Language of document : ECLI:EU:T:2023:387

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

12 ta’ Lulju 2023 (*)

“Politika kummerċjali – Protezzjoni mill-effetti tal-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz – Miżuri restrittivi meħuda mill-Istati Uniti tal-Amerika kontra l-Iran – Sanzjonijiet sekondarji li jipprekludu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni milli jkollhom relazzjonijiet kummerċjali mal-impriżi milquta mill-imsemmija miżuri – Projbizzjoni tal-osservanza ta’ din il leġiżlazzjoni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza persuna ġuridika tal-Unjoni li tikkonforma ruħha mal-imsemmija leġiżlazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata retroattiva tal-awtorizzazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-impriża milquta mill-miżuri restrittivi tal-pajjiż terz – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑8/21,

IFIC Holding AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Franz u N. Bornemann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Clearstream Banking AG, stabbilita f’Eschborn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Schmitt u T. Bastian, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, A. Marcoulli (Relatriċi), S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        wara li rat l-intervent tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Awwissu 2021,

–        in-nota ta’ adattament tar-rikors ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Ġunju 2022 u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Awwissu 2022 u fl‑1 ta’ Settembru 2022 rispettivament,

wara s-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2022,

wara li rat l-offerta ta’ prova tar-rikorrenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Marzu 2023, id-digriet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura tal‑4 ta’ April 2023 u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-imsemmija offerta ta’ prova ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, IFIC Holding AG, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2020) 2813 final tat‑28 ta’ April 2020 li tagħti awtorizzazzjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat‑22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 75), lill-intervenjenti, Clearstream Banking AG (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2021) 3021 final tas-27 ta’ April 2021, li tagħti awtorizzazzjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 lill-intervenjenti (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”) u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 2775 final tas‑26 ta’ April 2022 li tagħti awtorizzazzjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, lill-intervenjenti (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit‑8 ta’ Mejju 2018, il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirtira l-Istati Uniti tal-Amerika mill-ftehim nukleari Iranjan, iffirmat fi Vjenna fl‑14 ta’ Lulju 2015, u li jistabbilixxi mill-ġdid is-sanzjonijiet kontra l-Iran li kienu tneħħew abbażi tiegħu. Dawn is-sanzjonijiet jipprojbixxu b’mod partikolari lill-persuni li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika (sanzjonijiet sekondarji), bħall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea, milli jżommu relazzjonijiet kummerċjali mal-persuni li jinsabu fil-“Lista ta’ Ċittadini Nazzjonali Espressament Identifikati u ta’ Persuni li l-Assi Tagħhom huma Mblukkati” (Specially Designated Nationals and Blocked Persons List) (iktar ’il quddiem il-“lista SDN”), stabbilita mill-Office of Foreign Assets Control (OFAC) (l-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC), l-Istati Uniti).

3        Ir-rikorrenti hija kumpannija rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tal-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) u għandha s-sede tagħha f’Düsseldorf. L-azzjonijiet tagħha huma indirettament miżmuma mill-Istat Iranjan.

4        Ir-rikorrenti għandha ishma f’diversi impriżi Ġermaniżi, li abbażi tagħhom hija għandha dritt għal dividendi.

5        Mill‑5 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti tinsab fil-lista SDN.

6        L-intervenjenti hija kumpannija Ġermaniża. Hija responsabbli għar-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli, għaż-żamma ta’ titoli u għall-ġestjoni ta’ titoli nazzjonali u barranin. Hija l-uniku bank depożitarju ta’ titoli awtorizzat fil-Ġermanja. L-intervenjenti hija responsabbli, b’mod partikolari, għall-ħlas lir-rikorrenti tad-dividendi li jirriżultaw mill-ishma li hija għandha f’impriżi Ġermaniżi.

7        Minn Novembru 2018, l-intervenjenti bblokkat f’kont separat id-dividendi dovuti lir-rikorrenti u rrifjutat li tħallashom lil din tal-aħħar.

8        Fis‑6 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) kontra l-intervenjenti sabiex tikseb informazzjoni dwar l-istatus tad-dividendi tagħha u l-ħlas tagħhom. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti saret taf li, skont l-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti kienet imblokkat id-dividendi li kienu dovuti lilha.

9        L-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet prodotta mill-intervenjenti quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) permezz ta’ nota tal‑5 ta’ Novembru 2020, innotifikata lir-rikorrenti fid‑9 ta’ Novembru 2020, data li fiha r-rikorrenti tindika li kienet taf biha.

10      Kif jirriżulta mill-ewwel deċiżjoni kkontestata, fit‑8 ta’ Novembru 2018, l-intervenjenti ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96.

11      Permezz tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni laqgħet it-talba tal-intervenjenti, billi awtorizzatha tikkonforma ruħha ma’ ċerti liġijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika f’dak li jirrigwarda t-titoli jew il-fondi tar-rikorrenti għal perijodu ta’ tnax-il xahar (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni kontenzjuża”). It-tieni u t-tielet deċiżjoni kkontestati, li r-rikorrenti tindika li kienet taf bihom fil‑25 ta’ Mejju 2022 quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main), data li fiha dawn id-deċiżjonijiet ġew innotifikati lilha fost l-annessi ta’ nota tal-intervenjenti, ġeddew, kull waħda minnhom, l-awtorizzazzjoni kontenzjuża għal perijodu ta’ tnax-il xahar.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tordna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

13      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

14      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’, fuq żball ta’ evalwazzjoni.

 Osservazzjonijiet preliminari

15      Ir-Regolament Nru 2271/96 għandu bħala għan, kif jirriżulta mis-sitt premessa tiegħu, li jipproteġi l-ordinament ġuridiku stabbilit kif ukoll l-interessi tal-Unjoni u dawk tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw drittijiet taħt is-sistema tat-Trattat FUE, b’mod partikolari billi jelimina, billi jinnewtralizza, billi jimblokka jew b’xi mod ieħor jopponi l-effetti tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-istrumenti leġiżlattivi l-oħra msemmija fl-Anness tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“liġijiet annessi”) (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 35).

16      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2271/96 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-għan, permezz tal-miżuri previsti mill-imsemmi regolament, li jiżgura protezzjoni kontra l-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-liġijiet annessi u kontra l-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, kif ukoll li jopponi l-effetti tagħhom, meta din l-applikazzjoni tippreġudika l-interessi tal-persuni msemmija fl-Artikolu 11 li jwettqu operazzjonijiet ta’ kummerċ internazzjonali u/jew movimenti ta’ kapital kif ukoll attivitajiet kummerċjali konnessi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 36).

17      Kif jirriżulta mill-ewwel sal-ħames premessa tar-Regolament Nru 2271/96, il-liġijiet annessi li jidhru fl-Anness tal-imsemmi regolament huma intiżi sabiex jirregolaw l-attivitajiet ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u għandhom applikazzjoni ekstraterritorjali. B’dan il-mod, huma jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku stabbilit u jaffettwaw b’mod ħażin l-interessi tal-Unjoni kif ukoll dawk tal-imsemmija persuni, billi jiksru d-dritt internazzjonali u jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni. Din tal-aħħar fil-fatt għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji u li tneħħi progressivament ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali billi tippromwovi, sa fejn huwa l-iktar possibbli, il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kif ukoll li tneħħi kull restrizzjoni għall-investiment dirett, inkluż l-investimenti fil-proprjetà immobbli, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul tal-garanziji fis-swieq tal-kapital (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 37).

18      Fost il-liġijiet annessi hemm l-“Iran Freedom and Counter-Proliferation Act of 2012” (il-Liġi tal‑2012 dwar il-Libertà u l-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni fl-Iran), li l-Istati Uniti, kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1100 tas‑6 ta’ Ġunju 2018 li jemenda l-Anness għar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2271/96 (ĠU 2018, L 199 I, p. 1), ma baqgħux jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tagħha, wara l-irtirar tagħhom mill-ftehim Iranjan dwar l-armi nukleari, kif huma ħabbru fit‑8 ta’ Mejju 2018 (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 38).

19      Il-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96 huma, b’mod partikolari, minn naħa, il-persuni fiżiċi residenti fl-Unjoni u li huma ċittadini ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, il-persuni ġuridiċi inkorporati fl-Unjoni (ara l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament)

20      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfakkra fil-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 2271/96 jipprevedi regoli ta’ natura varjata. B’hekk, bil-għan li jiġi protett l-ordinament ġuridiku stabbilit kif ukoll l-interessi tal-Unjoni, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, essenzjalment, li ebda deċiżjoni esterna għall-Unjoni li tagħti effett lil-liġijiet annessi, jew lill-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, ma għandha tiġi rrikonoxxuta jew reża eżekuttiva. Għall-istess għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi, essenzjalment, lil kull persuna msemmija fl-Artikolu 11 tiegħu, milli tikkonforma ruħha mal-liġijiet annessi, jew mal-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, filwaqt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 jipprevedi madankollu li tali persuna tista’ tiġi awtorizzata, f’kull mument, tikkonforma ruħha kompletament jew parzjalment ma’ dawn il-liġijiet, sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza tagħha jaffettwa b’mod sever l-interessi ta’ din il-persuna jew dawk tal-Unjoni. Barra minn hekk, bil-għan li jiġu protetti l-interessi tal-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96, l-Artikolu 6 tiegħu jipprevedi li dawk fosthom li jeżerċitaw attività msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament għandhom id-dritt li jirkupraw il-kumpens kollu dovut lilhom għal kull dannu kkawżat lilhom minħabba l-applikazzjoni tal-imsemmija liġijiet jew dawn l-azzjonijiet (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 39).

21      Bl-istess għan li jiġu protetti l-interessi tal-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[m]eta l-interessi ekonomiċi u/jew finanzjarji ta’ xi persuna msemmija fl-[imsemmi] Artikolu 11 jiġu effettwati, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqu jew li jirriżultaw minnu, dik il-persuna għandha tinforma b’dan lill-Kummissjoni fi żmien 30 ġurnata mid-data meta din tkun kisbet dik l-informazzjoni”.

22      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2271/96, jiżgura li dawn ir-regoli jiġu applikati b’mod effettiv, billi jitlob lill-Istati Membri jiddeterminaw is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija regoli, peress li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effikaċi, proporzjonali u dissważivi. Tali sanzjonijiet għandhom għalhekk jiġu previsti, b’mod partikolari, meta persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 40).

23      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrenti.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Il-Kummissjoni allegatament ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-premessi tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, iżda biss dik tal-intervenjenti, u l-Artikoli 1 u 3 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata huma redatti b’mod ekwivoku u inkomprensibbli, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha. Ir-rikorrenti tindika li hija għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tifhem l-ewwel deċiżjoni kkontestata, bħala persuna interessata u milquta minnha. Ir-rikorrenti tindika li dawn l-argumenti jistgħu jiġu trasposti għat-tieni u għat-tielet deċiżjoni kkontestati, li l-motivi tagħhom huma kważi identiċi. Barra minn hekk, it-tieni u t-tielet deċiżjoni kkontestati jinkludu dispożizzjoni dwar it-tmiem antiċipat tagħhom, li hija vaga u inkomprensibbli.

25      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

26      L-Artikolu 296 TFUE jipprevedi li l-atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, imma wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tar-rikorrenti.

30      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-premessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

31      Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssemmi preċiżament ebda parti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u lanqas ebda premessa tagħhom, iżda sempliċement tifformula allegazzjoni ġenerali nieqsa minn kull preċiżjoni u natura konkreta. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu kemm għall-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest u li permezz tagħhom din iddeċidiet li tagħti l-awtorizzazzjoni kontenzjuża lill-intervenjenti.

32      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, fil-premessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħha, iżda biss dik tal-intervenjenti, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma jirrigwardawx il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, iżda l-fondatezza tagħhom u jikkoinċidu mal-argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel u tar-raba’ motiv, li magħhom dawn ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem. L-istess jgħodd għall-argumenti tar-rikorrenti dwar l-elementi li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda nuqqas jew nuqqas ta’ motivazzjoni ma jista’ jiġi kkonstatat fir-rigward tal-premessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

34      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika l-formulazzjoni tal-artikoli tad-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn ma jippermettux li jinftiehem il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-imsemmija deċiżjonijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll l-Artikolu 4 tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni kkontestati.

35      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-deċiżjonijiet ikkontestati u tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom, l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjonijiet jaqra kif ġej:

“[L-intervenjenti] hija awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti liġijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika [annessi] […] sa fejn huwa neċessarju sabiex:

1)      tiffriża t-titoli jew il-fondi li tagħhom tiżgura ż-żamma jew li tagħhom hija depożitarja u tirrifjuta li twettaq ħlasijiet jew struzzjonijiet oħra inerenti għalihom;

2)      tirrifjuta li tinkludi kwalunkwe titolu ġdid fis-sistema tiegħu ta’ kumpens ta’ titoli; u

3)      tiffriża kull profitt mill-azzjonijiet tal-kumpanniji, inklużi d-dividendi, l-interessi, il-ħlas ta’ fidi jew pagamenti simili jew interessi irċevuti;

meta [l-intervenjenti] taf, jew għandha raġunijiet serji sabiex tissuspetta, li [r-rikorrenti], jekk mhux, tibbenefika minn jew tipparteċipa fi kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36      L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża, fl-ewwel paragrafu tagħha, qabel kollox, il-liġijiet annessi tal-Istati Uniti tal-Amerika li l-intervenjenti hija awtorizzata tikkonforma ruħha magħhom. Tali indikazzjoni ma tidher li tippreżenta ebda nuqqas ta’ motivazzjoni, u, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tifformula ebda oġġezzjoni preċiża f’dan ir-rigward.

37      Sussegwentement, fil-punti 1 sa 3 tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni telenka l-aġir derogatorju li l-intervenjenti hija awtorizzata tadotta permezz tal-effett tal-awtorizzazzjoni kontenzjuża, jiġifieri, essenzjalment, “iffriżar” ta’ ċerti beni u “rifjut” ta’ ċerti tranżazzjonijiet, minflok ma ipprovdiet is-servizzi li hija normalment tipprovdi. Tali indikazzjoni ma tidher li għandha ebda nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjoni, u barra minn hekk ir-rikorrenti ma tagħmel ebda oġġezzjoni preċiża f’dan ir-rigward, ħlief fir-rigward tal-portata ratione temporis ta’ dan l-aġir, kwistjoni li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-awtorizzazzjoni (ara l-punt 46 iktar ’il quddiem).

38      Fl-aħħar nett, fit-tieni paragrafu tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmi aġir derogatorju jista’ jiġi adottat, jiġifieri meta l-intervenjenti “taf” jew “għandha raġunijiet serji sabiex tissuspetta” li r-rikorrenti, inkella, tibbenefika minn (jew tipparteċipa f’) “kull servizz”, direttament jew indirettament.

39      Ir-rikorrenti tikkontesta ċerti espressjonijiet li jinsabu f’dan it-tieni paragrafu.

40      Madankollu, kuntrarjament għal dak sostnut mir-rikorrenti, l-espressjonijiet “raġunijiet serji sabiex tissuspetta u “kull servizz” użati mill-Kummissjoni ma jrendux l-imsemmija dispożizzjoni impreċiża jew inkomprensibbli. Fil-fatt, il-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tad-dispożizzjoni inkwistjoni, moqri flimkien mal-paragrafu l-ieħor tal-istess dispożizzjoni, jippermetti li wieħed jifhem liema huma s-servizzi kkonċernati mill-aġir awtorizzat u mill-kundizzjonijiet stabbiliti.

41      Minn naħa, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jipprevedu l-possibbiltà għall-intervenjenti li tibbaża ruħha fuq “raġunijiet serji sabiex tissuspetta” ma juri ebda nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-kunċett ta’ “raġunijiet serji sabiex tissuspetta” użat fit-tieni paragrafu tal-imsemmija dispożizzjoni jippermetti lill-intervenjenti li tikkunsidra li r-rikorrenti tibbenefika minn (jew tipparteċipa f’) ċerti servizzi, mingħajr ma jkun neċessarju għaliha li jkollha ċ-ċertezza tagħhom, billi tibbaża ruħha fuq suspett ibbażat fuq raġunijiet serji. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda ambigwità f’dan ir-rigward.

42      Min-naħa l-oħra, l-użu tal-kunċett ta’ “kull servizz” fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati lanqas ma jqajjem xi inċertezzi. Ċertament, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment trasversali għall-ewwel paragrafu tal-istess dispożizzjoni jew għas-servizzi msemmija fl-imsemmi paragrafu. Madankollu, l-imsemmija espressjoni ma tistax tiġi interpretata barra mill-kuntest tagħha bħala li tirreferi għal kull servizz li ma għandu ebda rabta mas-servizzi u mal-aġir koperti mill-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, fl-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, li barra minn hekk tikkostitwixxi sentenza unika, l-espressjoni “kull servizz” ma jistax ikollha tifsira oħra ħlief dik li tirreferi għas-servizzi normalment ipprovduti mill-intervenjenti li huma s-suġġett tal-aġir derogatorju identifikat fl-imsemmi l-ewwel paragrafu, u dan meta r-rikorrenti tibbenefika minnhom jew tipparteċipa fih direttament jew indirettament. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda diffikultà ta’ komprensjoni f’dan ir-rigward.

43      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħhom u tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu.

44      It-tieni, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjonijiet ikkontestati, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 ta’ kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet jindika li “[d] in id-deċiżjoni hija valida għal perijodu ta’ tnax-il xahar, mid-data tan-notifika tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

45      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li huwa ssuġġerit mir-rikorrenti, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa ddefinit b’mod ċar mill-Artikolu 3 tagħhom, mingħajr ma jista’ jiġi identifikat ebda nuqqas ta’ motivazzjoni jew nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati hija valida, u li għalhekk l-awtorizzazzjoni kontenzjuża tapplika, għal perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tan-notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

46      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-awtorizzazzjoni kontenzjuża tkopri aġir implimentat jew fondi miksuba qabel l-adozzjoni tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-portata tal-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tal-istess deċiżjonijiet, jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-intervenjenti hija awtorizzata tadotta l-aġir identifikat fl-imsemmi Artikolu 1 u, għaldaqstant, ma tipprovdix ċerti servizzi meta r-rikorrenti tkun tista’ tibbenefika minnhom jew tipparteċipa fih direttament jew indirettament. Fi kliem ieħor, huwa matul l-imsemmi perijodu ta’ validità ta’ tnax-il xahar li l-intervenjenti hija awtorizzata “tiffriża” l-beni jew li “tirrifjuta” t-tranżazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, u dan indipendentement mid-data li fiha hija jew ir-rikorrenti daħlu fil-pussess tal-imsemmija beni jew li fiha l-imsemmija tranżazzjonijiet intalbu. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda inċertezza fir-rigward tal-motivazzjoni f’dan ir-rigward.

47      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkritika n-natura allegatament vaga tal-Artikolu 4 tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni kkontestati, jew in-natura allegatament inkomprensibbli tagħha b’rabta mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tat-tielet deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni kkontestati ma huwiex ivvizzjat mill-illegalitajiet allegati mir-rikorrenti, kemm individwalment kif ukoll flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tat-tielet deċiżjoni kkontestata.

49      Minn naħa, l-Artikolu 4 tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni kkontestati jippreċiża li kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet tieqaf tapplika immedjatament jekk, u mid-data li fiha, ir-rikorrenti titneħħa mil-lista SDN fis-sens tal-liġijiet annessi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjonijiet jew jekk l-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ dawn il-liġijiet annessi għall-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96 “tiġi sospiża, abbandunata” jew “tieqaf b’mod ieħor”. Issa, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex vaga. L-ewwel parti tiegħu ssemmi b’mod ċar il-każ fejn ir-rikorrenti, bħala tali, ma tkunx għadha tinsab fil-lista SDN, billi tipprevedi li, f’tali każ, l-imsemmija deċiżjonijiet jieqfu japplikaw immedjatament. F’dan ir-rigward, il-kelma “immedjatament” ma tagħti lok għal ebda inċertezza, iżda timplika li l-imsemmi waqfien iseħħ b’mod awtomatiku fid-data li fiha r-rikorrenti tneħħiet mil-lista SDN permezz ta’ deċiżjoni tal-Istati Uniti, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri jew eżamijiet oħra. Barra minn hekk, l-istess japplika, konformement mat-tieni parti tal-imsemmi Artikolu 4, meta, essenzjalment, dejjem permezz ta’ deċiżjoni tal-Istati Uniti, il-liġijiet annessi jieqfu milli jkollhom applikazzjoni ekstraterritorjali fl-Unjoni.

50      Min-naħa l-oħra, ir-rabta tal-imsemmi Artikolu 4 mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tat-tielet deċiżjoni kkontestata lanqas ma tqajjem diffikultajiet ta’ komprensjoni. It-tieni sentenza ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tindika li jekk, matul il-perijodu ta’ validità ta’ tnax-il xahar ta’ din id-deċiżjoni, “ftehim” iwassal għas-sospensjoni, għall-abbandun jew għall-waqfien, totali jew parzjali, tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-liġijiet annessi mal-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96, il-Kummissjoni għandha teżamina fil-pront jekk il-motivi li fuqhom hija bbażata t-tielet deċiżjoni kkontestata għadhomx validi jew jekk jeżistux motivi sabiex din id-deċiżjoni tiġi emendata jew mitmuma. B’hekk, b’differenza mill-Artikolu 4 tat-tielet deċiżjoni kkontestata, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni ma tirrigwardax azzjoni unilaterali tal-Istati Uniti, iżda l-effetti ta’ “ftehim” bħal, kif jirriżulta mill-premessa 29 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-ftehim nukleari Iranjan. Barra minn hekk, b’differenza mis-sitwazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 4, l-effetti tal-konklużjoni ta’ tali “ftehim” fuq it-tielet deċiżjoni kkontestata ma humiex immedjati jew awtomatiċi, iżda hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina l-impatt tagħha fuq din id-deċiżjoni.

51      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda nuqqas ta’ motivazzjoni ma jista’ jiġi kkonstatat fir-rigward tal-artikoli tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

53      Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur tattieni paragrafu talArtikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96

54      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, billi tat awtorizzazzjoni retroattiva. La dan ir-regolament, u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1101 tat‑3 ta’ Awwissu 2018 li jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 (ĠU 2018, L 199 I, p. 7), jipprevedu tali effett retroattiv, li huwa wkoll eskluż min-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni, intitolata “Mistoqsijiet u Tweġibiet: l-adozzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar aġġornat”, tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (ĠU 2018, C 277 I, p. 4). Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) li l-ewwel deċiżjoni kkontestata għandha effett retroattiv. It-tieni u t-tielet deċiżjoni kkontestati lanqas ma huma suffiċjentement iddeterminati ratione temporis. Barra minn hekk, minkejja li dawn l-aħħar deċiżjonijiet fihom dispożizzjoni li tikkonċerna t-teħid ta’ tmiem antiċipat tagħhom, li l-assenza tagħha fl-ewwel deċiżjoni kkontestata għandha twassal għall-annullament tagħha, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx is-sitwazzjoni iktar ċara.

55      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

56      L-ewwel nett, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-tieni motiv tar-rikors huwa bbażat fuq premessi żbaljati. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jirriżultax li dawn għandhom effett retroattiv. Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, l-Artikolu 3 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati jindika b’mod ċar li dawn id-deċiżjonijiet huma validi mid-data tan-notifika tagħhom, u dan biss għal perijodu ta’ tnax-il xahar, b’tali mod li ma jistgħux jitqiesu li għandhom effetti retroattivi jew li huma indeterminati ratione temporis. Barra minn hekk, il-premessi tal-imsemmija deċiżjonijiet li jesponu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-imsemmi perijodu ta’ validità ma jinkludu ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li dawn id-deċiżjonijiet għandhom effett retroattiv.

57      Minn dan jirriżulta li l-awtorizzazzjoni kontenzjuża ma għandhiex portata retroattiva u ma tkoprix aġir li seħħ qabel id-data ta’ teħid ta’ validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u, b’mod partikolari, tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, iżda biss dak li seħħ minn din id-data.

58      Barra minn hekk, il-fatt li, skont ir-rikorrenti, l-intervenjenti tiddefendi t-teżi kuntrarja quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-portata tad-deċiżjonijiet ikkontestati tista’ tiġi ddeterminata biss skont il-kuntest ġuridiku rilevanti, il-kontenut tagħhom u l-intenzjoni tal-awtur tagħhom.

59      Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li l-intervenjenti ffriżat indebitament il-beni tagħha qabel ma kisbet l-awtorizzazzjoni kontenzjuża, minn naħa, u l-argument tal-intervenjenti li l-aġir tagħha ma għandux jitqies li jmur kontra l-projbizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienet pendenti u l-eżitu ta’ din il-proċedura, min-naħa l-oħra, huma t-tnejn li huma irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, li tirrigwarda biss il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u mhux l-aġir tal-intervenjenti. Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk l-aġir tal-intervenjenti jmurx jew le kontra r-Regolament Nru 2271/96.

60      It-tieni, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-assenza, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, ta’ dispożizzjoni dwar it-teħid ta’ tmiem antiċipat ta’ din id-deċiżjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni kkontestati jew dik li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tat-tielet deċiżjoni kkontestata, għandha twassal għall-annullament tal-imsemmija l-ewwel deċiżjoni. Fil-fatt, ebda element ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jippermetti li jitqies li l-assenza ta’ tali dispożizzjoni timplika, bħala tali, l-illegalità tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, kien ikun possibbli għall-Kummissjoni li tirtira l-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari jekk bidla fiċ-ċirkustanzi tkun teħtieġ dan.

61      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

62      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha jew wettqet żball ta’ evalwazzjoni, peress li, minn naħa, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-interessi tar-rikorrenti, u lanqas l-effetti tal-ewwel deċiżjoni kkontestata fuq din tal-aħħar, filwaqt li r-rikorrenti, b’effett tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, kienet f’inkapaċità totali li teżerċita l-attività tagħha. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk kinux jeżistu motivi inqas restrittivi, u lanqas id-dritt għal kumpens għad-dannu subit. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni, kif għamlet fil-premessa 15 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-intervenjenti quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main), għaliex il-fatt li teżerċita d-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja ma jistax jikkawżalha preġudizzju.

63      Ir-rikorrenti tallega li l-intervenjenti ma kienet tipprovdilha ebda servizz. Barra minn hekk, il-fatti msemmija fil-premessa 15 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata juru li l-Kummissjoni kienet taf bil-fatt li l-intervenjenti kisret ir-Regolament Nru 2271/96.

64      Ir-rikorrenti tindika li, f’dak li jirrigwarda wkoll it-tieni u t-tielet deċiżjoni kkontestati, il-Kummissjoni lanqas ma użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma wettqet ebda stħarriġ ta’ proporzjonalità, u b’mod partikolari naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-flessibbiltà tas-sanzjonijiet. Skont ir-rikorrenti, it-tieni u t-tielet deċiżjoni kkontestati huma bbażati wkoll fuq data mhux ivverifikata u mhux stabbilita kif ukoll fuq elementi irrilevanti u fuq preżentazzjoni unilaterali ta’ ċerti fatti.

65      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

66      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tagħmel diversi oġġezzjonijiet kontra l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, sa fejn, fil-kuntest tal-motivi l-oħra tar-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll ċerti evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati, dawn l-argumenti kollha għandhom jiġu eżaminati flimkien iktar ’il quddiem.

67      Fl-ewwel lok, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi tagħha, iżda biss dawk tal-intervenjenti.

68      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 jipprevedi li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni sabiex tikkonforma ruħha mal-liġijiet annessi huwa suġġett għall-kundizzjoni li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-liġijiet jippreġudika serjament l-interessi tal-persuna li titlob l-awtorizzazzjoni jew l-interessi tal-Unjoni. Għaldaqstant, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li huma biss dawn iż-żewġ interessi li għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex serjament ippreġudikati min-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet annessi, b’tali mod li awtorizzazzjoni tista’ eventwalment tingħata. L-imsemmija dispożizzjoni, min-naħa l-oħra, ma ssemmix l-interessi tat-terz milqut mill-miżuri restrittivi tal-pajjiż terz (iktar ’il quddiem it-“terz milqut mill-miżuri restrittivi”) li fir-rigward tagħhom l-applikant ifittex li jiġi awtorizzat jikkonforma ruħu mal-liġijiet annessi. Issa, li kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jinkludi l-interessi ta’ tali terz fl-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija evalwazzjoni, huwa kien jindika dan espressament, minflok ma jirreferi esklużivament għall-interessi tal-Unjoni u għall-interessi tal-applikant.

69      Sussegwentement, l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 jindika l-kriterji mhux kumulattivi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Din id-dispożizzjoni tirreferi wkoll biss għall-interessi protetti msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, jiġifieri dawk tar-rikorrent u dawk tal-Unjoni, u lanqas ma ssemmi t-terz milqut mill-miżuri restrittivi, u lanqas a fortiori l-interessi tiegħu. Barra minn hekk, ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni ma jsemmi teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi ta’ dan it-terz, u lanqas ibbilanċjar tal-interessi tiegħu ma’ dawk tal-applikant jew ma’ dawk tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-riferiment għal “kwalunkwe fattur rilevanti ieħor” li jinsab fl-Artikolu 4(n) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 ma jistax iwassal għal interpretazzjoni differenti u għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi barranin kemm għall-kliem kif ukoll għall-ispirtu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, peress li tali elementi huma għalhekk irrilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

70      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-ħames u mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 2271/96 kif ukoll mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 15 iktar ’il fuq, l-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi biss l-ordinament ġuridiku stabbilit, minn naħa, u l-interessi tal-Unjoni u dawk tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw drittijiet taħt is-sistema tat-Trattat FUE, min-naħa l-oħra.

71      Għalkemm jista’ jkun, ċertament, li t-terz milqut mill-miżuri restrittivi jista’ jkun persuna li taqa’ taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96 u b’hekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, bħall-Artikolu 2 tiegħu, tali ċirkustanza ma tistax twassal, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni interessi differenti minn dawk previsti mill-imsemmija dispożizzjoni u għalhekk tibqa’ irrilevanti f’dan il-kuntest.

72      Għaldaqstant, mill-kuntest ġuridiku li jirregola l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 jirriżulta li l-Kummissjoni, meta tevalwa talba għal awtorizzazzjoni ppreżentata skont l-imsemmija dispożizzjoni, ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tat-terzi kkonċernati mill-miżuri restrittivi, bħall-persuni li jinsabu fil-lista SDN bħar-rikorrenti.

73      Din il-konstatazzjoni tikkorrispondi barra minn hekk għal dik magħmula fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:386), li jipprevedi li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 “ma jipprevedix li, fid-deċiżjoni dwar jekk din l-eżenzjoni għandhiex tingħata, [il-Kummissjoni] għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi”.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tagħha, hija ma tibbaża ruħha b’mod validu fuq ebda element li jirriżulta mill-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex issostni l-argument tagħha. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 69 iktar ’il fuq, l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101, li ssemma mir-rikorrenti matul is-seduta, bl-ebda mod ma jikkorrobora l-argument tagħha.

75      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi tagħha.

76      Fit-tieni lok, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li tirrikorri għal alternattivi inqas vinkolanti, u lanqas il-possibbiltà għaliha li tinvoka dritt għal kumpens.

77      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kuntest ġuridiku rilevanti ma jimponix tali obbligi fuq il-Kummissjoni.

78      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101, l-eżami tal-Kummissjoni jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk il-provi prodotti mill-applikant, u, jekk ikun il-każ, l-elementi addizzjonali mitluba minnu mill-Kummissjoni, jippermettux li jiġi konkluż, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-istess regolament, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet annessi, l-interessi tal-applikant jew tal-Unjoni jkunu serjament leżi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96. Mill-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 jirriżulta wkoll li l-eżitu ta’ tali eżami jsegwi, essenzjalment, loġika binarja: jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-okkorrenza ta’ dannu gravi għall-imsemmija interessi ma ġietx ippruvata b’mod suffiċjenti, hija għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni intiża sabiex tiċħad it-talba; jekk hija tikkonkludi li l-okkorrenza ta’ tali dannu hija pprovata b’mod suffiċjenti, hija għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni intiż għall-għoti tal-awtorizzazzjoni, billi tistabbilixxi l-miżuri xierqa. B’hekk, mill-kuntest ġuridiku rilevanti ma jirriżultax li l-Kummissjoni, li quddiemha tressqet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u li waslet għal din l-aħħar konklużjoni, għandha teżamina l-eżistenza ta’ alternattivi għall-awtorizzazzjoni.

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tibbaża ruħha fuq ebda element li jirriżulta mill-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex issostni l-argument tagħha.

80      Barra minn hekk, l-eventwali eżistenza ta’ alternattivi inqas vinkolanti għall-interessi ta’ terzi tidher, fi kwalunkwe każ, irrilevanti. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 68 sa 75 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi waqt l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex teżamina jekk kinux jeżistu alternattivi inqas restrittivi għar-rikorrenti.

81      Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet obbligata teżamina jekk ir-rikorrenti setgħetx tinvoka dritt eventwali għal kumpens, kwistjoni irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96.

82      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-intervenjenti kinitx ipprovat “tikkjarifika s-sitwazzjoni” mal-awtoritajiet Amerikani. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas ma tippreċiża l-bażi ta’ tali obbligu, li barra minn hekk huwa fformulat b’mod pjuttost vag, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni. Għaldaqstant xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan l-obbligu ta’ verifika kien jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

83      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-intervenjenti ma tipprovdi ebda servizz lir-rikorrenti iżda pjuttost lill-bank ta’ depożitu tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali argument jirriżulta minn qari parzjali tal-portata tal-awtorizzazzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 38 u 42 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw is-servizzi proposti mill-intervenjenti u li minnhom tibbenefika r-rikorrenti (jew li fihom tipparteċipa r-rikorrenti) direttament jew indirettament, fejn dawn tal-aħħar jinkludu s-servizzi li ma humiex direttament proposti lir-rikorrenti, iżda li r-rikorrenti tibbenefika minnhom (jew li r-rikorrenti tipparteċipa fihom) anki indirettament.

84      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tal-intervenjenti.

85      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta ċerti evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Minn naħa, dan jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main). Min-naħa l-oħra, dan jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tieni u fit-tielet deċiżjoni kkontestati, ta’ elementi allegatament irrilevanti jew li jirriżultaw minn preżentazzjoni unilaterali tal-fatti.

86      L-ewwel nett, il-fatt invokat mir-rikorrenti li, fil-premessa 15 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet ir-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) ma jfissirx li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi tar-rikorrenti u lanqas, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, li r-riferiment għall-imsemmi rikors ikkawżalha preġudizzju fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni jew li din tal-aħħar kienet taf bi ksur eventwali tar-Regolament Nru 2271/96 mill-intervenjenti. Fil-fatt, mill-ewwel deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-premessa 15, il-Kummissjoni sempliċement fakkret l-elementi invokati mill-intervenjenti insostenn tat-talba tagħha, mingħajr ma wettqet evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq premessi żbaljati u allegazzjonijiet infondati.

87      It-tieni, ir-rikorrenti tirreferi għall-premessa 16 tat-tielet deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni semmiet il-kontenut tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-intervenjenti f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ċerti elementi invokati minnha sabiex turi li hija tista’ tinkorri riskji fl-Istati Uniti. Dawn huma, b’mod partikolari, tranżazzjonijiet magħmula minn “impriża oħt” tal-intervenjenti mal-awtoritajiet Amerikani u investigazzjonijiet pendenti quddiem dawn l-awtoritajiet. Il-Kummissjoni rreferiet għal dawn ir-riskji u għal dawn l-elementi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-premessa 22 tat-tielet deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi kienu, essenzjalment, ukoll imsemmija fil-premessi 22 sa 25 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

88      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn l-elementi ma humiex irrilevanti, u l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuqhom. Minn naħa, għalkemm dawn l-elementi, sa fejn jirrigwardaw żewġ proċeduri tal-2014, la huma numerużi u lanqas reċenti, dawn madankollu jippermettu li jintwera li r-riskju ta’ sanzjonijiet (jew li wieħed ikollu jirrikorri għal tranżazzjonijiet sabiex jiġu evitati tali sanzjonijiet) kien reali fl-Istati Uniti Min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn l-elementi jikkonċernaw “impriża oħt” tal-intervenjenti, u mhux l-intervenjenti stess, ma jinvalidax l-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kif tenfasizza din tal-aħħar, l-Artikolu 4(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 jipprevedi espressament li, sabiex tevalwa r-rabta mal-pajjiż li minnu joriġinaw il-liġijiet annessi, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, “inter alia”, “ikollu” [il-pussess] ta’ “kumpaniji omm” jew ta’ “sussidjarji” mill-applikant, li jimplika li r-riskji sostnuti minn “impriża oħt” tal-intervenjenti huma wkoll rilevanti.

89      Barra minn hekk, il-fatt li, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 8 u Nru 9 tat-tielet deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet b’mod żbaljat l-intervenjenti minflok l-“impriża oħt” fir-rigward tal-imsemmija elementi jikkostitwixxi, f’dan il-każ, żball tal-pinna, li ma jaffettwax il-komprensjoni tal-imsemmija deċiżjoni u ma jistax jikkontesta l-legalità tagħha, fid-dawl tal-kontenut tal-premessa 16 tagħha kif ukoll, barra minn hekk, tal-premessi 22 sa 25 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

90      It-tielet, ir-rikorrenti tirreferi għall-premessa 24 tat-tielet deċiżjoni kkontestata (li parti minnha kienet diġà tinsab fil-premessa 16 tat-tieni deċiżjoni kkontestata) u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna tagħha Nru 15 u Nru 16, dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti wara l-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-Istati Uniti tal-Amerika fl‑2020. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sanzjonijiet kienu ttaffew fi Frar 2022 u kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq artiklu wieħed tal-istampa.

91      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-allegat tnaqqis tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti ma humiex sostnuti u, min-naħa l-oħra, li, fil-premessa 16 tat-tieni deċiżjoni kkontestata u fil-premessi 24 u 25 tat-tielet deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-kuntest fl-Istati Uniti u kkonkludiet li, minkejja dan l-iżvilupp, ma kien hemm ebda tibdil fis-sustanza u fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-Iran. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, waqt l-adozzjoni ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti kienet għadha tidher fil-lista SDN.

92      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

93      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għal smigħ

94      Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprevedi li l-persuni affettwati minn miżura għandhom id-dritt għal smigħ, huwa applikabbli għaliha, bħala persuna affettwata b’mod sfavorevoli b’mod indirett mill-ewwel deċiżjoni kkontestata. Matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tathiex id-dritt għal smigħ, u għalhekk il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. L-ewwel deċiżjoni kkontestata ma ssemmix is-sitwazzjoni tagħha, u lanqas il-fatt li l-intervenjenti bblokkat l-assi tagħha mingħajr ma kellha awtorizzazzjoni. Kieku l-Kummissjoni kienet semgħetha, hija kienet teskludi l-effett retroattiv tal-awtorizzazzjoni. Ir-rikorrenti ma nstemgħetx fuq ir-“raġunijiet serji” msemmija fl-ewwel deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur ta’ formalità sostanzjali u li dan il-ksur għandu jwassal għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

95      B’risposta għall-Kummissjoni, li kienet sostniet li r-rikorrenti ma kinitx osservat l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuqha skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2271/96, ir-rikorrenti tippreċiża li l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex vinkolanti u għalhekk ma tistax twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għall-operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni, ikun impossibbli għall-operaturi li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar talba għal awtorizzazzjoni, u barra minn hekk ir-rikorrenti kellha għarfien ta’ dan wara l-għoti tagħha. Hija eżawriet ukoll il-mezzi kollha disponibbli, inkluż fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2271/96, billi indirizzat ruħha lil awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li hija tista’ biss tifformula ipoteżijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx adottat deċiżjoni differenti.

96      Ir-rikorrenti tallega li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:386) ma jindikawx li l-interessi ta’ terzi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ir-rifjut tal-intervenjenti li tittrasferixxi d-dividendi u li tbigħ it-titoli ċaħħad lir-rikorrenti minn kull attività u minn kull valur. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkonferma li ressqet ilment quddiem il-Hauptzollamt Giessen (l-Uffiċċju Ċentrali tad-Dwana ta’ Giessen, il-Ġermanja) u l-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (l-Awtorità Federali tas-Sorveljanza Finanzjarja, il-Ġermanja), u tindika li ma teżisti ebda dispożizzjoni li tirregola l-mod kif għandha tingħata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2271/96 lill-awtoritajiet nazzjonali.

97      Ir-rikorrenti tindika li t-tieni u t-tielet deċiżjoni kkontestati huma vvizzjati bl-istess irregolaritajiet. L-argumenti tagħha japplikaw għalhekk għat-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, peress li l-Kummissjoni naqset milli tismagħha u tinformaha fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet kollha. Barra minn hekk, peress li ma kinitx taf bid-deċiżjonijiet ikkontestati, hija kienet obbligata teżerċita azzjonijiet li jiswew ħafna flus kontra diversi operaturi.

98      Fil-kuntest tal-offerta ta’ prova tas‑17 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni semgħet terz milqut minn miżuri restrittivi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni analoga mwettqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, u dan mingħajr obbligi ta’ kunfidenzjalità. Dawn iċ-ċirkustanzi juru li s-smigħ tat-terzi intiż mill-miżuri restrittivi, bħar-rikorrenti, huwa neċessarju u jorbot lill-Kummissjoni, peress li distinzjoni bejn dawn it-terzi ma hijiex prevista mir-Regolament Nru 2271/96 u għalhekk hija illegali.

99      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

100    Ir-rispett tad-dritt għal smigħ jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, illum stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 64 u 65).

101    Fil-fatt, il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 41 jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed miżura individwali kontriha li tolqotha b’mod ħażin.

102    Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali. Id-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità. L-imsemmi dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-opportunità li tesponi l-fehma tagħha, b’mod utli u effettiv, matul proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67).

103    Wara li dan tfakkar, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, inkluż id-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41 tagħha. L-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġi madankollu li kull limitazzjoni tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni. Dan jeħtieġ, barra minn hekk, li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali limitazzjoni tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 71).

104    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 34, u tad‑9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33).

105    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors.

106    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li huwa ssuġġerit mill-Kummissjoni, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2271/96 ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-argument tal-Kummissjoni li terz li ma jkunx informaha skont l-imsemmija dispożizzjoni jkun “iddekada” mid-dritt għal smigħ tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 huwa nieqes minn kull bażi, peress li l-proċedura ta’ informazzjoni prevista mill-ewwel dispożizzjoni hija distinta mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mit-tieni dispożizzjoni.

107    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolament Nru 2271/96 u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 ma jipprevedu, fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, parteċipazzjoni ta’ terzi kkonċernati bil-miżuri restrittivi (bħat-terzi li jidhru fil-lista SDN, bħar-rikorrenti) li fir-rigward tagħhom applikant (bħall-intervenjenti) ifittex li jiġi awtorizzat jikkonforma ruħu mal-liġijiet annessi. Fil-fatt, l-imsemmija regolamenti ma jipprevedu ebda rwol proċedurali għal dawn it-terzi, li la huma informati u lanqas mismugħa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96.

108    Għaldaqstant, peress li l-kuntest ġuridiku rilevanti ma jipprevedix li t-terzi kkonċernati mill-miżuri restrittivi għandhom jinstemgħu bħala kundizzjoni proċedurali essenzjali intrinsikament marbuta mal-formazzjoni jew mal-espressjoni korretta tar-rieda tal-awtur tal-att. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 89), għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li hija ma nstemgħetx jikkostitwixxi, f’dan il-każ, il-ksur ta’ formalità essenzjali li għandha twassal, bħala tali, għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

109    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 102 iktar ’il fuq, anki jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament id-dritt għal smigħ, ma jistax jiġi eskluż li t-terzi milquta mill-miżuri restrittivi jistgħu jinvokaw tali dritt fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, jekk tali deċiżjoni taffettwahom b’mod sfavorevoli.

110    Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 103 iktar ’il fuq, l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet. Issa, f’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, diversi elementi inerenti għas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2271/96 jiġġustifikaw li t-terzi kkonċernati mill-miżuri restrittivi ma jinstemgħux fil-kuntest ta’ tali proċedura. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk tali limitazzjoni tad-dritt għal smigħ li tirriżulta mill-kuntest ġuridiku rilevanti, invokat, essenzjalment, mill-Kummissjoni, tistax tiġi aċċettata fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza.

111    L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv tar-rikors, l-assenza, fil-kuntest ġuridiku rilevanti, ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu dritt għal smigħ ta’ terzi kkonċernati mill-miżuri restrittivi (punt 107 iktar ’il fuq) taqa’ taħt sistema li ma tipprevedix li l-interessi ta’ dawn it-terzi jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni tevalwa talba għal awtorizzazzjoni mressqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jistabbilixxi sistema li fil-kuntest tagħha l-interessi tal-imsemmija terzi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni u dawn it-terzi ma għandhomx jiġu assoċjati fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija skont l-imsemmija dispożizzjoni.

112    Fil-fatt, id-deċiżjonijiet derogatorji meħuda mill-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni għandhom l-għan li jevitaw li, f’ċirkustanzi speċifiċi u debitament iġġustifikati (premessa 5 tar-Regolament ta’ Eżekuzzjoni 2018/1101), dannu serju għall-interessi tal-Unjoni jew tal-applikant ma jirriżultax min-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet annessi. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-imsemmija dispożizzjoni tissodisfa għalhekk għanijiet ta’ interess ġenerali li jikkonsistu fil-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni jew tal-persuni li jeżerċitaw drittijiet taħt is-sistema tat-Trattat FUE kontra d-danni serji li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet annessi. Barra minn hekk, f’dan il-każ, f’kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kkonkludiet l-evalwazzjoni tagħha billi enfasizzat li l-għoti tal-awtorizzazzjoni kien konformi mhux biss mal-għanijiet tar-Regolament Nru 2271/96, iżda wkoll mal-għanijiet ta’ politika ġenerali tal-Unjoni (premessa 38 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, premessa 18 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, u premessa 27 tat-tielet deċiżjoni kkontestata), fatt li, fih innifsu, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

113    F’dan il-kuntest, kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u l-intervenjenti, l-eżerċizzju ta’ dritt għal smigħ mit-terzi milquta mill-miżuri restrittivi fil-proċedura inkwistjoni mhux biss ma huwiex konformi mal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, iżda jirriskja wkoll li jipperikola t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-Unjoni jew tal-persuni li jeżerċitaw drittijiet taħt is-sistema tat-Trattat FUE. Fil-fatt, kif tispjega l-Kummissjoni, l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt jista’ jwassal għal tixrid mhux ikkontrollat ta’ informazzjoni. B’mod partikolari, dan jista’ jippermetti lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz li minnu oriġinaw il-liġijiet annessi jkunu jafu bil-fatt li persuna talbet awtorizzazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u li, konsegwentement, hija tista’ tikkonforma ruħha jew le mal-leġiżlazzjoni ekstraterritorjali tal-imsemmi pajjiż terz, li jwassal għal riskji f’termini ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet fir-rigward tagħha u, għaldaqstant, ta’ dannu għall-interessi ta’ din il-persuna u, jekk ikun il-każ, tal-Unjoni. Kif issostni l-Kummissjoni, tali riskju jeżisti b’mod partikolari għall-persuni li jkunu talbu awtorizzazzjoni mingħajr ma jiksbuha, liema persuni, li għandhom jikkonformaw ruħhom mal-projbizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, jirriskjaw li jkunu milquta minn investigazzjonijiet u li jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet min-naħa tal-pajjiż terz.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ ta’ terzi kkonċernati mill-miżuri restrittivi fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 tidher bħala korollarja tas-sistema stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-imsemmi regolament u li hija neċessarja sabiex dan ir-regolament ikun jista’ jilħaq l-għanijiet tiegħu.

115    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li ebda element inerenti għas-sitwazzjoni personali tal-imsemmija terzi ma jinsab direttament fost l-elementi li għandha tinkludi l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 (“[l]applikazzjonijiet għandhom jinkludu l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant, jindikaw id-dispożizzjoni preċiża tal-leġiżlazzjoni ekstraterritorjali elenkata jew l-azzjoni sussegwenti involuta, u għandha tiddeskrivi l-ambitu tal-awtorizzazzjoni li tkun qed tintalab u d-dannu li tkun ikkawżata min-nuqqas ta’ konformità”) jew fost il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta hija tevalwa tali talba, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Ċertament, għalkemm l-Artikolu 4(n) ta’ dan ir-regolament jirreferi għal “kwalunkwe fattur rilevanti ieħor”, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi għas-sitwazzjoni personali tat-terzi milquta mill-miżuri restrittivi. Fil-fatt, il-kriterji previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament huma intiżi sabiex jevalwaw jekk dannu gravi huwiex ikkawżat lill-interessi protetti msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96. Issa, l-interessi tal-imsemmija terzi jibqgħu mingħajr effett fuq il-kuntest tal-imsemmija evalwazzjoni. (ara l-punti 68 sa 72 iktar ’il fuq).

116    Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni u kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija msemmija f’dawn id-deċiżjonijiet biss sa fejn hija tinsab fil-lista SDN jew hija ċċitata għal dan l-għan fl-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tal-intervenjenti. (ara l-premessi 12 sa 14 kif ukoll l-Artikolu 1 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-premessi 11, 12 u 21 kif ukoll l-Artikoli 1 u 4 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, u l-premessi 11 sa 13 u 31 kif ukoll l-Artikoli 1 u 4 tat-tielet deċiżjoni kkontestata) u li l-Kummissjoni ma ħadet inkunsiderazzjoni ebda element inerenti għas-sitwazzjoni personali tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 (ara l-premessi 16 sa 38 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-premessi 14 sa 18 tat-tieni deċiżjoni kkontestata u l-premessi 20 sa 27 tat-tielet deċiżjoni kkontestata).

117    Minn dan jirriżulta li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2271/96, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, it-terzi kkonċernati mill-miżuri restrittivi ma jidhrux li jistgħu jsostnu żbalji jew elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħhom li jimmilitaw fis-sens li tali deċiżjoni tittieħed, ma tittiħidx jew li jkollha ċertu kontenut.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li limitazzjoni tad-dritt għal smigħ ta’ terzi milquta mill-miżuri restrittivi fil-kuntest ta’ tali proċedura ma tidhirx, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku rilevanti u tal-għanijiet imfittxija minnu, bħala sproporzjonata u bħala li ma tosservax il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif isostnu l-Kummissjoni u l-intervenjenti, li deċiżjoni meħuda skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, bħad-deċiżjonijiet ikkontestati, hija limitata għall-għoti lill-applikant ta’ awtorizzazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-liġijiet annessi, mingħajr ma jikser il-projbizzjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-istess dispożizzjoni. Peress li l-imsemmija awtorizzazzjoni ma teżentax lill-applikant milli josserva d-dritt nazzjonali u, jekk ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-implimentazzjoni, mill-applikant, tal-aġir awtorizzat tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva nazzjonali jew ta’ tilwima nazzjonali, kemm taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni.

120    Mill-elementi kollha preċedenti, inerenti għan-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fil-kuntest tal-adozzjoni tagħhom u għar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, jirriżulta li l-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ li tirriżulta mill-kuntest ġuridiku rilevanti u invokata, essenzjalment, mill-Kummissjoni hija, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, iġġustifikata fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 103 iktar ’il fuq, sa fejn hija neċessarja u proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2271/96 u, b’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tisma’ lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet.

121    Barra minn hekk, il-fatt, invokat mir-rikorrenti fl-offerta ta’ prova tas‑17 ta’ Marzu 2023, li l-Kummissjoni, wara li nżammet is-seduta f’din il-kawża, semgħet terz ieħor milqut minn miżuri restrittivi fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ awtorizzazzjoni mwettqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, mhux biss iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni riedet jew talbet terz ieħor fil-kuntest ta’ proċedura oħra ma ġewx stabbiliti b’mod ċar, iżda, barra minn hekk, il-fatt invokat mir-rikorrenti seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, b’tali mod li huwa kompletament irrilevanti fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

122    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

123    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha tisma’ lir-rikorrenti f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi impost fuq rikorrent li jinvoka l-ksur tad-drittijiet għal smigħ tiegħu li juri li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 106).

125    L-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandha ssir skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 107).

126    Issa, f’dan il-każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li, kieku hija kienet instemgħet matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma huwiex totalment eskluż li dawn id-deċiżjonijiet seta’ jkollhom kontenut differenti.

127    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li kieku nstemgħet, il-Kummissjoni ma kinitx tagħti l-awtorizzazzjoni kontenzjuża b’effett retroattiv. Madankollu, tali argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv tar-rikors, l-awtorizzazzjoni kontenzjuża mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma għandhiex effett retroattiv.

128    It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti ppreżentati mill-intervenjenti quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) dwar l-assenza ta’ rabta legali bejniethom jikkontradixxu d-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma spjegatx kif hija setgħet tiddefendi ruħha aħjar matul il-proċeduri amministrattivi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Anki jekk, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tindika li hija setgħet issostni, quddiem il-Kummissjoni, li hija ma kellhiex rabta ġuridika mal-intervenjenti, kif din tal-aħħar sostniet quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main), għandu jiġi rrilevat li tali allegazzjoni ma kellhiex effett fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 83 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw ukoll is-servizzi li ma humiex direttament proposti lir-rikorrenti, iżda li minnhom tibbenefika r-rikorrenti (jew li fihom ir-rikorrenti tipparteċipa) anki indirettament.

129    It-tielet, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija setgħet tinforma lill-Kummissjoni bil-fatt li l-intervenjenti kienet ibblokkat il-fondi tagħha saħansitra qabel ma kisbet l-awtorizzazzjoni kontenzjuża, bi ksur tar-Regolament Nru 2271/96. Ir-rikorrenti tidher b’hekk tissuġġerixxi li tali awtorizzazzjoni ma setgħetx tingħata lil applikant li kiser ir-Regolament Nru 2271/96. Issa, indipendentement mill-fatt li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk l-intervenjenti bblokkatx il-fondi tar-rikorrenti mingħajr awtorizzazzjoni, bi ksur tar-Regolament Nru 2271/96, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti setgħet issostni tali allegazzjoni quddiem il-Kummissjoni, din l-allegazzjoni ma seta’ kellha ebda effett fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, xejn fir-Regolament Nru 2271/96 ma jissuġġerixxi li persuna li kisret il-projbizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament ma tista’ tikseb awtorizzazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament. Fl-aħħar nett, peress li awtorizzazzjoni kontenzjuża mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma għandhiex effett retroattiv, hija ma tirrigwardax l-eventwali aġir minn qabel tal-applikant.

130    Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li timplimenta mekkaniżmi alternattivi. Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti baqgħet ma indikatx liema mekkaniżmi alternattivi hija setgħet tressaq għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li kieku nstemgħet u l-impatt li dan seta’ jkollu fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati, billi tillimita ruħha li ssemmi, b’mod vag u mhux sostnut, mekkaniżmu msejjaħ “INSTEX”, li barra minn hekk il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tiegħu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv, mill-kuntest ġuridiku rilevanti ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha teżamina jew tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ mekkaniżmi alternattivi. Konsegwentement, anki jekk jitqies li r-rikorrenti setgħet issostni tali argument fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma ntweriex li dan seta’ kellu effett fuq il-kontenut tal-imsemmija deċiżjonijiet.

131    Barra minn hekk, l-argument żviluppat mir-rikorrenti waqt is-seduta li hija setgħet tagħmel proposti kostruttivi sabiex tipprova ssib kompromess li jippermetti b’mod partikolari li jiġi rristrutturat il-portafoll tagħha u li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-intervenjenti huwa wkoll irrilevanti, peress li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, u mhux il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

132    Il-ħames, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li hija ma nstemgħetx u ma ġietx informata bid-deċiżjonijiet ikkontestati obbligaha tippreżenta rikorsi onerużi kontra diversi operaturi ekonomiċi sabiex tikseb il-ħlas tad-dividendi tagħha jew saħansitra sabiex tkun taf biss l-istatus tagħhom. Anki jekk jitqies li dawn l-allegazzjonijiet huma veri, fatt li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tiddetermina fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma irrilevanti fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li dawn ma jikkonċernawx il-kwistjoni dwar jekk il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati setax ikun differenti.

133    Is-sitt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss l-interessi tal-intervenjenti, u mhux ukoll l-interessi tagħha. Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma sovraposti għal dawk ippreżentati fil-kuntest tar-raba’ motiv u għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-eżami tal-imsemmi motiv, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija interessi. Min-naħa l-oħra, ma ntweriex li, li kieku r-rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni li ssostni l-interessi tagħha quddiem il-Kummissjoni, tali ċirkustanza seta’ jkollha effett fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

134    Is-seba’, ir-rikorrenti ssostni li hija ma nstemgħetx fuq ir-“raġunijiet serji” kkunsidrati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 14 u fl-Artikolu 1 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, sabiex tibbaża l-għoti tal-awtorizzazzjoni kontenzjuża. Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq l-eżistenza ta’ “raġunijiet serji”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “raġunijiet serji” ġie użat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati sabiex jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni.

135    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti kellha tinstema’ matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-argumenti ppreżentati minnha quddiem il-Qorti Ġenerali ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li ma huwiex eskluż li, kieku nstemgħet, id-deċiżjonijiet ikkontestati seta’ jkollhom kontenut differenti.

136    Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li, sabiex tirrispetta d-dritt għal smigħ tagħha, il-Kummissjoni kellha tippubblika, tal-inqas, id-dispożittiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

137    Issa, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ tali lment, li ġie kkontestat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li tali obbligu ta’ pubblikazzjoni kien jaqa’ fuq il-Kummissjoni, u barra minn hekk ir-rikorrenti ma tibbaża ruħha fuq ebda dispożizzjoni rilevanti insostenn ta’ dan l-ilment. Fil-fatt, tali obbligu ta’ pubblikazzjoni ma jirriżultax min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 40 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:386), iċċitata mir-rikorrenti waqt is-seduta, filwaqt li r-regoli u ċ-ċirkustanzi inerenti għal din il-proċedura ġudizzjarja msemmija mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma humiex rilevanti. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati wara l-adozzjoni tagħhom ma jistax ikollha effett fuq l-eżerċizzju ta’ dritt eventwali għal smigħ tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għal din l-adozzjoni u, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jippermetti li jiġi kkunsidrat il-kuntrarju. Għall-istess raġunijiet, u fil-kuntest tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, alternattivament, il-Kummissjoni kellha tikkomunikalha d-deċiżjonijiet ikkontestati wara l-adozzjoni tagħhom.

138    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, billi ma ppubblikatx, jew ikkomunikat lir-rikorrenti, id-deċiżjonijiet ikkontestati wara l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni wettqet xi irregolarità proċedurali li tista’ twassal għal ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

139    Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

140    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, li dwarha l-partijiet ġew mistoqsija waqt is-seduta. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifika li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

 Fuq lispejjeż

141    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

142    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      IFIC Holding AG hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Clearstream Banking AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

van der Woude

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

 

      Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Lulju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż