Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2022 minn LSEGH (Luxembourg) Ltd, London Stock Exchange Group Holdings (Italy) Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-564/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: LSEGH (Luxembourg) Ltd, London Stock Exchange Group Holdings (Italy) Ltd (rappreżentanti: A. von Bonin, Rechtsanwalt, O.W. Brouwer u A. Pliego Selie, advocaten)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropeja, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ITV plc

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tagħti d-deċiżjoni finali u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti d-deċiżjoni skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u għal dawk quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe parti intervenjenti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji:

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta żnaturat il-leġiżlazzjoni nazzjonali u ma kkunsidratx provi fl-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza bħala r-regoli tar-Renju Unit dwar iċ-CFC (kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż) fil-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 (il-Liġi tal-2010 dwar it-Tassazzjoni (Dispożizzjonijiet Internazzjonali u Dispożizzjonijiet Oħra)), (iktar ’il quddiem it-“TIOPA”), minflok is-sistema ta’ tassazzjoni korporattiva tar-Renju Unit li huma jiffurmaw parti inseparabbli minnha.

It-tieni, anki fil-każ li s-sistema ta’ referenza hija kkostitwita mir-regoli tar-Renju Unit dwar iċ-CFC, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-identifikazzjoni tal-għan tas-sistema ta’ referenza, u konsegwentement wettqet żball fl-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 5 tar-regoli tar-Renju Unit dwar iċ-CFC bħala li jiddeterminaw it-tassazzjoni “normali” ta’ profitti finanzjarji mhux kummerċjali b’tali mod li l-“eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi” fil-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-TIOPA tagħti “vantaġġ”.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ vantaġġ selettiv. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li kkonkludiet b’mod żbaljat li operaturi ekonomiċi, li setgħu jibbenefikaw mill-“eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi” fil-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-TIOPA, kienu jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli għal dik ta’ kumpanniji, li ma kinux fl-istess sitwazzjoni.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 296 TFUE minħabba li naqset milli tindirizza motivi ta’ dritt u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-ħames, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li kkondkludiet li l-“eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi” fil-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-TIOPA ma hijiex iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ referenza.

____________

1 ĠU 2019, L 216, p. 1.