Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2021 – TB vs ENISA

(Kawża T-322/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: TB (rappreżentanti: L. Levi u N. Flandin, lawyers)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita meħuda mid-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA sabiex ma tidentifikax il-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni għall-Uffiċċju tal-Politika u l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni għall-Finanzi u għall-Kuntratti Pubbliċi għall-mobbiltà interna (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita”);

Id-deċiżjoni impliċita ġiet żvelata minn:

l-Avviż Amministrattiv 2020-11 li jippreżenta l-konklużjonijiet tad-djalogi għall-mobbiltà interna tal-1 ta’ Settembru 2020, ippubblikat fit-3 ta’ Settembru 2020 (iktar ’il quddiem il-“Konklużjonijiet”) skont liema tliet pożizzjonijiet ta’ Kap ta’ Diviżjoni, li jikkorrispondu għad-Diviżjoni għall-Infrastruttura u għas-Servizzi Siguri (COD1), għad-Diviżjoni għas-Sigurtà u l-Istandardizzazzjoni tad-Data (COD2) u għad-Diviżjoni għas-Sigurtà Operattiva (COD3) ġew identifikati għall-mobbiltà interna;

id-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Awwissu 2020 ippubblikati fuq is-sit ENISA dwar żewġ pożizzjonijiet vakanti għal kompetizzjoni ġenerali għall-pożizzjonijiet ta’ Kap tad-Diviżjoni għall-Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv u għas-Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi.

sa fejn huwa meħtieġ, tannulla l-Konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Awwissu 2020;

sa fejn huwa meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tat-3 ta’ Marzu 2021 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni impliċita, il-Konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Awwissu 2020.

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ ċarezza u trasparenza, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju 6 tad-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija 2020/5.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Anness 1 tal-Avviż Amministrattiv.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tas-seba’ u tat-tmien prinċipji tad-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija 2020/5, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

____________