Language of document : ECLI:EU:T:2011:588

Kawża T-224/10

Association belge des consommateurs test-achats ASBL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Suq Belġjan tal-enerġija — Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni — Impenji matul l-ewwel fażi ta’ eżami — Deċiżjoni li tirrifjuta r-rinviju parzjali tal-eżami ta’ konċentrazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali — Rikors għal annullament — Assoċjazzjoni ta’ konsumaturi — Interess ġuridiku — Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond — Drittijiet proċedurali — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Locus standi — Deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni — Terzi kkonċernati mill-konċentrazzjoni inkwistjoni

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Proċedura amministrattiva — Dritt ta’ terzi għal smigħ — Assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 6; Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, Artikolu 11(ċ))

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Locus standi — Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rinviju lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-eżami ta’ konċentrazzjoni — Terzi kkonċernati mill-konċentrazzjoni inkwistjoni — Assenza

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 9)

4.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rinviju lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-eżami ta’ konċentrazzjoni — Dritt ta’ Stat Membru li jressaq rikors għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu — Rikors għall-istess finijiet minn terz ikkonċernat — Inammissibbiltà

(Regolament tal‑Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 9(9))

1.      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra fil-każ biss li l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda lil dik il-persuna direttament u individwalment. Madankollu, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, il-locus standi ta’ terzi kkonċernati minn konċentrazzjoni għandu jiġi evalwat b’mod differenti skont jekk dawn, minn naħa, jinvokawx vizzji li jaffettwaw il-mertu ta’ dawn id-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem l-“ewwel kategorija”) jew inkella, min-naħa l-oħra, isostnux li l-Kummissjoni kisret drittijiet proċedurali mogħtija lilhom permezz ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“tieni kategorija”).

Fir-rigward tal-ewwel kategorija, iċ-ċirkustanza li deċiżjoni tista’ tinfluwenza s-sitwazzjoni legali ta’ rikorrent ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi kkunsidrat li huwa għandu locus standi. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li parti għandha tkun affettwata individwalment, huwa neċessarju li d-deċiżjoni inkwistjoni taffettwa lir-rikorrent minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah fir-rigward ta’ kull persuna oħra u tindividwalizzah b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju.

Fir-rigward tat-tieni kategorija, bħala regola ġenerali, meta regolament jagħti drittijiet proċedurali lil terzi, dawn tal-aħħar għandhom ikollhom rimedju intiż li jipproteġi l-interessi leġittimi tagħhom. F’dak li jirrigwarda, speċifikament, il-kawżi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, id-dritt għal smigħ regolari ta’ ċerti terzi, fuq talba tagħhom, matul proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, jista’, bħala prinċipju, jiġi deċiż mill-qorti tal-Unjoni biss fl-istadju tal-istħarriġ tar-regolarità tad-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni. Għalhekk, anki meta din id-deċiżjoni ma tkunx, fil-mertu, tikkonċerna lir-rikorrent individwalment u/jew direttament, dan tal-aħħar għandu madankollu jingħata locus standi kontra l-imsemmija deċiżjoni speċifikament bil-għan li jiġi eżaminat jekk inkisrux il-garanziji proċedurali li huwa kien intitolat jinvoka. Huwa biss jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata ksur ta’ dawn il-garanziji, li jkun ta’ natura tali li jippreġudika d-dritt tar-rikorrent li jsostni b’mod utli l-pożizzjoni tiegħu matul l-imsemmija proċedura amministrattiva, jekk ikun talab dan, li għandha tannulla din id-deċiżjoni minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Fin-nuqqas ta’ tali ksur sostanzjali tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent, il-fatt li dan tal-aħħar jinvoka, quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-ksur ta’ dawn id-drittiijiet matul il-proċedura amministrattiva ma jistax, waħdu, jirriżulta fl-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan ikun ibbażat fuq motiv li jirrigwarda l-ksur tar-regoli sostantivi.

Minn dan isegwi li rikors ippreżentat minn rikorrent li ma jifformax parti mill-ewwel kategorija jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli, biss sa fejn dan huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni tal-garanziji proċedurali magħrufa lilu matul il-proċedura amministrattiva, peress li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika, fil-mertu, jekk id-deċiżjoni li tagħha qed jintalab l-annullament tiksirx dawn il-garanziji.

(ara l-punti 27-30)

2.      Assoċjazzjoni tal-konsumaturi, stabbilita sabiex tippromwovi l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, jista’ jkollha dritt proċedurali, jiġifieri d-dritt għal smigħ, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni tal-konċentrazzjoni, sakemm ikunu osservati żewġ rekwiżiti: l-ewwel wieħed li l-konċentrazzjoni tkun tikkonċerna prodotti jew servizzi użati mill-konsumaturi finali, it-tieni wieħed li din tkun effettivament għamlet talba bil-miktub sabiex tinstema’ mill-Kummissjoni matul l-imsemmija proċedura ta’ investigazzjoni. Kemm ’il darba dawn ir-rekwiżiti jkunu osservati, din l-assoċjazzjoni hija ammissibbli tikkontesta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni minħabba ksur ta’ dan id-dritt proċedurali.

Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, it-tieni inċiż tal-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament Nru 802/2004, li jimplementa r-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, jipprovdi li l-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi jibbenefikaw minn dritt għal smigħ biss meta l-konċentrazzjoni proposta tkun tikkonċerna prodotti u servizzi użati mill-konsumaturi finali, madankollu dan ma jimponix li s-suġġett tal-konċentrazzjoni proposta għandu jkun jirreferi immedjatament għall-imsemmija prodotti jew servizzi. Il-konsegwenza tan-natura eventwalment sekondarja tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq il-konsumaturi ma hijiex li l-imsemmija assoċjazzjoni tiġi mċaħħda mid-dritt għal smigħ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li twarrab it-talba ta’ assoċjazzjoni ta’ konsumaturi, intiża sabiex din tinstema’ inkwantu terz li għandu interess suffiċjenti f’konċentrazzjoni, mingħajr ma tipprovdilha l-opportunità li turi b’liema mod il-konsumaturi jistgħu jkunu kkonċernati minn din il-konċentrazzjoni.

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, la r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ir-Regolament Nru 802/2004 ma jispeċifikaw, meta jipprovdu li ċerti terzi, jekk jitolbu dan, għandhom jinstemgħu mill-Kummissjoni, il-perijodu li matulu din it-talba għandha tiġi ppreżentata. B’mod partikolari, dawn ir-regolamenti ma jispeċifikawx espliċitament li din it-talba għandha tiġi introdotta wara n-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni li tirrigwardaha jew wara l-pubblikazzjoni tal-avviż li jirrigwardaha. Madankollu, peress li l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 biss fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet notifikati, huwa koerenti mal-loġika tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet li jiġi kkunsidrat li l-passi li t-terzi għandhom jieħdu sabiex ikunu inklużi fil-proċedura għandhom iseħħu wara n-notifikazzjoni formali ta’ konċentrazzjoni. Fil-fatt, in-neċessità li t-terzi li jkunu jixtiequ jinstemgħu jippreżentaw it-talbiet tagħhom għal dan il-għan wara n-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni kkonċernata hija konformi mal-ħtieġa ewlenija ta’ ħeffa li tikkaratterizza l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet u li timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tosserva t-termini stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha.

(ara l-punti 37, 38, 40, 43, 44, 49, 53, 56)

3.      Terz ikkonċernat minn konċentrazzjoni jista’ jkun ammissibbli li jikkontesta, quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tilqa’ t-talba tar-rinviju mressqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni sakemm id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi lil dawn it-terzi, minn naħa, drittijiet proċedurali matul l-eżami ta’ konċentrazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, protezzjoni ġudizzjarja sabiex jikkontestaw l-eventwali ksur ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, tali deċiżjoni ta’ rinviju għandha l-konsegwenza diretta li tissuġġetta konċentrazzjoni, jew parti minnha, għall-investigazzjoni esklużiva tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, li tiddeċiedi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħha, u b’dan il-mod iċċaħħad lil terzi milli jaraw li l-Kummissjoni teżamina r-regolarità tal-operazzjoni inkwistjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u tipprekludihom milli jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li, fin-nuqqas ta’ rinviju, l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kontestazzjoni.

Issa, dawn id-drittijiet proċedurali u din il-protezzjoni ġudizzjarja bl-ebda mod ma huma pperikolati mid-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju, li, bil-kontra ta’ dan, tiggarantixxi lit-terzi kkonċernati minn konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja, minn naħa, li din ser tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ser tkun il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tippresjedi rikorsi eventwali kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-locus standi tar-rikorrenti ma jistax jirriżulta minn applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza dwar il-locus standi tal-imsemmija terzi kontra deċiżjoni ta’ rinviju.

(ara l-punti 75, 77, 79-81)

4.      L-Artikolu 9(9) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta rikors sabiex jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu. Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn fis-sistema ta’ investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja, prevista mill-imsemmi regolament, li jippermetti li jiġi konkluż li terz ikkonċernat huwa ammissibbli jikkontesta d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju minħabba li din tipprekludi li l-investigazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, u r-rimedji kontra d-deċiżjoni li fiha ssir din l-investigazzjoni, tkun taqa’ taħt id-dritt ta’ Stat Membru, u mhux taħt id-dritt tal-Unjoni. L-ammissibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju ma tistax tirriżulta mill-fatt li d-dritt nazzjonali inkwistjoni jista’ jagħti lill-imsemmi terz drittijiet proċedurali u/jew protezzjoni ġudizzjarja iktar wiesgħa minn dik prevista mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, iċ-ċertezza legali tipprekludi li l-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni tkun tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru ta’ fejn tinsab l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li talbet, mingħajr suċċess, ir-rinviju tal-eżami ta’ konċentrazzjoni jagħtix lil terzi kkonċernati drittijiet proċedurali u/jew protezzjoni ġudizzjarja iktar wiesgħa minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni. Il-portata tal-imsemmija drittijiet proċedurali u tal-protezzjoni ġudizzjarja tiddependi fuq serje ta’ fatturi li huma, minn naħa, diffiċilment paragunabbli u, min-naħa l-oħra, suġġetti għal żviluppi leġiżlattivi u ġurisprudenzjali li huma diffiċli li jiġu mistħarrġa.

5.      L-għan aħħari ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni huwa li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-imsemmija Unjoni, indipendentement mill-portata tad-drittijiet proċedurali u tal-protezzjoni ġudizzjarja li huwa jagħti, u mhux dak li tiġi invokata l-protezzjoni eventwalment iktar wiesgħa li tirriżulta mid-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 82-84)