Language of document : ECLI:EU:F:2013:51

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

24 ta’ April 2013

Kawża F‑88/11

BX

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Kompetizzjoni EPSO/AD/148/09 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BX jitlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/148/09 (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”) li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/148/09, fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu, fit-tielet lok, l-emenda tal-lista ta’ riżerva, u, fl-aħħar lok, il-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas ta’ kumpens stmat, ex æquo et bono, għal EUR 7 000, bħala kumpens għad-dannu morali allegatament sostnut kif ukoll għall-ispejjeż.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. BX għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Mistoqsijiet magħmula matul l-eżami orali — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Anness III)

L-evalwazzjonijiet li l-Bord tal-Għażla jagħmel meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati, kif ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Bord tal-Għażla jikkonstata li kandidat ma għaddiex minn eżami, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ ġudizzju tal-valur. Huma jaqgħu fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla u ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, ħlief fil-każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw il-ħidmiet tal-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, il-Bord tal-Għażla huwa obbligat jivverifika li l-kandidati għandhom il-konoxxenzi u l-esperjenza professjonali neċessarji għall-funzjonijiet li jirrigwardaw il-pożizzjoni li għandha timtela msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Dan huwa wkoll obbligat iwettaq l-eżami komparattiv tal-konoxxenzi u tal-kompetenzi tal-kandidati sabiex jintgħażlu l-iktar adegwati fir-rigward tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eżamijiet orali ta’ kompetizzjoni, is-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla titwessa’ iktar permezz tal-element ta’ libertà u ta’ inċertezza li jikkaratterizza dan it-tip ta’ eżami li huwa, min-natura tiegħu stess, inqas standardizzat mill-eżami bil-miktub u li l-kontenut tiegħu jista’ jvarja skont l-esperjenza u l-personalità tad-diversi kandidati kif ukoll skont it-tweġibiet li huma jagħtu għall-mistoqsijiet tal-Bord tal-Għażla. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Għażla ma jmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, fir-rigward taż-żmien limitat ta’ eżami orali, meta jirrestrinġi l-ħin mogħti lil rikorrent sabiex jipprepara t-tweġiba tiegħu u billi jitolbu jagħti tweġiba spontanja.

(ara l-punti 38, 39, 60 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il‑Kummissjoni, T-95/98, punt 36; 14 ta’ Lulju 2000, Texeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-146/99, punt 42; 7 ta’ Frar 2002, Felix vs Il-Kummissjoni, T‑193/00, punt 36; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T-336/02, punt 25; 14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T-371/03, punt 102