Language of document : ECLI:EU:T:2015:477

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Lulju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva Rock & Rock — Trade marks nazzjonali preċedenti MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK, COVERROCK u CEILROCK — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑436/12,

Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG, stabbilita fi Gladbeck (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Krenzel, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,

konvenuta,

sostnut minn

Ceramicas del Foix, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn M. Pérez Serres u R. Guerras Mazón, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-10 ta’ Lulju 2012 (Każ R 495/2011‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG u Ceramicas del Foix, SA,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: I. Drăgan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2013,

wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Novembru 2003, l-intervenjenti, Ceramicas del Foix, SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 353), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 2, 19 u 27 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 2: “Żebgħa, verniċ, żmalt; Preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni ta’ l-injam; Koloranti; Murdenti; Raża naturali mhux ipproċessata; Metalli f’folji rqaq u trab għall-bajjada, għad-dekoraturi, għall-istampaturi u għall-artisti”;

–        Klassi 19: “Materjali tal-bini (mhux tal-metall); Pajpijiet riġidi għall-bini mhux tal-metall; Asfalt, żift u bitum; Bini trasportabbli mhux tal-metall; Monumenti, mhux tal-metall. Il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq minbarra t-tipi kollha ta’ prodotti tas-suf minerali u materjal ta’ iżolazzjoni tal-ħoss għall-bini”;

–        Klassi 27: “Twapet, twapet żgħar u ħsajjar, linolju u materjali oħra biex tiksi art eżistenti; Tapezzerija tal-ħitan (mhux tat-tessuti)”.

4        Fl-10 ta’ Jannar 2008, is-sinjal inkwistjoni ġie rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        Fl-14 ta’ April 2008, ir-rikorrenti, Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/209].

6        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade marks li ġejjin:

–        it-trade mark verbali preċedenti MASTERROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fid-9 ta’ Lulju 2002 taħt in-numru 30212141, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17, 19 u 37;

–        it-trade mark verbali preċedenti FIXROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-23 ta’ Awwissu 1999 taħt in-numru 39920622, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 6, 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti FLEXIROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-21 ta’ Settembru 1994 taħt in-numru 2078534, għal prodotti u servizzi fil-klassi 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti COVERROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fis-17 ta’ Settembru 1997 taħt in-numru 39732094, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti CEILROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-18 ta’ Ġunju 2003 taħt in-numru 30306452, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 6, 17 u 19.

7        Il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti inklużi fil-klassijiet 6, 17 u 19 huma diversi materjal ta’ kostruzzjoni, prodotti, essenzjalment minn suf minerali. Barra minn hekk, it-trade mark MASTERROCK tkopri wkoll “servizzi ta’ kostruzzjoni” u “servizzi ta’ installazzjoni” inklużi fil-klassi 37.

8        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade marks preċedenti u kienet intiża kontra l-prodotti kollha koperti mit-trade mark ikkontestata.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti. Hija tqis li ċerti prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni kienu medjament jixxiebhu, filwaqt li oħrajn kienu differenti jew jixxiebhu ftit li xejn. Barra minn hekk, skont din, is-sinjali inkwistjoni għandhom livell dgħajjef ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali, bl-eċċezzjoni tat-trade mark preċedenti, CEILROCK, li kienet differenti mit-trade mark ikkontestata. Fid-dawl ukoll tal-livell għoli ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, hija kkonkludiet li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni.

10      Fit-3 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Huwa kkonkluda li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien partikolarment għoli. Huwa kkonferma, essenzjalment, il-konstatazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni u s-sinjali inkwistjoni, billi enfasizza n-natura deskrittiva tal-element komuni “rock”. Barra minn hekk, huwa qies li l-protezzjoni wiesgħa mogħtija lil familja ta’ trade marks ma tapplikax f’dan il-każ. Konsegwentement, huwa kkonstata li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

15      Skont dawn l-artikoli, trade mark Komunitarja hija ddikjarata invalida, fuq talba tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm ir-riskju li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh bejn is-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra EU:T:2003:199, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata u tas-7 ta’ Novembru 2013, Three-N-Products vs UASI – Munindra (AYUR), T‑63/13, EU:T:2013:583, punt 14].

17      F’dan il-każ, ir-rikorrenti taqbel mal-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni jixxiebhu parzjalment u għall-bqija jixxiebhu ftit li xejn jew huma differenti. Il-Qorti Ġenerali tqis li din l-analiżi hija korretta.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

18      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-territorju rilevanti kien il-Ġermanja, pajjiż ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni tat-trade marks preċedenti, u li l-pubbliku rilevanti kien magħmul minn konsumaturi Ġermaniżi medji u minn professjonisti fis-settur tal-kostruzzjoni. Huwa qies li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku huwa partikolarment għoli fil-mument tax-xiri minħabba l-prezz, in-natura speċjalizzata u d-durabbiltà mistennija tal-prodotti inkwistjoni.

20      Ir-rikorrenti ma tikkontestax dan ir-raġunament.

21      Għandu jiġi enfasizzat li l-prodotti kkonċernati, li huma fil-parti l-kbira tagħhom, materjal ta’ kostruzzjoni, ma humiex intiżi li jintużaw kuljum minn konsumaturi medji. In-natura speċjalizzata tagħhom teħtieġ għażla preċiża u informata, indipendentement mill-prezz u mill-kwantità tal-prodotti mibjugħa. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li tip ta’ prodott ma jkunx regolarment mixtri mill-konsumatur normalment juri li l-livell ta’ attenzjoni ta’ dan ikun pjuttost għoli. Għandu jingħad ukoll li, anki jekk parti mill-prodotti inkwistjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, ma tantx huwa komuni li x-xiri jsir minn sempliċi konsumaturi, li normalment jafdaw dan ix-xogħol lil professjonista jew jieħdu parir mingħand konsumaturi li l-livell ta’ tagħrif tagħhom f’dan il-qasam huwa superjuri għall-medja [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2009, Deutsche Rockwool Mineralwoll vs UASI – Redrock Construction (REDROCK), T‑146/08, EU:T:2009:398, punti 45 u 46].

22      Għandu jingħad ukoll li t-tagħrif dwar il-karatteristiċi, il-kwalità u s-sors kummerċjali tal-materjal ta’ kostruzzjoni jerġa’ huwa iktar importanti għall-pubbliku rilevanti peress li dawn il-prodotti — ladarba użati fuq il-bini — ikunu jistgħu jinbidlu biss bi spiża kbira ħafna. Barra minn hekk, il-kwalità ħażina tagħhom tista’ tikkawża danni fil-bini, li jistgħu jkunu jeħtieġu intervent oneruż ħafna. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li anki l-konsumatur medju, li ma jafdax l-għażla ta’ dawn il-prodotti lil professjonist, jagħmel riċerki fuq l-internet dwar il-prodotti kkonċernati u huwa, fi kwalunkwe każ, interessat mill-oriġini u l-identità tal-produttur ta’ dawn il-prodotti.

23      L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ kostruzzjoni koperti mit-trade mark MASTERROCK, li l-għażla tagħha timplika selezzjoni preċiża u informata u teżiġi livell għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

24      Konsegwentement, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa partikolarment għoli.

 Fuq il-paragun bejn is-sinjali

25      Ir-rikorrenti takkuża lill-Bord tal-Appell li evalwa b’mod żbaljat ix-xebh tas-sinjali f’kunflitt u l-karattru deskrittiv tal-element “rock” fil-kuntest tal-prodotti tas-settur tal-kostruzzjoni.

26      Hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi pparagunat ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal-element dominanti (sentenzi UASI vs Shaker, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu rrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2007:539, punt 43).

–       Osservazzjonijiet preliminari

28      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta’ element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi tagħha minn dawk ta’ impriżi oħrajn. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata [sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra, EU:T:2006:157, punt 35, u tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI – Link Interchange Network (WORLDLINK), T‑325/04, EU:T:2008:51, punt 66].

29      Barra minn hekk, l-identifikazzjoni tal-elementi verbali komprensibbli għall-konsumatur hija rilevanti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku, viżiv u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2010, MIP Metro vs UASI – CBT Comunicación Multimedia (Metromeet), T‑407/08, Ġabra, EU:T:2010:256, punti 37 u 38].

30      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell ikkonferma l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li l-pubbliku rilevanti jidentifika l-element “rock” bħala terminu li jinftiehem, bl-istess mod bħall-elementi “master”, “fix”, “flexi” u “cover”, li jappartjenu għall-vokabularju bażiku tal-lingwa Ingliża.

31      Dan l-approċċ, approvat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonfermat.

32      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-element “rock”, komuni fis-sinjali inkwistjoni, huwa deskrittiv fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, il-pubbliku Ġermaniż ikkonċernat mill-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni huwa kapaċi li jifhem il-kelma “rock” fis-sens li tirreferi, b’mod partikolari, għal ġebla, li jirreferi għall-materjal ta’ kostruzzjoni.

33      Ir-rikorrenti tikkontesta dan ir-raġunament u tqis li l-element komuni “rock” huwa dominanti fit-trade marks preċedenti.

34      L-ewwel nett, hija ssostni li d-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż għall-Brevett) irreġistra, taħt in-numru 30229274, it-trade mark Ġermaniża Rock, kif ukoll numru kbir ta’ trade marks li jinkludu l-element “rock”, bħal MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK, COVERROCK u CEILROCK. Dan huwa prova tal-fatt li l-pubbliku Ġermaniż ma jifhimx il-kelma “rock” bħala li tirreferi għal prodotti tal-industrija tal-bini, bħall-prodotti fil-klassi 19. Bl-istess mod, l-UASI ppubblika l-applikazzjoni għal trade mark numru 6885594 għas-sinjal ROCK biss.

35      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li s-sempliċi fatt li trade mark tkun ġiet irreġistrata bħala trade mark nazzjonali jew Komunitarja ma jeskludix li din tkun deskrittiva ħafna jew, fi kliem ieħor, li jkollha karattru distintiv intrinsiku dgħajjef meta mqabbla mal-prodotti u s-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza REDROCK, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, f’moħħ il-pubbliku Ġermafonu rilevanti, il-kelma “rock” għandha tifsira preċiża, li tikkorrispondi għall-kelma “dublett” bil-Ġermaniż, jew tirreferi għal stil ta’ mużika, iżda ma tinftehimx bħala “ġebel”.

37      Għandu jitfakkar li l-Ingliż huwa lingwa preżenti fid-dinja kollha u hija użata wkoll fl-industrija tal-bini. Għalkemm il-konsumatur medju Ġermaniż jista’ ma jkunx jaf l-Ingliż fil-fond, it-terminu “rock” jagħmel parti mill-kliem Ingliż elementari u kemm il-professjonisti kif ukoll il-konsumaturi jassoċjaw dan it-terminu mat-terminu “ġebel” (sentenza REDROCK, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 53).

38      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li tal-inqas parti mill-materjal ta’ kostruzzjoni kopert mit-trade mark ikkontestata u l-kważi totalità tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti huma prodotti minn materji primi abbażi ta’ ġebel li, speċjalment fl-istat naturali tagħhom, jistgħu faċilment jiġu assoċjati mill-pubbliku rilevanti mat-terminu “rock”, anki fis-sens ta’ “blat” jew ta’ “rdum”, b’mod li hija deskrittiva ħafna (sentenza REDROCK, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 54).

39      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li t-terminu “rock” fil-Ġermaniż għandu tifsiriet oħra, jiġifieri l-isem ta’ stil ta’ mużika u tip ta’ ħwejjeġ għan-nisa. Fil-fatt, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv jew deskrittiv ta’ sinjal, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens tal-imsemmi sinjal li jirreferi għall-prodotti koperti jew l-indikazzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra, EU:C:2003:579, punt 32, u REDROCK, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 55).

40      Barra minn hekk, f’dan il-każ, it-terminu “rock” jgħaddi wkoll messaġġ ta’ tifħir f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi koperti li huma relatati ma’ materjali ta’ kostruzzjoni u mal-attività ta’ kostruzzjoni, peress li jista’ jinftiehem li jalludi għas-solidità u l-istabbiltà tal-blat jew formazzjonijiet tal-ġebel oħra. Issa, terminu ta’ tifħir relatat mal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi koperti ma huwiex kwalità ta’ karattru distintiv intrinsiku użat fir-rigward tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2008, Inter-Ikea vs UASI – Waibel (idea), T‑112/06, EU:T:2008:10, punt 51, u REDROCK, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 56].

41      Minn dan isegwi li l-element komuni “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir għall-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, b’mod li għandu biss karattru distintiv intrinsiku dgħajjef, kif ġustament sostna l-Bord tal-Appell.

42      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra wkoll li l-elementi l-oħra preżenti fit-trade marks preċedenti MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK u COVERROCK kellhom karattru distintiv dgħajjef. Skont dan, l-ewwel elementi tal-imsemmija sinjali huma mentalment assoċjati mill-pubbliku rilevanti Ġermafonu mal-karatteristiċi possibbli li għandu s-suf tal-ġebel, jiġifieri l-flessibbiltà tiegħu (“flexi”), il-kapaċità tiegħu li jitwaħħal malajr mal-ħitan (“fix”), il-kwalità superjuri tiegħu (“master”) jew l-użu tiegħu għall-kisi (“cover”). It-termini li jikkorrispondu għal dawn l-elementi verbali huma Ingliż bażiku u, barra minn hekk, huma analogi għat-termini bil-Ġermaniż “fix”, “flexibel” u “Meister”. Bl-istess mod “cover” huwa Ingliżiżmu li daħal fil-Ġermaniż.

43      Ir-rikorrenti taqbel ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

44      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-elementi “flexi”, “fix”, “master” u “cover” huma assoċjati, mill-pubbliku rilevanti, mal-karatteristiċi fiżiċi ta’ materjal ta’ kostruzzjoni, u b’mod iktar partikolari għal dawk tas-suf minerali, jew, fil-każ tal-element “cover”, għall-użu previst tagħhom. Peress li huma deskrittivi ħafna u ta’ tifħir, l-imsemmija elementi għandhom karattru distintiv dgħajjef ħafna, u għalhekk l-analiżi tal-Bord tal-Appell għandha tiġi kkonfermata.

–       Fuq l-aspett viżiv tal-paragun

45      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, minkejja l-preżenza tas-suffiss “rock” f’kull wieħed mis-sinjali inkwistjoni, ix-xebh bejniethom kien inqas fuq żewġ livelli, minħabba, minn naħa, il-prefissi differenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-element grafiku tat-trade mark ikkontestata u tas-separazzjoni tagħha permezz tas-simbolu “&”. Għalhekk, fl-impressjoni viżiva globali tagħhom, ix-xebh bejn is-sinjali huwa ta’ livell dgħajjef.

46      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-affermazzjoni.

47      Fl-ewwel lok, hija tqis li l-elementi “master”, “fix”, “flexi” u “cover” jiddeskrivu l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u li l-elementi grafiċi fit-trade mark ikkontestata huma negliġibbli. Barra minn hekk, l-element “rock” huwa dominanti kemm fit-trade marks preċedenti MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK u COVERROCK kif ukoll fit-trade mark ikkontestata Rock & Rock. Peress li l-elementi dominanti huma identiċi, is-sinjali inkwistjoni għandhom grad għoli ta’ xebh fuq il-livell viżiv.

48      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ wieħed jew diversi mill-komponenti speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, għandhom, b’mod partikolari, jiġu kkunsidrati l-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull waħda minn dawn il-komponenti billi jitqabblu ma’ dawk tal-komponenti l-oħra. Barra minn hekk, u sussidjarjament, il-pożizzjoni relattiva tad-diversi komponenti fil-konfigurazzjoni tat-trade mark kumplessa jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni [sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra, EU:T:2002:261, punt 35].

49      Għandu jitfakkar li kemm l-element verbali “rock” kif ukoll l-elementi verbali “master”, “fix”, “flexi” u “cover” huma deskrittivi ħafna u ta’ tifħir għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati (ara l-punti 41 u 44 iktar ’il fuq).

50      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-konsumatur ġeneralment jiffoka iktar fuq il-parti inizjali tal-kliem [sentenza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 u T-184/02, Ġabra, EU:T:2004:79, punt 81].

51      Issa, f’dan il-każ, il-parti inizjali tat-trade marks preċedenti MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK u COVERROCK hija magħmula mill-elementi verbali “master”, “fix”, “flexi” u “cover”.

52      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-element verbali “rock” huwa dominanti fl-imsemmija trade marks preċedenti għandu jiġi miċħud.

53      Fir-rigward tat-trade mark preċedenti CEILROCK, l-element “ceil” ma għandux tifsira li tirreferi għall-prodotti kkonċernati, kuntrarjament għall-element “rock”. Barra minn hekk, l-element “ceil” jinsab fil-bidu tat-trade mark. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti, meta jara s-sinjali viżwalment, jagħti iktar attenzjoni lil dan l-element milli lill-element komuni “rock”.

54      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti dwar il-karattru dominanti tal-element “rock” fit-trademarks preċedenti għandu jiġi miċħud.

55      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-assenza ta’ elementi dominanti, il-Bord tal-Appell għamel il-paragun tat-trade marks inkwistjoni billi eżamina kull waħda mit-trade marks fl-intier tagħha.

56      Dan l-approċċ għandu jiġi kkonfermat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq.

57      Għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali inkwistjoni huma identiċi fit-tieni element verbali tagħhom “rock”, iżda differenti mill-ewwel elementi verbali tagħhom, peress li t-trade mark ikkontestata tibda wkoll bl-element verbali “rock”, filwaqt li l-ewwel elementi tat-trade marks preċedenti huma “master”, “fix”, “flexi”, “cover” u “ceil”.

58      Barra minn hekk, anki jekk il-preżentazzjoni grafika tat-trade mark Rock & Rock ma hijiex partikolarment fantażjuża, madankollu, l-impressjoni viżiva li hija tagħti hija differenti minn dik mogħtija mit-trade marks preċedenti, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell. L-istess japplika għas-simbolu “&” li jissepara ż-żewġ elementi tat-trade mark ikkontestata.

59      Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-ewwel element tat-trade mark ikkontestata huwa wkoll “rock”, preżenti għall-finijiet tat-trade marks preċedenti, għandu jiġi enfasizzat li d-duplikazzjoni tal-element “rock” tikkostitwixxi preżentazzjoni insolita li tkompli tiddifferenzja l-impressjoni viżiva mogħtija mill-imsemmija trade mark minn dawk mogħtija mit-trade marks preċedenti. Għalhekk, l-imsemmija duplikazzjoni tinnewtralizza l-fatt li l-prefiss tat-trade mark ikkontestata jikkorrispondi għas-suffiss tat-trade marks preċedenti.

60      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tiġi kkonfermata d-deċiżjoni kkontestata, billi jiġi konkluż li x-xebh viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni huwa dgħajjef.

–       Fuq l-aspett fonetiku tal-paragun

61      Fir-rigward tal-aspett fonetiku tal-paragun, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-assonanza bejn is-suffissi tas-sinjali kienet imnaqqsa mill-prefissi differenti tagħhom. Barra minn hekk, hija qieset li l-prefissi tas-sinjali inkwistjoni għandhom vokali differenti, bl-eċċezzjoni biss tal-ittra “o” fl-element “cover”. Għaldaqstant, huwa kkunsidra li jeżisti xebh fonetiku dgħajjef.

62      Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument u ssostni li s-sinjali inkwistjoni għandhom grad għoli ta’ xebh fuq il-livell fonetiku.

63      Hija tieħu bħala eżempju t-trade mark preċedenti COVERROCK. Skont din, is-sekwenza ta’ vokali u n-numru ta’ ħsejjes huma identiċi fil-każ ta’ COVERROCK u ta’ Rock & Rock. Il-pronunzja tal-element “koverrok” tixbah ħafna lil dik tal-element “rokentrok” u huwa diffiċli ħafna għall-pubbliku rilevanti li jiddistingwi dawn it-trade marks, b’mod partikolari f’ambjent industrijali jew ta’ kostruzzjoni fejn ikun hemm ħafna storbju jew meta t-trade marks jiġi pronunzjati fuq it-telefon.

64      Għandu jiġi rrilevat li s-sinjali COVERROCK u Rock & Rock huma komposti minn tliet sillabi u li s-sekwenza tal-vokali “o”, “e” u “o” hija l-istess, fil-każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ pronunzja tal-Ġermaniż.

65      Madankollu, l-ewwel parti (cover) tat-trade mark preċedenti inkwistjoni għandha sekwenza ta’ konsonanti “k”, “v” u “r” li hija kompletament differenti minn dik tat-trade mark ikkontestata “r”, “kk”, “n” u “d”. Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tas-sinjali.

66      Għalhekk, ix-xebh fonetiku bejn is-sinjali COVERROCK u Rock & Rock huwa dgħajjef.

67      Għandu jingħad ukoll li t-trade marks preċedenti l-oħra, MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK u CEILROCK jerġa’ jixtiebhu inqas ma’ Rock & Rock, peress li s-sekwenza ta’ ħsejjes li għandhom hija iktar differenti minn dawk tat-trade mark ikkontestata.

68      Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax tuża l-argument tal-ambjent. L-għażla tal-materjali ta’ kostruzzjoni hija pass differenti mix-xogħol fiżiku ta’ kostruzzjoni u xejn ma jagħti x’jifhem li l-għażla tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni ssir fuq sit ta’ kostruzzjoni jew unikament abbażi ta’ informazzjoni rċevuta oralment. Bl-istess mod, il-komunikazzjoni permezz tat-telefon bl-ebda mod ma ċċaħħad lill-pubbliku rilevanti milli josserva d-differenzi ċari fil-pronunzja tas-sinjali inkwistjoni.

69      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li x-xebh fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni huwa dgħajjef.

–       Fuq l-aspett kunċettwali tal-paragun

70      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġibed l-attenzjoni fuq il-karattru distintiv tal-komponenti tas-sinjali inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-element “ceil”. Huwa kkonstata li l-element komuni “rock” jirreferi, fil-każ tat-trade marks preċedenti, għas-suf minerali (“rockwool” bl-Ingliż), li huwa l-materja prima prinċipali tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti. L-elementi “master”, “flexi”, “fix” u “cover” jirreferu għall-karatteristiċi jew għall-użu tas-suf tal-ġebel. Min-naħa l-oħra, fil-każ tat-trade mark ikkontestata, l-element “rock” jirreferi pjuttost għal stil ta’ mużika, peress li l-pubbliku rilevanti jassoċja Rock & Rock mal-espressjoni “rock and roll”, u jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala logħob tal-kliem. Għaldaqstant, il-grad ta’ xebh huwa dgħajjef fuq il-livell kunċettwali.

71      Ir-rikorrenti tikkontesta dan ir-raġunament. Hija ssostni li l-element “rock” huwa dominanti fis-sinjali inkwistjoni u jirreferi għall-istess idea, jiġifieri s-sens ta’ “ġebel” jew ta’ “blat”. Għalhekk jeżisti xebh ta’ grad medju fuq il-livell kunċettwali bejn is-sinjali.

72      Għandu jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru l-karattru dominanti tal-element “rock” diġà ġew miċħuda, fid-dawl tal-kapaċità distintiva dgħajfa ta’ dan it-terminu fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (ara l-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq).

73      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-prefissi “master”, “flexi”, “fix” u “cover”, flimkien mas-suffiss “rock”, huma assoċjati, mill-pubbliku rilevanti, mal-karatteristiċi fiżiċi ta’ “ġebel” jew ta’ “blat” jew inkella mal-karatteristiċi jew l-użu previst tas-suf minerali, filwaqt li t-trade mark Rock & Rock hija pjuttost ipperċepita bħala logħob tal-kliem abbażi tal-espressjoni “rock & roll”, li huwa stil ta’ mużika.

74      Fir-rigward tat-trade mark preċedenti CEILROCK, l-element “rock” biss huwa mifhum mill-pubbliku rilevanti, fis-sens oriġinali tiegħu ta’ “ġebel” jew ta’ “blat”. Din it-tifsira ma għandhiex x’taqsam mal-valur kunċettwali ta’ “rock & rock” deskritt fil-punt 73 iktar ’il fuq.

75      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament sostna li x-xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni kien dgħajjef.

76      Fil-qosor, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell korrettament qies li jeżisti biss grad ta’ xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni fuq il-livelli viżiv, fonetiku u kunċettwali.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-kunċett ta’ “serje” jew ta’ “familja” ta’ trade marks

77      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni wiesgħa mogħtija lil familja ta’ trade marks.

78      Ir-rikorrenti ssostni li hija proprjetarja ta’ serje ta’ trade marks Ġermaniżi u Komunitarji li jinkludu l-element serjali “rock” li jippermetti li jingħarfu t-trade marks tagħha. Għalhekk, hija tqis li l-pubbliku rilevanti jassoċja t-terminu “rock” mat-trade marks preċedenti tagħha, li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni b’assoċjazzjoni bejn is-sinjali inkwistjoni, peress li hija impriża li tappartjeni lill-ewwel produttur mondjali ta’ prodotti magħmulin mis-suf minerali. Hija ssostni li t-tieni element “rock” tat-trade mark ikkontestata ma jinsabx f’pożizzjoni differenti minn dik fejn jinsab fil-familja ta’ trade marks preċedenti, li jżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni.

79      Għandu jitfakkar li l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni hija każ speċifiku ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-trade marks inkwistjoni, għalkemm ma jistgħu jiġux konfużi direttament mill-pubbliku taħt mira, jistgħu jiġu pperċepiti bħala żewġ trade marks tal-istess proprjetarju [ara s-sentenza tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra, EU:T:2003:107, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-kriterju, huwa neċessarju li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li jippermettu li jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mill-istess serje jew familja (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra, EU:C:2008:739, punt 101). Madankollu, l-fattur ta’ serje jew ta’ familja ta’ trade marks huwa rilevanti biss jekk l-element komuni jkun distintiv. Fil-fatt, jekk dan l-element ikun deskrittiv, ma jistax joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2004, is-sentenza Grupo El Prado Cervera vs UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, Ġabra, EU:T:2004:208, punt 59].

80      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-protezzjoni usa’ mogħtija lil familja ta’ trade marks ma tistax utilment tiġi invokata meta l-element komuni tat-trade marks preċedenti jkun deskrittiv ħafna fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti. Fil-fatt, terminu li jirreferi għan-natura tal-imsemmija prodotti u tal-imsemmija servizzi ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni distintiva ta’ familja ta’ trade marks [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2012, Caixa Geral de Depósitos vs UASI – Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona (la Caixa), T‑255/09, EU:T:2012:383, punt 82].

81      Għandu jitfakkar li l-element “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 79 u 80 iktar ’il fuq, ma jistax ikun l-element komuni ta’ familja ta’ trade marks.

82      Fit-tieni lok, din il-konstatazzjoni hija msaħħa mid-digriet tat-30 ta’ Jannar 2014, Industrias Alen vs The Clorox Company (C‑422/12 P, Ġabra, EU:C:2014:57, punt 45), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks CLOROX u CLORALEX ma tirrikonoxxix lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti monopolju fuq l-element “clor”, deskrittiv ħafna tal-prodotti inkwistjoni, peress li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni twassal biss għall-protezzjoni ta’ ċerta kombinazzjoni ta’ elementi mingħajr madankollu ma tipproteġi, bħala tali, element deskrittiv li jagħmel parti minn din il-kombinazzjoni.

83      Issa, ir-rikonoxximent tal-familja ta’ trade marks bl-element serjali “rock” iwassal preċiżament għall-monopolizzazzjoni tal-element “rock”, li huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Il-protezzjoni amplifikata permezz tar-rikonoxximent tal-preżenza ta’ familja ta’ trade marks tfisser li, fil-prattika, l-ebda operatur ma jkun jista’ jirreġistra trade mark li tinkludi l-element “rock” u, skont il-każ, ikun jista’ jiġi rrifjutat l-użu ta’ dan l-element fis-slogans u fil-materjal pubbliċitarju tiegħu. Tali restrizzjoni tal-libertà ta’ kompetizzjoni, li tirriżulta mir-riżervazzjoni ta’ terminu bażiku tal-lingwa Ingliża għal operatur ekonomiku wieħed biss, ma tistax tkun iġġustifikata mill-interess li jiġi kkumpensat l-isforz ta’ kreazzjoni jew pubbliċitarju tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, meta ma jkunx il-każ ta’ karattru distintiv miksub bl-użu, il-valur kummerċjali li jikkostitwixxi l-imsemmija riżervazzjoni ma huwiex ir-riżultat ta’ tali sforz tal-proprjetarju, iżda unikament dak tas-sens tal-kelma, predeterminat mil-lingwa inkwistjoni, li jirreferi għall-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

84      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma tistax utilment tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-27 ta’ April 2010, UniCredito Italiano vs UASI – Union Investment Privatfonds (UNIWEB) (T‑303/06 u T‑337/06, EU:T:2010:160). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-karattru distintiv tal-element serjali “uni” fir-rigward tas-servizzi koperti u qieset li dan il-karattru kien ta’ tali livell li l-element kien hu stess suxxettibbli li jwassal għal assoċjazzjoni diretta, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, għas-serje kkonċernata (sentenza UNIWEB, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2010:160, punti 35, 38 u 39). Issa, tali livell ta’ karattru distintiv ma jeżistix f’dan il-każ.

85      Fil-fatt, l-element “uni” għandu, ċertament, tifsira għall-konsumatur medju Ġermaniż, iżda ma jistax jiġi relatat direttament mas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari mal-fondi ta’ investiment, koperti mit-trade marks preċedenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza UNIWEB, punt 84 iktar ’il fuq (EU:T:2010:160). Min-naħa l-oħra, l-element “rock” invokat f’dan il-każ jirreferi għall-karatteristiċi tal-materjali u tas-servizzi ta’ kostruzzjoni koperti mit-trade marks preċedenti. B’hekk, peress li l-kuntest fattwali huwa differenti fuq dan il-punt kruċjali, is-soluzzjoni adottata fl-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

86      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, peress li l-element “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti, ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni ta’ familja ta’ trade marks.

87      Sussidjarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, anki fi preżenza ta’ familja ta’ trade marks, il-protezzjoni wiesgħa intiża li tevita probabbiltà ta’ assoċjazzjoni tingħata biss fil-każ fejn it-trade mark l-iktar reċenti jkollha karatteristiċi li jistgħu jirreferu għas-serje. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-element komuni għat-trade marks serjali preċedenti jintuża fit-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni b’kontenut semantiku differenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, Ġabra, EU:T:2006:65, punti 126 u 127, u UNIWEB, punt 84 iktar ’il fuq, EU:T:2010:160, punt 34].

88      Issa, f’dan il-każ, l-element “rock” għandu kontenut semantiku differenti fit-trade mark ikkontestata Rock & Rock u fit-trade marks preċedenti, peress li jirreferi għal stil ta’ mużika fil-kuntest ta’ logħob bil-kliem f’dak li jikkonċerna t-trade mark ikkontestata, filwaqt li fit-trade marks preċedenti, huwa jirreferi għal “ġebel”, għal “blat” jew għas-suf minerali, fejn l-elementi “fix”, “flexi” u “cover” jippreċiżaw il-karatteristiċi fiżiċi jew l-użu previst (ara l-punti 44 u 73 iktar ’il fuq).

89      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-protezzjoni usa’ mogħtija lil serje jew familja ta’ trade marks għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti

90      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti FLEXIROCK, FIXROCK, MASTERROCK u COVERROCK kienu dgħajfa, minħabba n-natura deskrittiva ħafna tal-elementi tagħhom, filwaqt li t-trade mark CEILROCK kienet imaġinarja.

91      Ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument partikolari f’dan ir-rigward.

92      Għandu jitfakkar li, fit-trade marks preċedenti kollha, l-element “rock” jirreferi għal “ġebel”, għal “blat” jew għas-suf minerali, fejn l-elementi fix”, “flexi” u “cover” jippreċiżaw il-karatteristiċi fiżiċi jew l-użu previst (ara l-punti 44 u 73 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-element “master” għandu tifsira ta’ tifħir li l-pubbliku jikkunsidra mas-sens tat-terminu “rock” imsemmi f’dan il-punt. Għalhekk, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade marks preċedenti FLEXIROCK, FIXROCK, MASTERROCK u COVERROCK għandhom karattru distintiv dgħajjef.

93      Għaldaqstant, peress li l-pubbliku rilevanti ma jagħti l-ebda sinjifikat partikolari lill-element “ciel”, il-kombinazzjoni verbali CEILROCK hija imaġinattiva, b’mod li għandha karattru distintiv medju.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

94      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef tat-trade marks preċedenti, bl-eċċezzjoni tat-trade mark CEILROCK li kienet immaġinarja, ix-xebh dgħajjef tas-sinjali inkwistjoni u tal-livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli tal-pubbliku rilevanti, ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni tas-sinjali inkwistjoni.

95      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi ssostni li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

96      Mill-analiżi li tippreċedi jirriżulta li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni huma f’parti simili, u, għall-bqija, ftit li xejn simili jew differenti. Barra minn hekk, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa partikolarment għoli u jeżisti biss grad dgħajjef ta’ xebh tas-sinjali inkwistjoni, li jirriżulta, l-iktar, minn element li huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir għall-prodotti inkwistjoni u ta’ tifħir għas-servizzi koperti. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti huwa dgħajjef, bl-eċċezzjoni tat-trade mark CEILROCK, li l-karattru distintiv tagħha huwa normali.

97      Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sinjali inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti hija partikolarment għolja meta jinxtraw il-prodotti koperti, id-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali li jisseparaw is-sinjali inkwistjoni huma biżżejjed sabiex, minkejja x-xebh ta’ ċerti prodotti koperti, ix-xebh li jirriżulta mill-preżenza tal-element komuni “rock” ma jwassalx għal probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur medju Ġermaniż u ta’ professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza REDROCK, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 86).

98      Konsegwentement, il-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.