Language of document : ECLI:EU:C:2023:720

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit‑28 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C509/22

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

vs

Girelli Alcool Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 7(4) – Impożizzjoni tal-ħlas tad-dazji tas-sisa – Rilaxx ta’ prodotti għall-konsum – Eżenzjoni f’każ ta’ qerda totali jew ta’ telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Każ fortuwitu – Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru – Telf irrimedjabbli li jirriżulta minn nuqqas mhux serju mwettaq minn impjegat tal-magazzinier awtorizzat)






 Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) titqajjem fil-kuntest ta’ rifjut mill-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja) (iktar ’il quddiem “l-Aġenzija tad-Dwana”) li tagħti lil Girelli Alcool Srl (iktar ’il quddiem “Girelli”), kumpanija Taljana b’maħżen awtorizzat tal-alkoħol etiliku u impjant ta’ denaturazzjoni u ippakkjar, eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal ammont ta’ alkoħol etiliku pur li ntilef irrimedjabbilment minħabba nuqqas attribwibbli lil wieħed mill-impjegati ta’ Girelli.

2.        Il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118/KE (2). Hija tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “każ fortuwitu” għandux jiġi interpretat bl-istess mod bħal dak ta’ “forza maġġuri” u jekk ikoprix sitwazzjoni fejn it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jkun ir-riżultat ta’ negliġenza jew nuqqas mhux serju ta’ impjegat ta’ magazzinier awtorizzat. Hija tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kisba ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, tqis li nuqqas mhux serju huwa l-istess bħal każ fortuwitu u forza maġġuri. Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-awtorizzazzjoni li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt din id-dispożizzjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3.        Skont il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2008/118:

“(8)      Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-[UE] meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.

(9)      Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li, taħt xi ċirkostanzi, jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox.”

4.        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

(b)      alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-[Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206) u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213)].;

[…]”

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118 jiddikjara:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’:

(a)      il-produzzjoni tagħhom […] ġewwa t-territorju tal-[Unjoni Ewropea];

(b)      l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-[Unjoni Ewropea].”

6.        Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Impożizzjoni tal-ħlas, rimborż, eżenzjoni”, fih Taqsima 1, bit-titolu “Il-post u l-ħin tal-impożizzjoni tal-ħlas”, li fiha l-Artikolu 7 tad-direttiva jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt [tal-UE] u l-leġislazzjoni nazzjonali;

(c)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

[…]

4.      Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, b’riżultat tan-natura inerenti ta’ dawk il-prodotti, ta’ ċirkostanzi mhux previdibbli, jew forza maġġuri, jew b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, m’għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-prodotti għandhom ikunu kkunsidrati meqruda totalment jew mitlufa għal kollox meta ma jkunux jistgħu jintużaw bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kkonċernati għandu jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli, jew, meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat fejn seħħ it-telf, fejn ġie żvelat.

5.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet tiegħu stess li taħthom ikun iddeterminat it-telf imsemmi fil-paragrafu 4.”

 Iddritt nazzjonali

7.        Skont l-Artikolu 2(2) tad-decreto legislativo n. 504 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, test ikkonsolidat tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar dazji fuq il-produzzjoni u l-konsum u sanzjonijiet kriminali u amministrattivi relatati) tas‑26 ta’ Ottubru 1995 (3), kif emendat bid- decreto legislativo n. 48 – Attuazione della direttiva 2008/118/CE relativa al regime generale delle accise e che abroga la direttiva 92/12/CEE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 li jimplimenta d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE) (4), “id-dazju tas-sisa għandu jsir eżiġibbli fiż-żmien meta l-prodott jiġi rilaxxat għall-konsum fit-territorju tal-Istat”.

8.        L-Artikolu 4(1) tad-Digriet Nru 504/1995 jgħid kif ġej:

“F’każ ta’ telf irrimedjabbli jew ta’ qerda totali ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, għandha tingħata eżenzjoni fejn il-persuna responsabbli li tħallas id-dazju tipproduċi prova, b’mod meqjus sodisfaċenti mill-awtorità tat-taxxa, li t-telf jew il-qerda tal-prodotti seħħew bħala riżultat ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Bl-eċċezzjoni tat-tabakk manifatturat, fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju li huma attribwibbli lil partijiet terzi jew lill-persuna responsabbli li tħallas id-dazju hija stess għandhom jiġu ttrattati bħala każ fortuwitu u forza maġġuri.”

9.        L-Artikolu 4(5) tad-Digriet Nru 504/1995 jipprovdi li “l-prodotti għandhom jitqiesu li huma totalment meqruda jew mitlufa irrimedjabbilment meta jsiru inutilizzabbli bħala prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.”

 Ilfatti talkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

10.      Fis‑26 ta’ Marzu 2014, waqt li kien qiegħed jimtela tank fl-impjant tad-denaturazzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ Girelli fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-Aġenzija tad-Dwana, alkoħol etiliku pur beda jnixxi minn valv fit-tank li wieħed mill-impjegati ta’ Girelli kien ħalla miftuħ involontarjament u xxerred mal-art. Parti mill-prodott ġie rkuprat, filwaqt li l-bqija ntilef irrimedjabbilment.

11.      Fil‑31 ta’ Marzu 2014, Girelli applikat quddiem l-Aġenzija tad-Dwana, skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Nru 504/1995, għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fir-rigward tal-ammont ta’ alkoħol etiliku pur li kien intilef aċċidentalment.

12.      Fil‑5 ta’ Ġunju 2014, l-Aġenzija tad-Dwana ċaħdet din l-applikazzjoni għar-raġuni li t-telf kien dovut għal traskuraġni u nuqqas min-naħa ta’ impjegat ta’ Girelli, u ma seħħx minħabba każ fortuwitu jew forza maġġuri.

13.      Fil‑25 ta’ Lulju 2014, Girelli ressqet osservazzjonijiet quddiem l-Aġenzija tad-Dwana, fejn ikkontestat l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ dazju tas-sisa fuq l-ammont ta’ alkoħol etiliku pur mitluf.

14.      Fit‑3 ta’ Ottubru 2014, l-Aġenzija tad-Dwana ċaħdet dawn l-osservazzjonijiet. Hija ħarġet avviż għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa fl-ammont ta’ EUR 17 476.24, li kontrih Girelli ppreżentat rikors quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (il-Qorti tat-Taxxa Provinċjali, Milan, l-Italja). Girelli sostniet, inter alia, li ma kien hemm l-ebda avveniment li fuqu huwa dovut il-ħlas tad-dazju tas-sisa, peress li, minħabba li ntilef irrimedjabbilment, l-alkoħol etiliku pur ma kienx ġie rilaxxat għall-konsum. Hija sostniet ukoll li l-fatt dannuż kien attribwibbli għal każ fortuwitu jew, sussidjarjament, għal “nuqqas mhux serju” peress li kien ikkawżat min-nuqqas ta’ attenzjoni ta’ impjegat.

15.      Il-Commissione tributaria provinciale di Milano (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali, Milano). laqgħet ir-rikors ta’ Girelli. Hija kienet tal-fehma li t-telf kien dovut għal “nuqqas ta’ diliġenza inkontestabbli, li ma jistax, madankollu, jiġi deskritt bħala ‘serju’”.

16.      L-Aġenzija tad-Dwana ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria regionale della Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali, Lombardia, l-Italja), li ddeċidiet li l-eżenzjoni kellha tingħata peress li t-telf ta’ alkoħol etiliku pur kien irrimedjabbli u dovut għal każ fortuwitu.

17.      L-Aġenzija tad-Dwana ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet, essenzjalment, li, billi ddeċidiet li l-aġir negliġenti tal-impjegat ta’ Girelli kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “każ fortuwitu” u li, fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ dan l-impjegat kien “mhux serju”, il-Commissione tributaria regionale della Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali, Lombardia) kienet kisret l-Artikolu 4 tad-Digriet Nru 504/1995.

18.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ġurisprudenza tagħha tieħu żewġ approċċi differenti għall-kunċett ta’ każ fortuwitu. Skont l-ewwel approċċ, li huwa ta’ natura suġġettiva, il-persuna marbuta bl-obbligu għandha turi li hija ma wettqet ebda nuqqas u li d-dannu seħħ b’mod li ma setax jiġi previst jew evitat bl-eżerċizzju ta’ attenzjoni dovuta fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. Skont it-tieni approċċ, li huwa ta’ natura oġġettiva, huwa irrilevanti jekk din il-persuna aġixxietx b’diliġenza jew b’negliġenza.

19.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Société Pipeline Méditerranée et Rhône (5) u fis-sentenza Latvijas Dzelzceļš (6) jista’ jiġi dedott li, fil-qasam tad-dazju tas-sisa, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “każ fortuwitu” fihom it-tnejn element oġġettiv li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali indipendenti mir-rieda tan-negozjant kif ukoll element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, min-naħa ta’ din il-persuna, li tipprovdi salvagwardji kontra l-konsegwenzi ta’ avveniment mhux normali billi tieħu passi xierqa mingħajr ma jsiru sagrifiċċji irraġonevoli. Jidher li dawn iż-żewġ kunċetti għandhom l-istess karatteristiċi. Anki fir-rigward ta’ każ fortuwitu, għandu jkun hemm “ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, mhux normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minnu”, u l-“kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi għandhom ikunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat mhijiex limitata għal ċirkustanzi esterni għalih f’sens materjali jew fiżiku, iżda tirreferi wkoll għal ċirkustanzi li jidhru oġġettivament bħala li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-magazzinier awtorizzat jew li ma jaqgħux taħt l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu” (7).

20.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 tistax tingħata meta l-avveniment li jkun ikkawża t-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jirriżulta minn nuqqas ta’ attenzjoni, prudenza jew kompetenza min-naħa tal-magazzinier jew tal-impjegat tiegħu. Fid-dawl tal-elementi oġġettivi u suġġettivi tagħhom, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “każ fortuwitu” ma japplikawx għal aġir ikkaratterizzat minn nuqqas, b’mod partikolari żball ta’ traskuraġni, li min-natura tiegħu jista’ jiġi kemm previst kif ukoll evitat.

21.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kunċett ta’ “każ fortuwitu” huwiex differenti minn dak ta’ “forza maġġuri” fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni li l-persuna kkonċernata għandha teżerċita meta tieħu prekawzjonijiet sabiex tevita fatt dannuż.

22.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, billi jikkunsidra li nuqqas mhux serju huwa l-istess bħal “forza maġġuri” u “każ fortuwitu”, l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Nru 504/1995 jidher li jipprovdi raġuni addizzjonali għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, b’referenza għal kriterju suġġettiv tal-attenzjoni eżerċitata mill-persuna kkonċernata.

23.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu kategoriji ġenerali oħra li jagħtu lok għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa. Hija tqis li l-iskema ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi, min-naħa tagħha, għan-“natura inerenti ta’ dawk il-prodotti”, “ċirkostanzi mhux previdibbli” [każ fortuwitu] u “forza maġġuri”, tista’ tissuġġerixxi li din l-espressjoni għandha valur restrittiv u residwu. Għalhekk, din tirreferi għal avvenimenti speċifiċi oħra, li ma humiex identifikabbli a priori iżda li għandhom x’jaqsmu ma’ fatti partikolari li, sa fejn huma suġġetti għal evalwazzjoni speċifika minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jinqered il-prodott. Din il-fehma hija kkonfermata mill-fatt li r-raġunijiet għall-eżenzjoni, sa fejn jidderogaw mis-sistema ta’ tassazzjoni ordinarja, għandhom jiġu interpretati b’mod strett u bl-użu tal-kelma “ċirkustanzi” fil-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118.

24.      Għaldaqstant, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ każ fortuwitu bħala l-kawża ta’ telf li jseħħ taħt-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-[Direttiva 2008/118], għandu jiġi interpretat jew le, bħall-każ ta’ forza maġġuri, fis-sens li ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, mhux normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minnu, b’tali mod li kwalunkwe possibbiltà ta’ kontroll tiegħu hija oġġettivament eskluża?

(2)      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni mir-responsabbiltà fil-każ ta’ każ fortuwitu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u skont il-każ, b’liema mod, id-diliġenza wżata fit-teħid tal-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi evitat il-fatt dannuż?

(3)      Sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, dispożizzjoni bħall-Artikolu 4(1) tad-[Digriet Nru 504/1995], li tassimila l-każ fortuwitu u l-każ ta’ forza maġġuri, għan-nuqqas mhux serju (tal-persuna kkonċernata stess jew ta’ terzi), hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tad-[Direttiva 2008/118], li ma jipprevedix każijiet oħra, b’mod partikolari fir-rigward tan-‘nuqqas’ tal-awtur tal-fatt jew tal-persuna kkonċernata?

(4)      Fl-aħħar nett, il-frażi ‘b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru’, li tinsab ukoll fl-Artikolu 7(4) imsemmi iktar ’il fuq, tista’ tinftiehem li tikkostitwixxi possibbiltà għall-Istat Membru sabiex jistabbilixxi kategorija ġenerali addizzjonali (in-nuqqas żgħir) li tista’ taffettwa d-definizzjoni tar-rilaxx għall-konsum fil-każ ta’ qerda jew ta’ telf tal-prodott jew tali possibbiltà għandha tiġi eskluża, peress li tali frażi għandha tinftiehem, għall-kuntrarju, fis-sens li tirreferi għal sitwazzjonijiet speċifiċi awtorizzati fuq bażi ta’ każ b’każ jew, fi kwalunkwe każ, f’kategoriji ta’ każijiet iddefiniti minn qabel skont kriterji oġġettivi?”

25.      Girelli, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet domandi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni għal risposta bil-miktub. Dawn l-istituzzjonijiet irrispondew fit-terminu preskritt. Fis-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Girelli u l-Kummissjoni ppreżentaw argument orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Evalwazzjoni ġuridika

 Ammissibbiltà

26.      Mingħajr ma targumenta formalment li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, Girelli ssostni li d-domandi magħmula jaqgħu barra mill-portata tal-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118 u l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Nru 504/1995, id-dazju tas-sisa jsir dovut fil-mument tar-rilaxx għall-konsum. Wara li xxerred mal-art tal-impjant tad-denaturazzjoni, l-alkoħol etiliku pur sar “inutilizzabbli” bħala prodott suġġett għad-dazju tas-sisa u għalhekk intilef irrimedjabbilment (8), tant li taħt l-ebda ċirkustanza ma jista’ jintqal li ġie rrilaxxat għall-konsum.

27.      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża, u li għandha tkun responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Tali domandi għalhekk igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari minn qorti nazzjonali biss meta jkun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti reali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula (9).

28.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tinvolvi li jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi deskritti fiha, telf irrimedjabbli ta’ oġġetti tas-sisa jistax jiġi kkunsidrat bħala rilaxx għall-konsum fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/118. Kuntrarjament għal dak li ssostni Girelli, il-fatt li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa nqerdu għal kollox jew intilfu irrimedjabbilment ma huwiex neċessarjament inkonsistenti mar-rilaxx tagħhom għall-konsum. Kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118, huwa biss “taħt xi ċirkostanzi”, iddefiniti fl-Artikolu 7(4) tagħha, fejn tali prodotti jkunu ġew meqruda b’mod totali jew mitlufa irrimedjabbilment li ebda dazju ma jista’ jiġi impost fuqhom. Il-qorti tar-rinviju titlob l-assistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara jekk sitwazzjoni bħal dik li qamet fil-kawża prinċipali taqax taħt dawn iċ-ċirkustanzi.

29.      Minn dan isegwi li d-domandi magħmula huma utli u rilevanti għall-eżitu tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalhekk nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondihom.

 Ilmertu

 Lewwel domanda

30.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk il-kunċett ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandux, bħal dak ta’ “forza maġġuri”, jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi mhux normali u imprevedibbli, estranji għall-magazzinier awtorizzat, li l-konsegwenzi tagħhom, minkejja l-eżerċizzju tad-diligenza kollha użata, ma setgħux jiġu evitati, u jinsabu oġġettivament lil hinn mill-kontroll jew mill-isfera ta’ responsabbiltà tal-magazzinier (10).

31.      Id-Direttiva 2008/118 la tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” u ta’ “forza maġġuri” u lanqas ma tirreferi għal-liġi tal-Istati Membri għal dan il-għan (11).

32.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Girelli jidhru li jinvokaw l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2008/118 sabiex jiġi sostnut li l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jipprovdu eżenzjoni mid-dazju tas-sisa. Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni josservaw, fil-fehma tiegħi korrettament, li r-referenza għar-regoli u l-kundizzjonijiet nazzjonali f’din id-dispożizzjoni ma tbiddilx it-tifsira tal-kunċetti ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” u ta’ “forza maġġuri” fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 (12). Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, is-setgħa ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2008/118 iħalli lill-Istati Membri hija limitata għal kwistjonijiet anċillari. Dawn jinkludu l-formalitajiet li jridu jitwettqu u t-termini li fihom tiġi ddikjarata l-qerda jew it-telf ta’ oġġetti tas-sisa, jew li tintalab awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-qerda ta’ tali oġġetti, jew li tiġi prodotta evidenza li tistabbilixxi li seħħew tali qerda jew telf, jew l-eżistenza ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu] jew forza maġġuri.

33.      Billi tindika li huwa meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118 tikkonferma l-approċċ li sostnew il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni. Din il-premessa tispjega wkoll għaliex l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/118 jiddefinixxi preċiżament meta l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew rilaxxati għall-konsum u, għalhekk, skont l-Artikolu 7(1) tagħha, meta d-dazju tas-sisa jsir dovut fuq dawn il-prodotti. Sa fejn it-tifsira u l-portata tal-kunċetti ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” u “forza maġġuri” huma fatturi rilevanti fid-determinazzjoni tal-impożizzjoni tal-ħlas tad-dazju tas-sisa (13), dawn għandhom neċessarjament karattru awtonomu u għandhom japplikaw b’mod uniformi fl-Unjoni kollha (14).

34.      Minn dan isegwi li, sa fejn l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2008/118 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ apprezzament sabiex jagħtu eżenzjonijiet mill-ħlas tad-dazju tas-sisa, dan il-marġni ma għandu ebda effett fuq id-definizzjonijiet ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” u ta’ “forza maġġuri” jinsabu fl-Artikolu 7(4) tagħha.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx il-kunċetti ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” u ta’ “forza maġġuri” li jinsabu fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118. Fis-sentenza SPMR, li interpretat l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, il-predeċessura tad-Direttiva 2008/118, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-kunċett ta’ “forza maġġuri” fil-kuntest tad-dazji tas-sisa (15). Hija ddeċidiet li l-iskema ġenerali u l-għan tad-Direttiva 92/12 ma kinux jeħtieġu li l-elementi kostitwenti ta’ “forza maġġuri”, kif derivati mill-ġurisprudenza tagħha f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (16), jiġu interpretati u applikati b’mod partikolari (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li d-definizzjoni ta’ “forza maġġuri” li hija kienet adottat f’dawk l-oqsma l-oħra tad-dritt tal-Unjoni kienet tapplika bl-istess mod għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 (18). Skont din id-definizzjoni, li tista’ tiġi deskritta bħala “li tintuża komunement”, il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma jeħtieġx impossibbiltà assoluta iżda għandu jinftiehem bħala li jikkonsisti f’ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-operatur, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (19). Forza maġġuri għalhekk tinkludi żewġ elementi: element oġġettiv li jirrigwarda n-natura taċ-ċirkustanzi, mhux normali u indipendenti mir-rieda tal-operatur ikkonċernat, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, min-naħa ta’ dan l-operatur, li jipprovdi salvagwardji kontra l-konsegwenzi tal-avveniment mhux normali billi jieħu passi xierqa mingħajr ma jagħmel, madankollu, sagrifiċċji irraġonevoli (20).

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsegwentement iddeċidiet li magazzinier awtorizzat jista’ jitlob il-benefiċċju tal-eżenzjoni li tipprovdi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 “biss jekk huwa juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li huma indipendenti mir-rieda tiegħu, li mhumiex normali u li huma imprevedibbli, u fejn il-konsegwenzi ma setgħux ikunu evitati minkejja d-diligenza kollha użata”. L-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex sabiex twassal għall-impożizzjoni ta’ responsabbiltà assoluta fuq il-magazzinier awtorizzat għal telf ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. Ir-rekwiżit li ċ-ċirkustanzi jkunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat ma huwiex limitat għal dawk iċ-ċirkustanzi li huma indipendenti mir-rieda tiegħu f’sens materjali jew fiżiku, iżda huma dawk “li jidhru oġġettivament bħala li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-magazzinier awtorizzat jew li ma jaqgħux taħt l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu” (21).

37.      Fil-fehma tiegħi, il-passi meħuda fir-raġunament li applikat il-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn il-konstatazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118.

38.      L-ewwel, mill-kombinament tal-premessi 2 u 8 u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 huwa ċar li din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. Għal dan il-għan, fiha arranġamenti ġenerali li taħthom il-kunċett, u l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tal-ħlas, tad-dazju tas-sisa għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha (22).

39.      Sussegwentement, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (23) huma suġġetti għad-dazju tas-sisa fil-mument tal-produzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, jew tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, dan id-dazju jsir dovut biss fil-mument tar-rilaxx tagħhom għall-konsum. B’referenza għall-Artikolu 7(2)(a) tagħha, ir-rilaxx għall-konsum jinkludi t-tluq ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari tagħhom, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju (24).

40.      Finalment, qari a contrario tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jiddeduċi li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għandhom jiġu ttrattati bħala rilaxx għall-konsum, ħlief fis-sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni, li jinkludu każ fortuwitu jew forza maġġuri (25).

41.      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/118, id-dazji tas-sisa huma, bħala regola, dovuti wkoll fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa totalment meqruda jew mitlufa irrimedjabbilment li huma taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. Kif tindika ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u fir-risposta tagħha għal waħda mid-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 f’każijiet ta’ qerda jew telf ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa attribwibbli, inter alia, għal każ fortuwitu jew forza maġġuri, hija deroga minn din ir-regola ġenerali u għalhekk għandha tingħata interpretazzjoni stretta (26).

42.      Għalhekk, nirrakkommanda bis-sħiħ li d-definizzjoni “użata komunement” ta’ “forza maġġuri” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SPMR fil-kuntest tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 – inklużi l-kjarifiki fil-punti 32 u 33 ta’ dik is-sentenza  (27) tapplika bl-istess mod fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118. Din il-fehma tidher li hija kkonfermata mid-dikjarazzjoni fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IMPERIAL TOBACCO BULGARIA li, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/12 għandhom portata essenzjalment identika għal dawk tad-Direttiva 2008/118, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-ewwel direttiva hija applikabbli wkoll għat-tieni waħda (28).

43.      Fir-rigward tas-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli [każ fortuwitu]” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, ir-referenzi li għamlu l-qorti tar-rinviju, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni għas-sentenza Latvijas Dzelzceļš, iċċitata iktar ’il fuq, jidhru li huma partikolarment xierqa. Il-kwistjoni fil-kawża Latvijas Dzelzceļš kienet jekk it-tnixxija ta’ solvent minn tank, dovuta għall-fatt li l-apparat ta’ tbattil fil-parti ta’ isfel tal-vagun b’tank inkwistjoni ma kienx ingħalaq korrettament jew kien bi ħsara, tistax tiġi klassifikata bħala ċirkustanza imprevedibbli jew forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 206(1) tar-Regolament Nru 2913/92 (29). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni doganali, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli” huma t-tnejn li huma kkaratterizzati b’element oġġettiv u b’element suġġettiv deskritti fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet (30). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk attribwixxiet l-istess kontenut liż-żewġ kunċetti u tenniet id-definizzjoni “li tintuża komunement” tagħha ta’ forza maġġuri (31). Ma jidhirx li hemm raġuni għalfejn l-assimilazzjoni, fis-sentenza Latvijas Dzelzceļš, tal-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u “każ fortuwitu” għall-finijiet tal-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali ma għandhiex tapplika bl-istess mod għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 (32).

44.      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, l-ewwel ninnota li l-kontenut taż-żewġ dispożizzjonijiet huwa simili.

45.      It-tieni, fis-sentenza Latvijas Dzelzceļš, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali huwa deroga mir-regola fl-Artikolu 204(1)(a) tiegħu, li tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom jinħoloq id-dejn doganali fuq l-importazzjoni u li, konsegwentement, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u “ċirkustanzi imprevedibbli” għall-finijiet tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (33). Iż-żewġ kunċetti jistgħu jaffettwaw l-impożizzjoni tal-ħlas tad-dazju tas-sisa fil-kuntest tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa li jipprovdi l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118. Bħala deroga minn regola ġenerali, dawn għandhom, għalhekk, jiġu interpretati wkoll b’mod strett (34).

46.      Kif jindika l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Dansk Transport og Logistik (35), enfasizzat l-eżistenza ta’ “similaritajiet bejn id-dazji doganali u s-sisa sa fejn dawn jitnisslu mill-importazzjoni ta’ merkanzija [fl-Unjoni] u mill-importazzjoni sussegwenti tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri”. Fid-dawl ta’ dawn is-similaritajiet, u sabiex tingħata interpretazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dazju tas-sisa għandu jitqies li ġie estint bl-istess mod bħad-dazju doganali.

47.      Finalment, huwa evidenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni li hija ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u “forza maġġuri”, iżda fil-fatt tittrattahom bħala l-istess (36). Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża SPMR (37), il-Qorti tal-Ġustizzja spiss teżamina dawn il-kunċetti flimkien, b’referenza għall-istess kriterji u mingħajr spjegazzjoni ulterjuri dwar id-differenzi bejniethom. Pereżempju, fis-sentenza RF vs il-Kummissjoni (38) li kienet tirrigwarda r-regoli dwar it-termini proċedurali fl-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-kunċetti ta’ ‘każ fortuwitu’ u ta’ ‘forza maġġuri’ jinkludu l-istess elementi u għandhom l-istess konsegwenzi ġuridiċi”. Bl-istess mod, jista’ jiġi osservat li, fil-ftit każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett ta’ “każ fortuwitu” separatament, hija użat preċiżament l-istess kliem bħal dak li użat sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “forza maġġuri” (39).

48.      Fir-rigward tar-referenza fl-ewwel domanda, in fine, għall-fatt li ċ-ċirkustanzi għandhom ikunu “b’tali mod li kwalunkwe possibbiltà ta’ kontroll [tal-magazzinier] hija oġġettivament eskluża”, din tikkonċerna l-element oġġettiv tal-kunċett ta’ “każ fortuwitu” u għandha tinqara fid-dawl tal-punti 32 u 33 tas-sentenza SPMR, kif jispjega l-punt 36 tal-konklużjonijiet preżenti. Għal darba oħra, ma nara ebda raġuni għalfejn il-konstatazzjonijiet f’dawn il-punti, żviluppati fir-rigward tal-kunċett ta’ “forza maġġuri”, ma għandhomx japplikaw għall-kunċett ta’ “każ fortuwitu”.

49.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, naqbel mal-Gvern Taljan u mal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “każ fortuwitu” fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi interpretat, bħal dak ta’ “forza maġġuri” f’din id-dispożizzjoni, fis-sens li jirreferi għal ċirkustanzi mhux normali u imprevedibbli, indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, li l-konsegwenzi tagħhom, minkejja d-diliġenza kollha użata minnu, ma setgħux jiġu evitati (40). Ir-rekwiżit li ċ-ċirkustanzi jridu jkunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat ma huwiex limitat għal dawk barra mill-kontroll tiegħu f’sens materjali jew fiżiku, iżda jinkludi dawk li jidhru oġġettivament bħala li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu jew li ma jaqgħux taħt l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu.

 Ittieni domanda

50.      It-tieni domanda tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rikonoxximent ta’ każ fortuwitu [ċirkustanzi imprevedibbli] fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jirrikjedix li l-magazzinier awtorizzat ikun eżerċita d-diliġenza kollha sabiex jevita li jseħħ il-fatt dannuż.

51.      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jinterpretaw din id-domanda bħala li tindirizza l-element suġġettiv tal-kunċett ta’ “każ fortuwitu”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk id-diliġenza dovuta tistax tkun rilevanti fir-rigward tal-obbligu, min-naħa tal-magazzinier awtorizzat, li jipprovdi salvagwardji kontra l-konsegwenzi tal-fatt mhux normali billi jieħu passi xierqa mingħajr ma jagħmel sagrifiċċji irraġonevoli.

52.      Minn din il-perspettiva, jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SPMR (41) jistgħu jiġu applikati b’analoġija sabiex jiġi ddeterminat jekk l-element suġġettiv kienx issodisfatt fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti. Mill-punt 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm il-konformità mar-rekwiżiti tekniċi dwar l-operazzjoni li għandha titwettaq tista’ tkun kundizzjoni neċessarja għall-fondatezza ta’ konstatazzjoni ta’ diliġenza, diliġenza suffiċjenti teħtieġ, barra minn hekk, azzjoni kontinwa mmirata lejn l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji potenzjali u l-kapaċità li jittieħdu passi xierqa u effettivi sabiex dawn jiġu evitati.

53.      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, il-magazzinier awtorizzat mhux biss osservax ir-rekwiżiti tekniċi relatati mal-operazzjoni ta’ tagħbija ta’ alkoħol etiliku fit-tank, iżda kienx identifika u evalwa r-riskji potenzjali ta’ tnixxija fid-dawl tat-tagħmir mekkaniku użat sabiex jitgħabba t-tank u kienx ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevita dawn ir-riskji. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju stess, hija setgħet tivverifika jekk il-magazzinier awtorizzat kienx installa apparat ta’ sigurtà sabiex jimblokka l-ftuħ tal-valvoli meta jitgħabba t-tank. Naqbel mal-Gvern Taljan li miżura preventiva bħal din ma kinitx tinvolvi sagrifiċċju irraġonevoli.

54.      Madankollu, mill-kliem tat-tieni domanda preliminari u mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-livell ta’ diliġenza li għandu jeżerċita l-magazzinier awtorizzat, mhux tant sabiex jipprovdi salvagwardji kontra l-konsegwenzi tal-avveniment mhux normali, iżda pjuttost sabiex jevita li dan iseħħ qabelxejn.

55.      Mifhuma b’dan il-mod, it-tieni domanda tinvolvi kemm l-element suġġettiv kif ukoll dak oġġettiv li flimkien jikkostitwixxu każijiet fortuwiti.

56.      F’dan ir-rigward, jista’ jsir parallel mal-fatti li taw lok għas-sentenza Latvijas Dzelzceļš, iċċitata iktar ’il fuq, li indirizzat, inter alia, id-domanda dwar jekk tnixxija ta’ solvent minn tank kellhiex titqies bħala każ fortuwitu jew forza maġġuri. Fuq il-bażi tal-ipoteżi li t-tnixxija kienet ġiet ikkawżata mill-għeluq żbaljat ta’ apparat tal-ħatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinitx ċirkustanza mhux normali indipendenti mir-rieda ta’ negozjant involut fit-trasport ta’ likwidi, iżda pjuttost konsegwenza ta’ nuqqas ta’ diliġenza normali fil-kuntest tan-negozju ta’ dan in-negozjant. Konsegwentement, hija ddeċidiet li la l-element oġġettiv u lanqas dak suġġettiv tal-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u “każ fortuwitu” ma kienu ġew issodisfatti (42).

57.      Fil-kawża preżenti, inqis li, jekk it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jkun attribwibbli għall-aġir negliġenti tal-impjegat tal-magazzinier awtorizzat fil-qadi ta’ dmirijietu, li hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, l-element oġġettiv tal-każ fortuwitu jkun nieqes. Aġir ta’ dik in-natura ma jikkostitwixxix ċirkustanza mhux normali indipendenti mir-rieda ta’ dak l-operatur u jaqa’ b’mod ċar fl-isfera ta’ kontroll jew ta’ responsabbiltà tiegħu.

58.      F’dak li jirrigwarda l-element suġġettiv, li jinvolvi evalwazzjoni tal-aġir tal-persuna kkonċernata, jiena tal-fehma li l-fatt li ma jkunx hemm nuqqas, kemm jekk ikun kkunsidrat bħala “mhux serju” kif ukoll bħala negliġenti, huwa kundizzjoni essenzjali għall-eżistenza ta’ każ fortuwitu. Tali każ fortuwitu ma jkunux preżenti meta parti ma twettaqx id-diliġenza li normalment tintalab minn persuni li jmexxu negozju.

59.      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat li jfisser li r-rikonoxximent ta’ każ fortuwitu jeħtieġ li l-magazzinier awtorizzat ikun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa sabiex jevita li jseħħ il-fatt dannuż.

 Ittielet domanda

60.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju, kemm jekk ikun attribwibbli lill-persuna li tħallas id-dazju kif ukoll lil partijiet terzi, għandhomx jiġu assimilati ma’ każ fortuwitu u forza maġġuri.

61.      Mill-analiżi tiegħi tal-ewwel u tat-tieni domanda jirriżulta li aġir negliġenti jew nuqqas li jista’ jiġi kklassifikat bħala “mhux serju” attribwibbli lill-operatur ikkonċernat, jew lil wieħed mill-impjegati tiegħu, ma jikkostitwixxix każ fortuwitu jew forza maġġuri għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118. Nuqqas mhux serju mwettaq minn parti terza, u mhux mill-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju jew minn wieħed mill-impjegati tagħha, jista’ jammonta għal każ fortuwitu jew forza maġġuri għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni biss sa fejn l-element oġġettiv u dak suġġettiv li jikkaratterizzaw dawn iż-żewġ kunċetti kienu preżenti.

62.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 fih lista eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li fihom il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum u, konsegwentement, ma jagħtux lok għal impożizzjoni ta’ ħlas ta’ dazju tas-sisa; din id-dispożizzjoni ma tirreferix għal nuqqas mhux serju. Kif tiddikjara l-Kummissjoni fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju tas-sisa għat-tliet ċirkustanzi deskritti fiha hija spjegata mill-fatt li d-Direttiva 2008/118 għandha l-għan, inter alia, li tipprevjeni l-frodi u l-abbuż. Il-leġiżlatura tal-Unjoni qieset li ċ-ċirkustanzi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni kienu bbażati fuq preżunzjoni li teskludi kwalunkwe riskju ta’ frodi jew abbuż. Din il-preżunzjoni ma tistax tapplika fil-każ ta’ nuqqas mhux serju, kemm jekk huwa attribwit lill-persuna li għandha tħallas id-dazju kif ukoll lil parti terza.

63.      Peress li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jidderoga mir-regola ġenerali li d-dazji tas-sisa huma wkoll dovuti fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li jkunu ġew meqruda jew mitlufa irrimedjabbilment (43), għandu jiġi interpretat b’mod strett. Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux iżidu raġunijiet ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa li ma jinsabux f’din id-dispożizzjoni. Kif jidher li jirrikonoxxi l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu dan jippreġudika l-għan tal-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118, li jipprovdi li huwa meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li l-kunċett, u l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tal-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha.

64.      Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju għandhom jiġu assimilati ma’ każ fortuwitu u forza maġġuri.

 Irraba’ domanda

65.      Ir-raba’ domanda tistaqsi dwar jekk l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru” fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandhiex tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri jżidu ċirkustanza ġenerali bbażata fuq nuqqas mhux serju ma’ dawk stabbiliti f’din id-dispożizzjoni meta l-qerda totali tal-prodotti jew ir-rilaxx tal-prodotti totali ma tikkostitwixxix rilaxx għall-konsum.

66.      Jiena tal-istess fehma bħall-Gvern Taljan u l-Kummissjoni li l-espressjoni inkwistjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-qerda ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa fuq bażi ta’ każ b’każ, meta kundizzjonijiet jew rekwiżiti speċifiċi jiġġustifikaw eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju tas-sisa. B’mod partikolari, il-kelma “awtorizzazzjoni”, meta tinqara fil-kuntest, tirreferi għad-dritt ta’ dawk l-awtoritajiet li jadottaw awtorizzazzjonijiet f’każijiet individwali. Din ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw, fir-rigward ta’ ċirkustanzi addizzjonali ma’ dawk li jipprevedi l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118.

67.      Il-fatt li l-espressjoni inkwistjoni tibda bil-kliem “b’konsegwenza ta’” jagħmilha ċara wkoll li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, awtorizzazzjoni għandha tippreċedi l-fatt li tippermetti. Min-natura tagħhom stess, każijiet fortuwiti, bħat-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem.

68.      Kif spjegat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kieku l-Istati Membri jitħallew jiffaċilitaw, permezz ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, ċirkustanzi ġenerali oħra fejn il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma kinux meqjusa li jikkostitwixxu rilaxx għall-konsum, ikunu jistgħu jiddeterminaw b’mod indipendenti l-kundizzjonijiet ta’ impożizzjoni tad-dazju tas-sisa, u b’hekk jiġi mminat l-għan tal-armonizzazzjoni li jinsab fil-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118. Din il-faċilità tmur ukoll kontra l-prinċipju li dispożizzjoni ta’ deroga, bħall-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandha tiġi interpretata b’mod strett.

69.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, ma tippermettix lill-Istati Membri jżidu ċirkustanza ġenerali bbażata fuq nuqqas mhux serju maċ-ċirkustanzi fejn il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqiesux bħala rilaxx għall-konsum.

 Osservazzjoni finali

70.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Girelli tenfasizza li, fil-każ preżenti, huwa inkontestabbli li l-alkoħol etiliku li xxerred mal-art tal-impjant ta’ denaturazzjoni tiegħu bħala riżultat ta’ nuqqas imwettaq minn wieħed mill-impjegati tagħha intilef irrimedjabbilment u ma setax jiġi rrilaxxat iktar għall-konsum. Peress li kien preżenti uffiċjal tal-Aġenzija tad-Dwana fil-mument li fih seħħ il-fatt u rreġistra l-inċident f’rapport, ma kien hemm l-ebda riskju ta’ frodi jew abbuż.

71.      Jista’ jkun hemm tentazzjoni li wieħed jistaqsi jekk il-fatt li d-Direttiva 2008/118 ma tipprevedi ebda deroga mill-impożizzjoni tal-ħlas tad-dazju tas-sisa f’sitwazzjoni bħal din, kif jirriżulta mir-risposti proposti tiegħi għall-erba’ domandi preliminari, huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

72.      Fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni ma titqajjimx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

73.      It-talba għal deċiżjoni preliminari titlob il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni, u mhux il-validità, tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118. Fil-kuntest tat-tqassim tal-kompiti bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, huma dawk tal-ewwel li jiddeterminaw ir-rilevanza tad-domandi preliminari li jagħmlu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tidentifika, mill-informazzjoni kollha li tipprovdi qorti nazzjonali, dawk l-aspetti tad-dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima, jistgħu jeħtieġu interpretazzjoni jew li l-validità tagħhom tista’ teħtieġ evalwazzjoni (44). Kwalunkwe dubji li tista’ tesprimi qorti tar-rinviju dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni, jew il-fatt li tali domanda tkun ġiet indikata fil-kawża prinċipali, huma elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk huwiex xieraq li tqajjem, ex officio, il-kwistjoni tal-validità ta’ att li fir-rigward tiegħu l-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni (45).

74.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-partijiet prinċipali jippruvaw jikkontestaw il-validità tad-Direttiva 2008/118. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tesprimi opinjonijiet dwar din il-kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nistqarr li ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din il-kwistjoni.

75.      Fi kwalunkwe każ, naqbel mal-Kummissjoni li l-fatt li d-Direttiva 2008/118 ma tipprevedi ebda deroga mill-impożizzjoni tal-ħlas tad-dazju tas-sisa f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

76.      Jiena tal-fehma li t-trattament tat-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju bħala riżultat ta’ aġir negliġenti ta’ magazzinier awtorizzat jew ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu bħala rilaxx għall-konsum fil-każijiet kollha huwa ġġustifikat mill-għan leġittimu li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni l-kundizzjonijiet kollha għall-impożizzjoni tal-ħlas tad-dazju tas-sisa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Jiena nqis ukoll li tali trattament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Kif issottomettiet il-Kummissjoni kemm fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll waqt is-seduta, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ ħlas tad-dazju tas-sisa f’tali ċirkustanzi jista’ jikkomprometti s-sistema kollha tat-tassazzjoni u l-ġbir tad-dazji tas-sisa billi jawtorizza l-evażjoni tal-ħlas tad-dazji tas-sisa.

77.      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jistabbilixxi wkoll linja ċara bejn telf irrimedjabbli li jwassal għall-impożizzjoni tal-ħlas tad-dazju tas-sisa u dak li, eċċezzjonalment, jagħti lok għal eżenzjoni. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi u tillimita r-riskji li l-operaturi responsabbli għall-operat ta’ arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju jassumu volontarjament. Fil-każ preżenti, jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni hija ċara biżżejjed sabiex tippermetti lill-magazzinieri awtorizzati jaċċertaw in-natura u l-portata tar-riskji – inkluż kwalunkwe telf ikkawżat minn aġir negliġenti – li jieħdu taħt ir-reġim speċjali li jgawdu l-benefiċċju tiegħu u li għalhekk jistgħu jagħżlu li jassiguraw kontrih (46).

78.      Finalment, fir-risposta tagħha għal waħda mid-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, il-Kummissjoni ressqet il-possibbiltà li, f’sitwazzjoni speċifika ħafna bħal dik li jiddeskrivi l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, wara li jkun seħħ telf irrimedjabbli, jadottaw deċiżjoni amministrattiva sabiex jagħtu eżenzjoni mid-dazju tas-sisa. Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda bażi legali għall-għoti ta’ tali eżenzjoni. Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma setgħet tidentifika ebda bażi legali għal dan l-approċċ (47). Tali possibbiltà, fi kwalunkwe każ, tkun manifestament kuntrarja għall-għan ta’ armonizzazzjoni li ssegwi d-Direttiva 2008/118 u r-rekwiżit konsegwenti li tingħata interpretazzjoni restrittiva lill-Artikolu 7(4) tagħha.

 Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, f’din id-dispożizzjoni jirreferi, bħall-każ ta’ “forza maġġuri”, għal ċirkustanzi mhux normali u imprevedibbli indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, li l-konsegwenzi tagħhom, minkejja d-diliġenza kollha użata minnu, ma setgħux jiġu evitati. Ir-rekwiżit li ċ-ċirkustanzi jridu jkunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat ma huwiex limitat għal dawk iċ-ċirkustanzi li huma barra mill-kontroll tiegħu f’sens materjali jew fiżiku, iżda jinkludi dawk li huma oġġettivament ma jaqgħux taħt il-kontroll jew l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu.

(2)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent ta’ każ fortuwitu jeħtieġ li magazzinier awtorizzat ikun eżerċita d-diliġenza kollha xierqa sabiex tiġi evitata l-okkorrenza tal-fatt dannuż.

(3)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju għandhom jiġu assimilati ma’ każ fortuwitu u forza maġġuri.

(4)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru” f’din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-Istati Membri jżidu ċirkustanza ġenerali bbażata fuq nuqqas mhux serju maċ-ċirkustanzi fejn il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqiesux bħala rilaxx għall-konsum.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12). B’effett mit‑13 ta’ Frar 2023, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020 L 58, p. 4), irriformulat u ħassret id-Direttiva 2008/118.


3      Suppliment Ordinarju għal GURI Nru 279 tad‑29 ta’ Novembru 1995 (“Digriet Nru 504/1995”).


4      GURI Nru 75 tal‑31 ta’ Marzu 2010.


5      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007 (C‑314/06, “is-sentenza SPMR”, EU:C:2007:817).


6      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017 (C‑154/16, “is-sentenza Latvijas Dzelzceļš”, EU:C:2017:392).


7      Il-qorti tar-rinviju tikkwota l-punt 40 tas-sentenza SPMR. L-ewwel domanda preliminari, in fine, għandha tinftiehem fid-dawl ta’ din il-kwotazzjoni.


8      Girelli tirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 u għall-Artikolu 4(5) tad-Digriet Nru 504/1995.


9      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      It-test ta’ din id-domanda huwa bbażat, essenzjalment, fuq it-termini li użat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 23 u 33 tas-sentenza SPMR sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “forza maġġuri” fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 264). Ara wkoll il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      L-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fil-prinċipju, ma jiddefinixxix kunċetti b’referenza għal sistema legali nazzjonali waħda jew iktar ħlief fejn jipprovdi dispożizzjoni espliċita għal dan il-għan. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SPMR (punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ibid.


13      Ara l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SPMR (punt 22).


15      Id-Direttiva 2008/118 ħassret u ssostitwiet id-Direttiva 92/12 b’effett mill‑1 ta’ April 2010. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, “[i]l-magazziniera awtorizzati għandhom ikunu eżentati mid-dazju dwar it-telf li jseħħ taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni li huma attribwibbli għal ġrajjiet aċċidentali jew ta’ force majeure u stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat”.


16      Bħar-regolamenti agrikoli jew ir-regoli dwar it-termini għat-tressiq ta’ azzjoni stabbiliti mill-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.


17      Skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-forza maġġuri ma għandhiex l-istess portata fid-diversi sferi ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tagħha għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-kuntest ġuridiku li topera fih (ara s-sentenza SPMR, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif tosserva l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Société Pipeline Méditerranée et Rhône (C‑314/06, EU:C:2007:457, punt 31) u fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:187, punt 21), id-definizzjoni ta’ forza maġġuri hija ta’ applikazzjoni ġenerali.


18      Sentenza SPMR (punti 25 sa 31).


19      Sentenza SPMR (punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenza SPMR (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza SPMR (punti 31 sa 33).


22      Qabbel mal-konstatazzjonijiet fil-punt 27 tas-sentenza SPMR.


23      Skont l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2008/118, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jinkludu l-alkoħol.


24      Qabbel mal-konstatazzjonijiet fil-punt 28 tas-sentenza SPMR.


25      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-prodotti jitqiesu li jkunu kompletament meqruda jew mitlufa irrimedjabbilment, u t-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet li taħthom tali qerda jew telf għandhom jiġu pprovati.


26      Qabbel mal-konstatazzjoni fil-punt 30 tas-sentenza SPMR, iċċitata iktar ’il fuq. Ara wkoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118, li tirreferi għal “xi ċirkostanzi”.


27      Ara l-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA (C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 37).


29      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005 L 117, p. 13) (“il-Kodiċi Doganali”). L-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi, inter alia, li permezz ta’ deroga mill-Artikolu 204(1)(a) tiegħu, ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni ma għandu jitqies li huwa dovut fir-rigward ta’ merkanziji speċifiċi, fejn il-persuna kkonċernata tipprova li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-użu tal-proċedura doganali li tqiegħdu l-merkanziji taħtha li jirrizulta mid-distruzzjoni totali jew telf għal kollox tal-imsemmija merkanziji bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanziji jew ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew forza maġġuri.


30      Sentenza Latvijas Dzelzceļš (punt 61). Ara wkoll, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni doganali, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 192).


31      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha fil-punt 61 tas-sentenza Latvijas Dzelzceļš, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, inter alia, għas-sentenza SPMR. Kif jispjega l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat ukoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, id-definizzjoni “li tintuża komunement” ta’ dan il-kunċett f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni.


33      Sentenza Latvijas Dzelzceļš (punti 58 u 62).


34      Ara l-punti 39 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik (C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 84).


36      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2015:620), l-Avukat Ġenerali Bot wasal sal-punt li sostna li, “[f]il-verità, il-kunċett ta’ każ fortuwitu jingħaqad ma’ dak ta’ forza maġġuri” (punt 135). Fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza RF vs Il-Kummissjoni (C‑660/17 P, EU:C:2019:67), l-Avukat Ġenerali Wahl kellu approċċ iktar differenzjat meta osserva li “[g]ħalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma għamlet […] distinzjoni ċara bejn iż-żewġ kunċetti, jidher li huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li l-portata tagħhom ma hijiex eżatt l-istess” (punt 33). Fil-fehma tiegħu, forza maġġuri tirreferi għal “sett iktar limitat ta’ avvenimenti estremi”, milli “forza esterna li tfixkel lill-parti milli tissodisfa obbligu u tħalli lill-istess parti mingħajr ebda alternattiva oħra ta’ azzjoni” (punt 35), filwaqt li l-kunċett ta’ każ fortuwitu huwa “kemxejn iktar flessibbli” u “jista’ jinkludi sett usa’ ta’ ċirkustanzi mhux koperti mill-forza maġġuri” (punt 36). Madankollu, huwa jikkunsidra li “[s]a ċertu punt, id-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, meta mqabbla ma’ xulxin, hija kwistjoni ta’ ġudizzju personali”, li “jistgħu anki parzjalment jissovrapożizzjonaw lil xulxin”, u li “minkejja l-mod ta’ kif wieħed jaqta’ linja bejn dawn iż-żewġ kunċetti, huwa ċar li dawn huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin u jindikaw sett ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali” (punt 37). L-Avukat Ġenerali Wahl jikkonkludi li “l-eżistenza ta’ ‘każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri’ għandha għalhekk tiġi evalwata fl-intier tagħha, bħal raggruppament kunċettwali” (punt 41).


37      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza SPMR (C‑314/06, EU:C:2007:457, punt 27). Ara wkoll, f’termini simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fis-sentenza RF vs Il-Kummissjoni (C‑660/17 P, EU:C:2019:67, punt 30).


38      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, RF vs Il-Kummissjoni (C‑660/17 P, EU:C:2019:509, punt 37). Ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni (C‑138/14 P, EU:C:2014:2256, punt 19).


39      Ara, pereżempju, id-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2012, Noscira vs UASI (C‑69/12 P, EU:C:2012:589, punt 39).


40      Jista’ jiġi osservat li, kuntrarjament għat-test tal-ewwel domanda preliminari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma l-“konsegwenzi”, u mhux iċ-“ċirkustanzi”, li ma setgħux jiġu evitati.


41      F’dik il-kawża, kien ħareġ fjuwil minn pipeline taż-żejt li dan il-prodott kien qiegħed jiġi ttrasportat fih taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. L-operatur attribwixxa t-tnixxija u t-tifqigħ tal-pipeline għal qsim ikkawżat minn korrożjoni. Huwa applika għal eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fir-rigward tal-fjuwil mitluf. L-amministrazzjoni ċaħdet din l-applikazzjoni peress li kkunsidrat li l-operatur ma kienx issodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jinvoka forza maġġuri.


42      Sentenza Latvijas Dzelzceļš (punt 63).


43      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo (C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ibid., punt 28.


46      Fil-punt 52 tas-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa (C‑95/19, EU:C:2021:128), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kif ġej: “Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta rwol ċentrali lill-magazzinier awtorizzat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċaqliq tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni, li jirriżulta f’sistema ta’ responsabbiltà għar-riskji kollha inerenti għal dan iċ-ċaqliq. Dan il-magazzinier huwa, konsegwentement, indikat bħala li huwa responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa meta, matul iċ-ċaqliq ta’ dawn il-prodotti, tkun twettqet irregolarità jew ksur li jwasslu għall-eżiġibbiltà tagħhom. Din ir-responsabbiltà hija, barra min hekk, oġġettiva u hija bbażata mhux fuq it-tort ippruvat jew preżunt tal-magazzinier, iżda fuq il-parteċipazzjoni tiegħu f’attività ekonomika.”


47      B’mod partikolari ma setgħetx tikkostitwixxi “awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, peress li, kif jispjega l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata ex ante sabiex tippermetti li jseħħ avveniment futur.