Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ April 2024 – Mylan Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-585/23) 1

(“Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u Biogen u kull dokument imħejji mill-Kummissjoni jew minn Biogen dwar l-interpretazzjoni u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rifjut impliċitu ta’ aċċess – Deċiżjoni espliċita adottata wara l-preżentata tar-rikors – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mylan Ireland Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: K. Roox, T. De Meese, J. Stuyck u C. Dumont, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Ș. Ciubotaru u A. Spina, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta’ Lulju 2023, kif ikkonfermata bit-tweġiba tagħha tal-11 ta’ Awwissu 2023, li tiċħad l-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti li hija ppreżentat fid-19 ta’ April 2023, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

Dispożittiv

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta’ Lulju 2023, li tiċħad l-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti li Mylan Ireland Ltd ippreżentat fid-19 ta’ April 2023, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għal-ispejjeż.

____________

1     ĠU C, C/2023/772, 20.11.2023.