Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Mejju 2010 - Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-226/10)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: H. Gruszecka u D. Pawłowska, konsulenti legali)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta' Marzu 2010, fil-Każ PL/2009/1019, rigward is-suq nazzjonali bl-ingrossa għall-iskambju ta' traffiku IP (IP-Transit), u fil-Każ PL/2009/1020, rigward is-suq nazzjonali bl-ingrossa għall-iskambju ta' traffiku IP (IP-Peering) man-netwerk ta' Telekomunikacja Polska S.A.;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2010) 1234, tat-3 ta' Marzu 2010, adottata abbażi tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) 1, u li fiha l-Kummissjoni talbet lill-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (President tal-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) jirtira proġetti ta' miżuri rigward is-suq nazzjonali bl-ingrossa għall-iskambju ta' traffiku IP (IP-Transit) u s-suq bl-ingrossa għal IP-Peering man-netwerk ta' Telekomunikacja Polska S.A., li ġew innotifikati lill-Kummissjoni fis-27 ta' Novembru 2009 u rreġistrati taħt in-numri PL/2009/1019 u PL/2009/1020.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni tliet motivi.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret forom proċedurali sostanzjali, fosthom il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, dak tal-kooperazzjoni effikaċi u l-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas, għaliex id-dispożizzjonijiet adottati f'din id-deċiżjoni ġew ibbażati fuq traduzzjoni żbaljata tal-proġetti ta' miżuri li r-rikorrenti kkomunikat fil-kuntest tal-proċess ta' notifika, b'tali mod li wassal lill-Kummissjoni tagħmel konstatazzjonijiet żbaljati fuq il-fatti li jikkostitwixxu l-qafas tal-miżuri nnotifikati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali billi ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda analiżi dettaljata u oġġettiva tar-raġunijiet li għalihom hija talbet l-irtirar tal-proġetti ta' miżuri li ġew innotifikati.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest billi qieset li s-servizzi ta' IP-Peering u ta' IP-Transit kienu sostitwibbli. Ir-rikorrenti tqis li s-servizzi ta' IP-Peering u ta' IP-Transit mhumiex sostitwibbli, għaliex huma differenti fir-rigward tal-qasam ikkonċernat minħabba l-volum ta' traffiku IP skambjat bejn l-impriżi ta' telekomunikazzjoni, minħabba l-metodu ta' kalkolu tar-remunerazzjonijiet għall-provvisti ta' servizzi, minħabba d-definizzjoni ta' dak li jipprovdi s-servizzi (ISP), u minħabba l-livell tal-kwalità tas-servizzi.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 102 TFUE, flimkien mal-Artikoli 7(4), 8(2)(b) u (ċ), 14(2), 15(3) u 16(4) tad-Direttiva Qafas billi qieset li s-swieq bl-ingrossa ta' skambju ta' traffiku IP fil-Polonja (IP-Transit u IP-Peering) ma jikkostitwixxux żewġ swieq distinti, li huma ma għandhomx ikunu s-suġġetti ta' regolament ex ante, u li Telekomunikacja Polska S.A. ma għandhiex setgħa sinjifikattiva fuq dawn iż-żewġ swieq. Ir-rikorrenti ssostni li, b'mod konformi mar-rekwiżiti li jinsabu fir-rakkomandazzjoni 2 u fil-linji gwida 3, hija għamlet analiżi tas-swieq mil-lat tal-fondatezza ta' regolament ex ante u vverifikat mingħajr dubju l-applikazzjoni tat-tliet kriterji. Din il-verifika kkonfermat b'mod sħiħ li s-swieq ta' skambju ta' IP-Peering u ta' IP-Transit għandhom ikunu s-suġġett ta' regolament ex ante, għaliex huma kkatterizzati mill-eżistenza ta' ostakli importanti u permanenti, l-istruttura tagħhom ma tagħtix lok għal sitwazzjoni ta' kompetizzjoni effettiva matul il-perijodu msemmi, u d-dritt tal-kompetizzjoni mhuwiex, minnu nnifsu, suffiċjenti bħala rimedju għan-nuqqas ikkonċernat fis-swieq.

____________

1 - Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

2 - Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta' Diċembru 2007, dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli għal regolazzjoni ex ante skont id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [notifikata taħt id-dokumnent numru C(2007) 5406], ĠU L 344, p. 65.

3 - Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-setgħa tas-suq skont il-qafas regolatorju Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, ĠU C 165, p. 6.