ta' ħames snin għall-erba' rikorrenti Ġappuniżi, b'tali mod li l-ksur suppost waqaf fl-1 ta' Jannar 1995. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li din hija l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li għandha tiġi mħaddna.

348    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw li l-uniku dokument minn dawk invokati mill-Kummissjoni li fih xi elementi dwar id-duruata tal-ksur, huwa d-dokument Kodiċi ta' tqassim, li jikkontempla perijodu li kellu jiskadi f'Marzu 1994. Barra minn hekk, huma jirrilevaw li m'hemmx provi ta' xi laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun wara din id-data.

349    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li, għalkemm id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca huma partikolarment affidabbli, is-sentenza li fuqha straħet il-Kummissjoni sabiex tikkonstata li l-ksur dam sal-bidu tas-sena 1995 hija wisq vaga. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-elementi ta' prova li jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fuq punti oħra mhumiex biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tibbaża ruħha esklużivament fuqhom fir-rigward ta' dan il-punt fil-kuntest preżenti. Fil-fatt, għalkemm m'hemm ebda dubju dwar il-veraċita' ta' dak li afferma s-Sur Verluca fir-rigward tad-durata tal-ksur, min-natura vaga ta' l-indikazzjoni tiegħu dwar it-tmiem ta' l-istess ksur jirriżulta li d-dikjarazzjoni tiegħu mhijiex biżżejjed, waħidha, sabiex tipprova din id-data għas-suffiċjenza tad-dritt.

350    Barra minn hekk, skond id-deskrizzjoni tal-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, dawn il-laqgħat inżammu "darbtejn f'sena, darba fl-Ewropa, u darba fil-Ġappun (ġeneralment f'Marzu jew April fl-Ewropa u f'Ottubru jew Novembru fil-Ġappun)" (ara d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca ta' l-14 ta' Ottubru 1996). Minn dan isegwi li jekk il-ksur dam sal-bidu tas-sena 1995, kif tassumi l-Kummissjoni, kellha normalment tinżamm laqgħa oħra tal-klabb fil-ħarifa ta' l-1994. Issa, għalkemm il-laqgħa ta' Marzu 1994 hija attestata b'diversi elementi ta' prova, partikolarment bid-dokument Kodiċi ta' tqassim, m'hemm l-ebda ħjiel fil-fajl ta' laqgħa fil-ħarifa ta' l-1994. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż b'livell ta' ċertezza suffiċjenti li l-ksur dam aktar mill-ewwel nofs tas-sena 1994.

351    Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ntemm fl-1 ta' Lulju 1994 u, għalhekk, id-durata tal-ksur għandha titnaqqas b'sitt xhur fir-rigward ta' l-erba' rikorrenti Ġappuniżi, b'żieda mat-tnaqqis indikat fil-punt 346 aktar 'il fuq.

352    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tar-rikorrenti Ġappuniżi abbażi ta' l-elementi ta' prova invokati fil-motivi ta' l-istess deċiżjoni, skond ir-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-provi esposti fil-punti 173 sa 180 aktar 'il fuq, iżda biss għall-perijodu ta' tliet snin u nofs, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 1991 sa l-1 ta' Lulju 1994. Għalhekk, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda fir-rigward ta' l-aspetti l-oħra, salv għal dak li jikkonċerna dan it-tnaqqis fid-durata tal-ksur. Peress li l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ipprovata għas-suffiċjenza tad-dritt, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti speċifiċi mressqa mir-rikorrenti u li ma ġewx miċħuda espressament mill-Qorti tal-Prim'Istanza mhumiex rilevanti.

353    Barra minn hekk, iċ-ċaħda tat-tieni parti tal-motiv, minħabba li ġie pprovat li r-rikorrenti Ġappuniżi effettivament ikkonkludew l-akkordju b'għan antikompetittiv ippenalizzat, iġġib magħha l-konsegwenza li l-ewwel parti tiegħu għandha tiġi miċħuda wkoll. Fil-fatt, la l-eżistenza eventwali ta' ostakoli għall-importazzjonijiet Ġappuniżi u lanqas l-eżistenza eventwali tal-bejgħ Ġappuniż tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju msemmi fuq is-suq offshore tar-Renju Unit ma jistgħu jdgħajfu l-konklużjoni, li hija bbażata fuq provi dokumentali, li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 181 sa 186 aktar 'il fuq, l-akkordju eżista.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura żbaljata tat-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sinjifikat tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

354    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, it-teżi tal-Kummissjoni esposta fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkunsidra li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 kellu l-għan li jippreżerva l-istatus ta' "suq nazzjonali" tas-suq Britanniku fir-rigward tar-Regoli Fundamentali, permezz tar-Regoli Fundamentali mtejba, hija intrinsikament inverosimili. Huma jsostnu, b'mod partikolari, li Corus ma rtiratx mis-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin standard OCTG u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport minħabba s-sempliċi fatt li waqqfet il-produzzjoni tagħha ta' tubi lixxi fi Clydesdale, iżda kompliet tipproduċi u tbiegħ dawn il-prodotti fuq is-suq domestiku tagħha, anke jekk hija ma kinitx ikkonkludiet kuntratti għall-fornitura ta' tubi lixxi ma' Vallourec, Dalmine u Mannesmann.

355    Fil-kuntest tal-parti preżenti ta' l-ewwel motiv, jispetta esklużivament lill-Qorti tal-Prim'Istanza li teżamina l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx korretta tistrieħ fuq l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex issaħħaħ it-teżi tagħha fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

356    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li, peress li l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata hija stabbilita abbażi ta' provi dokumentali kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex strettament neċessarju li jiġi analizzat l-impatt tal-konstatazzjoni tat-tieni ksur fuq din il-kwistjoni. Madankollu, huwa opportun, fil-każ preżenti, li, għall-kompletezza, tiġi analizzata l-argumentazzjoni tar-rikorrenti Ġappuniżi peress li l-argumenti mqajma minnhom f'dan ir-rigward għandhom impatt fuq il-motivi l-oħra tagħhom, partikolarment fuq dak ibbażat fuq allegata diskriminazzjoni fit-trattament fil-kuntest tat-talba tagħhom għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multi.

357    Mill-elementi ta' prova kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-produtturi Ewropej kienu jibżgħu li l-kontinwazzjoni, min-naħa ta' Corus, ta' attività ta' ħdim ta' kamini ta' tubi ma kinitx biżżejjed sabiex il-produtturi Ġappuniżi jkomplu jirrispettaw in-natura domestika tas-suq Britanniku, fis-sens tar-Regoli Fundamentali. B'mod partikolari, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li n-Nota għall-Presidenti fiha l-evalwazzjoni segwenti, iċċitatata fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Għalkemm il-Ġappuniżi aċċettaw li ma jitolbux li jsiru emendi għall-akkordji tagħna f'każ li l-industrija Ewropea tat-tubi mingħajr saldatura kellha tipproċedi għar-ristrutturazzjoni, m'hemm l-ebda garanzija li huma jibqgħu b'din l-intenzjoni fil-każ li [Corus] tirtira mis-suq tal-manifattura jew tal-finitura tat-tubi fir-Renju Unit."

("Although the Japanese have agreed not to request changes in our agreements if the EC seamless industry were to restructure, there is no guarantee that they would follow this precept if [Corus] were to exit tubemaking or finishing in the UK.")

358    Din l-affermazzjoni hija kkorroborata bin-noti ta' Vallourec, partikolarment bin-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90 u bin-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM BSC, iċċitati fil-premessi 78 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll bin-nota dwar il-laqgħa ma' BSC, li jirreferu għar-riskju li l-produtturi Ġappuniżi jfittxu li jżidu s-sehem tagħhom fis-suq b'mod sostanzjali wara l-għeluq tal-fabbrika ta' Corus fi Clydesdale u li jikkonkludu fuq il-ħtieġa li s-suq Britanniku jkun protett. Il-loġika li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-Kummissjoni tikkonsisti f'li jiġi kkunsidrat li l-produtturi Ġappuniżi mhux bilfors kienu ser jibqgħu jaċċettaw li jittrattaw lis-suq Britanniku bħala suq domestiku fis-sens tar-Regoli Fundamentali li kieku Corus kellha twaqqaf il-produzzjoni tagħha ta' tubi lixxi u tibda tixtri t-tubi lixxi tagħha sabiex taħdem il-kamin mingħand produtturi stabbiliti f'pajjiżi terzi, possibbiltà din li ssemmiet espliċitament minn Vallourec fin-nota Riflessjonijiet strateġiċi u fin-nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM. Mill-banda l-oħra, l-awturi tan-noti ta' Vallourec kienu aktar ottimisti fir-rigward tal-possibbiltà li l-produtturi Ġappuniżi josservaw ir-Regoli Fundamentali fl-eventwalità li Corus taċċetta li tixtri tubi lixxi ta' oriġni Komunitarja biss, speċjalment jekk Mannesmann, li, skond in-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90, hija kkunsidrata bħala l-"uniku produttriċi li [kienet t]beżża' lill-Ġappuniżi", kienet tidher fost il-produtturi firmatarji tal-kuntratti għall-fornitura.

359    Jeħtieġ li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova li t-teżi esposta fin-noti ta' Vallourec u fin-Nota għall-Presidenti kienet korretta, fis-sens li kienet tirrifletti interpretazzjoni tar-Regoli Fundamentali li kienet aċċettata mill-produtturi Ġappuniżi. Fil-kuntest preżenti, għall-Kummissjoni kien biżżejjed loġikament li turi li l-produtturi Ewropej kienu jemmnu fl-effiċjenza ta' din l-istrateġija sabiex jinżammu r-Regoli Fundamentali, b'mod li huma effettivament qasmu l-fornitura ta' tubi lixxi lil Corus bejn Vallourec, Mannesmann u Dalmine sabiex jilħqu dan il-għan. Fil-fatt, l-eżistenza ta' strateġija bħal din ma jkollhiex sens ħlief jekk akkordju dwar it-tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi kien diġà jeżisti verament u għaldaqstant il-prova ta' dan l-ewwel fatt tikkonferma wkoll l-eżistenza ta' dan l-akkordju.

360    Fir-rigward ta' l-argumenti mressqa mir-rikorrenti Ġappuniżi dwar il-politika ta' preferenzi ta' l-OSO u d-Direttiva 90/531, partikolarment is-sinjifikat tar-referenzi għall-preferenza ta' 3%, dawn ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jannullaw il-valur tal-provi bil-miktub. Għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu effettivament li jinftiehmu aħjar l-imsemmija referenzi u li tiġi evalwata l-eżistenza ta' raġuni oħra għalxiex Corus ippreferiet li tixtri t-tubi lixxi mingħand sorsi fil-Komunità stess, jiġifieri l-fatt li l-preferenza Britannika kienet fuq ix-xifer li tiġi ssostitwita bi preferenza Komunitarja, mid-dokumenti eżaminati fil-punti 357 u 358 aktar 'il fuq, joħroġ b'mod ċar li, minkejja l-eżistenza ta' dawn il-preferenzi, il-produtturi Ewropej kienu jibżgħu li l-kompetituri Ġappuniżi tagħhom jibdew ibiegħu tubi fuq is-suq Britanniku.

361    L-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi bbażati fuq id-differenza fid-data tal-firma li tidher fuq kull wieħed mill-kuntratti għall-fornitura għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, ir-raġunament espost fil-punti 356 sa 359 aktar 'il fuq jibqa' validu, tkun xi tkun id-data preċiża li fiha kull wieħed mill-produtturi Ewropej aderixxa ma' l-akkordju li jikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dak li huwa rilevanti fir-rigward tal-ksur huwa l-fatt, irrilevat aktar 'il fuq, li l-eżistenza ta' l-akkordju, sew jekk mill-1991 u sew jekk mill-1993, tikkonferma l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

362    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi għandhom ċertu valur, inkwantu mill-premessi 110 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata stess, b'mod partikolari mill-premessa 111, jirriżulta li t-tieni ksur kellu b'mod partikolari l-għan u l-effett tqassim strett bejn Vallourec, Mannesmann u Dalmine tal-fornitura ta' tubi lixxi lil Corus. Għaldaqstant, għalkemm mill-provi dokumentali eżaminati aktar 'il fuq, partikolarment fil-punti 357 u 358, jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tat-tieni ksur kien effettivament il-protezzjoni tas-suq Britanniku, għandu jiġi kkonstatat li, skond id-deċiżjoni kkontestata stess, l-imsemmi akkordju kellu barra minn hekk għan u effetti antikompetittivi f'dak li għandu x'jaqsam is-suq Britanniku ta' tubi lixxi.

363    Barra minn hekk, inkwantu l-kuntratti għall-fornitura ta' tubi lixxi kienu ġew imġedda wara t-tmiem ta' l-ewwel nofs tas-sena 1994, data li minnha l-eżistenza tal-klabb Ewropa-Ġappun ma ġietx ipprovata, huwa diffiċli li dawn il-kuntratti, imġedda b'dan il-mod, jiġu kkonċepiti bħala mezz għall-implementazzjoni ta' ksur li kien diġà ntemm. Kull wieħed mill-kuntratti kien ġie konkluż għal perijodu inizjali ta' ħames snin, fejn kull parti kellha d-dritt li ttemm il-kuntratt ma' l-iskadenza ta' dan it-terminu bil-kundizzjoni li tagħti avviż tnax-il xahar qabel lill-parti kontraenti l-oħra. B'mod partikolari, inkwantu Vallourec u Dalmine żammew il-kuntratt ta' l-4 ta' Diċembru 1991 fis-seħħ (Vallourec kienet daħlet fid-drittijiet ta' Corus permezz ta' TISL fl-1994, ara l-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata) wara l-4 ta' Diċembru 1996 u sat-30 ta' Marzu 1999, m'huwiex possibbli li tiġi pprovata rabta bejn dan il-komportament kummerċjali u l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, il-partijiet fil-kuntratti għall-fornitura setgħu jitterminawhom konsenswalment f'kull ħin wara t-tmiem tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Kollox jagħti x'jifhem li dawn għamlu hekk sa mhux aktar tard mill-1995 jekk l-uniku interess kummerċjali li dawn l-akkordji kellhom kien dak li ġie invokat mill-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata.

364    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fl-ewwel sentenza tal-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata u li tgħid li l-kuntratti għall-fornitura, li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tagħha, ma kinux ħlief mezz għall-implementazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tagħha, hija eċċessiva, peress li din l-implementazzjoni kienet obbjettiv tat-tieni ksur fost diversi obbjettivi u effetti oħra antikompetittivi li huma relatati iżda fl-istess ħin distinti. L-impatt eventwali ta' dan il-fatt fuq il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi ser jiġi eżaminat fil-punti 567 sa 574 aktar 'il quddiem.

365    Madankollu, huwa ċar li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li t-tieni ksur kellu l-għan inter alia li jsaħħaħ jew, skond l-espressjoni użata fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li jimplementa l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq ippenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-Kummissjoni kienet korretta meta bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta' dan it-tieni ksur sabiex tikkorrobora l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 (ara l-punt 359 aktar 'il fuq). Dan il-fatt huwa suffiċjenti sabiex din il-parti ta' l-ewwel motiv tiġi miċħuda.

366    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 kellu, fir-realtà, jiġi analizzat bħala li jikkostitwixxi żewġ ksur awtonomi

a)     L-argumenti tal-partijiet

367    JFE-Kawasaki u Sumitomo jsostnu, in subsidium, li, anke jekk il-produtturi Ġappuniżi pparteċipaw f'akkordju li kien jimpedilhom li jbiegħu t-tubi ta' l-azzar ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata fuq is-swieq Komunitarji, dan il-fatt ma jawtorizzax lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li huma, minħabba dan il-fatt, kienu pparteċipaw f'xi akkordju kwalsiasi mal-produtturi Ewropej, fejn kull wieħed minn dawn il-produtturi rrinunzja milli jbiegħ it-tubi tiegħu, mhux biss fuq is-suq Ġappuniż, imma wkoll fuq is-suq nazzjonali tal-produtturi Ewropej l-oħra. Fil-fatt, peress li hija ma wrietx li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi kienet meħtieġa sabiex il-produtturi Ewropej jikkonkludu akkordju bejniethom, il-Kummissjoni kien imissha analizzat dawn iż-żewġ aspetti tar-Regoli Fundamentali bħala żewġ ksur awtonomi. Jeħtieġ li jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li t-tabella li tidher fid-dokument Kodiċi ta' tqassim turi biss li l-produtturi Ġappuniżi għandhom jirrispettaw is-swieq Ewropej. L-elementi l-oħra ta' prova jalludu, l-aktar l-aktar, għal allegat obbligu tal-produtturi Ġappuniżi li ma jbiegħux il-prodotti tagħhom fl-Ewropa.

368    Barra minn hekk, JFE-Kawasaki tirrileva li, inkwantu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkunsidrat bħala sempliċi mezz għall-implementazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni, ikun assurd li wieħed jikkunsidra li l-produtturi Ġappuniżi pparteċipaw f'dan l-aspett awtonomu ta' dan il-ksur ta' l-aħħar.

369    Il-Kummissjoni ssostni li l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq għandu jiġi evalwat bħala kumpless ta' regoli u li jkun għalhekk artifiċjali li jinqasam f'żewġ aspetti. Fil-fehma tagħha, l-effiċjenza ta' l-akkordju kienet tistrieħ fuq il-parteċipazzjoni ta' l-ikbar numru possibbli ta' produtturi, kif jixhdu l-isforzi użati għall-persważjoni tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel sabiex dawn jaderixxu miegħu. Li kieku l-produtturi Ġappuniżi m'aderewx ma' l-akkordju, ma kienx ikun jista' jiġi preżunt li l-produtturi Ewropej kienu neċessarjament ikkonkludewh bejniethom biss.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

370    Jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi mfakkar, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, li impriża tista' tinżamm responsabbli għal akkordju globali anke jekk jiġi stabbilit li hija ma pparteċipatx direttament ħlief f'xi wieħed jew aktar mill-elementi kostitwenti ta' l-istess akkordju, peress li, minn banda, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b'mod partikolari bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet taqa' taħt pjan sħiħ intiż sabiex ifixkel l-andament normali tal-kompetizzjoni, u mill-banda l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61, aktar 'il fuq, punt 773). Bl-istess mod, il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax l-identità ta' l-iskop antikompetittiv u, għaldaqstant, tal-ksur, sakemm kull impriża tkun ikkontribwiet, bil-mezzi proprji tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punt 4123).

371    Fil-każ preżenti, mill-elementi ta' prova eżaminati aktar 'il fuq, partikolarment mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, jirriżulta b'mod ċar li wieħed mill-prinċipji essenzjali tar-Regoli Fundamentali kien il-ħarsien reċiproku tas-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun. Għalhekk, l-akkordju ta' ħarisen tas-swieq deskritt mill-Kummissjoni kien jikkonċerna, fuq livell Komunitarju, lis-swieq domestiċi biss ta' l-erba' produtturi Ewropej u mhux is-swieq Komunitarji l-oħra. Għalkemm l-esklużjoni tal-produtturi Ewropej mis-suq Ġappuniż kienet loġikament tikkostitwixxi l-aspett ta' din il-parti tar-Regoli Fundamentali li kienet tinteressa lill-produtturi Ġappuniżi, l-istess produtturi Ġappuniżi kienu jafu, jew kellhom neċessarjament jifhmu, li dan il-prinċipju kien applikabbli kemm fuq livell intra-Komunitarju kif ukoll fuq livell interkontinentali.

372    Jeħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li l-produtturi Ewropej kienu konvinti li l-waqfien tal-produzzjoni ta' tubi lixxi minn Corus fi Clydesdale kien jinvolvi r-riskju li l-produtturi Ġappuniżi jikkontestaw l-istatus domestiku tas-suq Britanniku (ara l-punti 354 sa 365 aktar 'il fuq). Minn dan il-fatt neċessarjament jirriżulta li l-preżenza ta' produttur nazzjonali membru tal-klabb Ewropa-Ġappun li jipproduċi u jbiegħ it-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport fuq is-suq nazzjonali ta' Stat kienet meqjusa bħala kundizzjoni meħtieġa għall-ħarsien tas-suq mill-membri l-oħra tal-klabb.

373    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti Ġappuniżi li s-swieq Komunitarji kienu ġew trattati bħala suq uniku fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun huwa preġudikat bil-fatt li s-suq offshore Britanniku kellu status partikolari, "semi-protett", fil-kuntest ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq. Fil-fatt, ir-rikorrenti Ġappuniżi jaffermaw huma stess li biegħu xi tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fuq dan is-suq mingħajr madankollu ma biegħu fuq is-swieq Komunitarji l-oħra.

374    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li fil-każ preżenti ma kienx f'loku li l-Kummissjoni tittratta l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata bħala żewġ ksur awtonomi; bl-ewwel ksur jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi u t-tieni dwar ir-relazzjonijiet intra-Komunitarji. Konsegwentement, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-akkordju ma kellux jiġi kkunsidrat bħala li kellu impatt konsiderevoli fuq il-kompetizzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

375    JFE-Kawasaki u JFE-NKK jirreferu għall-eżistenza ta' ostakoli għall-kummerċ, imsemmija fil-punti 73 sa 88 aktar 'il fuq, li jipprekludu lill-produtturi Ġappuniżi milli jesportaw it-tubi ta' l-azzar tagħhom lejn is-swieq Ewropej, partikolarment lejn is-swieq onshore ta' l-Istati Membri tal-Komunità, sabiex isostnu li l-akkordju bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, ma kellux neċessarjament l-effett li jirrestrinġi l-provvista ta' dawn il-prodotti fuq dawn is-swieq b'mod sostanzjali.

376    Għalhekk, fil-każ preżenti, il-produtturi Ġappuniżi ma kellhom ebda interess ekonomiku li jbiegħu tubi ta' l-azzar fuq is-swieq nazzjonali tal-produtturi Ewropej. Fi kwalunkwe każ, huma xorta ma kinux ser jagħmlu dan, irrispettivament minn jekk l-akkordju akkużati bih eżistiex jew le. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta' impatt sostanzjali fuq il-kompetizzjoni kienet sodisfatta f'dak li jikkonċerna lill-produtturi ta' tubi Ġappuniżi.

377    In sostenn ta' din l-argumentazzjoni, JFE‑Kawasaki tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Novembru 1971, Béguelin Import (22/71, Ġabra p. 949, punt 16), u ssostni li minn din is-sentenza joħroġ li r-regola de minimis tapplika irrispettivament min-natura ta' l-akkordju in kwistjoni. F'dan ir-rigward, il-punti 1087 u 1088 tas-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, m'għandhomx l-effett li jwarrbu r-regola de minimis f'ċerti każijiet.

378    JFE‑NKK tikkunsidra li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li turi li r-rikorrenti Ġappuniżi kienu jġibu ruħhom b'mod differenti li kieku ma kienx hemm l-akkordji illegali, ħaġa li hija ma għamlitx fil-każ preżenti, u tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 196.

379    Sumitomo sempliċement tirrileva li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-produtturi Ġappuniżi kienu jbiegħu tubi ta' l-azzar fuq is-swieq Ewropej li kieku l-ksur ikkonstatat ma kienx jeżisti iżda ma tqajjimx espliċitament dan il-motiv.

380    Il-Kummissjoni ssostni li, skond il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-akkordji ta' importanza żgħira li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu [81](1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 1997, C 372, p. 13), l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE ma tistax tiġi eskluża fil-każ ta' akkordji orizzontali li għandhom bħala għan, partikolarment, it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta' fonti ta' provvista, anke jekk is-sehem mis-suq miżmum mill-impriżi konċernati huwa minimu. Fil-fatt, it-tnaqqis għall-minimu tas-sehem mis-suq ta' uħud minnhom ikun preċiżament l-għan ta' tali akkordju.

381    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-eżistenza ta' l-ostakli għall-kummerċ invokati mir-rikorrenti Ġappuniżi hija irrilevanti f'dan ir-rigward, anke kieku din ġiet ipprovata, li mhuwiex il-każ fil-każ preżenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

382    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tipprova l-eżistenza ta' effett negattiv fuq il-kompetizzjoni sabiex tistabbilixxi ksur ta' l-Artikolu 81 KE, meta hija tkun ipprovat l-eżistenza ta' akkordju, jew ta' prattika miftiehma, li jkollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara s-sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 183 aktar 'il fuq, punti 30 et seq, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 74 aktar 'il fuq, punt 277; ara wkoll punt 181 aktar 'il fuq).

383    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni straħet, prinċipalment, fuq l-għan antikompetittiv ta' l-akkordju konkluż fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun u l-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li d-deċiżjoni kkontestata hija fondata f'dan ir-rigward (ara l-punti 189 et seq aktar 'il fuq). F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegat nuqqas ta' effetti antikompetittivi riżultanti mill-akkordju illegali invokat mir-rikorrenti Ġappuniżi, anke jekk jitqies li ġie pprovat, huwa irrilevanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżistenza tal-ksur.

384    Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-impriżi li jikkonkludu akkordju li jkollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jeżoneraw ruħhom billi jallegaw li l-akkordju tagħhom ma kellux ikollu impatt sostanzjali fuq il-kompetizzjoni. Fil-każ preżenti, peress li l-akkordju ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellu bħala għan it-tqassim tas-swieq bejn il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun, huwa ċar li l-għan tiegħu kien li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b'mod sostanzjali.

385    Konsegwentement, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-akkordju ma kellux impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

a)     L-argumenti tal-partijiet

386    JFE-Kawasaki u JFE-NKK isostnu li l-akkordju bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-produtturi Ewropej, ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li kellu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ta' l-anqas effett sostanzjali, kif teżiġi l-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Ġunju 1978, Tepea vs Il-Kummissjoni, 28/77, Ġabra p. 1391, punt 47). F'dan ir-rigward, JFE-NKK tirrileva, mill-ġdid, li hija l-Kummissjoni li għandha turi li r-rikorrenti Ġappuniżi kienu jġibu ruħhom b'mod differenti li kieku ma kienx hemm l-akkordji. Hija tirreferi, dwar dan il-punt, għas-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 196). Skond JFE-Kawasaki u JFE-NKK, il-produtturi Ġappuniżi jbiegħu t-tubi kkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata, li huma kollha prodotti lesti, esklużivament lill-konsumaturi finali, jiġifieri lill-kumpanniji taż-żejt. Dawn il-prodotti għalhekk ma jerġgħux jinbiegħu fuq is-suq komuni. JFE-NKK issostni li dan il-bejgħ ħafna drabi jsir permezz ta' trading house Ġappuniża, fil-kuntest ta' kuntratt ta' fornitura fit-tul jew ta' kuntratt qafas. B'mod partikolari, il-pajpijiet tal-qies għat-trasport mhumiex prodotti standardizzati imma huma prodotti manifatturati fuq ordni speċifika, skond l-ispeċifikazzjonijiet partikolari forniti mill-klijent, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, min-natura tagħhom, dawn ma jistgħux jerġgħu jinbiegħu. Barra minn hekk, l-allegat ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma kellu ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri matul it-terminu li kienu fis-seħħ l-akkordji ta' awtolimitazzjoni.

387    JFE-Kawasaki tikkunsidra li n-nuqqas ta' possibbiltà li l-prodotti jerġgħu jinbiegħu jiddistingwi din il-kawża mill-kawżi l-oħra kollha invokati mill-Kummissjoni, fin-nota fil-qiegħ tal-paġna 35 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tjiġġustifika l-konklużjoni li l-akkordju kkonstatat fl-Artikolu 1 affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, jiġifieri dik li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1976, EMI Records (51/75 Ġabra p. 811), u dawk li wasslu għad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 74/634/KEE, tad-29 ta' Novembru 1974, dwar proċedura taħt l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/27.095 – Akkordju Franko-Ġappuniż dwar il-ball-bearings) (ĠU L 343, p. 19), 75/77/KEE, tat-8 ta' Jannar 1975, dwar proċedura taħt l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/27.039 – Faqqiegħ ippreżervat) (ĠU L 29, p. 26), u 75/497/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar proċedura taħt l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/27.000 – Regoli IFTRA għall-produtturi ta' l-aluminju mhux maħdum) (ĠU L 228, p. 3). Fil-fatt, f'dawn il-kawżi kollha, kien hemm il-possibbiltà li l-prodotti, li l-importazzjoni tagħhom minn pajjiż terz kienet projbita minn akkordju illegali, jinbiegħu mill-ġdid fi ħdan il-Komunità. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 73/109/KEE, tat-2 ta' Jannar 1973, dwar proċedura taħt l-Artikolu [81] u [82] tat-Trattat KE (IV/26.918 – L-industrija Ewropea taz-zokkor) (ĠU L 140, p. 17), imsemmija fin-nota fil-qiegħ tal-paġna 36 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrigwarda prattika miftiehma aktar milli akkordju illegali u għalhekk, din hija wkoll irrilevanti f' dan il-każ.

388    B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta minn akkordju wieħed globali li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, JFE-Kawasaki tirreferi għall-argument tagħha bbażat fuq il-fatt li dan il-ksur huwa kompost fir-realtà minn żewġ akkordji awtonomi, li jirregolaw, minn banda, ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ġappuniżi, min-naħa l-waħda, u l-produtturi Ewropej min-naħa l-oħra, u mill-banda l-oħra, ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej. Anke jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li kien hemm akkordju wieħed, hija kellha teżamina separatament iż-żewġ aspetti awtonomi msemmija aktar 'il fuq sabiex tevalwa l-legalità tal-komportament ta' l-impriżi akkużati taħt id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

389    JFE-Kawasaki tirrileva, f'dan ir-rigward, li, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni skartat żewġ aspetti ta' l-akkordju li hija kienet tissuspetta li jeżistu, dwar it-tqassim tas-swieq ta' pajjiżi terzi u l-iffissar miftiehem tal-prezzijiet għal dawn is-swieq, minħabba li hija ma kellhiex provi biżżejjed fuq dawn l-aspetti ta' l-akkordju, filwaqt li kkonstatat l-eżistenza ta' aspetti oħra ta' l-istess akkordju. B'hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tippretendi li ma kienx possibbli li kull aspett ta' l-akkordju jiġi analizzat b'mod awtonomu.

390    Il-Kummissjoni tirreferi l-ewwel nett għall-argument tagħha li ma kienx loġiku li jiġi evalwat l-impatt tal-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata b'mod iżolat mill-impatt tal-parteċipazzjoni tal-produtturi Ewropej fl-istess ksur. Madankollu, anke jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li jaqbel li ssir evalwazzjoni separata ta' l-effett tal-komportament ta' kull waħda mill-impriżi ppenalizzati fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tirrileva, bħala eżempju, li, fl-ambitu ta' l-akkordju multilaterali, JFE-Kawasaki kienet ftehmet partikolarment ma' Vallourec li la waħda u lanqas l-oħra ma kellhom jesportaw it-tubi tagħhom lejn is-suq Ġermaniż, fatt dan li, bla dubju ta' xejn, elimina sors ta' kummerċ bejn l-Istati Membri. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li normalment it-tubi jinbiegħu direttament lill-utenti finali mhuwiex importanti peress li l-akkordju kien jaffettwa l-komportament tal-fornituri kollha li kienu jagħmlu parti mill-akkordju fuq is-swieq kollha l-oħra minbarra fuq is-suq domestiku tagħhom.

391    Il-Kummissjoni tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li l-akkordju jista' jkollu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejriet ta' kummerċ intra-Komunitarju sabiex il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri tkun sodisfatta (sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punt 1986). Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 1998, Javico (C-306/96, Ġabra p. I-1983, punt 17), kien ġie deċiż li akkordju li jikkontempla protezzjoni territorjali assoluta jista' ma jaqax taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE jekk ma jaffettwax is-suq ħlief b'mod insinjifikattiv. Fil-każ preżenti, madankollu, huwa ċar li dan mhuwiex il-każ. Fl-aħħar nett, is-sentenza Tepea vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 386 aktar 'il fuq, għandha tinqara fil-kuntest tagħha u mhijiex rilevanti għall-każ preżenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

392    Skond ġurisprudenza kostanti, sabiex deċiżjoni, akkordju, jew prattika miftiehma jkunu suxxettibbli li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, huma għandhom, abbażi ta' kumpless ta' elementi ta' fatt u ta' dritt, jippermettu li jiġi immaġinat b'ċertu livell ta' probabbiltà suffiċjenti li din id-deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma jista' jkollhom influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejriet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, partikolarment, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-395/94, Ġabra p. II-875, punti 79 u 90). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tipprova l-eżistenza reali ta' effett bħal dan fuq il-kummerċ, peress li l-influwenza potenzjali hija biżżejjed (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 90). Madankollu, kif ġustament jirrilevaw ir-rikorrenti, huwa meħtieġ li din l-influwenza attwali jew potenzjali ma tkunx insinifikanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 48).

393    Fil-każ preżenti, diġà ġie deċiż fil-punt 374 aktar 'il fuq li l-Kummissjoni ma kellhiex tittratta l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata bħala żewġ ksur awtonomi. Għalhekk, peress li dan il-ksur kellu jiġi ttrattat bħala ksur wieħed, huwa ċar li l-aspett intra-Komunitarju ta' l-akkordju illegali ppenalizzat kien jostakola, ta' l-anqas potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b'tali mod li l-kundizzjoni dwar l-impatt ta' l-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija sodisfatta f' dan il-każ.

394    Fi kwalunkwe każ, il-fatt, li diġà ġie rrilevat aktar 'il fuq (ara partikolarment il-punti 357 sa 359 u 372), li l-produtturi Ewropej kienu konvinti li t-terminazzjoni tal-produzzjoni tat-tubi lixxi min-naħa ta' Corus fi Clydesdale kienet ħa ġġib ir-riskju li l-produtturi Ġappuniżi jikkontestaw l-istatus domestiku tas-suq Britanniku, huwa biżżejjed sabiex jipprova l-eżistenza ta' effett potenzjali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju minħabba l-komportament tal-produtturi Ġappuniżi fil-kuntest ta' l-akkordju Ewropa-Ġappun. Fil-fatt, minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li l-ħarsien reċiproku tas-swieq domestiċi fi ħdan il-Komunità, hekk kif muri bid-difiża ta' l-istatus domestiku tas-suq Britanniku, kien jagħmel parti mir-Regoli Fundamentali u jikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ intra-Komunitarju.

395    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tat-teżi tal-Kummissjoni dwar ir-rilevanza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

a)     L-argumenti tal-partijiet

396    Sumitomo u JFE‑NKK isostnu li, bi ksur ta' l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni ma mmotivatx il-konklużjoni tagħha, li hija l-bażi ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti li jikkostitwixxu l-ksur ikkontemplat f'dan l-artikolu kienu ġew konklużi fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni, u dan għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 163 et seq aktar 'il fuq. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi annullata din il-parti ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

397    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-premessi 90 sa 94, hija esponiet b'mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jaqa' taħt l-ambitu ta' dak li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni. Fil-fatt, jirriżulta li l-għan ta' l-akkordji bejn il-produtturi Komunitarji li jirregolaw ix-xiri minn Corus ta' tubi lixxi kien li din Corus tibqa' produttur nazzjonali fuq ir-Renju Unit sabiex tiġi assigurata l-osservanza tar-Regoli Fundamentali fir-rigward tas-suq tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport ta' dan l-Istat Membru.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

398    Skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni ta' deċiżjoni li hija leżiva fir-rigward ta' xi persuna għandha tippermetti lill-qorti Komunitarja li tistħarreġ il-legalità u lill-interessat li jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, bil-għan li jkun jista' jiddefendi d-drittijiet tiegħu u li jivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (ara s-sentenza Buchmann vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 58 aktar 'il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

399    Minn dan isegwi li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-forom sostanzjali, li huwa distint, bħala tali, mill-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni, li l-istħarriġ tiegħu jaqa' taħt l-eżami tal-fondatezza ta' din id-deċiżjoni (sentenza Buchmann vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 58 aktar 'il fuq, punt 45).

400    Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar, kif ġie deċiż fil-punt 364 aktar 'il fuq, li r-raġunament espost fil-premessi 90 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix lill-Kummissjoni sabiex, fil-premessa 164 ta' l-istess deċiżjoni, tikkunsidra b'mod validu li l-kuntratti għall-fornitura fil-fatt kienu biss mezz għall-implementazzjoni ta' l-akkordju Ewropa-Ġappun. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess ikkunsidrat sussegwentament, fil-parti tal-motivi li jesponu l-apprezzament ġuridiku tagħha tal-kuntratti għall-fornitura, li dawn il-kuntratti, in vista tal-karatteristiċi proprji tagħhom, kellhom jiġu kkwalifikati bħala li jiksru l-Artikolu 81(1) KE (premessi 110 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

401    Madankollu, il-fatt li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fid-dritt, għalkemm hija suxxettibbli li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata fil-mertu, ma tikkostitwixxix nuqqas ta' motivazzjoni.

402    Fil-fatt, il-premessi 90 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, meta moqrija partikolarment fid-dawl tal-premessa 110 u ta' l-ewwel sentenza tal-premessa 111, li tgħid "[i]s-suġġett ta' dawn il-kuntratti kien il-fornitura f'tubi lixxi tal-‘leader' tas-suq ta' l-OCTG fil-baħar tat-Tramuntana u l-iskop tagħhom kien li jinżamm produttur nazzjonali fir-Renju Unit bil-għan li, fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun, tkun assigurata l-osservanza tar-Regoli Fundamentali", jagħmluha possibbli li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li tidher fil-premessa 164. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata, meta moqrija fit-totalità tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni, li kienet ikkunsidrat li l-ewwel għan tal-kuntratti għall-fornitura kien l-implementazzjoni ta' l-akkordju Ewropa-Ġappun, iddeduċiet li fir-realtà l-kuntratti kienu biss mezz għall-implementazzjoni ta' dan l-akkordju.

403    Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, il-motivi tad-deċiżjoni ppermettew lill-qorti Komunitarja li teżerċita l-poter tagħha ta' stħarriġ tal-legalità u lill-interessat li jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura meħuda, bil-għan li jkun jista' jiddefendi d-drittijiet tiegħu u li jivverifika jekk id-deċiżjoni kinitx fondata jew le.

404    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

6.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istatus tas-swieq offshore tal-Komunità, b'mod partikolari tar-Renju Unit

a)     L-argumenti tal-partijiet

405    JFE‑Kawasaki ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma analizzatx is-sistema ta' semi-protezzjoni li, fil-fehma tagħha, kienet tirregola s-suq offshore tar-Renju Unit għall-prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni. Hija lanqas ma mmotivat il-konklużjoni tagħha fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur f'dak li għandu x'jaqsam mas-swieq offshore tal-Ġermanja, ta' Franza u ta' l-Italja.

406    Skond il-Kummissjoni, il-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata tindika biċ-ċar li s-suq offshore Britanniku kien kopert mill-akkordju illegali inkwantu dan kien semi-protett. Fir-risposta tagħha hija tesponi li din is-semi-protezzjoni tas-suq offshore Britanniku permezz ta' Corus kienet tistrieħ fuq sistema ta' istruzzjonijiet dwar il-prezzijiet, li wara l-għeluq tal-fabbrika ta' Clydesdale l-produtturi Ewropej kienu qegħdin jibżgħu li jitilfu l-kontroll fuqha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

407    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, abbażi ta' żewġ elementi ta' prova, jiġifieri d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 u n-nota dwar il-laqgħa ma' BSC, li s-suq offshore tar-Renju Unit kien kopert mill-akkordju ppenalizzat, iżda li dan is-suq kien jibbenefika minn forma ta' protezzjoni limitata fejn kompetitur li xtaq li jippreżenta offerta fuq dan is-suq, kien obbligat jikkonsulta ma' Corus.

408    Dawn l-indikazzjonijiet huma suffiċjenti fil-każ preżenti sabiex juru b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dan is-suq. Għaldaqstant, din il-motivazzjoni tippermetti lill-qorti Komunitarja li teżerċita l-poter ta' stħarriġ tagħha u lill-interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura meħuda, skond kif titlob il-ġurisprudenza (ara, partikolarment, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T-266/97, Ġabra p. II-2329, punt 143).

409    Fir-rigward tas-settur offshore tas-swieq Komunitarji l-oħra li huma kkonċernati mill-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qatt ma għamlet distinzjoni bejn is-setturi offshore u onshore ta' dawn is-swieq, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. F'dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta' motivazzjoni speċifika relattiva għal dan is-settur ta' dawn is-swieq fid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni.

410    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

7.     Fuq is-seba' u tmien motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħżel li tippenalizza lill-produtturi Ġappuniżi u mhux lill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, u fuq l-inugwaljanza fit-trattament f'dan ir-rigward

a)     L-argumenti tal-partijiet

411    Skond JFE-Kawasaki, il-Kummissjoni kellha tesponi r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija ddeċidiet li ma tippenalizzax lill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, għad-differenza tal-produtturi Ġappuniżi, meta kienu jeżistu provi, li jinsabu partikolarment fid-dokument Kodiċi ta' tqassim, li dawn kienu intrabtu wkoll li jirrispettaw sistema protezzjoni parzjali fir-rigward ta' l-Ewropa. JFE-Kawasaki tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Frar 2000, Stork Amsterdam vs Il-Kummissjoni (T-241/97, Ġabra p. II-309), li tgħid li l-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, fil-każijiet fejn hija tiddeċiedi, abbażi ta' l-istess fatti, li tieħu t-tieni deċiżjoni b'mod differenti.

412    Skond il-Kummissjoni, id-differenza fit-trattament irrilevata mir-rikorrenti Ġappuniżi hija ġġustifikata minħabba, b'mod partikolari, id-differenzi konsiderevoli bejn l-elementi ta' provi li hija kellha fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi u dawk li hija kellha fir-rigward tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li d-dokumenti li hija kisbet fil-kors ta' l-investigazzjoni fihom ftit informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel fl-akkordju illegali, mentri kienu jeżistu provi numerużi dwar l-eżistenza ta' l-akkordju illegali konkluż mill-produtturi Ġappuniżi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

413    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, għalkemm redatta u ppublikata taħt il-forma ta' deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala kumpless ta' deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw, fir-rigward ta' kull waħda mill-impriżi destinatarji l-ksur ikkonstatat(i) kontrihom u li jimponulhom, fejn huwa l-każ, multa. Din ir-regola toħroġ minn qari tas-sentenzi, meħudin flimkien, tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1997, AssiDomän Kraft Products et vs Il-Kummissjoni, T-227/95, Ġabra p. II-1185, punt 56 u tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq appell, fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 49).

414    Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom il-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel ma kinux imniżżla bħala destinatarji ta' l-istess deċiżjoni. Fil-fatt, l-obbligu ta' motivazzjoni ta' att ma jinkludix l-obbligu inkombenti fuq dik l-istituzzjoni li tkun l-awtur tagħha li tagħti motivazzjoni għall-fatt li ma tkunx adottat xi atti simili oħra fir-rigward ta' terzi persuni.

415    Anke jekk jitqies li l-argument imressaq fil-kuntest tal-motivi preżenti għandu jinftiehem li huwa wkoll ibbażat fuq inugwaljanza fit-trattament għad-detriment tar-rikorrenti Ġappuniżi, dan xorta waħda għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm uħud mill-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni jimplikaw li jista' jkun li l-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel ipparteċipaw ukoll fi ksur, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fajl fih provi nettament aktar solidi f'dak li għandha x'taqsam il-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi fi ksur. B'mod partikolari, ix-xhieda tas-Sur Verluca tirreferi biss għal tentattiv li jintlaħaq akkordju mal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel li, fil-fehma tiegħu, falla. Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, mid-dokument Kodiċi ta' tqassim jirriżulta li l-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, għalkemm jidhru li aċċettaw ċerti restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, għamlu riżerva espressa dwar il-ħarsien tas-suq Ewropew.

416    F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-seba' u tmien motivi għandhom jiġu miċħuda.

8.     Fuq id-disa' motiv, ibbażat fuq żball fl-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ bi prezz ogħla min-nefqa varjabbli

a)     L-argumenti tal-partijiet

417    Skond JFE-NKK, ir-raġunament magħmul mill-Kummissjoni fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull bejgħ bi prezz ogħla min-nefqa varjabbli kien iġġustifikat mill-punto di vista tal-produtturi Ġappuniżi, mhuwiex motivat għas-suffiċjenza tad-dritt. B'mod partikolari, JFE-NKK tirrileva li l-Kummissjoni naqset li tiġbor informazzjoni adegwata f'dan ir-rigward.

418    Il-Kummissjoni ma rrispondietx espressament għal dan il-motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

419    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta' dan il-motiv preżenti ma jirreferux għal nuqqas ta' motivazzjoni. Fil-fatt, l-affermazzjoni kkritikata minn JFE-NKK hija asserzjoni ta' natura ekonomika li hija komprensibbli minnha nnifisha. Anke jekk jitqies li din l-affermazzjoni mhijiex korretta, kemm b'mod ġenerali u kemm fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, ikollu jiġi konkluż li l-Kummissjoni għamlet żball ta' apprezzament u mhux li ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha.

420    Jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll f'dan ir-rigward li l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset li tiġbor informazzjoni adegwata ma tistax tikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni u hija pjuttost kwistjoni fuq il-mertu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 72).

421    Fir-rigward tal-korrettezza ta' l-affermazzjoni in kwistjoni fuq il-mertu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni tirreferi għal wieħed mill-ostakoli għall-importazzjonijiet Ġappuniżi allegati mir-rikorrenti Ġappuniżi. Issa, l-argument ibbażat fuq l-allegata eżistenza ta' dawn l-ostakoli fuq il-kummerċ diġà ġie miċħud fuq il-mertu fil-punt 353 aktar 'il fuq, minħabba li jirreferi biss għall-effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat in subsidium fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-eżistenza tal-ksur bi skop antikompetittiv ikkonstatata fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita abbażi ta' provi dokumentali invokati fid-deċiżjoni kkontestata, l-allegata ineżistenza ta' effetti antikompetittivi hija irrilevanti sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza tal-ksur.

422    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

9.     Fuq id-disa' motiv, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-suq ġeografiku kkontemplat mill-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

423    JFE-NKK u JFE-Kawasaki, fir-replika tagħhom, isostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom inkwantu d-DO, b'differenza mid-deċiżjoni kkontestata, ma kkontemplatx is-swieq offshore Ewropej, ta' l-inqas b'mod suffiċjentement espliċitu, u dan kuntrarjament għal dak li teżiġi b'mod partikolari s-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punt 504). JFE-Kawasaki tirrileva, partikolarment, li fir-risposta tagħha għad-DO hija spjegat li, skond kif hija fehmet dan id-dokument, il-Kummissjoni kienet eskludiet is-swieq offshore kollha minbarra dak tar-Renju Unit mill-portata ta' l-investigazzjoni u li l-Kummissjoni qatt ma indikatilha li hija ma kinitx taqbel ma' din l-interpretazzjoni.

424    Il-Kummissjoni tirreplika li l-ilment preżenti kien tqajjem għall-ewwel darba minn JFE-Kawasaki fir-replika tagħha u li, peress li huwa jikkostitwixxi motiv ġdid u mhux sempliċi argument, huwa għalhekk inammissibbli, fir-rigward ta' din ir-rikorrenti, u dan skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, il-punt 56 tad-DO huwa identiku, fil-mertu, għall-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, it-tnejn juru b'mod ċar li s-suq offshore Britanniku kien effettivament kopert mill-akkordju illegali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

425    F'dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-motiv preżenti fil-kawża T-71/00, jeħtieġ li jiġi mfakkar li vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, inkwantu hija illegalità soġġettiva min-natura tagħha, ma tammontax għal vjolazzjoni tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali u, għaldaqstant, m'għandhiex titqajjem ex officio (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 30; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 30; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 74). Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, u dan skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u ma jistax jiġi eżaminat fil-kawża T-71/00, peress li JFE-Kawasaki qajmitu għall-ewwel darba fir-replika tagħha.

426    Fil-kuntest tal-kawża T-67/00, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud fuq il-mertu. Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-punt 56 tad-DO huwa sostanzjalment identiku, f'dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-swieq ikkontemplati, għall-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistax għalhekk ikun hemm vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża f'dan ir-rigward. Dwar in-nuqqas ta' referenzi espliċiti għas-settur offshore tas-swieq Komunitarji minbarra għal dak tar-Renju Unit, dan huwa dovut għall-fatt li l-Kummissjoni qatt ma għamlet distinzjoni bejn is-setturi onshore u offshore fir-rigward ta' dawn is-swieq (ara l-punti 409 aktar 'il fuq).

10.  Fuq il-motiv numru ħdax, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prodotti kkontemplati

a)     L-argumenti tal-partijiet

427    JFE-NKK targumenta li s-suq ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-DO tagħha huwa aktar wiesa' minn dak ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu d-DO kienet tikkontempla l-prodotti kollha OCTG (kif ukoll il-pajpijiet tal-qies għat-trasport), mentri d-deċiżjoni kkontestata tikkontempla biss it-tubi bil-kamin standard OCTG. JFE-NKK tikkunsidra li din il-modifika ħawdet id-definizzjoni tas-suq rilevanti fid-deċiżjoni kkontestata u tikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tagħha u, għaldaqstant, vjolazzjoni ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2842/98 (KE), tat-22 ta' Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (ĠU L 354, p. 18). Id-differenzi li jikkaratterizzaw iż-żewġ definizzjonijiet tas-suq tal-prodotti in kwistjoni huma sostanzjali u jbiddlu għalhekk il-portata tal-ksur allegatament imwettaq minn JFE-NKK. JFE-NKK issostni, inoltre, li fis-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq (punti 2212 sa 2225), il-fatt li d-definizzjoni tal-portata materjali, f'termini ta' prodotti, ta' l-akkordju allegat kien aktar wiesgħa fid-DO milli fid-deċiżjoni finali kien biżżejjed sabiex iġib l-annullament ta' l-istess deċiżjoni.

428    Il-Kummissjoni tirrileva li l-punti tas-sentenza Cement, iċċitta f'punt 66 aktar 'il fuq, invokati minn JFE-NKK, jikkonċernaw il-kwistjoni jekk l-akkordji kkonstatati f'dik il-kawża kinux jestendu għal ċertu reġjun ġeografiku. Issa, din il-kwistjoni mhijiex rilevanti fil-kuntest ta' dan il-motiv. Għall-kuntrarju, mill-punti 852 sa 860 ta' l-istess sentenza jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża ma jkunux leżi minħabba nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni finali ħlief jekk oġġezzjoni fid-deċiżjoni ma tkunx ġiet esposta fid-DO b'mod li jkun suffiċjenti għad-destinatarji sabiex jiddefendu rwieħhom. Peress li JFE-NKK ma għamlet ebda allegazzjoni f'dan is-sens fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodotti kkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata, il-motiv preżenti ser ikollu jiġi miċħud. Jekk, kif jidher mid-DO, il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha provi suffiċjenti konċernanti suq aktar wiesa' minn dak li ġie finalment ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, hija kellha, a fortiori, provi suffiċjenti fir-rigward tal-prodotti kkontemplati fl-istess deċiżjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

429    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li d-drittijiet tad-difiża ma jiġux leżi minħabba nuqqas ta' qbil bejn id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk l-oġġezzjoni kkonstatata fid-deċiżjoni ma tkunx ġiet esposta fid-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet b'mod li jkun suffiċjenti għad-destinatarji sabiex jiddefendu ruħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punti 852 sa 860).

430    Bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li tkun illimitat il-portata ta' deċiżjoni finali meta mqabbla mad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet li tippreċediha, peress li l-Kummissjoni għandha tisma' lid-destinatarji ta' l-istess dikjarazzjoni u, jekk ikun il-każ, tieħu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex jirrispondu għall-oġġezzjonijiet ikkonstatati, dan preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

431    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li fil-każ in eżami l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' ksur aktar limitatat minn dak li kien oriġinarjament indikat fid-DO kienet loġika, jekk mhux neċessarja, fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami, tenut kont, partikolarment, tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca jirreferu biss għat-tubi standard OCTG u għall-pajpijiet tal-qies għat-trasport. Fil-każ preżenti, m'hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jikkunsidra li l-fatt li l-Kummissjoni llimitat il-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal tnejn mill-prodotti kkontemplati fid-DO impedixxa lil JFE-NKK milli tiddefendi ruħha sewwa fl-istadju tal-proċedura amministrattiva fir-rigward ta' dawn iż-żewġ prodotti. Barra minn hekk, JFE-NKK m'urietx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kif kienet tkun differenti l-preżentazzjoni ta' l-argumenti tagħha sabiex tiskolpa ruħha li kieku l-portata tad-DO kienet aktar limitata.

432    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

11.  Fuq il-motiv numru tnax, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' analiżi adegwata ta' l-effetti ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni fid-DO kif ukoll min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-portata ta' dawn l-akkordji

a)     L-argumenti tal-partijiet

433    JFE-NKK issostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, iddistakkat ruħha radikalment mill-pożizzjoni adottata fir-rigward ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Skond JFE-NKK, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li, fl-istadju tad-DO, tippreżenta analiżi ta' l-impatt ta' l-imsemmija akkordji fuq l-apprezzament provviżorju tagħha tal-ksur allegat, ħaġa li din m'għamlitx. Fl-assenza ta' din l-analiżi, id-destinatarji tad-DO ma kellhomx il-possibbiltà li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom fuq dan l-aspett qabel ma l-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni definittiva msemmija fil-punti 108 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 14). Konsegwentement, JFE-NKK ma tpoġġitx f'pożizzjoni, fil-mument tad-depożitu tar-risposta tagħha għad-DO, li ġġib il-prova tal-proroga ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni, b'tali mod li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew leżi.

434    Il-Kummissjoni ma rrispondietx espressament għal dan il-motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

435    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata bil-għan biss li tikkunsidra li ma kienx opportun li tittieħed in kunsiderazzjoni, partikolarment għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, l-eżistenza ta' ksur għall-perijodu li matulu dawn l-akkordji kienu fis-seħħ (premessi 108 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata). B'hekk, id-differenza bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata minn JFE-NKK hija favorevoli għal din ta' l-aħħar u, fil-prinċipju, ma tistax għalhekk tippreġudika l-interessi tagħha.

436    Madankollu, fil-punti 342 sa 346 aktar 'il fuq, ġie deċiż, skond l-argumentazzjoni f'dan is-sens ta' l-erba' rikorrenti Ġappuniżi, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, applikat b'mod żbaljat il-pożizzjoni tagħha stess li l-eżistenza tal-ksur tiġi kkonstatata biss b'effett minn meta l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma kinux aktar fis-seħħ.

437    Minn dan isegwi li, kieku r-rikorrenti Ġappuniżi kienu ġew informati, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kienet qiegħda tikkontempla li tieħu din il-pożizzjoni fir-rigward tad-durata tal-ksur, huma kienu forsi jġibu l-prova fl-istadju tal-proċedura amministrattiva dwar il-fatt li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu baqgħu fis-seħħ sal-31 ta' Diċmebru 1990.

438    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li JFE-NKK kellha l-okkażjoni li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-DO, inkluż fuq l-indizji dwar id-durata tal-ksur. Jeħtieġ li jiġi rrilevat aktar speċifikament li, skond id-DO, il-ksur kien beda fl-1977. F'dawn iċ-ċirkustanzi, JFE-NKK setgħet tinduna bir-rilevanza f'dan ir-rigward ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni u tindika lill-Kummissjoni li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx għalhekk beda, jew ma kellux jittieħed in kunsiderazzjoni, ħlief wara l-iskadenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni, l-aktar kmieni fi tmiem l-1990. Fil-fatt, JFE-NKK ma invokatx l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni fir-risposta tagħha għad-DO, u lanqas ipprovdiet lill-Kummissjoni bl-elementi ta' prova prodotti sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 345 aktar 'il fuq).

439    Jeħtieġ li jiġi mfakkar inoltre li, skond il-Kummissjoni, il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' din il-kwistjoni tikkostitwixxi diġà konċessjoni lill-produtturi Ġappuniżi (ara l-punti 338 et seq aktar 'il fuq).

440    Għalhekk, fil-każ preżenti, ikun kuntrarju għal-loġika inerenti fil-kunċett tad-drittijiet tad-difiża li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata, qabel ma tapplika dak li hija qieset bħala konċessjoni sabiex tillimita d-durata tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata, titlob lid-destinatarji tad-DO sabiex jieħdu pożizzjoni mill-ġdid fir-rigward tar-rilevanza u tal-portata ta' din il-konċessjoni.

441    Fil-fatt, irrispettivament minn jekk il-klassifika ta' din il-konċessjoni kinitx eżatta jew le, għandu jiġi rrilevat li l-impatt ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni bl-ebda mod ma jikkostitwixxi oġġezzjoni ulterjuri u ma ppreġudikax l-interessi tar-rikorrenti Ġappuniżi, peress li, għall-kuntrarju, dan iġġustifika t-tnaqqis fid-durata tal-ksur.

442    Għalkemm l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni ċertament jiġġustifika tnaqqis fid-durata tal-ksur fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, m'hemmx lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta' JFE-NKK f'dan ir-rigward.

443    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim'Istanza siltet l-inferenzi adegwati, fir-rigward ta' l-ammont tal-multi, mill-iżball li ġie rrilevat aktar 'il fuq dwar il-kwistjoni tad-durata tal-ksur li huwa l-bażi tal-motiv preżenti (ara l-punti 574, 588 u 590 aktar 'il quddiem).

444    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

12.  Fuq il-motiv numru tlettax, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-portata attribwita lill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

445    Il-motiv preżenti huwa mressaq minn JFE-NKK u Sumitomo. Preliminarjament, JFE-NKK tirrileva li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa dritt fundamentali li jaqa' taħt id-dritt aktar wiesa' għal smigħ xieraq, dritt dan li huwa sanċit fl-Artikolu 6 tal-KEDB u jagħmel parti, bħala tali, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja għandha tassigura li jiġu rrispettati (sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125).

446    Issa, fid-DO, il-Kummissjoni affermat biss, fil-punt 63, li l-akkordju li kien intiż li jqassam il-bejgħ ta' tubi lixxi destinati lejn Corus bejn Vallourec, Dalmine u Mannesmann kellu l-għan li jżomm produttur nazzjonali fir-Renju Unit, bil-għan li jiġu rrispettati r-Regoli Fundamentali fuq is-suq ta' dan l-Istat filwaqt li jinżamm l-istatus nazzjonali ta' dan is-suq fir-rigward tar-regoli msemmija. Skond Sumitomo u JFE-NKK, l-ebda element, fl-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt, ma jippermetti li jiġi preżunt li hija kienet qiegħda tanalizzah bħala sempliċi mezz għall-implementazzjoni tal-prinċipju dwar il-ħarsien tas-swieq nazzjonali li jaqa' taħt l-ambitu tat-tqassim tas-swieq Ġappuniżi u Ewropej tat-tubi standard OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

447    Sumitomo ssostni li, kieku d-DO kellha allegazzjoni bħal din, hija kienet tirrispondi għaliha espressament u li, konsegwentement, hija ġiet miċħuda mill-opportunità li tgħid il-fehma tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza taċ-ċirkustanzi allegati, bi ksur ta' l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 2842/98 u tal-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju tad-dritt għal smigħ xieraq.

448    In sostenn ta' din l-analiżi, Sumitomo u JFE-NKK isostnu li skond ġurisprudenza kostanti l-Kummissjoni għandha tesponi l-argumenti tagħha b'mod adegwat, b'mod li tpoġġi lid-destinatarju tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet f'pożizzjoni li jkun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Warner fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 113/77, Ġabra. p. 1185, 1212 u 1261; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 264/82, Ġabra. p. 849, punti 24 sa 30, u tas-27 ta' Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra. p. I-3187, punti 15 sa 17; sentenzi Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 425 aktar 'il fuq, punt 63, u Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punti 106 u 476). Huwa wkoll paċifiku fil-ġurisprudenza li d-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet għandha jkollha l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tislet mill-fatti, dokumenti u argumenti legali in kwistjoni, ħaġa din li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel b'mod adegwat fil-każ preżenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra. p. I-3359, punt 29, u s-sentenza Mo och Domsjö, iċċitata f'punt 425 aktar 'il fuq, punt 63; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, Hüls vs Il-Kummissjoni, T‑9/89, Ġabra. p. II-499, punt 39). Fl-aħħar nett, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tinjora fatti indikati fid-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet fil-mument meta hija tipprepara d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra. p. 461, punt 11).

449    Il-Kummissjoni tirribatti l-ewwel nett li l-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi r-raġunijiet għalxiex hija ddeċidiet li ma timponix multa addizzjonali fuq il-produtturi Komunitarji minħabba l-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 2 ta' l-istess. Għalhekk, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti Ġappuniżi m'għandhom ebda interess ġuridiku li jikkontestaw l-imsemmija premessa, peress li l-multa li ġiet imposta fuqhom tirrifletti l-ksur ta' l-Artikolu 81 KE deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

450    Fi kwalunkwe każ, l-analiżi ġuridika li hemm fid-DO tesponi b'mod ċar ir-rabta li hemm bejn iż-żewġ ksur, filwaqt li tirrileva li l-għan ta' l-akkordji bejn il-produtturi Komunitarji li kienu jirregolaw ix-xiri ta' tubi lixxi minn Corus kien li din Corus tinżamm bħala produttur nazzjonali fir-Renju Unit, bil-għan li tiġi assigurata l-osservanza tar-Regoli Fundamentali fuq is-swieq ta' prodotti li jitlestew f'dan l-Istat membru (ara partikolarment il-punt 144 tad-DO). Il-premessa 164 tad-deċiżjoni hija sempliċiment sinteżi tal-punti esposti fid-DO. Minnha ma jirriżulta ebda preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, inkwantu Sumitomo u JFE-NKK kellhom l-okkażjoni li, filwaqt li kellhom konoxxenza tal-fatti, jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-suġġett ta' l-akkordji bejn il-produtturi Ewropej dwar it-tubi lixxi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

451    Preliminarjament, fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti Ġappuniżi m'għandhomx interess ġuridiku li jattakkaw l-apprezzament tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tar-relazzjoni eżistenti bejn iż-żewġ ksur li ġew ikkonstatati fl-istess deċiżjoni. Għalkemm ir-rikorrenti mhumiex direttament affettwati mill-konstatazzjoni tat-tieni ksur, huma madankollu intitolati li jsostnu, kif diġà għamlu fil-kuntest tat-talba tagħhom għal tnaqqis tal-multa, li, inkwantu ebda multa ma ġiet imposta fuq il-produtturi Ewropej rigward it-tieni ksur, kien hemm inugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħhom. Il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kuntratti għall-fornitura, li jikkostitwixxu t-tieni ksur, kienu sempliċi mezz għall-implementazzjoni tal-ksur ikkonstatat partikolarment fir-rigward tar-rikorrenti Ġappuniżi jimplika li dawn għandhom interess li jattakkaw din ir-rabta, peress li t-tieni ksur huwa meqjus bħala l-bażi għall-ewwel ksur, li bih huma akkużati.

452    Jeħtieġ, madankollu, li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

453    L-obbligu tal-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet huwa limitat għal espożizzjoni ta' l-oġġezzjonijiet imressqa u għal deskrizzjoni ċara tal-fatti li fuqhom hija tibbaża ruħha kif ukoll tal-klassifikazzjoni li tingħatalhom sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom utilment (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti, AKZO vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 448 aktar 'il fuq, punt 29 u Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 425 aktar 'il fuq, punt 63). Il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tesponi l-konklużjonijiet li hija tislet mill-fatti, dokumenti u argumenti legali.

454    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, barra minn hekk, li s-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 448 aktar 'il fuq, invokata speċjalment mir-rikorrenti (punt 39, fl-aħħar), tirreferi għall-kwistjoni dwar f'liema kundizzjonijiet il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni finali tagħha, tista' tibbaża ruħha fuq dokumenti li, għalkemm annessi mad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, mhumiex imsemmija espressament fl-istess deċiżjoni.

455    Fil-każ preżenti, l-unika differenza rilevanti bejn il-punt in kwistjoni tad-DO, jiġifieri l-punt 144, u l-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fil-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur "ma kinux ħlief mezz għall-impeimentazzjoni" ta' l-ewwel ksur, mentri fid-DO hija sempliċement sostniet li l-"għan" tal-kuntratti għall-fornitura kien li jinżamm l-istatus domestiku tas-suq tar-Renju Unit fir-rigward tar-Regoli Fundamentali.

456    Fil-punt 364 aktar 'il fuq, ġie deċiż li t-teżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata inkwantu l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur kellhom aktar minn obbjettiv wieħed. Madankollu, anke kieku kellu wieħed iqis li huwa possibbli li tinstab differenza fl-analiżi bejn is-DO u d-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rigward, huwa ċar li d-destinatarji tad-DO kellhom l-okkażjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kunċett prinċipali li huwa l-bażi tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-idea li l-produtturi Ewropej ikkonkludew il-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur sabiex isaħħu l-applikazzjoni tar-Regoli Fundamentali fuq is-suq offshore tar-Renju Unit.

457    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża f'dan ir-rigward.

458    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-rigward ta' l-ammont tal-multi, il-Qorti tal-Prim'Istanza siltet id-debiti inferenzi mill-iżball fl-analiżi li huwa l-bażi tal-motiv preżenti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq inugwaljanza fit-trattament (ara l-punti 574, 588 u 590 aktar 'il quddiem).

13.  Fuq il-motiv numru erbatax, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 1994 li biha awtorizzat l-investigazzjonijiet ta' l-1 u t-2 ta' Diċembru 1994

a)     L-argumenti tal-partijiet

459    Skond l-erba' rikorrenti Ġappuniżi, id-deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 1994 li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tipproċedi bl-investigazzjonijiet ta' l-1 u t-2 ta' Diċembru 1994, hija vvizzjata b'illegalità minħabba li hija tat il-poter lill-uffiċjali tal-Kummissjoni sabiex jipproċedu b'investigazzjoni għall-Komunità Ewropea bis-saħħa ta' l-Artikolu 81 KE, meta kienet taf li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet esklużivament kompetenti f'dan ir-rigward, skond l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE (aktar 'il quddiem l-"Artikolu 56 ŻEE"). L-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 1994 fuq din il-bażi ġuridika doppja kienet illegali.

460    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 1994 kienet ġiet adottata wara talba, indirizzata lil din l-istituzzjoni mill-membru ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA inkarigat mill-affarijiet ta' kompetizzjoni, bil-għan li ssir investigazzjoni fuq it-territorju tal-Komunità Ewropea, skond l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 mal-Ftehim ŻEE (aktar 'il quddiem il-"Protokoll 23"), fil-kuntest ta' investigazzjoni li kienet qiegħda twettaq l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA. L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet awtorizzat dan il-pass bid-deċiżjoni tagħha tas-17 ta' Novembru 1994. Fil-punt 1 tad-DO, il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li hija kienet aġixxiet bħala aġent ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA meta wettqet l-investigazzjonijiet ta' l-1 u t-2 ta' Diċembru 1994. Din l-analiżi tinsab ikkonfermata mid-diċitura ta' l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23, li jippermetti lill-Awtorità tas-Sorveljanza kompetenti, kif iddefinita fl-Artikolu 56 ŻEE, li titlob lill-Awtorità tas-Sorveljanza l-oħra sabiex tipproċedi b'investigazzjoni fuq it-territorju tagħha. Ir-rikorrenti Ġappuniżi jirrilevaw, barra minn hekk, li, skond l-Artikolu 8(5) ta' l-istess protokoll, kull waħda miż-żewġ awtoritajiet għandha l-obbligu li, meta xi waħda minnhom taġixxi għan-nom ta' awtorità oħra, tibgħat lill-oħra l-informazzjoni kollha miksuba immedjatament wara t-tlestija ta' l-imsemmija investigazzjoni.

461    Ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Artikolu 56 ŻEE, li għalih jirreferi espliċitament l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 jipprevedi tqassim strett tal-kompetenzi bejn iż-żewġ awtoritajiet ta' sorveljanza fl-analiżi tal-każijiet ta' kompetizzjoni partikolari. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 56 ŻEE idaħħal sistema ta' 'one stop shop' fejn l-analiżi tal-każijiet kollha partikolari li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 53 ŻEE hija maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA skond kriterji preċiżi li jeskludu kull possibbiltà ta' kompetenza maqsuma jew parallela fl-istess każ. Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, l-Opinjoni 1/92 tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-10 ta' April 1992 (Ġabra p. I-2821) indikat li dan it-tqassim strett tal-kompetenzi ma jiżnaturax il-kompetenzi tal-Komunità u huwa għalhekk kompatibbli mat-Trattat KE.

462    Minn dan isegwi li, meta hija adottat id-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994, li biha hija laqgħet it-talba għal assistenza amministrattiva fuq it-territorju tal-Komunità, ippreżentata f'isem l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA, il-Kummissjoni irrikonoxxiet neċessarjament li din l-Awtorità kienet esklużivament kompetenti sabiex tinvestiga l-każ in kwistjoni f'dak iż-żmien. Ir-rikorrenti Ġappuniżi jsostnu li, skond it-termini ta' l-Artikolu 56 ŻEE, il-ksur li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li jikser għalhekk l-Artikolu 81 KE jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni. Kieku l-Kummissjoni, fiż-żmien meta hija tat id-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994, kienet ikkunsidrat li hija kellha kompetenza sabiex tinvestiga l-każ ai termini ta' l-Artikolu 81 KE, hija kellha tikkontesta t-talba għal assistenza ta' l-Awtorita' tas-Sorveljanza EFTA, billi titlobha tagħlaq il-fajl tagħha u tibda hija stess investigazzjoni. F'dan ir-rigward, Nippon tirrileva li d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tas-17 ta' Novembru 1994 tikkonferma, kemm fil-premessi u kif ukoll fid-dispożittiv tagħha, li hija tirrigwarda biss il-prattiċi fuq is-suq offshore tan-Norveġja. Huwa għalhekk ċar li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA u l-Kummissjoni kienu t-tnejn li huma jikkunsidraw, f'dak l-istadju, li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet l-awtorità kompetenti sabiex tinvestiga l-prattiċi in kwistjoni.

463    Meta, fil-25 ta' Novembru 1994, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bl-investigazzjoni simultanja tagħha sabiex tistabbilixxi jekk l-Artikolu 81 KE u/jew l-Artikolu 53 ŻEE kinux ġew miskura, filwaqt li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet kompetenti f'dak l-istadju sabiex tinvestiga l-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kisret għalhekk l-Artikolu 56(1) ŻEE. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fid-DO, kien biss fis-6 ta' Diċembru 1995 li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA bagħtet il-fajl tagħha lill-Kummissjoni, u dan minħabba li l-kummerċ intra-Komunitarju kien qiegħed jiġi affettwat mill-aġir li kien is-suġġett ta' l-investigazzjoni tagħha, azzjoni li ma kien ikollha ebda sens li kieku l-Kummissjoni kienet diġà kompetenti sabiex tagħmel l-investigazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni ġdida wara li ntbagħtilha l-fajl.

464    L-argument tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 56 ŻEE jirrigwarda biss il-kompetenza sabiex jiġu adottati deċiżjonijiet li jikkonstataw l-eżistenza ta' ksur, huwa mxejjen bl-Artikolu 55 tal-Ftehim ŻEE li jipprovdi li "l-awtorita' tas-sorveljanza kompetenti bis-saħħa ta' l-Artikolu 56 għandha tinvestiga [...] il-każijiet suspettati ta' ksur". Bl-istess mod, l-Artikolu 109 tal-Ftehim ŻEE (aktar 'il quddiem l-"Artikolu 109 ŻEE") li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala rilevanti għall-apprezzament tal-kompatibbilità ta' l-Artikolu 56 ŻEE mat-Trattat KE fl-Opinjoni 1/92 tagħha, iċċitatata fil-punt 461 aktar 'il fuq, jikkonferma li l-esklużività tal-kompetenza tapplika wkoll fil-fażi istruttorja. Fil-fatt, l-Artikolu 109(4) ŻEE jipprovdi li l-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA għandhom it-tnejn li huma jinvestigaw l-ilmenti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom u, jekk ikun il-każ, jibagħtu l-ilmenti li jaqgħu fil-kompetenza ta' l-awtorità l-oħra lil din l-awtorità. Skond l-Artikolu 109(5) ŻEE, kull waħda minn dawn l-awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li jadixxu lill-Kumitat Konġunt ŻEE f'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar x'azzjoni għandha tittieħed fir-rigward ta' ilment jew dwar ir-riżultat ta' l-istruttorja. Ikun assurd li wieħed jikkunsidra li t-tqassim strett tal-kompetenzi huwa applikabbli għall-fażi ta' l-investigazzjoni fil-każijiet fejn ikun tressaq ilment, iżda inapplikabbli għal dik il-fażi fejn l-investigazzjoni tkun inbdiet ex officio.

465    Tenut kont ta' dawn l-elementi kollha, jeħtieġ li l-Protokoll 23, u partikolarment l-Artikolu 10(3) tiegħu li ġie invokat mill-Kummissjoni, jiġi interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 109 ŻEE. Konsegwentement, l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta' investigazzjoni magħmula minn jew għan-nom ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA u li tidher f'fajl mibgħut lill-Kummissjoni minn din l-Awtorità a tenur ta' l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll 23 ma tistax tiġi użata mill-Kummissjoni ħlief fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE. Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni ma tneħħix l-effikaċja ta' l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll 23. Fi kwalunkwe każ, it-termini u l-istruttura ta' l-Artikolu 10 tal-Protokoll 23 jikkonfermaw li awtorità waħda biss tista' tkun kompetenti sabiex tinvestiga każ partikolari f'mument partikolari.

466    Peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 1994 sabiex twettaq l-investigazzjoni tagħha fuq il-post fl-1 u t-2 ta' Diċembru 1994 hija illegali, skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, jeħtieġ li, minn ta' l-anqas, jiġu sfilzati mill-fajl il-provi dokumentali kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet imsemmija, u dan skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Prim'Istanza (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 1987, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 R, Ġabra p. 1549, punt 34, u s-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punt 395). Il-Kummissjoni messha reġgħet talbet l-informazzjoni mingħand l-impriżi kkonċernati, bħalma għamlet fil-każ li wassal għas-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq (punti 474 sa 476).

467    L-elementi ta' prova miġbura mill-Kummissjoni għan-nom ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA għandhom jiġu sfilzati mill-fajl tal-proċedimenti preżenti, mhux biss minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 1994 kienet illegali, iżda wkoll għal raġuni oħra, u jiġifieri minħabba li l-għan tal-proċedimenti preżenti huwa differenti minn dak ta' l-investigazzjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA .

468    L-Artikolu 9(1) tal-Protokoll 23 jiddisponi li l-informazzjoni miġbura bis-saħħa tal-protokoll ma tistax tintuża ħlief għall-finijiet tal-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE, l-istess bħalma l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17 jillimita l-użu ta' l-informazzjoni għall-iskop biss li din tkun inġabret. Dwar l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li d-dritt għas-sigriet professjonali u d-drittijiet tad-difiża ta' impriża jkunu miksurin jekk il-Kummissjoni, jew, jekk ikun il-każ, awtorità nazzjonali tinvoka kontriha elementi ta' prova li jkunu nġabru fil-kors ta' investigazzjoni li jkollha suġġett differenti minn dak tal-każ in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 18; tas-16 ta' Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et, magħrufa bħala "Banek Spanjoli", C-67/91, Ġabra p. I-4785, punti 35 et seq; ta' l-10 ta' Novembru 1993, Otto, C-60/92, Ġabra p. I-5683, punt 20; is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, punt 472).

469    B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Banek Spanjoli tagħha, iċċitata f'punt 468 aktar 'il fuq, iddeċidiet li l-elementi miġbura mill-Kummissjoni fil-kors ta' investigazzjoni magħmula a tenur ta' l-Artikolu 81 KE ma setgħux jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, anke fil-każijiet meta dawn l-awtoritajiet kienu responsabbli li japplikaw l-istess dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju (punt 32 tas-sentenza). Bl-istess mod, fis-sentenza Otto tagħha, iċċitata f'punt 468 aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-informazzjoni miġbura fil-kors ta' proċedimenti nazzjonali ma setgħetx tintuża mill-Kummissjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta' ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni (punt 20 tas-sentenza). Fl-aħħar nett, JFE-Kawasaki tfakkar li, fis-sentenza PVC II tagħha, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex waslet għall-konklużjoni li d-drittijiet tad-difiża ma kinux ġew irrispettati f'dik il-kawża, straħet fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet reġgħet talbet il-produzzjoni tad-dokumenti li hija kienet diġà kisbet fil-kuntest ta' investigazzjoni li kellha suġġett differenti (ara l-aħħar parti tal-punt 466 aktar 'il fuq).

470    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, id-dokumenti li nkisbu fil-kuntest ta' l-investigazzjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA għandhom jiġu wkoll sfilzati mill-fajl għall-istess raġunijiet. L-obbjettiv ta' din l-investigazzjoni inizjali kien essenzjalment differenti minn dak ta' l-investigazzjoni miftuħa sussegwentement mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet ħarġet DO dwar allegat ftehim li kien irregolat esklużivament mill-Artikolu 81 KE, filwaqt li mid-deċiżjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tas-17 ta' Novembru 1994 jirriżulta li l-investigazzjoni ta' l-Awtorità kienet saret taħt l-Artikolu 53 ŻEE u kienet tirrigwarda biss prattiċi konċernanti is-suq offshore tan-Norveġja.

471    Skond ir-rikorrenti, iż-żewġ investigazzjonijiet għandhom bażi legali differenti. Għalhekk, b'analoġija mas-sentenzi Banek Spanjoli u Otto, iċċitati f'punt 468 aktar 'il fuq, u tenut kont tad-diċitura ta' l-Artikolu 9(1) tal-Protokoll 23, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-valur probatorju ta' l-elementi miġbura fil-kuntest ta' investigazzjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA huwa rregolat esklużivament mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE u li dawn l-elementi jistgħu jiġu invokati biss fl-ambitu ta' proċedura li tkun irregolata mir-regoli interni ta' din l-Awtorità, jiġifieri l-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti ta' Ġustizzja.

472    Fid-dawl ta' l-iżball proċedurali deskritt aktar 'il fuq, jeħtieġ li mill-fajl jiġu sfilzati, b'mod partikolari, in-Nota ta' Informazzjoni, in-nota ta' Vallourec intitolata "RB à M. Patrier", annessa ma' ittra tal-15 ta' Mejju 1991, il-fax ta' Mannesmann tas-16 ta' Jannar 1991, intitolata "Lista Vancouver", riprodotta fil-paġna 4782 tal-fajl tal-Kummissjoni, il-fax ta' Sumitomo tad-19 ta' Frar 1991, intitolata "Lista ta' prezzijiet", riprodotta fil-paġna 4789 tal-fajl tal-Kummissjoni, in-Nota għall-Presidenti, id-dokument "g) Ġappuniż", in-nota tal-laqgħa ta' l-24.07.90, id-dokument ta' Mannesmann tas-27 ta' Jannar 1986, intitolat "Suq tat-tubi ta' l-azzar 1970-1985" ("Stahlröhrmarkt 1970-1985") riprodott fil-paġna 2128 tal-fajl tal-Kummissjoni, u d-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar.

473    Il-Qorti tal-Prim'Istanza lanqas m'għandha tieħu in kunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi soġġetti għall-investigazzjoni b'risposta għat-talbiet għal informazzjoni u għad-domandi tal-Kummissjoni relattivi għal, jew ibbażati fuq, id-dokumenti li kellhom jiġu sfilzati mill-fajl għar-raġunijiet esposti aktar 'il fuq. Fil-fatt, l-użu ta' dawn id-dikjarazzjonijiet huwa illegali bl-istess mod bħalma huwa l-użu tal-provi nnifishom, peress li l-Kummissjoni, fin-nuqqas tal-provi msemmija, ma kinitx tkun f'pożizzjoni li tistaqsi l-mistoqsijiet konkreti li hija staqsiet u għaldaqstant, li tikseb l-elementi ta' informazzjoni addizzjonali kontenuti f'dawn id-dikjarazzjonijiet. Jeħtieġ għalhekk li mill-fajl tal-proċeduri preżenti jiġu sfilzati d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca ta' l-14 ta' Ottubru 1996, ir-risposta tas-Sur Becher, ir-risposti ta' Corus, ir-risposti ta' Nippon tas-17 ta' Novembru u ta' l-4 ta' Diċembru 1997, riprodotti fil-paġni 13544 u 14157 tal-fajl tal-Kummissjoni, ir-risposti ta' Sumitomo tal-31 ta' Ottubru u 16 ta' Diċmebru 1997, riprodotti fil-paġni 14168 u 14430 tal-fajl tal-Kummissjoni, ir-risposti ta' JFE-NKK tas-7 ta' Novembru u tal-15 ta' Diċembru 1997, riprodotti fil-paġni 14451 u 14491 tal-fajl tal-Kummissjoni, ir-risposti ta' JFE-Kawasaki tat-3 ta' Novembru u tat-18 ta' Diċembru 1997, riprodotti fil-paġni 14519 u 14615 tal-fajl tal-Kummissjoni u, probabbilment, id-dokument Investigazzjoni għand Vallourec.

474    Skond Nippon, jeħtieġ ukoll li jiġu sfilzati mill-fajl dokumenti oħra, minħabba li jirrisalu għal perijodu ta' qabel l-investigazzjonijiet ta' l-1 u tat-2 ta' Diċembru 1994, jiġifieri l-fax ta' Sumitomo lil Vallourec tad-9 ta' Ottubru 1987, riprodott fil-paġna 4283 tal-fajl tal-Kummissjoni, il-Minuti tal-laqgħa ma' JF, id-dokument tad-19 ta' Settembru 1991 intitolat "Parts de marché premium estimés par SMI" (Ishma fis-suq premium kif stmati minn SMI), riprodott fil-paġna 4848 tal-fajl tal-Kummissjoni, id-dokument intitolat "Japan's Exports of Seamless Pipe (jan-sep 95)" [Esportazzjoni tat-tubi mingħajr saldatura mill-Ġappun (Jannar-Settembru 95)] riprodott fil-paġna 8514 tal-fajl tal-Kummissjoni, id-dokument intitolat "OCTG Seamless pipe supply record 1993 (jan-sept)" [Rapport dwar il-bejgħ tat-tubi OCTG mingħajr saldatura 1993 (Jannar-Settembru)] riprodott fil-paġna 8692 tal-fajl tal-Kummissjoni, in-nota dwar it-tiġdid tal-kuntratt VAM BSC, in-nota dwar il-laqgħa ma' BSC, in-nota Riflessjonijiet strateġiċi, in-nota Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM, in-nota ta' Vallourec intitolata "Relations avec JFE-Kawasaki" (Relazzjonijiet ma' JFE-Kawasaki) tad-29 ta' Awwissu 1991, riprodotta fil-paġna 15802 tal-fajl tal-Kummissjoni u n-nota ta' Vallourec intitolata "Licence VAM à Siderca" (Liċenzja VAM lil Siderca) ta' l-20 ta' Ġunju 1994, riprodotta fil-paġna 15809 tal-fajl tal-Kummissjoni.

475    Mill-fatt li l-elementi ta' prova dokumentali u d-dikjarazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq inkisbu b'mod illegali jsegwi li d-deċiżjoni kkontestata nnifisha hija vvizzjata b'illegalità, partikolarment inkwantu d-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi destinatarji ġew leżi. Skond JFE-Kawasaki, dan il-fatt waħdu huwa biżżejjed sabiex iġib l-annullament tad-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti Ġappuniżi jaqblu li għandu jkun hemm l-isfilzar tal-provi kollha miksuba abbażi ta' deċiżjoni illegali, taħt piena ta' nullità tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din hija bbażata fuq dawn il-provi (digriet Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 466 aktar 'il fuq, punt 34).

476    Il-Kummissjoni tispeċifika li hija ma kisritx l-Artikolu 53 ŻEE meta awtorizzat lill-uffiċjali u lill-aġenti tagħha sabiex jinvestigaw ksur ta' l-Artikolu 81 KE, partikolarment bid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994, filwaqt li awtorizzathom sabiex, abbażi ta' l-istess fatti, jinvestigaw simultanjament il-possibbiltà ta' ksur ta' l-Artikolu 53 ŻEE għan-nom ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA, kif kienet mitluba tagħmel. Fil-fatt, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA ma kinitx kompetenti esklużivament sabiex tipproċedi b'investigazzjoni fiż-żmien meta ttieħdet din id-deċiżjoni. Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 53 ŻEE ma fih ebda dispożizzjoni tali li tirrendi lill-Artikolu 81 KE inapplikabbli f'sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u ta' l-Artikolu 53 ŻEE huma sodisfatti kumulattivament. Din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 53 ŻEE hija kkonfermata mill-Opinjoni 1/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-14 ta' Diċembru 1991 (Ġabra p. I-6079), u mill-Opinjoni 1/92, iċċitata f'punt 461 aktar 'il fuq.

477    B'hekk, skond il-Kummissjoni, l-investigazzjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA ma setgħetx tinċidi fuq il-poteri tal-Komunità fil-qasam ta' kompetenza tagħha. Il-Kummissjoni baqgħet libera li tinvestiga dwar ksur ta' l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, hija kienet l-awtorità ta' sorveljanza kompetenti f'dan ir-rigward fis-sens ta' l-Artikolu 55 tal-Ftehim ŻEE.

478    Il-Kummissjoni tosserva li, fi kwalunkwe każ, hija kellha tippreżerva d-dritt li tipproċedi b'investigazzjoni, ta' l-inqas sabiex tistabbilixxi jekk hija kinitx l-awtorità kompetenti jew le fil-każ preżenti, minħabba l-preżenza ta' effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

479    B'risposta għall-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi bbażati fuq il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tirrileva li l-eżistenza, fis-sistema maħluqa mill-Ftehim ŻEE, ta' mekkaniżmu li jippermetti t-trasferiment tal-każijiet minn awtorità għall-oħra jiddistingwi l-każ preżenti minn dak li wassal għas-sentenza Banek Spanjoli, iċċitata f'punt 468 aktar 'il fuq, minħabba li fis-sistema Komunitarja, ma jeżistix mekkaniżmu simili li jipprovdi għat-trasferiment ta' każijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, hija irrilevanti fil-każ preżenti, inkwantu ż-żewġ proċeduri in kwistjoni f'din is-sentenza, fejn inġabret l-istess informazzjoni, kellhom għan differenti.

480    Barra minn hekk, il-provi miġbura mill-Kummissjoni ma kinux miġbura biss għall-finijiet ta' proċedimenti differenti minn dawk li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, iżda kienu miġbura bis-saħħa ta' deċiżjonijiet sabiex isiru investigazzjonijiet li għamlu referenza espressa għal eventwali ksur ta' l-Artikolu 81 KE u li kienu bbażati fuq bażi ġuridika doppja. Minħabba din il-bażi ġuridika doppja, id-deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 1994 hija legali fi kwalunkwe każ.

481    Fis-seduta, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA ssottomottiet osservazzjonijiet dwar dan il-motiv biss. F'dan ir-rigward, hija sostanzjalment sostniet l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

482    Jeħtieġ li jiġi mfakkar l-ewwel nett li, fl-Opinjoni 1/92 tagħha, iċċitata f'punt 461 aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li kienu ġew sottomessi quddiemha, partikolarment l-Artikolu 56 dwar it-tqassim tal-kompetenzi in materja ta' kompetizzjoni bejn l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA u l-Kummissjoni, kienu kompatibbli mat-Trattat KE.

483    Sabiex waslet għal din il-konklużjoni fir-rigward ta' l-artikolu msemmi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b'mod partikolari, fil-punti 40 u 41 ta' l-opinjoni msemmija li l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi akkordji internazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni tinvolvi bilfors il-possibbiltà li l-Komunità taċċetta regoli fi ftehim internazzjonali dwar it-tqassim tal-kompetenzi rispettivi tal-partijiet kontraenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, sakemm dawn ir-regoli ma jiżnaturawx il-kompetenzi tal-Komunità u ta' l-istituzzjonijiet tagħha kif inhuma maħsuba fit-Trattat.

484    Mill-Opinjoni 1/92 joħroġ allura li l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE ma jiżnaturax il-kompetenzi tal-Komunità previsti fit-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni.

485    F'dan ir-rigward, kemm minn qari ta' l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE nnifsu kif ukoll mid-deskrizzjoni dettaljata ta' din id-dispożizzjoni li tinsab fil-parti introduttiva ta' l-Opinjoni 1/92, taħt is-sezzjoni "Riassunt tat-talba tal-Kummissjoni", jirriżulta li l-kawżi kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE jibqgħu soġġetti għall-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-fatt, il-kawżi kollha fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea huwa affettwat jkomplu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni, irrispettivament, barra minn hekk, minn jekk hemmx effett fuq il-kummerċ bejn il-Komunità u l-Istati EFTA u/jew bejn l-Istati EFTA nnifishom.

486    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ma jistgħux jiġu interpretati b'mod li jċaħħdu lill-Kummissjoni, anke jekk b'mod temporanju, mill-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE għal akkordju antikompetittiv li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri Komunitarji.

487    Issa, fil-każ in eżami jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994 li bdiet investigazzjoni fis-settur tat-tubi ta' l-azzar, invokat, b'mod partikolari, l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 17 bħala l-bażi legali. Fil-kuntest ta' din l-investigazzjoni, hija eżerċitat il-poteri li ngħatawlha bir-Regolament Nru 17 sabiex tiġbor il-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata u, fl-aħħar nett, hija ppenalizzat l-akkordji li kienu jikkostitwixxu l-ksur esklużivament abbażi ta' l-Artikolu 81 KE fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni msemmija.

488    Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata risposta espressa għall-argument speċifiku tar-rikorrenti Ġappuniżi dwar in-natura illegali tal-bażi ġuridika doppja użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994, jiġifieri mhux biss l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 17, iżda wkoll l-Artikolu 53 ŻEE u d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tas-17 ta' Novembru 1994 li awtorizzat li tintbagħat talba għal assistenza lill-Kummissjoni.

489    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma setgħetx raġjonevolment tkun taf b'ċertezza fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 1994 liema kienet il-bażi ġuridika korretta, minħabba li r-risposta għal din il-mistoqsija kienet tiddependi mill-portata ġeografika ta' ksur eventwali u, aktar speċifikament, fuq il-kwistjoni jekk dan il-ksur kienx jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità. Ir-rikorrenti Ġappuniżi ġustament jirrilevaw li l-Ftehim ŻEE, partikolarment l-Artikoli 56 u 109 tiegħu, jistabbilixxu sistema ta' "one stop shop" għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, sistema din li hija applikabbli sa mill-fażi istruttorja, b'tali mod li kull waħda mnn dawn iż-żewġ awtoritajiet għandha l-obbligu li tiddesisti u li tittrasferixxi l-fajl tagħha lill-awtorità l-oħra jekk hija tiddeċiedi li l-awtorità l-oħra hija kompetenti.

490    Madankollu, dan il-kunċett ta' "one stop shop" ma jistax japplika mill-bidu ta' l-investigazzjoni jekk ma jkunx possibbli f'dak l-istadju li jiġi stabbilit liema awtorità hija kompetenti, taħt piena li, fl-eventwalità li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tkun adita meta l-Kummissjoni tkun finalment kompetenti, jinkiser il-prinċipju, espost aktar 'il fuq, li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ma jistgħux iċaħħdu lill-Kummissjoni mill-kompetenza li tinvestiga l-komportamenti antikompetittivi li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità.

491    Inoltre, jeħtieġ li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li s-sempliċi fatt li istituzzjoni Komunitarja tistrieħ f'att kemm fuq bażi ġuridika korretta kif ukoll fuq waħda jew aktar bażijiet ġuridiċi oħra li finalment javveraw ruħhom bħala inadegwati ma jistax iġib, waħdu, il-konsegwenza li dan l-att ikun ivvizzjat (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punti 79 sa 103, partikolarment il-punt 94).

492    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet kompetenti, f'kull stadju, sabiex tinvestiga l-akkordji antikompetittivi li ġew finalment ippenalizzati fid-deċiżjoni kkontestata minkejja l-fatt li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kienet diġà bdiet investigazzjoni dwar l-allegati prattiċi ta' natura simili fuq is-suq tan-Norveġja. Konsegwentament, l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti Ġappuniżi, partikolarment dak ibbażat fuq il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Banek Spanjoli (ara l-punti 468 u 469 aktar 'il fuq), huma irrilevanti għall-każ preżenti.

493    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq it-talbiet għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multi

1.     Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq nuqqas ta' motivazzjoni dwar il-fatt li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma kinitx applikata favur JFE-NKK u fuq iżball f'dan ir-rigward

a)     L-argumenti tal-partijiet

494    Skond JFE-NKK, il-Kummissjoni ma tatx motivazzjoni b'mod suffiċjenti għalxiex hija ma applikatx il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni favur tagħha fil-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata.

495    JFE-NKK issostni, f'dan ir-rigward, li hija rrispondiet b'mod dettaljat għall-erba' talbiet għal informazzjoni li għamlitilha l-Kummissjoni, fatt dan li jiġġustifika tnaqqis ta' 10% mill-ammont tal-multa li ġiet imposta lilha, u dan skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619). Barra minn hekk, hija ssostni li hija hija l-unika produttur li kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni bid-dati, l-ismijiet tal-parteċipanti u l-postijiet eżatti tal-laqgħat li nżammu bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, fatt dan li għandu jagħtiha dritt għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa b'20% skond din l-istess ġurisprudenza.

496    Skond il-Kummissjoni, l-argument ta' JFE-NKK fir-rigward tan-nuqqas ta' motivazzjoni huwa infondat, minħabba li l-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi li ma kien hemm ebda kooperazzjoni effettiva fil-każ tagħha. Skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, huwa meħtieġ ta' l-anqas li l-impriża in kwistjoni tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti esposti fid-DO, ħaġa li JFE-NKK ma għamlitx.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

497    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi li ma kien hemm "ebda kooperazzjoni effettiva" min-naħa ta' JFE-NKK fil-kuntest ta' l-investigazzjoni magħmula fil-każ preżenti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, irrispettivament minn jekk din il-konstatazzjonijiet hijiex preċiża jew le, din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għall-Kummissjoni sabiex tirrifjuta li tikkonċedi tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta lil JFE-NKK minħabba din il-kooperazzjoni.

498    Dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda anke jekk jitqies li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala bbażati fuq żball fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

499    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, sabiex jiġġustifika t-tnaqqis fl-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, il-komportament ta' impriża għandu jiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni konsistenti fil-konstatazzjoni u fit-twaqqif tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

500    Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm ir-risposti għall-mistoqsijiet mogħtija minn JFE-NKK, partikolarment l-indizji li jinsabu fir-risposta tagħha tas-7 ta' Novembru 1997 dwar id-dati u l-postijiet tad-diversi laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun, kienu ta' ċerta utilità għall-Kummissjoni, dawn sempliċement jikkonfermaw parti mill-informazzjoni li kienet diġà ngħatat mis-Sur Verluca fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, magħmula għan-nom ta' Vallourec fl-1996. Għaldaqstant, mhuwiex preċiż li jingħad li JFE-NKK hija l-unika impriża li pprovdiet tali informazzjoni.

501    Ċertament, inkwantu impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f'ċirkustanzi analogi, b'informazzjoni simili dwar il-fatti li bihom ikunu akkużati, il-livelli ta' kooperazzjoni pprovduta minnhom għandhom jitqiesu bħala paragunabbli (ara, b'analoġija, is-sentenza Krupp Tyhssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 50 aktar 'il fuq, punti 243 sa 245).

502    Madankollu, fil-każ preżenti, Vallourec, permezz tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, ammettiet espliċitament li l-laqgħat in kwistjoni kienu seħħew fl-ambitu ta' akkordju dwar it-tqassim tas-swieq partikolarment fir-rigward tas-swieq nazzjonali ta' l-erba' produtturi Ewropej. Fil-fatt, is-Sur Verluca rrileva li kull membru tal-klabb Ewropa-Ġappun kien obbligat li jirrispetta s-suq nazzjonali ta' kull wieħed mill-membri l-oħra tal-klabb, u spjega li s-suq offshore tar-Renju Unit kellu status partikolari, inkwantu kien "semi-protett". Huwa speċifika wkoll id-durata kif ukoll il-modus operandi ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq. Għall-kuntrarju, JFE-NKK sostniet, fir-risposta tagħha tas-7 ta' Novembru 1997, li għalkemm il-produtturi Ewropej kienu talbuha sabiex tirrispetta s-swieq nazzjonali tagħhom hija qatt ma rrispondiet favorevolment għal dawn it-talbiet.

503    Għandu jiġi kkonstatat li, waqt l-ewwel investigazzjoni magħmula fuq Vallourec f'Settembru 1996, is-Sur Verluca mhux biss irrisponda għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, fit-totalità tagħhom, jirriżulta li huwa ġenwinament ried jammetti l-eżistenza ta' ksur u jikkoopera b'mod effettiv fl-ambitu ta' l-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. JFE-NKK, għall-kuntrarju, sempliċement tat l-informazzjoni fattwali li talbitilha l-Kummissjoni filwaqt li rrifjutat kwalunkwe interpretazzjoni ta' din l-informazzjoni li setgħet tistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur fir-rigward tagħha.

504    Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-utilità ta' l-informazzjoni pprovduta minn JFE-NKK tistrieħ esklużivament fuq il-fatt li l-istess informazzjoni tikkorrobora, sa ċertu punt, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca li l-Kummissjoni kellha diġà. Konsegwentament, l-għoti ta' din l-informazzjoni ma ffaċilitatx il-kompitu tal-Kummissjoni b'mod sinjifikattiv u, għaldaqstant, b'mod suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta minħabba l-kooperazzjoni.

505    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata ġustament li JFE-NKK fl-ebda ħin ma informatha li hija kienet qiegħda tirrikonoxxi l-materjalità tal-fatti matul il-proċeduri amministrattivi. Hija baqgħet saħansitra tikkontestahom quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

506    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta' JFE-NKK ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta lil din l-impriża.

2.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodu ta' kalkolu ta' l-ammont tal-multi

a)     L-argumenti tal-partijiet

507    Skond JFE-NKK, il-Kummissjoni ma esponietx il-mod ta' kalkolu ta' l-ammont tal-multi b'metodu suffiċjentement dettaljat sabiex tikkonforma ma' l-eżiġenzi tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 142). Hija ma eżaminatx b'mod partikolari l-fatturat kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva fil-ksur ta' kull waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi. Skond JFE-NKK, din l-omissjoni tikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni.

508    Il-Kummissjoni tirrileva li fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fil-premessa 162, hija esponiet b'mod adegwat il-metodu ta' kalkolu tal-multi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

509    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni esponiet b'mod ċar u koerenti, fil-premessi 156 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li hija ħadet in kunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multi. Is-sentenza Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 507 aktar 'il fuq, bl-ebda mod ma ssostni l-argumenti ta' JFE-NKK, peress li din sempliċement tindika f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tesponi l-metodu ta' kalkolu tal-multi. Il-kwistjoni distinta dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji ta' apprezzament f'dak li għandu x'jaqsam mal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi ħa tiġi eżaminata fil-punti 515 et seq aktar 'il quddiem.

510    Konsegwentement, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq apprezzament żbaljat tad-durata tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

511    Fil-punti 136 et seq aktar 'il fuq jinsabu mqassra l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi fejn isostnu li l-Kummissjoni kellha, minn ta' l-inqas, tikkonstata ksur b'durata inqas minn dik li hija kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

512    Peress li l-Kummissjoni applikat żieda ta' 10% fis-sena fuq l-ammont tal-multa ffissata skond il-gravità u peress li l-ksur ma damx aktar minn erba' snin sħaħ (mill-1991 sa' l-1994) u mhux ħames snin, jeħtieġ li ż-żieda globali ta' 50%, li ġiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata għar-rikorrenti Ġappuniżi kollha minħabba d-durata, titniżżel għal massimu ta' 40%. Fir-replika tagħha, Nippon tirrileva li l-argument imressaq mill-Kummissjoni, li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma kinux ta' ostakolu għall-produtturi Ġappuniżi sabiex ibiegħu t-tubi mingħajr saldatura fil-Komunità, huwa inkompatibbli mal-pożizzjoni li hija ħadet fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-perijodu li jibda mill-1977 sa l-1989. Sumitomo ssostni f'dan ir-rigward li l-aġenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jaġixxu bħallikieku kienu membri tal-Kummissjoni u jargumentaw li kien iġġustifikat li tiġi imposta multa għas-sena 1990, anke jekk jitqies li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu fis-seħħ matul dik is-sena.

513    L-argumenti tal-Kummissjoni dwar id-durata tal-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jinsabu mqassra fil-punti 157 et seq aktar 'il fuq. In sustanza, peress li d-durata tal-ksur ġiet ipprovata għas-suffiċjenza tad-dritt, m'hemmx lok, fil-fehma tal-Kummissjoni, li l-ammont tal-multi jitnaqqas.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

514    Peress li l-argumenti tal-partijiet dwar id-durata tal-ksur ġew eżaminati fil-punti 338 sa 352 aktar 'il fuq, huwa biżżejjed, fil-kuntest tal-motiv preżenti, li jiġi mfakkar li din id-durata għandha titnaqqas, fir-rigward ta' kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi, minn ħames snin għal tliet snin u nofs, jiġifieri l-perijodu li jibda mill-1 ta' Jannar 1991 sa l-1 ta' Lulju 1994. Din id-durata ġdida ser tiġi kkunsidrat aktar 'il quddiem fil-punti 588 u 590 fir-rigward ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi.

4.     Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq apprezzament żbaljat tad-dokumenti li fuqhom tistrieħ il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

a)     L-argumenti tal-partijiet

515    Ir-rikorrenti Ġappuniżi jfakkru l-argumenti li huma ressqu sabiex jitolbu l-annullament ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistrieħu fuq in-nuqqas ta' qbil bejn il-prodotti msemmija fid-diversi provi dokumentali invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u dawk li finalment kienu koperti mill-ksur ikkonstatat (ara l-punti 105 et seq aktar 'il fuq). Kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tirrifjuta ċerti provi dokumentali invokati mill-Kummissjoni, filwaqt li tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-bqija, il-multi jkollhom jitnaqqsu b'mod li jikkorrispondi mad-definizzjoni tal-prodotti u mad-durata tal-ksur li joħorġu mid-dokumenti probatorji li hija ma tiċħadx. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li ċerti elementi ta' prova, partikolarment id-dokument Kodiċi ta' tqassim, jirreferu għal swieq ta' prodotti aktar limitati.

516    JFE‑Kawasaki u Sumitomo jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kellha, minn ta' l-inqas, tikkunsidra suq aktar limitat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta' gravità tal-ksur u, għaldaqstant, timponi multa iżgħar fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, fuq il-pjan ġeografiku, il-Kummissjoni ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt li l-ksur ikkonstatat kien jaffettwa s-suq offshore Britanniku.

517    Il-Kummissjoni tirribatti li, inkwantu mill-provi dokumentali tirriżulta varjazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-akkordju, dawn il-provi jindikaw li dan l-istess kamp ta' applikazzjoni jista' jkun akbar minn dak li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. F'dak li jikkonċerna l-allegazzjoni li hija ma identifikatx s-suq ġeografiku b'mod korrett, il-Kummissjoni tirribatti li hija għamlet apprezzament tal-gravità tal-ksur filwaqt li kkunsidrat is-suq korrettament definit fil-premessi 160 u 161 tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta' l-elementi ta' prova miġbura fil-kors ta' l-investigazzjoni tagħha (ara wkoll il-punti 144 et seq aktar 'il fuq).

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

518    Sabiex jiġi miċħud dan il-motiv, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, kif diġà ġie deċiż fil-punt 352 aktar 'il fuq, il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt, u dan fl-aspetti kollha, salv għal dak li għandu x'jaqsam mad-durata tiegħu, li l-impatt tagħha fuq l-ammont tal-multi ġie rrilevata fil-punt 514 aktar 'il fuq.

5.     Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

519    Skond ir-rikorrenti Ġappuniżi, kellu jittieħed in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolo ta' l-ammont tal-multi li ġew imposti lilhom, il-fatt li l-ksur ma kellu ebda effett fuq is-suq Ewropew (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 1974, Istituto chemioterapico italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punti 51 et seq; sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punti 614 et seq, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 74 aktar 'il fuq, punt 672). Fuq dan il-punt, Nippon u Sumitomo jirreferu għall-argumenti tagħhom dwar l-ostakoli għall-kummerċ li kienu qegħdin jimpedixxu lill-produtturi Ġappuniżi milli jbiegħu l-prodotti tagħhom fuq is-swieq Komunitarji, b'tali mod li l-effetti tal-ksur fuq is-suq komuni kienu jkunu, fi kwalunkwe każ, prattikament ineżistenti. JFE-NKK tinvoka, f'dan il-kuntest, il-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi imposti in applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, aktar 'il quddiem il-"linji gwida għall-kalkolu tal-multi"), li jiddisponi li n-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva ta' l-akkordji jew tal-prattiċi illegali huwa ċirkustanza attenwanti. JFE-Kawasaki ssostni, f'dan ir-rigward, li l-multi, inklużi dawk imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi, jidhru li jinkludu l-komportament illegali kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fatt dan li huwa illegali peress li t-tieni ksur jirrigwarda biss il-produtturi Komunitarji.

520    Barra minn hekk, il-prodotti kkontemplati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huma anqas numerużi minn dawk ikkontemplati mid-DO. Fis-sustanza, in-numru ta' prodotti in kwistjoni huwa tant ristrett li l-multi, b'ammont totali ta' EUR 99 miljun, huma sproporzjonati meta mqabbla mal-fatturat medju kumulattiv tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata għal dawn il-prodotti, li jammonta għal EUR 73 miljun fis-sena (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dan ir-rigward, Sumitomo tinvoka s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T-77/92, Ġabra p. II-549, punt 580) u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni (T-319/94, Ġabra p. II-1331, punt 40). Fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni qatt ma imponiet multa b'ammont li jqarreb il-fatturat annwali rrealizzat fuq is-suq ikkontemplat f'deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta' ksur. JFE-Kawasaki tirrileva, barra minn hekk, li l-fatturat ta' EUR 73 miljun jidher li jinkludi l-bejgħ magħmul fuq is-swieq offshore tal-Komunità, meta dan ma kellux jittieħed in kunsiderazzjoni skond l-argument tagħha imqassar fil-punt 405 aktar 'il fuq.

521    Nippon tirrileva f'dan ir-rigward li, skond is-sentenza PVC II, iċċitata f'punt 61 aktar 'il fuq, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-ksur sabiex timponi multa proporzjonata. Fost dawn l-elementi hemm b'mod partikolari il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġet tal-ksur (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 120). Barra minn hekk, skond it-termini tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-impatt konkret ta' ksur fuq is-suq u f'ċerti każijiet, jeħtieġ li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat skond l-impatt reali ta' l-istess ksur, u għaldaqstant, skond il-gravità tal-komportament illegali ta' kull impriża (ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 110, u s-sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punt 4949). JFE-Kawasaki żżid, f'dan ir-rigward, li f'termini ta' fatturat globali hija l-iżgħar fost l-erba' produtturi Ġappuniżi li ġew ippenalizzati bid-deċiżjoni kkontestata. JFE-NKK issostni li l-bejgħ tat-tubi OCTG tagħha u tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport mingħajr saldatura huwa inqas minn dak ta' l-erba' produtturi Ġappuniżi l-oħra. JFE-NKK issostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti Ġappuniżi m'osservawx l-akkordju illegali, inkwantu huma komplew ibiegħu l-prodotti in kwsitjoni fuq l-uniku suq li kien jinteressahomm, jiġifieri s-suq offshore tar-Renju Unit (sentenza Buchmann vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 58, aktar 'il fuq, punt 121). F'dan ir-rigward, l-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-erba' Stati ta' oriġni tal-produtturi Ewropej ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata jifformaw suq ġeografiku wiesa', hija inkompatibbli, partikolarment, ma' l-osservazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 106 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata li fihom il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-eżistenza ta' erba' swieq nazzjonali.

522    L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ġurisprudenza dwar l-eżistenza ta' marġni ta' diskrezzjoni għall-iffissar ta' l-ammont tal-multa huwa irrilevanti, minħabba li l-Kummissjoni tibqa' obbligata li tosserva l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, l-argument tagħha bbażat fuq il-fatt li l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprevedu, bħala prinċipju, ammont bażiku ta' EUR 20 miljun għal ksur ikkwalifikat bħala gravi ħafna ma jistax jipprevali fuq ir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi.

523    Sumitomo tikkunsidra li l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni qabel l-1991 hija ċirkustanza attenwanti li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni għall- perijodu sussegwenti, minkejja l-fatt li l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE ma kinitx aktar ipprojbita mill-mument meta skada l-imsemmi akkordju. Sumitomo tistieden lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tapplika b'analoġija s-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata punt 56 aktar 'il fuq (punti 619 sa 620). Inkwantu l-Kummissjoni tippretendi, fir-risposta tagħha fil-kawża T-78/00, li l-eżistenza ta' l-imsemmijin akkordji qabel l-1991 kienet tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti aktar milli ċirkustanza attenwanti, dan l-argument huwa inkompatibbli mal-pożizzjoni meħuda fid-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, jikkostitwixxi ksur ta' l-obbligu li tingħata motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

524    Il-Kummissjoni tikkontesta li l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat u ssostni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti Ġappuniżi tistrieħ fuq it-teżi żbaljata li l-ammont għandu jiġi ffissat skond id-daqs tas-suq. Skond il-Kummissjoni, l-ammont tal-multa għandu jkun proporzjonat għall-gravità tal-ksur meħud fit-totalità tiegħu, u mhux biss mal-fatturat ta' l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq kien jikkostitwixxi ksur gravi ħafna ta' l-Artikolu 81 KE, minħabba li kellu l-għan li jagħlaq is-swieq nazzjonali li jirrappreżentaw il-parti l-kbira mill-konsum tal-Komunità tal-prodotti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata. Huwa ċar għalhekk li dan il-ksur affettwa l-funzjonament tas-suq komuni kif ukoll il-kompetizzjoni fi ħdan l-istess suq.

525    Il-pożizzjoni meħuda fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi li jesponu li, sa limitu massimu ta' 10% tal-fatturat, l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat billi bħala punt ta' tluq jittieħed ammont stabbilit abbażi tal-gravità. F'dan ir-rigward, il-fatturat tad-destinatarji ta' deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta' ksur hija biss rilevanti fir-rigward ta' dan il-limitu ta' 10% (sentenza Cement, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punti 5005 sa 5025). Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprevedu ammont ta' EUR 20 miljun bħala ammont inizjali għall-ksur gravi ħafna u, peress li l-Kummissjoni kienet diġà naqqset dan l-ammont għal EUR 10 miljun minħabba d-daqs tas-suq (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata), m'hemmx lok li jsir tnaqqis ulterjuri. Il-Kummissjoni tirrileva, barra minn hekk, li, skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, l-impatt fuq is-suq ta' ksur partikolari mhuwiex fattur li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni ħlief meta dan l-impatt ikun jista' jiġi kkalkolat u li jkun jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatturat ta' kull impriża biss f'dawk il-każijiet fejn ikun hemm differenza konsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi awturi ta' ksur ta' l-istess natura, fatt dan li mhuwiex il-każ fil-każ preżenti.

526    Il-pożizzjoni meħuda fid-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-ġurisprudenza, li fil-fatt tagħti lill-Kummissjoni ċertu marġni ta' diskrezzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa (sentenza Mo och Domsjö, iċċitata f'punt 425 aktar 'il fuq, punt 268). Fil-punt 358 ta' dik is-sentenza, li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, punt 62), il-Qorti tal-Prim'Istanza iddikjarat li, fir-rigward ta' ksur li jkun gravi ħafna, l-impatt fuq is-suq għandu jiġi preżunt jew, fi kwalunkwe każ, huwa irrilevanti għall-apprezzament tal-gravità.

527    B'risposta għall-argument ta' JFE-Kawasaki li l-multa imposta fuq il-produtturi Ġappuniżi tinkludi dik li kellha tiġi imposta minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni ssostni li din l-analiżi hija żbaljata peress li ebda multa u ebda żieda ta' l-istess multa ma ġiet imposta minħabba dan il-ksur.

528    Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li hija ddeċidiet li ma timponix multa għall-perijodu li fih kienu fis-seħħ l-akkordji ta' awtolimitazzjoni jikkostitwixxi diġà konċessjoni mogħtija lill-produtturi Ġappuniżi, partikolarment fid-dawl ta' l-Opinjoni tal-Kummissjoni relattiva għall-importazzjoni ta' prodotti Ġappuniżi fil-Komunità (ĠU 1972, C 111, p.13), li minnha jirriżulta li l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma kienet ta' ebda konfort għall-produtturi Ġappuniżi fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tad-dritt dwar il-kompetizzjoni. B'hekk, l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni qabel l-1990 bl-ebda mod m'hija ċirkustanza attenwanti għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multa mill-1990, u dan kuntrarjament għall-argument ta' Sumitomo f'dan is-sens.

529    B'risposta għall-argument ta' Sumitomo li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata tistrieħ għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fuq in-natura allegatament aggravanti ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni qabel l-1990, il-Kummissjoni tippreċiża li Sumitomo qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, tnaqqas l-ammont tal-multa. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li huwa opportun li tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-elementi kollha relattivi għall-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħha.

530    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li Sumitomo qiegħda tipprova tressaq motiv ġdid fil-kuntest tat-talba tagħha għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa, meta tqajjem il-kwistjoni dwar il-motivazzjoni fl-istadju tar-replika, minkejja li r-rikors ma fih ebda motiv ibbażat fuq insuffiċjenza tal-motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iffissar ta' dan l-ammont. Dan il-motiv huwa inammissibbli ai termini ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

531    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li, ai termini ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista' timponi multi ta' mill-anqas EUR 1,000 sa mhux aktar minn EUR 1,000,000. Dan l-aħħar ammont iżda jista' jiġi miżjud sa 10% tal-fatturat mill-fatturat irrealizzat matul l-aħħar sena finanzjarja minn kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. L-imsemmija dispożizzjoni tippreskrivi li, għall-iffissar ta' l-ammont tal-multa f'dawn il-limiti, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u d-durata tal-ksur.

532    Issa, la r-Regolament Nru 17, la l-ġurisprudenza, u lanqas il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jipprovdu li l-ammont tal-multi għandu jiġi ffissat direttament skond id-daqs tas-suq affettwat. Dan il-fattur huwa infatti wieħed fost elementi rilevanti oħra. Fil-fatt, skond ir-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-ġurisprudenza, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, u għandu jieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-gravità ta' l-istess ksur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 240, u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 120 tas-sentenza tagħha Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata punt 56 aktar 'il fuq, huwa meħtieġ li, sabiex tiġi apprezzata l-gravità tal-ksur, jittieħdu in kunsiderazzjoni numru kbir ta' elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skond it-tip ta' ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari ta' l-istess ksur (ara, wkoll, is-sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il quddiem, punt 127).

533    Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll, f'dan ir-rigward, li l-unika referenza espressa għall-fatturat ta' l-impriża in kwistjoni, jiġifieri l-limitu ta' 10% tal-fatturat stabbilit għall-finijiet ta' l-iffissar tal-multi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tikkontempla il-fatturat globali ta' l-impriża magħmul fid-dinja kollha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, punt 119) u mhux il-fatturat magħmul minnha fuq is-suq affettwat mill-komportament antikompetittiv ippenalizzat. Mill-istess punt ta' l-istess sentenza jirriżulta, fil-fatt, li dan il-limitu huwa intiż sabiex jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs ta' l-impriża fit-totalità tagħha.

534    Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-imsemmija referenza għall-fatturatt mondjali hija rilevanti biss għall-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa li tista' tiġi imposta mill-Kummissjoni (ara l-punt 1 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi) u bl-ebda mod ma tfisser li jeħtieġ li jkun hemm relazzjoni strettament proporzjonali bejn id-daqs ta' kull impriża u l-ammont tal-multa li tiġi imposta fuqha.

535    Inkwantu, fil-każ preżenti, ma ġiex allegat li l-ammont tal-multi jaqbeż l-10% tal-fatturat globali tar-rikorrenti Ġappuniżi, dawn il-multi ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba l-fatt biss li, meta jintgħaddu ma' dawk imposti fuq il-produtturi Ewropej, dawn jaqbżu l-fatturat magħmul fuq is-suq ikkonċernat, jiġifieri EUR 73 miljun. Ċertament jeħtieġ li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-16 ta' Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni (C-248/98 P, Ġabra P. I-9641, punt 61) enfasizzat, b'mod indirett, li "l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [...] huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-penali tkun proporzjonata mad-daqs ta' l-impriża fuq is-suq tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur". Madankollu, barra mill-fatt li, fil-punt 61 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi espressament għall-punt 119 tas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 56 aktar 'il fuq, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-diċitura in kwistjoni, li ma ġietx riprodotta fil-ġurisprudenza sussegwenti, tidħol fil-kuntest partikolari tal-kawża li wasslet għas-sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq. F'dik il-kawża fil-fatt, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ħadet in kunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ intern fil-grupp għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sehem tagħha mis-suq, pożizzjoni din li xorta waħda tqieset bħala valida mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni msemmija aktar 'il fuq. Għalhekk, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-penali imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi huma sproporzjonati.

536    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni ma invokatx espressament il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi fid-deċiżjoni kkontestata, hija stabbiliet, madankollu, l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi billi applikat il-metodu ta' kalkolu li hemm stabbilit fil-linji gwida.

537    Issa, għalkemm il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59, u, b'analoġija, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 532 aktar 'il fuq, punt 127), jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistax tagħżel li ma tibqax issegwi r-regoli li hija stess stabbiliet għaliha nnifisha (ara s-sentenz Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 327 aktar 'il fuq, punt 53, ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 521 aktar 'il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-Kummissjoni għandha effettivament tikkunsidra t-termini tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi meta hija tiffissa l-ammont tal-multi, partikolarment dawk l-elementi li huma fil-linji gwida huma indikati bħala obbligatorji.

538    Madankollu, il-marġni ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet f'dan ir-rigward fl-ebda każ ma jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tal-qorti Komunitarja.

539    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skond il-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, "l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista' jiġi kkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat". Issa, fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li hija ħadet id-debita kunsiderazzjoni ta' dawn it-tliet kriterji sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur.

540    Madankollu, il-Kummissjoni, fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha essenzjalment fuq in-natura tal-komportament illegali ta' l-impriżi kollha sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa "gravi ħafna". F'dan ir-rigward, hija invokat in-natura ta' l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq ippenalizzat li hija antikompetittiva b'mod serju ħafna u dannuża għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, in-natura intenzjonata ta' l-illegalità u n-natura sigrieta u istituzzjonalizzata tas-sistema implementata sabiex tiġi limitata l-kompetizzjoni. Fl-istess premessa 161, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li "l-erba' Stati membri in kwistjoni jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-konsum tat-tubi OCTG u l-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura fil-Komunità u għalhekk suq ġeografiku wiesa'".

541    Mill-banda l-oħra, fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li "l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq kien limitat" peress li ż-żewġ prodotti speċifiċi koperti mill-ksur, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport, jirrappreżentaw biss 19% tal-konsum Komunitarju ta' tubi OCTG u ta' pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura u li t-tubi ssaldjati jistgħu, issa, ikopru parti mid-domanda għal tubi mingħajr saldatura minħabba progress teknoloġiku.

542    Għalhekk, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li kklassifikat dan il-ksur bħala "gravi ħafna" abbażi tal-fatturi elenkati fil-premessa 161, ħadet in kunsiderazzjoni l-kwantità relattivament baxxa tal-bejgħ ta' prodotti in kwistjoni mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fl-erba' Stati Membri kkonċernati (EUR 73 miljun fis-sena). Din ir-referenza għad-daqs tas-suq affettwat tikkorrispondi ma' l-apprezzament, fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, ta' l-impatt limitat li l-ksur kellu fuq is-suq. Il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li tiffissa l-ammont li jiddependi mill-gravità tal-ksur bħala EUR 10 miljun. Issa, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprovdu, in prinċipju, multa "ogħla minn EUR 20 miljun" għal ksur li jaqa' taħt il-kategorija ta' ksur gravi ħafna.

543    Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan it-tnaqqis ta' l-ammont iffissat skond il-gravità għal 50% tas-somma minima li normalment tiġi kkonstatata fil-każijiet ta' ksur "gravi ħafna" jirrifletti b'mod adegwat l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq in kwistjoni. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li l-multi għandhom rwol skoraġġanti fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f'dan ir-rigward, ir-raba' paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi). Għalhekk, tenut kont tal-daqs sostanzjali ta' l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, irrilevat fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll il-punt 552 aktar 'il quddiem), tnaqqis sostanzjali li jkun ikbar mill-ammont iffissat skond il-gravità seta' jneħħi l-effett skoraġġanti tal-multi.

544    Fir-rigward ta' l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta' ostakoli għall-esportazzjonijiet lejn is-swieq onshore tal-Komunità, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni dawn l-elementi fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, peress li hija tikkontestahom mill-aspett fattwali. Peress li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala "gravi ħafna" fil-każ preżenti tistrieħ fuq in-natura tal-ksur u fuq l-għan tiegħu, aktar milli fuq l-effetti tiegħu, dawn l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi m'għandhom ebda impatt fuq din l-analiżi bħala tali.

545    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar għal darba oħra f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni applikat tnaqqis sostanzjali ħafna, meta mqabbel ma' l-ammont li jiġi normalment iffissat għal ksur ta' din il-gravità, u dan sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura limitata ta' l-effetti ekonomiċi ta' l-akkordju.

546    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, peress li l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kienet ipprovata permezz ta' provi dokumentali, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti Ġappuniżi fl-akkordju bi skop antikompetittiv, li ġiet għalhekk ippenalizzata, hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għalxiex il-Kummissjoni ma kinitx apprezzat fi kwalunkwe każ ir-realtà u d-daqs ta' l-ostakoli għall-kummerċ invokati mir-rikorrenti Ġappuniżi. Fil-fatt, impriża li taċċetta, fl-ambitu ta' akkordju aktar wiesa', li tiddesisti milli tbiegħ prodott partikolari fuq suq partikolari meta, fi kwalunkwe każ, hija ma jkollhiex l-intenzjoni li fil-fatt tagħmel hekk, tirrendi prattikament impossibbli, bl-aġir proprju tagħha, li jiġi stabbilit x'kien ikun il-komportament tagħha fir-rigward tal-bejgħ ta' dan il-prodott fuq is-suq in kwistjoni fl-assenza ta' dan l-akkordju.

547    Issa, il-punt 1 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jippreċiża li l-impatt tal-ksur fuq is-suq għandu jittieħed in kunsiderazzjoni "meta dan ikun jista' jiġi kkalkolat" (ara l-punt 539 hawn fuq). Għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, huwa proprju l-komportament illegali tar-rikorrenti Ġappuniżi nnifishom li għamilha kważi impossibbli li tiġi kkalkolata l-portata ta' l-allegati ostakoli għall-kummerċ u, għaldaqstant, li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ostakoli msemmija fil-kuntest ta' l-apprezzament ta' l-impatt tal-ksur fuq is-suq.

548    F'dawn iċ-ċirkustanzi, anke jekk jitqies li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-eżistenza u l-portata ta' l-ostakoli għall-kummerċ huma fondati, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, fl-ambitu tal-kompetenza sħiħa tagħha, li l-Kummissjoni, fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi skond il-gravità, bl-ebda mod ma kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità u li, għaldaqstant, m'hemmx ġustifikazzjoni għal tnaqqis ulterjuri ta' l-ammont minħabba dawn iċ-ċirkustanzi. B'konsegwenza ta' dan, mhuwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza o meno ta' dan l-argument fil-każ preżenti.

549    Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġu miċħudin l-argumenti tar-rikorrenti Ġappuniżi relattivi għall-allegat nuqqas ta' osservanza min-naħa tagħhom ta' l-akkordju ppenalizzat fir-rigward tas-suq offshore tar-Renju Unit fejn huma jaffermaw li kienu biegħu kwantitajiet sostanzjali tal-prodotti kkontemplati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Bħall-argumenti analizzati fil-punti preċedenti, dan l-argument, anke jekk jitqies bħala fondat, ma jservix ħlief sabiex jinnewtralizza l-effetti prattiċi ta' l-akkordju ppenalizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, il-Kummissjoni diġà kkonstatat u ġustament ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur kellu impatt limitat fuq is-swieq ikkonċernati (ara l-punti 542 u 543 aktar 'il fuq).

550    Fi kwalunkwe każ, l-impatt ta' dan in-"nuqqas ta' osservanza" ta' l-akkordju fir-rigward tas-suq offshore tar-Renju Unit huwa limitat minħabba li dan is-suq ma kienx ħlief "semi-protett", skond it-termini tad-deċiżjoni kkontestata, b'tali mod li l-Kummissjoni kienet diġà taf b'dan il-fatt meta hija ffissat l-ammont tal-multi (ara l-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

551    Ir-rikorrenti Ġappunizi jirrilevaw li s-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprovdi għall-possibbiltà li "f'ċerti każijiet, l-ammonti stabbiliti għal kull waħda mit-tliet kategoriji [ta' ksur] jiġu aġġustati sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali tal-komportament illegali ta' kull impriża fuq il-kompetizzjoni". Skond dan il-paragrafu, dan il-metodu huwa opportun "partikolarment meta jkun hemm żbilanċ konsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi li jkunu l-awturi ta' l-istess tip ta' ksur".

552    Fil-każ preżenti, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu kollha kbar, b'tali mod li ma kienx hemmx lok li minħabba f'hekk issir differenza bejn l-ammonti tal-multi imposti. F'dan ir-rigward, ebda waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi ma kkontestat il-klassifikazzjoni tagħha bħala impriża kbira bħala tali, inkwantu l-argumenti tagħhom f'dan ir-rigward kienu kollha purament komparattivi.

553    Barra minn hekk, mill-użu ta' l-espressjoni "f'ċerti każijiet" u tat-terminu "partikolarment" fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jirriżulta li l-aġġustament skond id-daqs individwali ta' l-impriżi mhuwiex stadju sistematiku fil-kalkolu li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, iżda huwa għodda ta' flessibbiltà li hija kkonċediet lilha nnifisha f'każijiet fejn dan ikun meħtieġ. Jeħtieġ li f'dan il-kuntest tiġi mfakkra il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni tiddisponi minn diskrezzjoni li tippermettilha li tieħu jew ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi hija u tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni li timponi, u dan skond, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra, p. I-1611, punt 54, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punti 32 u 33, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 180 aktar 'il fuq, punt 465; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 68). Tenut kont tat-termini tal-paragrafu sitta tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li ġew irrilevati aktar 'il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward ta' jekk twettaqx l-aġġustament tal-multi skond id-daqs ta' kull impriża.

554    Peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li r-rikorrenti Ġappuniżi kollha kienu kbar (ara l-punt 552 aktar 'il fuq) u kkunsidrat l-impatt relattivament żgħir tal-ksur fuq is-swieq in ġenerali (ara l-punti 542 u 543 aktar 'il fuq), l-argument tar-rikorrenti Ġappuniżi mhuwiex biżżejjed sabiex juri li l-Kummissjoni eċċediet il-limiti tal-poter diskrezzjonali tagħha fil-każ in eżami minħabba li hija ma applikatx il-paragrafu 6 tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

555    Barra minn hekk, Sumitomo ssostni li l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni qabel l-1991 hija ċirkustanza attenwanti li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni fir-rigward tal-perijodu li ġie wara dawn l-akkordji. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward li, għalkemm l-istatus ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kien is-suġġett ta' kwistjoni bejn ir-rikorrenti Ġappuniżi u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, huwa paċifiku li dawn l-akkordji ma kinux aktar fis-seħħ, kemm fuq livell nazzjonali u kif ukoll fuq livell internazzjonali, wara l-1 ta' Jannar 1991. Għandu jiġi kkonstatat għalhekk li, mill-mument li fih ma baqgħux fis-seħħ l-akkordji ta' awtolimitazzjoni, dawn ma kellhomx jibqgħu jaffettwaw il-komportament kummerċjali tal-produtturi Ġappuniżi u għaldaqstant ma jistgħux jiġu invokati bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest preżenti.

556    F'dan ir-rigward, peress li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma ġewx ikkunsidrati bħala ċirkustanza attenwanti fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax ikun hemm nuqqas ta' motivazzjoni fuq din il-klassifikazzjoni.

557    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument ta' JFE-Kawasaki relattiv għat-teħid in kunsiderazzjoni tal-ksur irrilevat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mill-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata u min-nuqqas ta' referenzi għall-kuntratti għall-fornitura li jikkostitwixxu dan it-tieni ksur fil-premessi 159 sa 163 u 165 sa 175, li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tieħdux in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi. Dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jirrendi l-argument ta' JFE-Kawasaki irrilevanti fl-ambitu tal-motiv preżenti.

558    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

6.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament

a)     L-argumenti tal-partijiet

559    Skond Nippon, JFE-Kawasaki u Sumitomo, l-ammont tal-multa imposta fuq il-produtturi Ġappuniżi, minħabba li huma allegatament aċċettaw li jiddesistu milli jbiegħu fl-Ewropa l-prodotti li huma kkontemplati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa sproporzjonat meta mqabbel ma' l-ammonti tal-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej. Fil-fatt, dawn il-produtturi Ewropej ikkommettew żewġ ksur li kellhom l-għan li jiżolaw is-suq komuni, fatt dan li jagħti aspett intra-Komunitarju lill-ksur, aspett li fil-fatt ma japplikax għall-ksur allegatament imwettaq mill-produtturi Ġappuniżi. Il-Kummissjoni kisret għalhekk il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni li jeskludi b'mod partikolari li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod meta ma jkunx hemm ġustifikazzjoni oġġettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1996, Gillespie et, C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 16, u l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi). Sumitomo tirrileva li mhuwiex iġġustifikat li wieħed jislet xi inferenzi mill-fatt li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, allegatament, jaqa' fl-ambitu tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni, peress li l-Kummissjoni ma tallegax li l-akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi kien jirrekjedi lill-produtturi Ewropej iwettqu dan il-ksur addizzjonali. Minn dan isegwi, inoltre, li r-rikorrenti Ġappuniżi kellhom verament interess ġuridiku li jikkontestaw ir-raġunament tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li m'għandhiex tiġi imposta ebda multa addizjonali fuq il-produtturi Ewropej.

560    JFE-Kawasaki ttenni f'dan ir-rigward l-argument tagħha li r-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi u r-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej nnifishom kellhom jiġu trattati bħala żewġ ksur distinti. Sumitomo ssostni li, fi kwalunkwe każ, għalkemm ksur li jkollu l-għan li jqassam is-swieq Komunitarji bejn il-produtturi Ewropej jista' jiġi kkwalifikat bħala gravi ħafna, minħabba l-fatt li dan ikun suxxettibbli li jiżola s-swieq ta' l-Istati Membri, dan ma japplikax f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impenn tal-produtturi ta' pajjiżi terzi li ma jbiegħux il-prodotti tagħhom fuq is-suq Komunitarju.

561    Skond Sumitomo, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-durata itwal tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej. Sumitomo tfakkar, barra minn hekk, li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardax l-istess prodotti bħal dawk ikkontemplati fl-Artikolu 1 inkwantu t-tieni ksur jirrigwarda biss it-tubi ta' l-azzar lixxi.

562    Nippon issostni wkoll li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma kellhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multa imposta fuq il-produtturi Ewropej, peress li dawn ma kellhom ebda impatt fuq dan l-aspett intra-Komunitarju tal-ksur. Barra minn hekk, il-multa imposta minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi, skond JFE-Kawasaki, dik li kellha tiġi imposta minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2, f'liema ksur il-produtturi Ġappuniżi ma pparteċipawx assolutament. Fid-dawl ta' dawn l-argumenti, kien jeħtieġ li l-multa imposta fuq il-produtturi Ġappuniżi titnaqqas sabiex jerġa' jiġi stabbilit l-ekwilibriju bejn dawn u l-produtturi Ewropej.

563    F'dan ir-rigward, JFE-NKK issostni li, meta l-Kummissjoni ddeċidiet li kull produttur kien responsabbli għall-implementazzjoni ta' l-allegat ftehim fl-intier tiegħu, hija applikat il-prinċipju tar-responabbiltà kollettiva u kisret, għalhekk, il-prinċipju ġenerali li jiddisponi li l-penali għandhom jingħataw skond ir-responsabbiltà individwali.

564    Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti Ġapppuniżi ma ġewx trattati b'mod diskriminatorju, peress li l-istess multa ġiet imposta skond il-gravità fuq kull wieħed mill-produtturi Ewropej u Ġappuniżi li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

565    Ir-rikorrenti Ġappuniżi m'għandhom ebda interess ġuridiku sabiex jikkontestaw il-konklużjoni li hemm fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma timponix multa addizzjonali fir-rigward tat-tieni ksur ma tippreġudikahomx. Il-fatt li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata dam aktar mill-ksur prinċipali li hija kienet ikkontribwiet għall-implementazzjoni tiegħu u l-fatt li dan il-ksur kien jirrigwarda s-suq tat-tubi lixxi huwa irrilevanti fejn jidħol l-ammont tal-multi imposti fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni msemmija.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

566    F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-argument li jsostni li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa magħmul fil-fatt minn żewġ ksur, jiġifieri ksur intra-Komunitarju u ksur interkontinentali, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 370 sa 374 aktar 'il fuq, dan il-ksur jikkostitwixxi ksur wieħed. Għalhekk, il-fatt li jiġi kkunsidrat li l-partijiet kollha pparteċipaw fil-ksur bl-istess mod bl-ebda mod ma jikser, f'dan ir-rigward, il-prinċipju ġenerali ta' l-ugwaljanza fit-trattament, u lanqas barra minn hekk il-prinċipju ta' proporzjonalità.

567    Fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-produtturi Ewropej, ġie kkonstatat fil-punt 557 aktar 'il fuq li l-Kummissjoni ma ħaditx kunsiderazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi fid-deċiżjoni kkontestata.

568    Madankollu, ġie deċiż ukoll, fil-punt 451 aktar 'il fuq, li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, ir-rikorrenti Ġappuniżi għandhom verament interess ġuridiku sabiex jikkontestaw l-apprezzament tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tar-relazzjoni bejn iż-żewġ ksur ikkonstatati fl-istess deċiżjoni.

569    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni nnifisha, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li, wara li eżaminat il-karatteristiċi proprji tagħhom, il-kuntratti għall-fornitura kienu jikkostitwixxu fihom infushom ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u li l-għan u l-effetti restrittivi tagħhom fir-rigward tal-kompetizzjoni ma kinux sempliċi kontribuzzjoni għall-kontinwazzjoni ta' l-akkordju Ewropa-Ġappun (ara l-punti 362 sa 364 aktar 'il fuq). B'mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-ksur ħalla effett mhux biss fuq is-suq preċedenti tat-tubi standard OCTG, iżda wkoll, b'mod aktar dirett u evidenti, fuq is-suq sussegwenti tat-tubi lixxi.

570    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha tislet il-konsegwenzi ta' dawn il-konstatazzjonijiet ta' fatt u klassifikazzjonijiet ġuridiċi għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi u li hija m'għamlitx dan.

571    Fil-fatt, kif ġie deċiż fil-punt 364 aktar 'il fuq, l-ewwel sentenza tal-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji ta' apprezzament inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur ma kinux ħlief "mezz għall-implementazzjoni" ta' l-ewwel ksur. B'konsegwenza ta' dan, it-tieni sentenza tal-premessa 164, fejn il-Kummissjoni tiżvela l-intenzjoni tagħha li ma timponix multa addizzjonali minħabba t-tieni ksur, hija nieqsa mill-appoġġ loġiku tagħha.

572    Il-Kummissjoni tgawdi ċertu marġni ta' diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi u, inkwantu l-linji gwida tagħha għal kalkolu tal-multi ma jobbligawhiex li tikkunsidra sistematikament ċirkustanza partikolari (ara l-punti 537 u 553 aktar 'il fuq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitatat), hija tista' tistabbilixxi liema fatturi jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għal dan il-għan, fatt dan li jippermettilha li tadatta l-apprezzament tagħha in concreto. L-apprezzament tagħha għandu madankollu jsir b'osservanza tad-dritt Komunitarju, li jinkludi mhux biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat iżda wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 38).

573    Minħabba li hija naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq il-produtturi Ewropej, il-Kummissjoni ttrattat bl-istess mod sitwazzjonijiet differenti mingħajr ma bbażat ruħha fuq motivi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw din l-attitudni. Minn dan isegwi li hija kisret il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta' ugwaljanza fit-trattament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra P. II-1129, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

574    B'konsegwenza ta' dan, jeħtieġ li l-motiv preżenti ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament jintlaqa'. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħmel użu mill-kompetenza sħiħa tagħha, li toħrog mill-Artikolu 229 KE u mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, sabiex tbiddel l-ammont tal-multi imposti fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

575    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, waqt is-seduta, li l-eżistenza eventwali ta' l-inugwaljanza fit-trattament li ġiet rilevata aktar 'il fuq għandha loġikament twassal għal żieda fl-ammont tal-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej u mhux għal tnaqqis fl-ammont tal-multi imposti fuq il-produtturi Ġappuniżi. Jeħtieġ li jiġi rrilevat, f'dan il-kuntest, li, kuntrarjament għal dak li ssostni JFE-Kawasaki fil-każ preżenti fil-kuntest ta' motiv differenti (ara l-punt 512 aktar 'il fuq), l-aġenti tal-Kummissjoni jistgħu, salv għal struzzjonijiet kuntrarji espressi mis-superjuri diretti tagħhom, jitolbu legalment li l-qorti Komunitarja teżerċita l-kompetenza sħiħa tagħha sabiex iżżid l-ammont tal-multa li jkun ġie ffissat mill-membri tal-Kummissjoni. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li aġent tal-Kummissjoni jitlob lill-qorti Komunitarju sabiex teżerċita poter li hija għandha u li jressaq argumenti li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw dan l-aġir ma jfissirx li l-aġent ikun qiegħed jaġixxi minflok il-membri tal-Kummissjoni.

576    Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, is-soluzzjoni l-aktar adegwata sabiex jerġa' jiġi stabbilit ekwilibriju ġust bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata hija li jiżdied l-ammont tal-multa imposta fuq kull produttur Ewropew li ressaq rikors sabiex jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tbiddel l-ammont tal-multa tiegħu u għaldaqstant sabiex terġa tevalwa l-ammont tal-multa, aktar milli tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi. Fil-fatt, l-inugwaljanza fit-trattament imsemmija aktar 'il fuq ma tirrigwardax il-penali proporzjonalment ħarxa wisq imposta fuq il-produtturi Ġappuniżi, inkwantu l-metodu ta' kalkolu kkonstatat mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multi tagħhom ġie ddikjarat perfettament legali fih innifsu (ara l-punti 531 sa 558 aktar 'il fuq), iżda, għall-kuntrarju, tirrigwarda l-fatt li l-gravità tal-komportament illegali tal-produtturi Ewropej, evalwat fl-intier tiegħu, kien sottovalutat meta mqabbel mal-gravità tal-komportament illegali tal-produtturi Ġappuniżi.

577    Barra minn hekk, kull waħda mir-rikorrenti fil-kawżi T-44/00, T-48/00, u T-50/00, jiġifieri Mannesmann, Corus, u Dalmine, talbet, fir-rikors tagħha, li l-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita fir-rigward tagħha l-kompetenza sħiħa tagħha sabiex tibdel l-ammont tal-multa imposta. Għandu jiġi rikonoxxut li, meta l-eżerċizzju ta' din il-kompetenza tintalab minn rikorrenti, inkluż fil-kuntest ta' talba għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa, il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun għalhekk kompetenti sabiex tirriformula l-att ikkontestat, anke jekk ma tannullahx, billi tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, bil-għan li tbiddel l-ammont tal-multa imposta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 180 aktar 'il fuq, punt 692). Barra minn hekk, il-kompetenza sħiħa mogħtija lill-qorti Komunitarja fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 skond l-Artikolu 229 KE, tinkludi espressament il-poter li żżid il-multa imposta, jekk ikun il-każ.

578    Madankollu l-Kummissjoni ma talbitx fir-risposti tagħha fil-kawżi T-44/00, T-48/00 u T-50/00, li kienu ngħaqdu mal-kawżi preżenti għall-finijiet tas-smigħ (ara s-sentenzi mogħtija llum, Mannesmannröhren‑Werke vs Il-Kummissjoni, punt 38, Corus vs Il-Kummissjoni, punt 38, u Dalmine vs Il-Kummissjoni, punti 38, 245 sa 247), u lanqas tardivament waqt is-smigħ, anke jekk hija semmiet din l-eventwalità, lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tgħolli l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti f'dawn il-kawżi. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma stidnitx lir-rikorrenti sabiex jissottomettu osservazzjonijiet fuq dan il-punt. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fit-tliet kawżi msemmija aktar 'il fuq ma kellhomx l-opportunità li jieħdu pożizzjoni dwar l-eventwalità li jiżdiedu l-multi tagħhom, u lanqas fuq il-fatturi li jistgħu jaffettwaw, jekk ikun il-każ, l-ammont ta' l-istess multi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-multi imposti fuq ir-rikorrenti fit-tliet kawżi msemmija aktar 'il fuq ma ġewx miżjudin (ara d-dispożittiv tas-sentenzi Mannesmannrhern-Werke vs Il-Kummissjoni, Corus vs Il-Kummissjoni u Dalmine vs Il-Kummissjoni ċċitati aktar 'il fuq).

579    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-mod l-aktar adattat sabiex tiġi rrimedjata l-inugwaljanza fit-trattament irrilevata fil-każ preżenti huwa li jitnaqqas, għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi, l-ammont li ġie ffissat mill-Kummissjoni skond il-gravità tal-ksur, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, u tenut kont ta' l-assjem taċ-ċirkustanzi fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li jeħtieġ li l-imsemmi ammont ta' EUR 10 miljuni jitnaqqas għal EUR 9 miljun għal kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi.

580    Dan l-ammont ġdid huwa kkunsidrat fil-punti 588 u 590 aktar 'il quddiem sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi.

581    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument ta' Nippon relattiv għall-fatt li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni ma kellhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq il-produtturi Ewropej peress li ma kellhom ebda impatt fuq l-aspett intra-Komunitarju tal-ksur, jeħtieġ li, l-ewwel nett, rrilevat li diġà ġie deċiż li fil-każ preżenti ma kienx hemm raġuni sabiex il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi ttrattat bħala żewġ ksur awtonomi, u dan peress li l-ewwel ksur kien jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi u t-tieni ksur kien jirrigwarda r-relazzjonijiet intra-Komunitarji (ara l-punt 584 aktar 'il quddiem).

582    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, it-tieni nett, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex ma tqisx li kien hemm ksur qabel l-1990 minħabba l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni tikkostitwixxi bilfors konċessjoni, mogħtija mill-Kummissjoni kemm lill-produtturi Ġappuniżi kif ukoll lill-produtturi Ewropej għal raġunijiet marbutin mal-politika kummerċjali segwita fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar. Fil-fatt, skond l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-importazzjoni ta' prodotti Ġappuniżi fil-Komunità, l-eżistenza ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni bl-ebda mod ma setgħet tkun ta' konfort għall-produtturi Ġappuniżi fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

583    F'dan ir-rigward, mill-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni bdew jiġu konklużi fis-sebgħinijiet "f'kuntest ta' miżuri kummerċjali sabiex tkun affaċjata kriżi" adottati mill-Kummissjoni sabiex taffaċċja s-sitwazzjoni diffiċli ta' l-industrija ta' l-azzar Komunitarja. Ir-rikorrenti Ġappuniżi ma kkontestawx din l-affermazzjoni fil-proċeduri preżenti, u jeħtieġ li jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kkonċediet tnaqqis fl-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li "s-settur tat-tubi ta' l-azzar għadda minn kriżi inutli ta' durata twila" (premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

584    Tenut kont ta' dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-raġunijiet ta' politika kummerċjali, li fuqhom hija bbażata l-konċessjoni msemmija fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu li matulu kienu jeżistu l-akkordji ta' awtolimitazzjoni, ma japplikawx biss għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet Komunitarji u Ġappuniżi, iżda wkoll għall-kriżi li affettwat kemm lill-produtturi ta' tubi ta' l-azzar Ġappuniżi kif ukoll lill-kompetituri Komunitarji tagħhom matul dan il-perijodu.

585    Barra minn hekk, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata u quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni rrilevat, mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti Ġappuniżi, li l-akkordji ta' awtolimitazzjoni kienu sempliċiment akkordji ta' kwoti u kienu jillimitaw aktar milli jipprojbixxu l-bejgħ ta' tubi ta' l-azzar provenjenti mill-Ġappun fil-Komunità Ewropea. Id-differenza fis-sitwazzjoni invokata min-Nippon hija għalhekk relattiva u mhijiex assoluta. Għaldaqstant, dawn l-akkordji mhumiex biżżejjed sabiex jispjegaw il-passività tar-rikorrenti Ġappuniżi fuq is-swieq Komunitarji.

586    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-inugwaljanza fit-trattatment allegata min-Nippon ma teżistix.

587    Barra minn hekk, tenut kont tal-kuntest espost fil-punti 583 sa 585 aktar 'il fuq, partikolarment tan-natura politika tal-konċessjoni mogħtija mill-Kummissjoni, li l-legalità tagħha ma ġietx ikkontestata, m'hemmx lok li l-qorti Komunitarja tibdel l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti Ġappuniżi, peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-Kummissjoni, il-konċessjoni msemmija kienet iġġustifikata politikament.

7.     Il-kalkolu ta' l-ammont tal-multi

588    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi għandha tiġi mnaqqsa sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, it-tnaqqis ta' l-ammont skond il-gravità minn EUR 9 miljuni għal EUR 10 miljuni u, fit-tieni lok, il-fatt li d-durata tal-ksur ippenalizzat hija stabbilita, fil-kawżi preżenti, għal tliet snin u nofs minflok ħames snin.

589    Peress li l-metodu ta' kalkolu tal-multi adottat fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi u użat mill-Kummissjoni fil-każ preżenti ma ġiex ikkontestat fih innifsu, jeħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, tapplika dan il-metodu in vista tal-konklużjoni magħmula fil-punt preċedenti.

590    Għalhekk, l-ammont bażiku għal kull produttur Ġappuniż huwa stabbilit bħala EUR 9 miljuni, miżjud b'10% għal kull sena li matulha dam il-ksur, jiġifieri b'total ta' 35%, li jwassal għaċ-ċifra ta' EUR 12.5 miljuni. Dan l-ammont għandu imbagħad jitnaqqas b'10% minħabba ċirkustanzi attenwanti skond il-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jasal għall-ammont definittiv għal kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi ta' EUR 10.395 miljuni minflok EUR 13.5 miljuni.

 Fuq l-ispejjeż

591    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi kull parti tilfet fuq kap wieħed jew aktar fil-każ preżenti, hemm lok li jkun deċiż illi kull waħda mir-rikorrenti Ġappuniżi u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tagħhom.

592    Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha peress li hija intervjeniet fil-proċeduri.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta' Diċembru 1999, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura) huwa hawn annullat inkwantu jikkonstata l-eżistenza tal-ksur imsemmi f'dan l-artikolu fir-rigward ta' l-erba' rikorrenti fil-kawżi T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00 qabel l-ewwel ta' Jannar 1991 u wara t-30 Ġunju 1994.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda mill-erba' rikorrenti bl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni 2003/382 huwa ffissat bħala EUR 10,935,000.

3)      Mill-bqija, l-erba' rikorsi huma miċħudin.

4)      L-erba' partijiet rikorrenti u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

5)      L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Pirrung       Meij

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Lulju 2004

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       J. Pirrung

Werrej

Il-fatti u l-proċedura

A –  Il-proċedura amministrattiva

B –  Il-prodotti in kwistjoni

C –  Il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

D –  Il-fatti essenzjali li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

E –  Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

F –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-impatt tal-konċentrazzjoni bejn Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp.

Fuq id-dritt

A –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

a)  L-argumenti tal-partijiet

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltŕ bejn l-eżistenza ta' l-allegat akkordju u s-sitwazzjoni eżistenti fuq is-suq offshore Britanniku u fuq is-swieq l-oħra Ewropej

Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' valur probatorju ta' l-elementi ta' prova

Fuq it-tielet parti ta' l-ewwel motiv, ibbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-apprezzament tal-portata tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta' valur probatorju ta' l-elementi ta' provi u, sussidjarjament, fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltŕ bejn l-eżistenza ta' l-akkordju allegat u s-sitwazzjoni eżistenti fuq is-suq offshore Britanniku u fuq is-swieq l-oħra

–  Id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca

–  In-Noti ta' Vallourec

–  Id-dokumenti bl-Ingliż ta' l-1993

–  Id-dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar

–  Id-dokument Kodiċi ta' tqassim ("Sharing Key")

–  Ir-risposti tal-produtturi Ewropej

–  Id-depożizzjoni tas-Sur Biasizzo

–  Id-durata tal-ksur

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura żbaljata tat-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sinjifikat tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 kellu, fir-realtŕ, jiġi analizzat bħala li jikkostitwixxi żewġ ksur awtonomi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-akkordju ma kellux jiġi kkunsidrat bħala li kellu impatt konsiderevoli fuq il-kompetizzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-akkordju ma kellux impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tat-teżi tal-Kummissjoni dwar ir-rilevanza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

6.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istatus tas-swieq offshore tal-Komunitŕ, b'mod partikolari tar-Renju Unit

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

7.  Fuq is-seba' u tmien motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħżel li tippenalizza lill-produtturi Ġappuniżi u mhux lill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel, u fuq l-inugwaljanza fit-trattament f'dan ir-rigward

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

8.  Fuq id-disa' motiv, ibbażat fuq żball fl-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ bi prezz ogħla min-nefqa varjabbli

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

9.  Fuq id-disa' motiv, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-suq ġeografiku kkontemplat mill-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

10.  Fuq il-motiv numru ħdax, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prodotti kkontemplati

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

11.  Fuq il-motiv numru tnax, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' analiżi adegwata ta' l-effetti ta' l-akkordji ta' awtolimitazzjoni fid-DO kif ukoll min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-portata ta' dawn l-akkordji

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

12.  Fuq il-motiv numru tlettax, ibbażat fuq allegata vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-portata attribwita lill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

13.  Fuq il-motiv numru erbatax, ibbażat fuq l-illegalitŕ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 1994 li biha awtorizzat l-investigazzjonijiet ta' l-1 u t-2 ta' Diċembru 1994

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq it-talbiet għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multi

1.  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq nuqqas ta' motivazzjoni dwar il-fatt li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma kinitx applikata favur JFE-NKK u fuq iżball f'dan ir-rigward

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodu ta' kalkolu ta' l-ammont tal-multi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq apprezzament żbaljat tad-durata tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq apprezzament żbaljat tad-dokumenti li fuqhom tistrieħ il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalitŕ u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

6.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

7.  Il-kalkolu ta' l-ammont tal-multi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.