Language of document : ECLI:EU:T:2004:329

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

10 ta' Novembru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark tridimensjonali – Forma ta' ħelwa – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu – Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-396/02,

August Storck KG, stabbilita f'Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Wrage-Molkenthin, T. Reher, A. Heise u I. Rohr, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn B. Müller u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba' Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, ta' l-14 ta' Ottubru 2002 (kawża R 187/2001-4), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark tridimensjonali komposta mill-forma ta' ħelwa ta' kulur kannella ċar,

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Diċembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-14 ta' April 2003,

wara s-seduta tas-16 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta' Marzu 1998, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tirrigwarda forma tridimensjonali li tirrappreżenta ħelwa ta' kulur kannella ċar, li hija riprodotta hawnhekk:

          *** hawnhekk għandha tiġi mehmuża l-istampa *** 

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Prodotti tal-Ħelu".

4        Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Jannar 2001, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, huwa qies li t-trade mark in kwistjoni ma kinitx kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu.

5        Fl-14 ta' Frar 2001, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur. F'dan l-appell ir-rikorrenti talbet li d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur tiġi mibdula parzjalment u li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tiġi aċċettata fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu, jiġifieri l-ħelu tal-karamell". Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2001, li fihom spjegat il-motivi ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti, għall-kuntrarju, talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur fl-intier tagħha u, sussidjarjament, indikat "li l-lista ta' prodotti li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark għandha tiġi limitata għal "ħelu tal-karamell" fl-eventwalità li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tinċaħad minħabba nuqqas ta' karattru distintiv, […] kemm inerenti [għat-trade mark] u kemm miksub minħabba l-użu tat-trade mark fir-rigward tal-prodotti tal-ħelu".

6        Permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Ottubru 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' faks fit-18 ta' Ottubru 2002 u permezz ta' ittra reġistrata fil-31 ta' Ottubru 2002, ir-Raba' Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet ir-rikors minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u minħabba li lanqas ma setgħet tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 7(3) ta' dan ir-regolament.

7        Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appel qies li t-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tat-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni ma jippermettix, fih innifsu, li tingħata indikazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott in kwistjoni, jiġifieri l-prodotti tal-ħelu. Barra minn hekk, huwa qies li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi pprovat li, minħabba l-użu magħmul mit-trade mark mitluba, din kienet kisbet karattru distintiv fir-rigward, b'mod partikolari, tal-ħelu tal-karamell.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Mejju 2003, ir-rikorrenti talbet, skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta replika, awtorizzazzjoni li ma ngħatatx mill-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-UASI jbati l-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

 L-argumenti tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti, mingħajr ma tirreferi espressament għas-suġġett ta' din il-kawża, tikkritika d-deċiżjoni kkontestata billi tosserva li, minħabba l-limitazzjoni li hija ssostni li għamlet fir-rigward tal-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark permezz tat-talbiet sussidjarji ppreżentati fin-noti ta' sottomissjonijiet tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2001, l-uniku suq rilevanti f'dan il-każ huwa s-suq partikolari tal-"ħelu tal-karamell" u mhux dak tal-"ħelu b'mod ġenerali".

12      L-UASI jsostni li, fid-dawl, minn naħa, tas-suġġett ta' l-applikazzjoni tar-rikorrenti, li kienet tkopri r-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu" u, min-naħa l-oħra, tan-natura kontradittorja tal-kapijiet tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-appell tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell u fin-noti ta' sottomissjonijiet tagħha li jesponu l-motivi ta' l-imsemmi appell (ara l-punt 5 aktar 'il fuq), il-Bord ta' l-Appell ġustament interpreta l-formulazzjoni kontradittorja tal-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti fis-sens li d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur kienet qiegħda tiġi kkontestata fl-intier tagħha. Fil-fatt, skond l-UASI, safejn l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu" b'mod ġenerali u mhux fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu, jiġifieri l-karamelli" jew il-"karamelli", ir-rikorrenti ma setgħetx tillimita l-portata ta' l-appell tagħha għal dan l-aħħar oġġett peress li d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur hija "indiviżibbli" f'dan ir-rigward.

13      Barra minn hekk, skond l-UASI, il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti, kif proposta sussidjarjament mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2001, m'għandha l-ebda rilevanza fuq il-proċedura. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma setgħatx tillimita l-lista tagħha ta' prodotti bħala alternattiva fl-eventwalità li titlef fuq it-talbiet prinċipali tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs OHMI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II-753].

14      Għaldaqstant, l-UASI jsostni li s-suġġett tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell kien iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tat-trade mark tar-rikorrenti fir-rigward tal-prodotti tal-ħelu (klassi 30) u li s-suġġett tal-proċedimenti f'din il-kawża huwa d-deċiżjoni kkontestata mogħtija mill-Bord ta' l-Appell li kien eżamina, b'mod korrett, iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

15      Mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 57 sa 61 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta' l-eżaminaturi jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell quddiem il-Bord ta' l-Appell u li kull parti li tkun ħadet sehem fil-proċedura li wasslet għal deċiżjoni ta' l-eżaminatur u li tintlaqat b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella minn din id-deċiżjoni. Skond ir-Regola 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p.1), l-avviż ta' l-appell għandu jkun fih ċerta informazzjoni, fosthom "prospett li jidentifika d-deċiżjoni li hija kkontestata u safejn tkun qiegħda tintalab li ssir l-emenda jew il-kanċellament".

16      F'dan il-każ huwa stabbilit li l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark tar-rikorrenti fir-rigward tal-prodotti kollha koperti minnha, jiġifieri l-"prodotti tal-ħelu" li jaqgħu fil-klassi 30. Ir-rikorrenti limitat il-portata ta' l-appell tagħha mressaq fl-14 ta' Frar 2001 quddiem il-Bord ta' l-Appell billi kkontestat iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tagħha għal trade mark fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu, jiġifieri l-ħelu tal-karamell" biss. B'hekk hija talbet li d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur tiġi mibdula parzjalment u li tiġi awtorizzata l-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu, jiġifieri l-ħelu tal-karamell". Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2001 fejn esponiet il-motivi ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti spjegat li l-appell tagħha kien intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur fl-intier tagħha u indikat, sussidjarjament, li l-lista ta' prodotti koperti mit-trade mark mitluba għandha tiġi limitata għal "ħelu tal-karamell" biss fl-eventwalità li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta' karattru distintiv, kemm inerenti għat-trade mark u kemm miksub minħabba l-użu tat-trade mark fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu". Skond ir-rikorrenti, huwa sempliċement impossibbli li ma jiġix aċċettat li l-forma tat-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni kisbet, fir-rigward tal-ħelu tal-karamell, karattru distintiv suffiċjenti permezz ta' l-użu tagħha.

17      Fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-appell kien intiż, prinċipalment, għar-riformulazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur u għall-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark tar-rikorrenti fir-rigward tal-"prodotti tal-ħelu", mingħajr limitazzjoni, minħabba li t-trade mark mitluba kienet distintiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, sussidjarjament, minħabba l-karattru reġistrabbli tat-trade mark, b'mod partikolari, fir-rigward tal-"karamelli", minħabba l-karattru distintiv li hija kienet kisbet permezz ta' l-użu. Wara li eżamina l-motivi ta' l-appell, il-Bord ta' l-Appell ċaħdu fl-intier tiegħu bħala infondat.

18      Fit-talbiet tagħha, kif ukoll f'ċerti partijiet tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti tirreferi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha. Madankollu, f'ċerti partijiet oħra tar-rikors (ara, b'mod partikolari, il-punti 20, 21 u 30), ir-rikorrenti tosserva li, fid-dawl tal-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti li hija kienet ipproponiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2001, l-uniċi prodotti li għadhom koperti mill-applikazzjoni tagħha huma l-ħelu tal-karamell. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell wettaq żball meta ma għamilx distinzjoni bejn is-suq tal-ħelu tal-karamell u dak tal-ħelu b'mod ġenerali sabiex jagħmel evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark.

19      F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-applikant jista' f'kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jillimita l-lista ta' prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Għalhekk, il-fakultà li tiġi limitata l-lista ta' prodotti u ta' servizzi tappartjeni biss lill-applikant ta' trade mark Komunitarja li jista', f'kull ħin, jindirizza talba f'dan is-sens lill-UASI. F'dan il-kuntest, l-irtirar, sħiħ jew parzjali, ta' applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi li jkunu jinsabu fiha għandhom isiru b'mod espress u mingħajr kundizzjonijiet [ara, f'dan is-sens, is-sentenza 'ELLOS', iċċitata aktar 'il fuq, punti 60 u 61].

20      F'dan il-każ, kienet biss bħala alternattiva li r-rikorrenti pproponiet il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark għall-"ħelu tal-karamell", jiġifieri fl-eventwalità biss li l-Bord ta' l-Appell jiddeċiedi li jiċħad din l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha koperti minnha (jiġifieri l-"prodotti tal-ħelu". Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma limitatx il-lista tal-prodotti b'mod espress u mingħajr kundizzjonijiet u, għalhekk, il-limitazzjoni in kwistjoni ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza 'ELLOS', iċċitata aktar 'il fuq, punt 62).

21      Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, limitazzjoni tal-lista ta' prodotti jew ta' servizzi indikati f'applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha ssir skond ċerti regoli partikolari, permezz ta' rikors intiż sabiex tiġi emendata l-applikazzjoni magħmula skond l-Aritkolu 44 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 13 tar-Regolament Nru 2868/95 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs UASI (Pillola forma ta' bajda), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 13, u tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs UASI – Mou Dybfrost (KIAP MOU), T-286/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30].

22      Dawn ir-regoli ma ġewx irrispettati f'dan il-każ peress li r-rikorrenti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2001, għamlet biss riferiment għal-limitazzjoni tal-prodotti in kwistjoni bħala alternattiva mingħajr ma ppreżentat rikors sabiex l-applikazzjoni għal trade mark tiġi emendata f'dan is-sens, skond id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq.

23      F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors għandu jiġi interpretat li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-prodotti kollha koperti mit-trade mark mitluba (jiġifieri l-"prodotti tal-ħelu"), u minħabba ksur ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament fir-rigward ta' l-imsemmija prodotti u, b'mod partikolari, tal-karamelli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

24      Id-dokumenti annessi mar-rikors, imressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li ma kinux ġew analizzati mill-Bord ta' l-Appell, jiġifieri r-riżultati ta' sondaġġ imwettaq permezz ta' intervisti fl-1997, fil-Ġermanja, dwar il-forma tal-ħelu "Werther's Echte", ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni peress li r-rikors quddiem din il-qorti huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fis-sens ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rwol tal-Qorti tal-Prim'Istanza mhuwiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta' fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha, dawn id-dokumenti għandhom jiġi mwarrba mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-forza probatorja tagħha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52; u tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-mertu

25      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ argumenti, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju ta' dak li jsostni l-Bord ta' l-Appell, it-trade mark mitluba għandha l-minimu ta' karattru distintiv meħtieġ fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

27      F'dan ir-rigward hija ssostni, l-ewwel nett, li l-evalwazzjoni żbaljata tal-Bord ta' l-Appell hija dovuta għal definizzjoni żbaljata tas-suq li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni. Safejn ir-rikorrenti kienet ipproponiet limitazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark, l-uniku suq rilevanti f'dan il-każ huwa s-suq partikolari tal-"ħelu tal-karamell" u mhux dak tal-"ħelu b'mod ġenerali". Fil-fatt, is-settur tas-suq tal-karamelli għandu karatteristiċi li jiddistingwuh minn dak ta' ħelu ieħor. L-għażla ta' tip ta' ħelu (per eżempju, il-ħelu tal-ġeli, tal-frott jew taċ-ċikkulata) jew ta' ieħor (per eżempju, il-ħelu b'togħma miżjuda 'qawwija' bħal dawk b'kontenut qawwi ta' menta) hija ddeterminata mill-bżonnijiet u mill-preferenzi differenti tal-konsumaturi. Minn dan isegwi li ħelu tal-karamell ma jistax jiġi assimilat ma ħelu ieħor kwalunkwe. Dawn il-karatteristiċi differenti li l-konsumatur jieħu in kunsiderazzjoni meta jkun qiegħed jiddeċiedi x'se jixtri għandhom effetti fuq il-forma tal-ħelu differenti, b'tali mod li la l-Bord ta' l-Appell u lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistgħu jaslu għal xi konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' karattru komuni tal-forma tal-ħelu tal-karamell ħlief wara li jkunu ddistingwew il-konsumaturi li jixtru dan it-tip ta' ħelu.

28      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li, permezz tat-tlaqqigħ speċifiku u uniku ta' forma u ta' kulur, it-trade mark mitluba hija totalment ta' natura tali li tippermetti distinzjoni bejn il-ħelu tar-rikorrenti u dawk ta' produtturi oħra. F'dan ir-rigward hija ssostni li l-imsemmija trade mark hija aktar minn tlaqqigħ ta' elementi li ma jistgħux jiġu protetti. Fil-fatt, il-forma bażika tat-trade mark mitluba mhix forma ta' ċirku iżda hija ellissi bil-qiegħ ċatt, bil-ġnub konvessi u bil-wiċċ ikkaratterizzat minn spazju vojt tond fin-nofs. Dan ifisser li hija involuta forma li mhijiex normali fis-suq tal-ħelu tal-karamell u sofistikata ħafna meta mqabbla mal-forom l-oħra ta' ħelu (ħelu tond, rettangolari, kwadru, fil-forma ta' ingott jew mingħajr forma partikolari). Barra minn hekk, il-forma in kwistjoni m'għandhiex rwol funzjonali u l-konfigurazzjoni tagħha la hija imposta minn limitazzjonijiet tekniċi imperattavi u lanqas ma hija komuni.

29      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u dan anki jekk fil-fatt ikun possibbli li s-suġġett tal-kawża jiġi limitat għall-karamelli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

30      Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, il-forma ta' prodott jew ta' l-ippakkjar tiegħu tista' titqies bħala trade mark Komunitarja sakemm tkun adegwata sabiex tiddistingwi l-prodotti ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta' dan ir-regolament, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv". L-Artikolu 7(2) ta' dan l-istess regolament jippreċiża li l-"paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

31      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, it-trade marks koperti mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma, b'mod partikolari, dawk li mill-aspett tal-pubbliku rilevanti, huma użati b'mod komuni fil-kummerċ sabiex jirrappreżentaw il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, ta' l-anqas, indikazzjonijiet konkreti li abbażi tagħhom jista' jiġi konkluż li dawn it-trade marks jistgħu jintużaw b'dan il-mod. Barra minn hekk, is-sinjali koperti minn din id-dispożizzjoni mhumiex kapaċi jwettqu l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz sabiex b'hekk jippermettu lill-konsumatur, li jkun akkwista l-prodott jew is-servizz identifikat mit-trade mark, li meta jiġi biex jagħmel akkwist ieħor, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza kienet pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk l-esperjenza kienet negattiva [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 39; ta' l-20 ta' April 2003, Axions u Belce vs UASI (Forma ta' sigarri ta' kulur kannella u forma ta' ingott lewn id-deheb), T-324/01 u T-110/02, Ġabra p. II-1897, punt 29; tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs UASI (Forma ta' flixkun), T-305/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28, u 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 18].

32      Għalhekk, il-karattru distintiv ta' trade mark jista' jiġi evalwat biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161, punt 41; tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C-218/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50, u Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34; tad-29 ta' April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33, u Procter & Gamble vs UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33; sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 40; 'Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott kulur id-deheb', iċċitata aktar 'il fuq, punt 30, u 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 29).

33      Fir-rigward ta' l-ewwel analiżi msemmija aktar 'il fuq, għandu jiġi mfakkar li s-sinjal mitlub jikkonsisti fid-dehra tal-prodott innifsu, jiġifieri mir-rappreżentazzjoni ta' ħelu ta' forma ovali u ta' kulur kannella ċar, ikkaratterizzat minn ġnub konvessi, spazju vojt tond fin-nofs u qiegħ ċatt.

34      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, il-Bord ta' l-Appell osserva, ġustament, li l-prodotti li fir-rigward tagħhom kienet intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark f'dan il-każ, jiġifieri l-prodotti tal-ħelu, "huma indirizzati lejn klijentela potenzjalment limitata u ta' kull età" u huma "prodotti ta' l-ikel tal-massa peress li l-pubbliku kkonċernata huwa […] il-konsumaturi kollha" (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għandu jiġi evalwat fid-dawl ta' l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Linde et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41; Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, punt 34; Henkel vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35; Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33, u Procter & Gamble vs UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, punt 33; sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 42; 'Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott kulur id-deheb, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31, u 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).

35      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skond il-ġurisprudenza, il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade marks tridimensjonali komposta mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta' trade marks (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 48, u Linde et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 42 u 46; sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 44; 'Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott kulur id-deheb', iċċitata aktar 'il fuq, punt 32; 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 35, u 'Forma ta' flixkun tal-birra, iċċitata aktar 'il fuq, punt 22).

36      Madankollu, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni ta' dawn il-kriterji, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma tkunx neċessarjament l-istess fil-każ ta' trade mark tridimensjonali komposta mid-dehra tal-prodott stess bħalma tkun fil-każ ta' trade mark verbali, figurattiva jew tridimensjonali li mhijiex komposta minn din id-dehra. Fil-fatt, filwaqt illi l-pubbliku huwa mdorri jipperċepixxi, immedjatament, dawn it-trade marks ta' l-aħħar bħala sinjali li jidentifikaw il-prodott, dan mhux bilfors ikun il-każ meta s-sinjal ikun l-istess bħad-dehra tal-prodott stess (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Linde et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 48; tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 65; Henkel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52; Henkel vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38; Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36, u Procter & Gamble vs UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36; sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 45, u 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 23).

37      Huwa stabbilit ukoll fil-ġurisprudenza li l-perċezzjoni tat-trade mark mill-pubbliku kkonċernat, f'dan il-każ, il-konsumatur medju, hija influwenzata mil-livell ta' attenzjoni tiegħu, li tista' tvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi in kwistjoni (sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 42, u 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 34).

38      F'dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ikun evalwat jekk it-tlaqqigħ tal-forma u tal-kulur tal-prodott in kwistjoni jistax jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala indikazzjoni ta' oriġini, għandha tiġi analizzata l-impressjoni sħiħa prodotta minn dan it-tlaqqigħ, analiżi li mhijiex inkompatibbli ma' eżami suċċessiv ta' l-elementi differenti ta' preżentazzjoni użati [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Henkel vs UASI (Sapun ikkompressat f'forom tondi, ħomor u bojod), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 49, u 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 54], jiġifieri l-forma u l-kulur mitluba.

39      F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, ġustament, li, peress li huma involuti prodotti ta' konsum tal-massa, bħal dawk in kwistjoni f'din il-kawża, "il-konsumatur ma joqgħodx attent ħafna għall-forma u għall-kulur tal-prodotti tal-ħelu" u li, għalhekk, "huwa improbabbli li l-għażla tal-konsumatur medju tkun iddeterminata mill-forma tal-ħelu" (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell wera, b'mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt, li l-ebda waħda mill-karatteristiċi ta' forma ta' din it-trade mark, meħuda waħedha jew mlaqqgħa ma' oħrajn, m'għandha karattru distintiv. F'dan ir-rigward huwa qies, l-ewwel nett, li "kważi tonda, il-forma in kwistjoni, li tixbah lil ċirku […], hija forma ġeometrika bażika" u li l-konsumatur medju huwa "mdorri jiltaqa' ma' prodotti tal-ħelu, inklużu ħelu, ta' forma tonda (f'forma ta' ċirku, ta' ovali, ta' ellissi jew ta' ċilindru)". Fit-tieni nett, fir-rigward tal-ġnub superjuri konvessi tal-ħelwa, huwa qies li "l-ħelu għandhom ġnub konvessi, irrispettivament mill-konfigurazzjoni tagħhom", u dan minħabba raġunijiet funzjonali. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-ispazju vojt tond fiċ-ċentru tal-ħelwa u tal-qiegħ ċatt tagħha, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li "dawn l-elementi ma jibdlux b'mod sostanzjali l-impressjoni sħiħa prodotta mill-forma" u li, għalhekk, "huwa improbabbli li l-konsumatur ikkonċernat joqgħod attent għal dawn iż-żewġ karatteristiċi b'tali mod li jipperċepihom bħala li qegħdin jindikawlu oriġini kummerċjali partikolari" (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Fir-rigward tal-kulur tal-prodott in kwistjoni, jiġifieri l-kannella jew sfumaturi differenti ta' dan il-kulur, il-Bord ta' l-Appell osserva wkoll li dan huwa "kulur komuni għall-ħelu" (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-pubbliku kkonċernat huwa mdorri għall-użu ta' dan il-kulur għall-prodotti tal-ħelu.

42      Minn dan isegwi li l-forma tridimensjonali li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija forma ġeometrika bażika fost il-forom li l-moħħ awtomatikament jorbot ma' prodotti kkonsmati ta' kuljum, bħalma huma l-ħelu.

43      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta' allegati differenzi konsiderevoli bejn il-forma u l-kulur tat-trade mark mitluba u dawk tal-prodotti tal-ħelu l-oħra għandu jiġi mwarrab.

44      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, għandu jitqies li t-trade mark tridimensjonali hija komposta minn tlaqqigħ ta' elementi ta' preżentazzjoni li magħhom il-moħħ awtomatikament jorbot bħala tipiċi fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, il-forma in kwistjoni ma tiddistingwixxix ruħha b'mod sostanzjali minn ċerti forom bażiċi tal-prodotti kkonċernati, li huma użati b'mod komuni fil-kummerċ, iżda pjuttost tidher bħala varjanti ta' dawn il-forom. Peress li l-allegati differenzi mhumiex perċepibbli faċilment, il-forma in kwistjoni ma tiddistingwixxix ruħha b'mod suffiċjenti minn forom oħra użati b'mod komuni għall-ħelu u ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi b'mod immedjat u ċert il-ħelu tar-rikorrenti minn dak ta' oriġini kummerċjali differenti.

45      Għaldaqstant, it-trade mark mitluba ma tistax, kif inhi pperċepita minn konsumatur medju, ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti, tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti kkonċernati u li jiġu distinti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti. Għaldaqstant, hija nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

46      Għaldaqstant, l-ewwel argument, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti tqis li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi aċċettata minħabba li din kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu fis-suq tal-karamelli. L-użu tat-trade mark jirriżulta mill-ammont għoli ta' bejgħ li hija tiġġenera, mill-ispejjeż pubbliċitarji li r-rikorrenti nefqet sabiex tippromwoviha u mir-riżultati tas-sondaġġi differenti dwar l-għarfien tat-trade mark li r-rikorrenti pproduċiet quddiem l-UASI.

48      Ir-rikorrenti ssostni li fis-suq tal-prodotti tal-ħelu, l-użu mhux biss ta' l-isem ta' dawn il-prodotti iżda wkoll tal-forma tagħhom, bħala indikazzjoni ta' oriġini, hija prassi komuni. Hija tosserva li huwa għalhekk li, fuq l-ippakkjar, jiġifieri fuq il-pakketti bil-kitba "Werther's Original" ("Werther's Echte"), it-trade mark mitluba hija dejjem irrappreżentata deliberatament flimkien ma' l-elementi li huma karatteristiċi partikolari tagħha, jiġifieri spazju vojt b'marka fiċ-ċentru tal-ħelwa u l-ġnub tondi tagħha. Dan l-użu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sempliċi illustrazzjoni tal-kontenut ta' l-ippakkjar nieqsa minn indikazzjoni ta' oriġini. Fil-fatt, minħabba li t-trade marks tridimensjonali għandhom żewġ funzjonijiet, jiġifieri r-rappreżentazzjoni tat-trade mark u tal-prodott, ikun impossibbli li wieħed jagħħmel distinzjoni stretta bejn dawn iż-żewġ funzjonijiet peress li t-trade mark dejjem tikkorrispondi għall-prodott. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell, f'dan il-każ, injora dawn iż-żewġ funzjonijiet tat-trade mark.

49      Fl-aħħar nett, il-fatt li fuq l-ippakkjar wieħed jaqra u jara trade marks u deskrizzjonijiet oħra tal-prodott mhuwiex rilevanti fejn tidħol ir-rappreżentazzjoni, bħala trade mark, tal-forma tal-prodott. Fil-fatt, huwa kompletament possibbli li jintużaw diversi trade marks fl-istess ħin u ħdejn xulxin fir-rigward ta' prodott, u dan b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li jistgħu jiġu identifikati biss permezz tat-trade mark tridimensjonali. Il-pubbliku jagħraf trade mark tridimensjonali irrispettivament minn informazzjoni dwar il-prodott. Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, ir-raġunament tal-Bord ta' l-Appell dwar ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark mhuwiex konvinċenti.

50      L-UASI, filwaqt li jirreferi għall-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark miksub permezz ta' l-użu, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza, jikkunsidra li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba ma tistax tiġi aċċettata abbażi ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

51      Skond l-UASI, l-eżaminatur u l-Bord ta' l-Appell ġustament waslu għall-konklużjoni li l-provi sottomessi mir-rikorrenti ma kinux biżżejjed sabiex ikun stabbilit li t-trade mark mitluba kienet kisbet, fir-rigward tal-karamelli, karattru distintiv permezz ta' l-użu.

52      Minn naħa, il-figuri tal-bejgħ imressqa mir-rikorrenti fir-rigward tas-snin 1994 sa 1998 ma jippermettux li ssir evalwazzjoni tas-sehem tas-suq u għalhekk huma insuffiċjenti. Fil-fatt, fil-każ ta' prodotti li jinbiegħu f'ammonti kbar, bħalma huma dawk in kwistjoni, il-kriterju determinanti huwa s-sehem tas-suq u mhux is-sempliċi figuri tal-bejgħ li mhumiex biżżejjed sabiex jiġi ppruvat li t-trade mark hija magħrufa.

53      Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż pubbliċitarji li r-rikorrenti nefqet fir-rigward tal-ħelu "Werther's Original" f'diversi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, li fl-1998 kienu jammontaw għal 27,729,000 marki Ġermaniżi (DEM), lanqas ma huma probatorji. Fil-fatt, bl-ebda mod m'huwa possibbli, fid-dawl tat-tabella prodotta mir-rikorrenti in sostenn ta' din l-allegazzjoni, fir-rigward ta' l-ispejjeż li hija nefqet sabiex tippromwovi l-ħelu in kwistjoni bejn is-snin 1994 u 1998, li jiġi ddeterminat għalxiex intefqu l-ispejjeż imsemmija, jiġifieri jekk hux għas-sinjal "Werther's Original", għall-forma tal-ħelu, jew għal xi sinjal ieħor.

54      Fl-aħħar nett, is-sondaġġi magħmula f'seba' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u fin-Norveġja jagħmlu riferiment għas-sinjali "WERTHER'S", "Werther's Original" jew "W.O." u ma jinkludu l-ebda riferiment għall-forma in kwistjoni. Għalhekk, bl-ebda mod ma tressqet il-prova li r-rikorrenti rnexxiela toħloq għarfien fost il-pubbliku dwar il-forma in kwistjoni. Barra minn hekk, mhux biżżejjed li jiġi pprovat l-użu ta' ċerta forma ta' prodott sabiex jiġi applikat l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, iżda huwa meħtieġ, minbarra dan, li jiġi pprovat li ċ-ċirkustanzi ta' dan l-użu huma tali li l-forma in kwistjoni għandha l-karattru ta' trade mark (sentenza Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punt 65).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

55      Skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-motivi assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta' dan l-istess regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta' trade mark jekk din tkun, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni, kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li jkun sar minnha. Fil-fatt, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-fatt li s-sinjal li jikkostitwixxi t-trade mark in kwistjoni huwa effettivament ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali ta' prodott jew ta' servizz huwa r-riżultat ta' sforz ekonomiku ta' l-applikant għat-trade mark. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li jitwarrbu l-kunsiderazzjonijiet ta' interess ġenerali li fuqhom jistrieħ l-Artikolu 7(1)(b) sa (d), li jeżiġu li t-trade marks koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jiġu użati b'mod liberu minn kulħadd sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' vantaġġ kompetittiv illegali favur operatur ekonomiku wieħed (sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq punt 41).

56      L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu tat-trade mark jeżiġi li ta' l-anqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti tidentifika, permezz tat-trade mark, il-prodotti jew servizzi kkonċernati bħala provenjenti minn impriża ddeterminata. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni marbuta mal-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu tista' titqies bħala sodisfatta ma jistgħux jiġi stabbiliti sempliċement abbażi ta' data ġenerali u astratta bħalma huma perċentwali determinati (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 52, u Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punti 61 u 62; sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 42).

57      Fit-tieni lok, sabiex tiġi aċċettata r-reġistrazzjoni ta' trade mark taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu ta' trade mark għandu jiġi pprovat f'dik il-parti ta' l-Unjoni Ewropea fejn it-trade mark kienet nieqsa minn karattru bħal dan fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta' l-imsemmi Regolament [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Ford Motor vs UASI (OPTIONS) T-91/99, Ġabra p. II-1925, punt 27, u 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punti 43 u 47].

58      Fit-tielet lok, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni, f'każ bħal dan, tal-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fatturi bħalma huma, b'mod partikolari, is-sehem tas-suq li tgawdi t-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' l-użu ta' din it-trade mark, l-importanza ta' l-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjoni tal-pubbliku kkonċernat li, minħabba t-trade mark, jidentifika l-prodott bħala provenjenti minn impriża partikolari kif ukoll id-dikjarazzjonijiet minn kmamar tal-kummerċ u industrija u assoċjazzjonijiet professjonali oħra. Jekk, abbażi ta' fatturi bħal dawn, il-pubbliku kkonċernat jew, minn ta' l-anqas, parti sinjifikattiva ta' dan il-pubbliku, jagħraf, permezz tat-trade mark, il-prodott bħala provenjenti minn impriża partikolari, wieħed ikollu jikkonkludi li l-kundizzjoni mitluba mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 għar-reġistrazzjoni tat-trade mark hija sodisfatta (sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata aktar 'il fuq, punti 51 u 52; Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punti 60 u 61, u 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 44).

59      Fir-raba' lok, skond il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv ta' trade mark, inkluż dak miksub permezz ta' l-użu, għandu, bl-istess mod, jiġi analizzat fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark u filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni preżunta ta' konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punti 59 u 63).

60      Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f'din il-kawża, il-Bord ta' l-Appell wettaqx żball ta' dritt meta warrab l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba kien imissha ġiet aċċetata taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

61      Qabel kollox, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-data dwar il-figuri tal-bejgħ u dwar l-ispejjeż pubbliċitarji għoljin li hija nefqet sabiex tippromwovi l-ħelu tal-karamell "Werther's Original" ("Werther's Echte") mhumiex ta' natura li jipprovaw li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha.

62      Fil-fatt, għalkemm il-Bord ta' l-Appell irrikonoxxa li l-figuri tal-bejgħ u d-data dwar l-ispejjeż pubbliċitarji jixhdu li t-tip ta' ħelu in kwistjoni kien komuni ħafna fuq is-suq, huwa xorta waħda kkunsidra li din l-informazzjoni ma tikkostitwixxix il-prova, li tibqa' madankollu essenzjali, li s-sinjal mitlub kien użat bħala trade mark tridimensjonali sabiex tidentifika l-ħelu tar-rikorrenti (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Fil-punti 17 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell iġġustifika din l-evalwazzjoni bil-mod segwenti:

" 17. Ir-rikorrenti ppreżentat kampjuni tal-pakketti tagħha ta' materjal tal-plastik li jservu bħala ppakkjar tal-ħelu tagħha filwaqt li sostniet li l-forma li hija riprodotta fuq dawn il-pakketti tikkostitwixxi 'riferiment ċentrali u punt ta' riferiment għall-konsumatur. Skondha, dan l-użu huwa l-prova li l-forma hija s-suġġett ta' pubbliċità bħala trade mark tal-prodott u li huwa f'dan is-sens li hija ħa tkun ipperċepita mill-konsumatur. Il-Bord ta' l-Appell huwa obbligat jiċħad din l-opinjoni. Fil-fatt, hemm nuqqas ta' qbil bejn id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u l-mod li fih il-ħelu jidher b'mod globali fuq il-pakkett.

18.      Għalkemm huwa veru li l-ħelu ta' forma kannella bħal dawk li ppreżentat ir-rikorrenti jidhru fuq l-ippakkjar, madankollu, għandu jiġi eżaminat l-iskop ta' din ir-riproduzzjoni. Dan l-eżami ma jistax ikun wieħed astratt. Għall-kuntrarju, dan l-eżami għandu jħares lejn il-mod probabbli li bih il-konsumatur medju jipperċepixxi r-riproduzzjoni tal-ħelu bħal ma tidher fuq l-ippakkjar.

19.      Issa, meta quddiemu jsib pakkett ta' ħelu tar-rikorrenti, il-konsumatur in kwistjoni l-ewwel li jara huwa l-isem 'Werther's Original' li, miktub b'ittri ta' daqs kbir, jokkupa kważi nofs il-pakkett u huwa mdawwar b'elementi addizzjonali bħala ma huwa s-sinjal ovali żgħir bl-isem 'Storck' u d-disinn stilizzat ta' villaġġ żgħir li fil-parti t'isfel tiegħu wieħed jista' jaqra 'Traditional Werther's Quality' [il-kwalità tradizzjonali ta' Werther]. Il-parti ta' isfel tal-pakkett turi ritratt bil-kulur li jirrappreżenta madwar ħmistax-il ħelwa fuq xulxin b'didaskalija li tgħid: 'The classic candy made with real butter and fresh cream' [il-ħelu klassiku magħmul b'butir veru u bi krema friska].

20.      Skond id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, din l-illustrazzjoni tikkorrispondi għat-trade mark tridimensjonali li għaliha applikat għar-reġistrazzjoni tagħha. Il-Bord ta' l-Appell jikkontesta l-fondatezza ta' din il-pożizzjoni. Il-mod li fih il-ħelu huwa rrappreżentat fuq il-pakkett mhux konformi mal-mod tradizzjonali li fih tiġi rrappreżentata trade mark fuq prodott. Fil-fehma tal-Bord ta' l-Appell, l-iskop ta' din ir-rappreżentazzjoni huwa (pjuttost) li tindika l-kontenut tal-pakkett. Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-pakkett ma jurix forma iżda immaġini realistika ta' gozz ħelu mhux ippakkjat. Għandu jingħad li din ir-rappreżentazzjoni mhijiex intiża li tenfasizza l-karatteristiċi li skond ir-rikorrenti jagħtu lit-trade mark karattru distintiv (spazju vojt tond fin-nofs, qiegħ ċatt u ġnub konvessi). Huwa għalhekk li l-Bord ta' l-Appell jikkunsidra li hemm nuqqas ta' qbil bejn il-mod li fih huma rrappreżentati l-ħelu fuq l-ippakkjar u l-allegazzjoni li din ir-rappreżentazzjoni hija trade mark tridimensjonali u hija pperċepita bħala tali mill-konsumatur medju. L-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell twasslu pjuttost li jikkunsidra bħala probabbli li l-konsumatur iqis l-immaġini tal-ħelu sempliċement bħala illustrazzjoni tal-kontenut tal-pakkett. L-illustrazzjoni ta' l-ippakkjar f'forma attraenti sabiex tintwera d-dehra tal-prodott jew is-suġġerimenti ta' kif għandu jiġi servut hija prassi komuni ħafna fl-industrija tal-prodotti ta' l-ikel, inkluż fl-industrija tal-prodotti tal-ħelu u hija prassi li hija ddettata aktar minn kunsiderazzjoni ta' reklamar milli mill-ħtieġa li l-prodotti jiġu identifikati permezz ta' trade marks. Il-Bord ta' l-Appell iqis li għalhekk l-immaġini ma tissodisfax il-funzjoni ta' trade mark iżda sservi biss bħala illustrazzjoni tal-prodott. Il-frażi li takkumpanja l-immaġini, jiġifieri 'The classic candy made with real butter and fresh cream', tikkonferma wkoll li din se tkun il-perċezzjoni probabbli ta' xerrej raġonevolment attent tal-ħelu. Fil-fatt, il-frażi u l-immaġini jikkumplimentaw lil xulxin: il-frażi tiddeskrivi n-natura tal-ħelu u l-immaġini turihom. Il-Bord ta' l-Appell jaqbel mar-rikorrenti li prodott jista' jkollu fuqu diversi trade marks fl-istess ħin. Madankollu, fl-opinjoni tal-Bord ta' l-Appell, ibbażata fuq l-aspett tal-pakketti użati bħala l-ippakkjar tal-ħelu tar-rikorrenti, ir-riproduzzjoni tal-ħelu fuq dawn il-pakketti mhijiex konformi mar-riproduzzjoni ta' trade mark.  

21.      Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati aktar 'il fuq, għandu jiġi konkluż li huwa veru li l-figuri tal-bejgħ u l-figuri dwar l-ispejjeż pubbliċitarji ppreżentati bħala prova jipprovaw li l-ħelu 'Werther's' huma mibjugħa fuq is-suq iżda ma jipprovawx li l-forma tagħha kienet użata bħala trade mark […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

64      M'hemmx lok li jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Il-materjal pubbliċitarju ppreżentat mir-rikorrenti ma fih l-ebda prova dwar l-użu tat-trade mark kif ġiet mitluba. Fil-fatt, fuq l-immaġini pubbliċitarji kollha, ir-rappreżentazzjoni tal-forma u tal-kulur mitluba magħha għandha sinjali verbali u figurattivi. Għaldaqstant, dan il-materjal ma jistax jikkostitwixxi l-prova li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi t-trade mark mitluba, bħala tali u indipendentament mit-trade marks verbali u figurattivi li tidher magħhom fil-pubbliċità u fil-bejgħ tal-prodotti, bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 51).

65      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess indikat fir-rikors tagħha li l-ħelu in kwistjoni mhux mibjugħ waħda waħda iżda f'pakkett li fih kull ħelwa hija, barra minn hekk, ippakkjata separatament. Minn dan isegwi li, meta jiddeċiedi li jixtri, il-konsumatur medju ma jarax direttament quddiemu l-forma tal-ħelu in kwistjoni li tippermettilu li jattribwilha funzjoni bħala indikazzjoni ta' oriġini.

66      Fit-tieni lok, għandha ssir l-istess konklużjoni fir-rigward tas-sondaġġi sottomessi mir-rikorrenti għall-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell sabiex tipprova l-karattru distintiv tat-trade mark mitluba miksub permezz ta' l-użu. Fil-fatt, mill-parti ta' l-aħħar tal-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għarfien bħala trade mark tal-ħelu kkummerċjalizzat mir-rikorrenti kien ibbażat fuq il-bażi ta' l-isem "Werther's" tagħhom u mhux fil-bażi tal-forma in kwistjoni.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' dritt meta qies li r-rikorrenti ma pprovatx li t-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha, la fir-rigward tal-ħelu tal-karamell u lanqas fir-rigward tal-prodotti tal-ħelu b'mod ġenerali.

68      Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud ukoll, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tkun ikkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuti f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Novembru 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.